52009PC0474

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fl-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku /* KUMM/2009/0474 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.9.2009

KUMM(2009) 474 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fl-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjonijiet li jkunu se jiġu adottati f’isem il-Komunità fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd meta dawn ikollhom deċiżjonijiet b’effetti ġuridiċi, bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet li jissupplimentaw jew li jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Fid-dawl ta' dan l-obbligu, u skont Deċiżjonijiet tal-Kunsill u proposti simili mill-Kummissjoni Ewropea lil Organizzazzjonijiet oħra Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi din id-deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fl-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku. Il-proposta ssegwi l-istess approċċ bħal tal-Organizzazzjonijiet oħra Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd sabiex tiġi żgurata l-konsistenza.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fl-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE, flimkien mal-Artikolu 32 tiegħu, jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti. Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002[1] jipprovdi li l-Komunità għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju hija u tadotta miżuri maħsuba biex jipproteġu u jikkonservaw ir-riżorsi akkwatiċi ħajjin, biex tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u sabiex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Jipprovdi wkoll li l-Komunità għandha timmira għal implimentazzjoni gradwali ta' approċċ orjentat lejn l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd u tal-akkwakultura ekonomikament vijabbli u kompetittiva, li tipprovdi livell ta' għixien ġust għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u li tqis l-interessi tal-konsumaturi.

(2) Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2002/738/KE[2], il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku, li stabbilixxiet l-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku (SEAFO). Il-Kummissjoni tas-SEAFO hija awtorizzata tadotta miżuri rigward il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi ħajjin kollha tal-baħar fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

(3) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjoni Komunitarja fl-entitajiet stabbiliti bi ftehimiet reġjonali dwar is-sajd li jissejħu sabiex jadottaw deċiżjonijiet li għandhom effetti ġuridiċi (iżda li ma jimmodifikawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehimiet konċernati) għandha tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata b'deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem il-Komunità fil-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku meta dik il-Kummissjoni tissejjaħ biex tadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti ġuridiċi, hija stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni tal-Komunità stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi vvalutata u fejn xieraq, tiġi riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku fl-2014.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Il-pożizzjoni tal-Komunità fil-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk tal-Atlantiku

1. PRINċIPJI

Fil-qafas tas-SEAFO, il-Komunità Ewropea għandha:

a) taġixxi skont l-għanijiet segwiti mill-Komunità fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, b'mod partikolari permezz ta’ approċċ prekawzjonarju li jipprovdi għall-isfruttar sostenibbli ta’ speċijiet regolati bis-SEAFO, li jippromwovi l-implimentazzjoni gradwali ta’ approċċ orjentat lejn l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u li jimminimizza l-impatt ta’ attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta’ sajd Komunitarju ekonomikament vijabbli u kompetittiv, li jipprovdi livell ġust ta’ għixien għal dawk li jiddependu fuq attivitajiet tas-sajd u li jqis l-interessi tal-konsumaturi;

b) tiżgura li l-miżuri tas-SEAFO jkunu skont l-għanijiet tal-Konvenzjoni tas-SEAFO;

c) tiżgura li l-miżuri tas-SEAFO huma konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU marbut mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa;

d) tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd;

e) tfittex sinerġiji mal-politika li qed issegwi l-Komunità bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politika tagħha tar-relazzjonijiet esterni;

f) tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Komunità jiġu rispettati.

2. Orjentazzjonijiet

Il-Komunità Ewropea għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mis-SEAFO tal-azzjonijiet li ġejjin:

a) miżuri stretti ta' konservazzjoni u ġestjoni bbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd li għalihom tapplika l-Konvenzjoni tas-SEAFO. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li jbatu minn sajd żejjed sabiex tiġi evitata żieda fl-attivitajiet tas-sajd;

b) miżuri sabiex jitqies b'mod xieraq l-impatt tal-operazzjonijiet tas-sajd fuq speċijiet ekoloġikament relatati bħat-tjur tal-baħar, iċ-ċetaċji, il-foki u l-fkieren tal-baħar;

c) miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għall-ispeċijiet li jagħmlu parti mill-istess ekosistemi, jew huma assoċjati ma' jew dipendenti fuq, ir-riżorsi maħsuda tas-sajd;

d) miżuri protettivi għall-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fiż-Żona Regolatorja tas-SEAFO skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

e) aċċettazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn pajjiżi responsabbli tas-sajd biex jissieħbu fis-SEAFO.

[1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59

[2] ĠU L 111, 20.4.2001, p. 15