52009PC0485

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku /* KUMM/2009/0485 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.9.2009

KUMM(2009) 485 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjonijiet li jkunu se jiġu adottati f’isem il-Komunità fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd meta dawn ikollhom deċiżjonijiet b’effetti ġuridiċi, bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet li jissupplimentaw jew li jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Fid-dawl ta’ dan l-obbligu, u wara Deċiżjonijiet simili tal-Kunsill u proposti mill-Kummissjoni Ewropea għal Organizzazzjonijiet Reġjonali oħra tal-Ġestjoni tas-Sajd, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi d-deċiżjoni preżenti biex tkun stabbilita l-pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku. Din il-proposta ssegwi l-istess approċċ bħal tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali oħra tal-Ġestjoni tas-Sajd sabiex tkun żgurata l-konsistenza.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE, flimkien mal-Artikolu 32 tiegħu, jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti. Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002[1] jipprovdi li l-Komunità għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju hija u tadotta miżuri maħsuba biex jipproteġu u jikkonservaw ir-riżorsi akkwatiċi ħajjin, biex tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u sabiex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Jipprovdi wkoll li l-Komunità għandha timmira għal implimentazzjoni gradwali ta' approċċ ibbażat fuq ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd u tal-akkwakultura ekonomikament vijabbli u kompetittiva, li tipprovdi livell ta' għixien ġust għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u li tqis l-interessi tal-konsumaturi.

(2) Il-Komunità Ewropea, kif ukoll il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-1982 dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku. Il-Konvenzjoni stabbiliet Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) li, fuq il-bażi tal-provi xjentifiċi, għandha, kif xieraq, tieħu miżuri għall-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fiż-żona li hija responsabbli għaliha. Dawn il-miżuri huma maħsuba sabiex jiggarantixxu l-konservazzjoni u l-użu razjonali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar Antartiku.

(3) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjoni tal-Komunità fl-entitajiet stabbiliti bi ftehimiet reġjonali dwar is-sajd imsejħa sabiex jadottaw deċiżjonijiet li għandhom effetti ġuridiċi (iżda li ma jimmodifikawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehimiet konċernati) għandhom jiġu adottati b'maġġoranza kwalifikata b'deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem il-Komunità fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku meta dik il-Kummissjoni tissejjaħ biex tadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti ġuridiċi, hija stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni tal-Komunità stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi vvalutata u fejn xieraq, tiġi riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku fl-2014.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Il-pożizzjoni Komunitarja fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku

1. PRINċIPJI

Fil-qafas tal-CCAMLR, il-Komunità Ewropea għandha:

a) taġixxi skont l-għanijiet segwiti mill-Komunità fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, partikolarment permezz ta’ approċċ prekawzjonarju li jipprovdi għall-isfruttar sostenibbli ta’ speċijiet regolati bis-CCAMLR, li jippromwovi l-implimentazzjoni gradwali ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u li jimminimizza l-impatt ta’ attivitajiet tas-sajd fuq ekosistemi tal-baħar, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta’ sajd Komunitarju ekonomikament vijabbli u kompetittiv, li jipprovdi livell ġust ta’ għixien għal dawk li jiddependu fuq attivitajiet tas-sajd u li jqis l-interessi tal-konsumaturi;

b) tiżgura li l-miżuri tas-CCAMLR jkunu skont l-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku;

c) tiżgura li l-miżuri tas-CCAMLR huma konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU marbut mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa;

d) tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd;

e) tfittex sinerġiji mal-politika li qed issegwi l-Komunità bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politika tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

f) tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Komunità jiġu rispettati.

2. Orjentazzjonijiet

Il-Komunità Ewropea għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mis-CCAMLR tal-azzjonijiet li ġejjin:

a) miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inklużi t-TACs għall-ispeċijiet irregolati mis-CCAMLR Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li jbatu minn sajd żejjed sabiex tiġi evitata żieda fl-attivitajiet tas-sajd;

b) tisħiħ tal-miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona Regolatorja tas-CCAMLR sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-miżuri tas-CCAMLR;

c) tisħiħ tal-azzjoni kontra l-attivitajiet tas-sajd IUU;

d) implimentazzjoni ta’ miżuri protettivi għal ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fiż-Żona Regolatorja tas-CCAMLR f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

e) l-iżvilupp ta’ approċċi komuni ma’ Organizzazzjonijiet Reġjonali oħra għall-Ġestjoni tas-Sajd, inkużi l-Kummissjoni għas-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;

f) miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-Kumitat Xjentifiku tas-CCAMLR;

g) tkomplija tal-modernizzazzjoni tas-CCAMLR wara l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59