52009PC0541

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura {SEC(2009)1347} /* KUMM/2009/0541 finali - CNS 2009/0153 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.10.2009

KUMM(2009) 541 finali

2009/0153 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

{SEC(2009)1347}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura ġie adottat fil-11 ta’ Ġunju 2007. Huwa jistabbilixxi qafas li jirregola l-prattiki fl-akkwakultura fir-rigward ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt possibbli tagħhom u ta' kwalunkwe speċijiet assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi. Ir-Regolament jipprovdi għal sistema ta’ permessi li għandha tiġi stabbilita fuq il-livell nazzjonali.

Skont l-Artikolu 2(7) tiegħu, introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f”“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” jistgħu f'data futura jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' permess fil-Kapitolu III, ibbażata fuq informazzjoni u pariri xjentifiċi ġodda.

Skont is-Sitt Programm Kwadru, ġiet iffinanzjata azzjoni koordinata bit-titlu “Impatti Ambjentali ta’ Speċijiet Aljeni fl-Akkwakultura” (Il-proġett IMPASSE). L-għan kumplessiv tagħha kien li tiżviluppa linji gwida għal prattiki ambjentalment sostenibbli għall-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjonijiet fl-akkwakultura. Barra minn hekk, tingħata attenzjoni speċjali għall-valutazzjoni ta’ jekk faċilitajiet magħluqa moderni tal-akkwakultura bbażati fuq l-art jitqisux bħala sikuri mil-lat bijoloġiku u sa liema punt il-movimenti lejn dawn il-faċilitajiet jistgħu jiġu differenzjati minn movimenti lejn faċilitajiet miftuħa tal-akkwakultura skont ir-regoli Komunitarji.

Ir-rapport finali li tressaq dan l-aħħar rigward il-proġett IMPASSE, wassal definizzjoni operazzjonali ta’ ‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” li għalihom il-livell ta’ riskju assoċjat mal-ispeċijiet aljeni jista’ jitnaqqas konsiderevolment, possibbilment għal livell aċċettabbli, jekk il-potenzjal li jaħarbu l-organiżmi fil-mira u mhux fil-mira jiġi indirizzat matul it-trasport u permezz ta’ protokolli ddefinitti sewwa fil-faċilità li tirċievi. Dan ifisser li l-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjonijiet għall-użu f’faċilitajiet bħal dawn jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-permess taħt ċerti kundizzjonijiet. Id-definizzjoni ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’ pprovduta minn IMPASSE hija aktar dettaljata u stretta mid-definizzjoni kurrenti mogħtija mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill 708/2007. Id-definizzjoni IMPASSE tistabbilixxi l-karattersitiċi ewlenin li għandu jkollha ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura' sabiex tkun żgurata s-sigurtà bijoloġika tagħha.

Skont ir-riżultati IMPASSE: "Sistema magħluqa” hija faċilità tal-akkwakultura bi żbokki ta’ skariku li bl-ebda mod ma huma mqabbda ma ilmijiet miftuħa qabel ma jiġu skrinjati, filtrati jew perkolati u ttrattati sabiex l-istokk ikkoltivat jew organiżmi assoċjati ma jitħallewx jaħarbu.

Sistemi ta’ konteniment magħluqa jinvolvu teknoloġija ta’ separazzjoni li tiżgura li ma jsir l-ebda kuntatt bejn organiżmi akkwatiċi selvaġġi u organiżmi kkoltivati. Faċilitajiet magħluqa s-soltu jkunu bbażati fuq sistemi ta’ riċirkolazzjoni. Dawn is-sistemi jġibu magħhom riskju baxx ħafna ta’ ħrib (Occhipinti et al. 2008), u l-ikbar problemi jseħħu meta l-organiżmi jiġu mċaqilqa lejn il-faċilità inkella minnha.

Dawn is-sistemi jeliminaw: ir-rilaxx ta’ skart solidu fl-ambjent akkwatiku; il-ħrib ta’ organiżmi fil-mira u mhux fil-mira mill-faċilità; huma mistennija li jeliminaw: it-trasferiment ta’ mard u parassiti bejn organiżmi akkwatiċi selvaġġi u dawk ikkoltivati; telf għall-farm minħabba fatturi ambjentali bħal għarar, predaturi (eż. tjur), serq u vandaliżmu.

L-elementi prinċipali huma: separazzjoni fiżika bejn l-organiżmi selvaġġi u dawk ikkoltivati; it-trattament tal-iskart solidu; rimi xieraq tal-organiżmi mejta; monitoraġġ u trattament tal-ilma li jidħol u ta' dak li joħroġ.

Fid-definizzjoni ta’ dawn is-sistemi, għandu jkun rikonoxxut li l-ilma mhux l-uniku mezz li bih jistgħu jiġu ttrasferiti l-parassiti, il-mard u speċijiet oħra. Jeżistu mekkaniżmi ta’ tixrid, pereżempju, permezz ta’ sistemi tat-trasport jew ir-rimi tal-iskart b’metodi li mhumiex xierqa.

Għaldaqstant, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-movimenti ta’ speċijiet aljeni jew li ma jinstabux lokalment għall-użu f'faċilitajiet tal-akkwakultura magħluqa, iddefiniti tajjeb u li huma sikuri mil-lat bijoloġiku jistgħu jitqiesu li huma ta’ riskju baxx u aċċettabbli u għalhekk jistgħu jkunu eżentati mill-proċedura tal-permessi. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jsir it-tibdil tekniku meħtieġ għad-definizzjoni ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwaultura' sabiex l-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjoni għall-użu f’faċilitajiet bħal dawn ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-permessi tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill 708/2007. L-għan huwa li titneħħa l-burokrazija filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien ambjentali adegwat fl-użu ta’ speċijiet aljenti u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura.

- Kuntest ġenerali

L-introduzzjoni ta’ speċijiet lil hinn mill-firxa naturali tagħhom qiegħda tinfirex b’rata mgħaġġla b’riżultat ta’ żviluppi fit-trasport, fil-kummerċ, fl-ivvjaġġar u fit-turiżmu. L-invażjonijiet minn speċijiet mhux indiġeni huma rikonoxxuti ġeneralment bħala waħda mill-kawżi ewlenin tat-telf globali tal-bijodiversità. Jista’ jkollhom impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali negattivi. L-ispeċijiet aljeni jistgħu jaġixxu ta’ vetturi għal mard ġdid, ibiddlu l-ekosistemi, jikkompetu mal-ispeċijiet lokali, eċċ.

Ir-Regolament tal-Kunsill 708/2007 jindirizza parti limitata mill-problema. F’termini tal-kuntest ġenerali, id-dejta li tirriżulta minn ċerti proġetti reċenti tal-Komunità (IMPASSE u DAISY) għandha titqies. Skont din id-dejta, il-mogħdijiet ewlenin li x’aktarx ikunu responsabbli għall-introduzzjoni ta’ speċijiet aljeni fl-ibħra kostali Ewropej u l-ilmijiet interni huma: “l-ilma tas-saborra tal-bastimenti u l-alka u l-koċċli mal-qigħan tal-bastimenti” (30% tal-avvenimenti kollha ta’ introduzzjoni); “permezz ta’ kanali tal-baħar u tal-ilmijiet interni” (24%); u “prattiki ta’ akkwakultura u stokkjar”, li jirrappreżentaw 20%. Mogħdijiet oħra huma kategorizzati bħala ornamentali, ta’ riċerka, eċċ, inkella mhumiex magħrufa, u jirrappreżentaw 26%. F’Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppublikat il-Komunikazzjoni "Lejn strateġija tal-UE dwar speċijiet invażivi" bil-għan li tiġi żviluppata strateġija globali fuq il-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi tal-ispeċijiet invażivi.

L-“Istrateġija Komunitarja għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea” (2002) diġà identifikat il-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskju assoċjati mal-introduzzjoni ta’ speċijiet mhux indiġeni fl-akkwakultura. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura ġie adottat fil-11 ta’ Ġunju 2007. Madankollu, dak iż-żmien ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni rigward il-bijosigurtà ta’ ‘faċilijiet magħluqa tal-akkwakultura'. Il-fehmiet tal-Istati Membri kienu diverġenti u l-ebda parir xjentifiku ma kien disponibbli b’appoġġ għal deċiżjoni. Għal dan l-għan, ġiet posposta l-eżenzjoni possibbli tal-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjonijiet għall-użu f’faċilitajiet bħal dawn mill-obbligu tal-permess.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura.

- Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni li jfittxu li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali kif ukoll simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv.

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

- Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ir-riżultati tal-proġett IMPASSE intużaw bħala l-bażi teknika għat-tfassil tal-proposta. Din l-azzjoni koordinata twettqet minn 14-il imsieħba kkoordinati mill-Università ta' Hull. Il-FEAP, il-Federazzjoni ta’ Produtturi Ewropej tal-Akkwakultura wkoll ħadet sehem fil-proġett. Fil-kuntest tal-IMPASSE, seħħew sessjonijiet ta' ħidma (l-Ungerija 2007 u l-Italja 2008), li għalihom l-attendenza kienet tajba ferm. Il-kwistjoni ta’ ‘faċilijiet magħluqa tal-akkwakultura’ kienet waħda mis-suġġetti koperti. Ir-riżultati tal-istudji u d-diskjussjonijiet, kif mogħtija fil-qosor fit-taqsima 1, wasslu biex il-konsorzju jadotta definizzjoni aktar stretta ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’.

- Valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Ir-Regolament tal-Kunsill 708/2007 japplika għall-faċilitajiet kollha tal-akkwakultura. Madankollu, fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni rigward il-bijosigurtà ta’ ‘faċilijiet magħluqa tal-akkwakultura'. Min-naħa l-oħra, il-movimenti lejn dawn il-faċilitajiet huma differenzjati miċ-ċaqliq lejn tipi oħra ta' faċilitajiet u, is-soltu, jitqiesu bħala 'movimenti ta' rutina' li għalihom ir-rekwiżit ta' valutazzjoni ambjentali minn qabel mhix obbligatorja (Artikolu 2(6)).

Il-proġett IMPASSE ta definizzjoni ta' 'faċilità magħluqa tal-akkwakultura' li tinkludi l-karatteristiki meħtieġa biex dawn il-faċilitajiet jitqiesu bħala bijosikuri. Din id-definizzjoni hija aktar stretta u tiżgura protezzjoni ambjentali aħjar. Il-modifika tad-definizzjoni attwali ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’ mogħtija fl-Artikolu 3(3) permezz tal-istabbiliment ta’ definizzjoni ġdida bbażata fuq ir-riżultati tal-IMPASSE tippermetti li jiġu eżentati introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f'faċilitajiet bħal dawn mir-rekwiżit tal-permess. Madankollu, dan jimplika emenda tar-Regolament tal-Kunsill 708/2007, li ma tistax issir permezz tal-Komitoloġija. Minkejja dan, ir-riżultati tal-proġett IMPASSE rigward faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura ġew ippreżentati fi ħdan il-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura u għadd kbir ta’ Stati Membri kienu favur it-titjib tad-definizzjoni attwali sabiex l-eżenzjoni msemmija tkun permessa. Għalhekk, ġiet imħejjija l-proposta preżenti li temenda r-Regolament tal-Kunsill 708/2007. L-għan tagħha kien li titneħħa l-burokrazija assoċjata mal-proċedura tal-ħruġ tal-permess għal dawk il-‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’ li jistgħu jitqiesu bħala bijosikuri.

L-emenda proposta ma tirrappreżentax tibdila sostanzjali għar-Regolament. Jeħtieġ li jsiru aġġustamenti tekniċi għad-definizzjoni ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’ u dispożizzjonijiet relatati sabiex l-eżenzjoni prevista titħalla ssir.

Il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill 708/2007 kienet akkumpanjata mill-Valutazzjoni tal-Impatt speċifika għaliha (SEC (2006)421). L-azzjoni kkoordinata IMPASSE diġà tipprovdi l-bażi teknika sabiex tittieħed id-deċiżjoni li l-introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f''faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura' jiġu eżentati mill-obbligu tal-permess. Barra minn hekk, il-konsegwenzi tal-proposta se jkunu limitati ħafna peress li dan japplika biss għal ‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’. Madankollu, dawn il-faċilitajiet se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni proposta, peress li se jitneħħew il-proċeduri tal-ksib tal-permessi li tant jieħdu riżorsi. Din l-emenda se tiżgura li jinżamm il-ħarsien ambjentali u, fl-istess ħin, se tgħin biex jiġu prodotti impatti soċjali u ekonomiċi pożittivi peress li l-faċilitajiet konċernati jistgħu jinħelsu mill-ispejjeż marbuta mal-proċeduri tal-permessi. Valutazzjoni tal-Impatt speċifika, li tindirizza din il-modifika limitata tar-Regolament għalhekk ma tkun tipprovdi l-ebda valur miżjud peress li tirrappreżenta biss deċiżjoni eżekuttiva dwar kwistjoni teknika b'konsegwenzi marġinali. Ikun sproporzjonat li jiġu investiti aktar sforz u ħin fit-twettiq ta' Valutazzjoni tal-Impatt formali.

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sinteżi tal-azzjoni proposta

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill 708/2007, introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f’'faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’ jistgħu f'data futura jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' permess fil-Kapitolu III tar-Regolament, abbażi ta’ informazzjoni u pariri xjentifiċi ġodda.

L-azzjoni proposta timmira li teżenta ‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’ bijosikuri mir-rekwiżit tal-permessi tal-Kapitolu III tar-Regolament. Fid-dawl tal-parir xjentifiku, il-proposta tinkludi emendi għad-definizzjoni attwali ta’ 'faċilità magħluqa tal-akkwakultura', u żżid il-karatteristiċi xierqa sabiex jiġi ggarantit li faċilitajiet bħal dawn ma jippermettux il-ħrib ta’ organiżmi fil-mira u oħrajn mhux fil-mira lejn l-ambjent naturali. Barra minn hekk, ġiet inkluża dispożizzjoni ġdida rigward it-trasport ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment għal 'faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura'. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura. Din il-lista għandha tiġi ppubblikata u tkun aġġornata regolarment fuq sit elettroniku li nħoloq bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/2008. Xi artikoli u l-Anness I huma emendati skont dan biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet il-ġodda.

- Bażi legali

Il-bażi legali hija pprovduta mill-Artikoli 37 u 299(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Din il-proposta taqa' fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd, li hija kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-emenda tirrappreżenta bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni ambjentali u l-ħtiġijiet tal-industrija tal-akkwakultura. Il-movimenti lejn ‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’ li jikkonformaw mal-istandards li jiżguraw ħarsien ambjentali adegwat għandhom ikunu eżentati mill-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati mal-proċedura tal-permessi stabbilita mir-Regolament. Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija huma għanijiet importanti.

- Għażla tal-istrumenti

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill 708/2007 jipprovdi li d-deċiżjoni dwar jekk il-movimenti ta’ speċijiet aljenti u li ma jinstabux lokalment lejn ‘faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura’ għandhomx jiġu eżentati mill-obbligu tal-permessi stabbilit mir-Regolament, tittieħed wara l-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (Komitoloġija). Madankollu, il-possibbiltà li dawn il-movimenti jkunu eżentati mill-obbligi ta’ permess tesiġi emenda tad-definizzjoni ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’ u għalhekk emenda tar-Regolament tal-Kunsill, li ma tistax issir permezz tal-Komitoloġija. Regolament tal-Kunsill jista’ jiġi emendat biss permezz ta’ Regolament ieħor.

IMPATT FUQ IL-BAġIT

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Komunità.

2009/0153 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Billi:

1. Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007[4] jistabbilixxi qafas li jirregola l-prassi fl-akkwakultura fir-rigward ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt possibbli ta’ dawn l-ispeċijiet u kwalunkwe speċi assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi. Dan jipprovdi, fl-Artikolu 2(7), tiegħu, introduzzjonijiet u trażlokazzjonijiet għall-użu f”“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” jistgħu f'data futura jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' permess fil-Kapitolu III, ibbażata fuq informazzjoni u pariri xjentifiċi ġodda.

2. L-azzjoni koordinata, finanzjata mill-Komunità “Impatti ambjentali ta’ speċijiet aljenti fl-akkwakultura’ (IMPASSE), tat definizzjoni operazzjonali ġdida ta’ ‘faċilitajiet ġodda tal-akkwakultura’. Għal faċilitajiet bħal dawn, ir-riskju assoċjat ma’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment, jista' jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk il-potenzjal għall-ħrib tal-organiżmi kkoltivati u ta' organiżmi mhux fil-mira jiġi indirizzat matul it-trasport u jekk protokolli ddefiniti sewwa jiġu applikati fil-faċilità li tirċievi. L-introduzzjonijiet u t-trażlokazzjonijiet għall-użu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jiġu eżentati biss mir-rekwiżit tal-permess jekk jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti.

3. Għalhekk huwa meħtieġ li d-definizzjoni ta’ ‘faċilità magħluqa tal-akkwakultura’ tiġi emendata fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 billi jiżidiedu fatturi speċifiċi maħsuba sabiex jiżguraw il-bijosigurtà ta' dawk il-faċilitajiet.

4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura li jinsabu fit-territorju tagħhom. Għal raġunijiet ta’ trasparenza din il-lista għandha tiġi ppubblikata u tkun aġġornata regolarment fuq sit elettroniku li nħoloq bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/2008[5].

5. Wara dawn l-emendi ċerti adattamenti oħra jeħtieġ li jsiru għar-Regolament.

6. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 7 hu ssostitwit b’li ġej:

"7. Il-Kapitoli III sa VI ma għandhomx japplikaw għal movimenti ta’ speċijiet aljeni inkella li ma jinstabux lokalment, li għandhom jinżammu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura, bil-kundizzjoni li t-trasport iseħħ taħt kundizzjonijiet li jipprevjenu l-ħrib ta’ dawk l-ispeċijiet u tal-ispeċijiet li ma humiex fil-mira.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura fit-territorju tagħhom, li jikkonformaw mad-definizzjoni tal-Artikolu 3(3) u jaġġornaw regolarment dik il-lista. Din il-lista għandha tiġi ppubblikata u tkun aġġornata regolarment fuq sit elettroniku stabbilit skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008.

(2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"3. ‘Faċilità magħluqa tal-akkwakultura' tfisser faċilità

(a) fejn issir l-akkwakultura f’mezz akkwatiku, li tkun tinvolvi r-riċirkolazzjoni tal-ilma u bi tnixxija(iet) li bl-ebda mod ma huma mqabbdin mal-ilmijiet miftuħa qabel l-iskrinjar, il-filtrazzjoni jew il-perkolazzjoni u li jiġu ttrattati biex ma jitħalliex iseħħ ir-rilaxx tal-iskart solidu fl-ambjent akkwatiku u l-ħrib ta' speċijiet ikkoltivati u ta' speċijiet li ma humiex fil-mira, mill-faċilità u li jistgħu jgħixu u sussegwentament jirriproduċu.

kif ukoll

(b) li tipprevjeni telf għall-farm minħabba fatturi ambjentali bħal għarar, predaturi (eż. tjur), serq u vandaliżmu u tiżgura r-rimi xieraq tal-organiżmi mejta;”

(b) il-punt 16 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"16. ‘ċaqliq ta' rutina’ tfisser iċ-ċaqliq ta' organiżmi akkwatiċi minn sors li għandu riskju baxx ta' trasferiment ta' speċijiet mhux fil-mira u li, minħabba l-karatteristiċi tal-organiżmi akkwatiċi u/jew il-metodu ta' akkwakultura li għandu jintuża, ma jagħtix lok għal effetti ekoloġiċi negattivi;’

(3) L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 14

Rilaxx ġewwa faċilitajiet tal-akkwakultura fil-każ ta' introduzzjonijiet ta' rutina

Fil-każ ta' introduzzjonijiet ta' rutina, ir-rilaxx ta' organiżmi akkwatiċi ġewwa faċilitajiet tal-akkwakultura għandu jkun permess mingħajr kwarantina jew rilaxx pilota, sakemm, f'każijiet eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti ma tiddeċiedix mod ieħor abbażi ta' parir speċifiku mogħti mill-kumitat konsultattiv. Ċaqliq minn faċilità magħluqa tal-akkwakultura lejn faċilità miftuħa tal-akkwakultura m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala rutina.”

(4) L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a) It-test tal-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull fejn hu possibbli, l-informazzjoni għandha tiġi ssostanzjata b'referenzi mil-letteratura xjentifika, u minn notazzjonijiet għal komunikazzjonijiet personali mal-awtoritajiet xjentifiċi u l-esperti dwar is-sajd.”

(b) It-Taqsima D (Interazzjoni ma’ speċijiet nativi) hija emendata kif ġej:

- il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(1) X'inhu l-potenzjal għas-soppravivenza u l-istabbiliment tal-organiżmu introdott jekk dan jaħrab?”

- il-punt 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(6) L-organiżmi introdotti ser jgħixu u jirriproduċu b'suċċess fiż-żona proposta ta' introduzzjoni jew ser jkun meħtieġ stokkjar annwali?”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[...] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] , , p. .

[2] , , p. .

[3] , , p. .

[4] ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1.

[5] ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6.