52009PC0572

Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità Ewropea dwar l-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta' San Marino /* KUMM/2009/0572 finali - CNB 2009/0159 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.10.2009

KUMM(2009) 572 finali

2009/0159 (CNB)

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità Ewropea dwar l-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta' San Marino

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehimiet Monetarji ġew konklużi bejn il-Komunità Ewropea u Monaco, San Marino u l-Vatikan sabiex jagħtu kontinwità legali lill-arranġamenti li eżistew bejn dawn il-pajjiżi fuq naħa waħda u l-Italja u Franza fuq l-oħra qabel l-introduzzjoni tal-euro.

Għaxar snin wara li l-euro ħa post il-valuti nazzjonali tal-Italja u Franza użati minn Monaco, San Marino u l-Vatikan, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-funzjonament tal-Ftehimiet Monetarji[1]. Ir-riżultati tal-valutazzjoni ġew adottati fil-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Ftehim Monetarju ma' Monaco, San Marino u l-Vatikan"[2]. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ftehimiet Monetarji fil-forma preżenti tagħhom jeħtieġu li jiġu emendati bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ aktar konsistenti fir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet. L-abbozz preżenti tar-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill jiddefinixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fl-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim mar-Repubblika ta' San Marino.

Il-Kummissjoni tipproponi li tinnegozja mill-ġdid u temenda d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

- It-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-KE

L-obbligi ta' Monaco, San Marino u tal-Vatikan li jirriżultaw mill-Ftehimiet Monetarji rispettivi tagħhom mal-Komunità huma ħafna inugwali.

Il-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monaco jinkludi l-akbar numru ta' obbligi. Kuntrarjament għal dak il-Ftehim ma' Monaco, il-Ftehimiet ma' San Marino u mal-Vatikan ma jinvolvu l-ebda obbligu speċifiku biex jittrasponu leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-flus kontanti euro mill-iffalsifikar u l-modi ta' kooperazzjoni mal-Komunità f'dan il-qasam. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali u tkun żgurata protezzjoni xierqa ta' karti tal-flus u muniti euro kontra l-falsifikazzjoni San Marino, flimkien mal-Vatikan, għandhom japplikaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità.

L-istituzzjonijiet finanzjarji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehim Monetarju jista' jkollhom aċċess għal ftehim bejn il-banek u l-pagamenti u s-sistema ta' soluzzjoni tat-titoli fl-Unjoni Ewropea. Il-Prinċipalità ta' Monaco qiegħed effettivament juża din il-possibbiltà u għal dan il-għan jrid japplika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti finanzjarja u bankarja. Minħabba d-daqs tas-settur bankarju f'San Marino u l-interazzjoni mill-qrib tiegħu mal-banek attivi fiż-żona euro (jiġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji ta' San Marino għandhom aċċess għas-sistemi ta' pagament permezz tal-banek fl-Italja), ir-Repubblika ta' San Marino għandha wkoll tallinja l-leġiżlazzjoni tas-settur bankarju u finanzjarju tagħha ma' dik applikabbli fil-Komunità . Minħabba l-volum tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-kapaċitajiet amministrattivi limitati ta' San Marino, għandu jingħata perjodu tranżitorju ta' 5 snin lil San Marino.

- Mekkaniżmi ta' segwitu

B'kuntrast mal-proċedura prevista għall-Ftehim ma' Monaco, ma kienet saret l-ebda dispożizzjoni għal proċedura ta' segwitu fil-Ftehimiet iffirmati ma' San Marino u l-Vatikan. Fin-nuqqas ta' segwitu regolari formali, San Marino u l-Vatikan ma jirrapurtawx regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet u mhumiex infurmati tajjeb dwar l-iżviluppi leġiżlattivi fl-oqsma koperti mill-Ftehimiet. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi l-ħolqien ta' żewġ kumitati konġunti ġodda - simili għal dak eżistenti mal-Prinċipalità ta' Monaco - mar-Repubblika ta' San Marino u mal-Istat tal-Vatikan.

Il- Kumitat Konġunt mar-Repubblika ta' San Marino għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' San Marino, tal-Italja, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kumitat ikun responsabbli li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jiddiskuti l-emendi possibbli għal-lista tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li għandhom jiġu applikati minn San Marino. Huwa jkollu wkoll is-setgħa li jieħu deċiżjoni fir-rigward ta' numru limitat ta' kwistjonijiet mgħoddija lilu mill-Ftehim Monetarju (eż. li japprova l-bidla taz-Zekka li tipproduċi l-muniti euro ta' San Marino).

- Limitu għall-ħruġ tal-muniti euro

Għal raġunijiet storiċi, il-limiti annwali għall-ħruġ massimu ta' Monaco, San Marino u l-Vatikan kien stabbilit b'żewġ modi differenti (Monaco huwa bħalissa awtorizzat għall-ħruġ massimu ta' 1/500 tal-kwantità ta' muniti li nħadmu fi Franza filwaqt li San Marino u l-Vatikan għandhom kwoti fissi) li jwasslu għal riżultati differenti ħafna.

Bil-ħsieb li jiġi żgurat trattament ġust lill-pajjiżi kollha mal-Ftehimiet Monetarji, il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi metodu uniformi ġdid għall-kalkolu tal-limiti ta' ħruġ tal-muniti euro (jiġifieri biex ikun użat wkoll fil-Ftehimiet kollha futuri).

Il-limiti l-ġodda se jkunu komposti minn parti fissa u parti varjabbli:

1. Il-parti fissa għandha timmira li tkopri d-domanda tal-kollezzjonisti tal-muniti. Skont l-estimi komuni, il-valur totali ta' madwar € 2 100 000 għandu jkun biżżejjed biex ikopri d-domanda tas-suq tal-kollezzjonisti[3].

2. Il-parti varjabbli għandha tkun ibbażata, fil-każ ta' San Marino, fuq il-medja per capita tal-ħruġ tal-Italja. In-numru medju per capita tal-muniti maħruġa fl-Italja fl-(n-1) għandu jiġi multiplikat bin-numru ta' abitanti ta' San Marino.

3. Regoli għall-fabbrikazzjoni tal-muniti euro

Il-Ftehimiet Monetarji ta' bħalissa jżommu d-dritt li jipproduċu l-muniti euro ta' San Marino u tal-Vatikan fiz-Zekka nazzjonali tal-Italja. Din ir-regola ġiet introdotta għal raġunijiet storiċi, fi żmien meta l-flus kontanti euro ma kinux għadhom fiċ-ċirkolazzjoni u kważi l-pajjiżi taż-żona euro kienu jipproduċu l-muniti euro għall-bżonnijiet tagħhom biss. Is-sitwazzjoni issa evolviet, bin-numru ta' pajjiżi fiż-żona euro li llum jaħdmu l-muniti tagħhom f'xi pajjiż ieħor taż-żona euro.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tiftaħ il-possibbiltà għal San Marino u għall-Vatikan sabiex jordnaw il-muniti euro tagħhom f'xi Zekka oħra tal-UE li għandha l-esperjenza fil-produzzjoni tal-muniti euro . Il-bidla taz-Zekka, madankollu, għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt.

- Elezzjoni ta' ġuriżdizzjoni

Il-Ftehimiet Monetarji preżenti ma tawx lill-Komunità xi tip ta' vantaġġ fil-każ li l-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet Monetarji ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom (eż. ma jittrasponux il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti fi żmien debitu), barra mill-possibbiltà finali - u għalhekk improbabbli - li tirtira unilateralment il-parti tagħha mill-Ftehim. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li teleġġi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bħala l-ġuriżdizzjoni responsabbli għas-soluzzjoni ta' tilwim li jista' jinqala' mill-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji.

2009/0159 (CNB)

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità Ewropea dwar l-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta' San Marino

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EW ROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 111.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni[4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[5],

Billi:

4. Il-Komunità għandha l-kompetenza fil-kwistjonijiet monetarji u fir-rata tal-kambju mid-data tal-introduzzjoni tal-euro;

5. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-arranġamenti għall-innegozjar u l-konklużjoni ta' ftehim li jikkonċernaw materji ta' tmexxija monetarji jew sistema ta' kambju barranija;

6. Ir-Repubblika Taljana, f'isem il-Komunità, ikkonkludiet fid-29 ta' Novembru 2000 Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta' San Marino

7. Il-Kunsill ikkonkluda fl-10 ta' Frar 2009 li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament tal-ftehimiet eżistenti u tikkunsidra żidiet possibbli fil-limiti massimi għall-ħruġ ta' muniti;

8. Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-"Komunikazzjoni dwar il-funzjonament tal-Ftehim Monetarju ma' Monako, San Marino u l-Vatikan"[6] li l-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta' San Marino fil-forma preżenti tiegħu jeħtieġ li jiġi emendat bil-ħsieb li jiġi żgurat metodu aktar konsistenti fir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Pajjiżi li ffirmaw il-ftehim monetarju;

9. Il-Ftehim Monetarju ma' San Marino għandu għalhekk jiġi nnegozjat mill-ġdid malajr kemm jista' jkun biex it-tmexxija l-ġdida tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, flimkien mar-regoli l-ġodda dwar il-modalitajiet tal-introduzzjoni tal-muniti euro stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-parti nazzjonali u l-ħruġ tal-muniti euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, approvata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 Frar 2009.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Taljana għandha tinnotifika lir-Repubblika ta' San Marino bil-ħtieġa li temenda l-Ftehim Monetarju eżistenti bejn ir-Repubblika Taljana, f'isem il-Komunità Ewropea, u r-Repubblika ta' San Marino fid-data l-iktar kmieni possibbli u toffri nnegozjar mill-ġdid fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Komunità għandha tfittex li twettaq dawn il-bidliet li ġejjin fl-innegozjar mill-ġdid tal-Ftehim mar-Repubblika ta' San Marino:

10. Il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità u r-Repubblika ta' San Marino. It-test tal-ftehim għandu jkun test kodifikat tal-ftehim attwali flimkien mal-emendi.

11. Ir-Repubblika ta' San Marino għandha tintrabat li tadotta l-miżuri kollha xierqa, permezz ta' traspożizzjonijiet diretti jew possibbilment permezz ta' azzjonijiet ekwivalenti:

12. għall-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni Komunitarja bankarja jew finanzjarja, f'leġiżlazzjoni partikolari dwar l-attività u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati;

13. għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha rilevanti dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, dwar il-prevenzjoni ta' frodi u falsifikazzjoni ta' flus kontanti u mezzi ta' pagamenti bi flus mhux kontanti, dwar midalji u tokens u dwar il-ħtiġijiet għall-irappurtar tal-istatistika.

Ir-Repubblika ta' San Marino għandha tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti bankarja u finanzjarja tiġi implimentata fit-territorju tagħha qabel l-1 Jannar 2015. Il-Ftehim għandu jkun fih anness li jispjega l-iskadenzi għall-adozzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq.

14. Il-metodu għad-determinazzjoni tal-limitu ta' ħruġ ta' muniti euro ta' San Marino għandu jiġi rivedut. Il-limitu l-ġdid għandu jkun ikkalkulat bl-użu ta' metodu li jgħaqqad parti fissa mmirata biex tevita l-ispekulazzjoni numismatika eċċessiva fuq il-muniti ta' San Marino billi tissodisfa d-domanda tas-suq tal-kolletturi tal-muniti u parti varjabbli, ikkalkulata bħala l-ħruġ medju per capita ta' muniti fl-Italja fis-sena n-1 immultiplikat bin-numru ta' abitanti ta' San Marino.

15. Għandu jkun stabbilit Kumitat Konġunt sabiex jissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim. Għandu jkun kompost minn rappreżentanti tar-Repubblika ta' San Marino, ir-Repubblika tal-Italja, il-Kummissjoni u l-BĊE. Għandu jkollu l-possibilità li jirrevedi kull sena l-parti fissa bil-għan li jieħu inkonsiderazzjoni l-inflazzjoni u l-evoluzzjoni tas-suq tal-kolletturi. Għandu jadotta d-deċiżjonijiet b'mod unanimu. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

16. Il-muniti euro tar-Repubblika ta' San Marino għandhom ikunu inċiżi mill-Instituto Poligrafico e Zecca dello Stato. Ir-Repubblika ta' San Marino għandha madankollu jkollha l-possibbiltà li ssejjaħ kuntrattur ieħor fost iz-zekkek tal-muniti tal-euro fl-UE, bi ftehim mal-Kumitat Konġunt. Il-volum tal-muniti maħruġa mir-Repubblika ta' San Marino għandu jiġi miżjud mal-volum tal-muniti maħruġa minn dak il-pajjiż li fih tinsab iz-zekka li pproduċiethom għall-iskop tal-approvazzjoni tal-BĊE tal-volum totali tal-ħruġ.

17. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi eletta bħala l-korp inkarigat mis-soluzzjoni tat-tilwim li jista' jinqala' mill-applikazzjoni tal-Ftehim.

Jekk il-Komunità jew San Marino jikkunsidraw li l-Parti l-oħra ma tkunx issodisfat l-obbligu skont il-Ftehim Monetarju, din tista' tressaq il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-Qorti għandha tkun torbot lill-Partijiet, li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza f'perjodu ta' żmien li għandu jiġi deċiż mill-Qorti fis-sentenza tagħha. Fil-każ li l-Komunità jew San Marino jonqsu milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza tul dak il-perjodu, il-Parti l-oħra tista' ttemm minnufih il-Ftehim.

Artikolu 3

In-negozjati mar-Repubblika ta' San Marino għandhom ikunu mmexxija mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni f'isem il-Komunità. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun assoċjat bis-sħiħ man-negozjati fil-qasam tiegħu ta' kompetenza. Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni għandhom jissottomettu abbozz tal-ftehim lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għall-opinjoni.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu jikkonkludi l-ftehim.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Linji gwida komuni għan-naħat nazzjonali u l-ħruġ tal-muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkolazzjoni", 2922 laqgħa tal-Kunsill ECOFIN tal-10 Frar, 2009.

[2] COM (2009)359 tal-14 ta' Lulju 2009

[3] San Marino pereżempju kkonċentra fuq il-produzzjoni ta' muniti magħżula ta' denominazzjoni Euro u dan wettqu b'ċertu suċċess: dawn il-muniti issa huma użati fil-valur nominali għat-tranżazzjonijiet.

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] COM(2009)359.