[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.11.2009 KUMM(2009)632 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Żagreb, it-18 ta' Diċembru 2009) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija se jiltaqa' f'Żagreb (il-Kroazja) fit-18 ta' Diċembru 2009. Sabiex il-Komunità Ewropea tieħu sehem fid-deċiżjonijiet rilevanti, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 300 tat-Trattat u skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija. Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri l-punti kollha tal-aġenda li dwarhom hija mistennija deċiżjoni mill-Kunsill Ministerjali kif indikat hawn taħt. Il-punti l-oħra tal-aġenda huma msemmija wkoll hawn taħt għall-informazzjoni. ELEMENTI GħAL DEċIżJONI Il-Kummissjoni għandha tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Komunità Ewropea kif definiti fl-anness għad-deċiżjoni proposta għall-elementi għal deċiżjoni li ġejjin. Kwistjonijiet amministrattivi Il-Kummissjoni għandha tapprova l-proposta bl-għan li tnaqqas l-għadd ta' laqgħat ministerjali obbligatorji għal waħda (minflok tnejn), fid-dawl li, meta jkun meħtieġ miċ-ċirkostanzi, ikunu jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji. Il-Kummissjoni għandha tapprova emendi għall-Att ta' Proċedura li jistabbilixxi r-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat bl-għan li tiddefinixxi limitu raġonevoli ta' ġranet frank li l-jeddijiet tagħhom jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena ta' wara. Adeżjoni ta' Partijiet Kontraenti ġodda In-negozjati ntemmu b'suċċess mar-Repubblika tal-Moldova fid-29 ta' April 2009 u mal-Ukraina fis-7 ta' Ottubru 2009. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-adeżjoni ta' dawn iż-żewġ pajjiżi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni proposta. Effiċjenza fl-użu tal-enerġija F'Ġunju 2009, il-Kunsill Ministerjali approva r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija u talab lis-Segretarjat biex jipprepara deċiżjoni għall-implimentazzjoni ta' tliet partijiet ta' leġiżlazzjoni, li huma: - Id-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija; - Id-Direttiva 2002/91/KE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini; - Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar, kif ukoll għadd ta' direttivi implimentattivi. Id-data proposta għall-implimentazzjoni hi l-31 ta’ Diċembru 2011. It-Task Force irrevediet u approvat l-abbozz ta' deċiżjoni u fl-24 ta' Settembru 2009, il-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli qabel li jissottometti l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Kunsill Ministerjali għal Deċiżjoni. B'hekk, il-Kummissjoni tapprova d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali bl-għan li d-Direttivi msemmijin hawn fuq jiġu implimentati fil-Komunità tal-Enerġija. ELEMENTI OħRA Punti li ma jeħtiġux dibattitu Il-Kummissjoni għandha tapprova l-konklużjonijiet taż-żewġ laqgħat preċedenti tal-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli u għandha tqis ir-rapporti li ġejjin: - Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Komunità tal-Enerġija; - Ir-rapport annwali tal-2009 lill-Parlamenti skont l-Artikolu 52 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija; - Ir-rapport preliminari dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għall-2009; Għejun ta' enerġija rinnovabbli Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapport tal-President tat-Task Force dwar l-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija u tkompli tappoġġa l-ħidma bl-għan li tipprepara deċiżjoni, li għandha tittieħed fl-2010, għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/28/KE[1] fil-Komunità tal-Enerġija. Sigurtà tal-provvista Il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi skambju ta' ideat rigward is-sitwazzjoni mistennija fir-rigward tal-provvista tal-enerġija fix-xhur tax-xitwa tal-2009 u l-2010. Għandha tqis fiex tkun waslet l-implimentazzjoni tat-Trattat mil-lat tas-sigurtà tal-provvista u tippreżenta l-Proposti tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista ta' gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE. Investiment Il-Kummissjoni għandha tapprova l-verżjoni aġġornata tal-lista indikattiva ta' proġetti infrastrutturali ta' prijorità fil-Partijiet Kontraenti u tipprova żżid l-involviment tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex jappoġġaw dawn il-proġetti. Soluzzjoni għan-nuqqas ta' qbil Il-Kummissjoni għandha tqis il-progress li sar fil-każijiet li għadhom ma ġewx solvuti u għandha tkompli tappoġġa l-isforzi tas-Segretarjat biex jinstabu s-soluzzjonijiet permezz ta' negozjati. Uffiċċju tal-Irkant Koordinat Il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi skambju ta' ideat rigward il-progress li sar u l-perspettivi għat-twaqqif ta' Uffiċju tal-Irkant Koordinat. Attivitajiet tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija u tal-prijoritajiet għall-2010 u 2011. It-Tielet pakkett tas-Suq Intern Il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi skambju preliminari ta' ideat rigward l-implimentazzjoni tat-Tielet pakkett tas-Suq Intern fil-Komunità tal-Enerġija. Memorandum ta' Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali Minbarra l-punti tal-aġenda proposti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Partijiet Kontraenti dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali, u tirreferi b'mod partikolari għall-konklużjonijiet tat-tieni Forum Soċjali li seħħ fit-13 u l-14 ta' Ottubru 2009 f'Żagreb. Il-Kummissjoni għandha wkoll tfakkar li l-Partijiet Kontraenti kandidati huma mistennija li jiffirmaw il-Memorandum ta' Fehim dwar Kwistjonijiet Soċjali u li jipparteċipaw fl-attivitajiet relatati. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Żagreb, it-18 ta' Diċembru 2009) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 300(2), Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (2006/500/KE – id-29 ta' Mejju 2006), u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu uniku Fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Energija li se ssir f'Żagreb fit-18 ta' Diċembru 2009, il-pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Pożizzjoni tal-Komunità Ewropea - Il-Komunità tal-Enerġija tapprova d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali li temenda l-Artikolu 50 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija. - Il-Komunità tal-Enerġija tapprova l-emendi proposti għall-Att ta' Proċedura li jistabbilixxi r-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat. - Il-Komunità Ewropea tapprova d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukraina fil-Komunità tal-Enerġija, suġġett għal dawn l-emendi: - Mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali tiddaħħal premessa finali dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukraina, kif ġej: "Billi, fis-settur tal-gass, it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni fil-Komunità tal-Enerġija jeħtieġ attenzjoni speċifika minħabba l-importanza li dan is-settur għandu għas-sigurtà tal-provvista għall-Partijiet kollha," - Fi tmiem l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukraina fil-Komunità tal-Enerġija, għandu jiżdied it-test li ġej: "Qabel ma jiffirma dan il-Protokoll, il-President għandu, bi ftehim mal-Viċi President li jirrappreżenta lill-Komunità Ewropea, jivverifika li tiġi adottata u implimentata liġi dwar is-settur tal-gass li tkun konformi mad-Direttiva 2003/55/KE." - Il-Komunità Ewropea tapprova d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali fir-rigward tal-implimentazzjoni, fil-Komunità tal-Enerġija, tad-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija, tad-Direttiva 2002/91/KE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u tad-Direttiva 92/75/KEE dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar, kif ukoll għadd ta' direttivi implimentattivi. [1] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.