52009PC0462

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013) /* KUMM/2009/0462 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.9.2009

KUMM(2009) 462 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Wara r-referendum tal-1992, li wassal għar-rifjut tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Ftehim ŻEE, l-Iżvizzera kompliet turi interess għal kooperazzjoni aktar stretta mal-Unjoni Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. F’dikjarazzjoni komuni dwar in-negozjati futuri mehmuża mas-seba’ Ftehimiet li ġew iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera, iż-żewġ partijiet iddikjaraw li x-xogħlijiet ta’ tħejjija għan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi tat-taħriġ u taż-żgħażagħ għandhom isiru malajr wara l-konklużjoni tas-seba’ Ftehimiet inkwistjoni.

Dan il-qasam ta’ kooperazzjoni nbeda tassew matul iċ-ċiklu ta’ negozjati bilaterali segwenti. Minħabba li l-programmi ta’ edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ li dak iż-żmien kienu fis-seħħ għall-perjodu 2000-2006 (Socrates, Leonardo da Vinci u Jeunesse) ma kinux jipprevedu, fil-bażi legali tagħhom, għall-possibbiltà li l-Iżvizzera tipparteċipa, ġie miftiehem li n-negozjati ta’ ftehim ta’ parteċipazzjoni jiġu posposti għal wara l-adozzjoni tal-programmi li kellhom isegwuhom.

Id-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li stabbilixxew il-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”[1] u l-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha[2] għall-perjodu 2007-2013 jipprevedu l-ftuħ tagħhom għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera.

Fi Frar 2008, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati mal-Iżvizzera għall-parteċipazzjoni tagħha fiż-żewġ programmi. Fuq il-bażi tad-Direttivi ta’ negozjati mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, u b’konsultazzjoni mal-kumitat kompetenti maħtur mill-Kunsill, il-Kummissjoni tat bidu għan-negozjati mal-Iżvizzera bil-għan li tikkonkludi ftehim ġdid li jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ dan il-pajjiż fiż-żewġ programmi.

L-abbozz ta’ Ftehim ġie ffirmat fis-6 ta’ Awwissu 2009. Huwa mehmuż mal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Iżvizzera huwa l-uniku pajjiż Ewropew li sejjer jieħu sehem f’dawn il-programmi mingħajr ma huwa membru taż-ŻEE, u mingħajr ma huwa pajjiż kandidat jew pajjiż potenzjalment kandidat għall-adeżjoni.

Il-kwistjonijiet ewlenin ittrattati fl-abbozz ta’ Ftehim huma dawn li ġejjin:

- Il-kundizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-proġetti u għall-inizjattivi ppreżentati mill-parteċipanti tal-Iżvizzera fil-qafas ta’ dawn il-programmi sejrin ikunu identiċi għal dawk li huma applikati għall-Istati Membri, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet u tal-proġetti, ir-responsabbiltajiet tal-istrutturi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi, kif ukoll l-attivitajiet relatati mal-kontroll tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi.

- Kull sena, l-Iżvizzera sejra tħallas kontribuzzjoni finanzjarja għal kull programm, kif previst fl-Anness II tal-Ftehim.

- Rigward il-kwistjonijiet ta’ kontroll finanzjarju u ta’ verifika, l-Iżvizzera sejra tikkonforma mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inklużi l-kontrolli magħmula mill-korpi Komunitarji u l-kontrolli magħmula mill-awtoritajiet Żvizzeri, kif previst fl-Anness III.

- Il-Ftehim sejjer japplika sakemm il-programmi jaslu fi tmiemhom, jew sakemm waħda miż-żewġ partijiet tinnotifika lill-oħra bix-xewqa tagħha li ttemmhom. Il-Ftehim jista’ jiġi estiż b’mod awtomatiku f’każ li jiġi estiż it-tul tal-programmi mingħajr bidliet fihom.

- Il-Ftehim juri r-rabta politika li hemm mal-Ftehim dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni, li ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999, billi jeskludi estensjoni fil-każ li jieqaf il-Ftehim dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni.

B’mod konformi mal-arranġamenti stabbiliti mill-Ftehimiet konklużi preċedentament dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fi programmi Komunitarji oħra, dikjarazzjoni tal-Kunsill għandha tkopri l-kwistjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti Żvizzeri fil-laqgħat tal-kumitati tal-programmi, bħala osservaturi, għall-eżaminar tal-punti li jikkonċernaw l-Iżvizzera.

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta bir-riżultati tan-negozjati, u qiegħda tippreżenta lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni rigward l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013).

Il-Ftehim, kif ukoll id-Deċiżjoni proposta dwar l-iffirmar, jipprevedi li sakemm jitlestew il-proċeduri ta’ ratifika u konklużjoni, dan jibda japplika b’mod provviżorju mis-sena baġitarja ta’ wara l-iffirmar.

Il-Kunsill huwa mħeġġeġ li jadotta l-proposta għad-Deċiżjoni li ġejja.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 149 u 150(4), flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013[3], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, tistabbilixxi li dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera bil-kundizzjoni li jiġi ffirmat Ftehim bilaterali ma’ dan il-pajjiż.

(2) Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja għall-perjodu 2007-2013[4], u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, tistabbilixxi li dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera bil-kundizzjoni li jiġi ffirmat Ftehim bilaterali ma’ dan il-pajjiż.

(3) Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f’isem il-Komunità Ewropea, Ftehim li jkollu l-għan li jippermetti lill-Konfederazzjoni Żvizzera tipparteċipa fil-programmi inkwistjoni.

(4) In-negozjati wasslu għal abbozz ta’ Ftehim li ġie iffirmat fis-6 ta’ Awwissu 2009.

(5) L-Artikolu 5 tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan sakemm jitlestew il-proċeduri ta’ ratifika jew ta’ konklużjoni.

(6) Huwa rrakkomandat li l-Ftehim għandu jiġi ffirmat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew lill-persuni inkarigati li jiffirmaw il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013), bil-kundizzjoni li jiġi konkluż f’data aktar tard, bl-effett li jorbot il-Komunità.

It-test tal-Ftehim imsemmi fl-ewwel inċiż huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju għall-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tas-sena ta’ wara l-iffirmar, u l-aktar kmieni mill-baġit tas-sena 2011.

Artikolu 3

Fil-każ li titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata li ssolvi mal-Iżvizzera l-konsegwenzi ta’ dan it-tmiem b’mod konformi mal-Artikolu 5 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropa u l-Konfederazzjoni Żvizzera, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013)

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

minn naħa,

u L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Iżvizzera”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem it-tnejn flimkien imsejħin “il-Partijiet”,

wara li kkunsidraw dan li ġej:

(1) Id-dikjarazzjoni komuni mehmuża mas-seba’ Ftehimiet li ġew iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità u l-Iżvizzera tipprevedi n-negozjati futuri ta’ Ftehim għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi tat-taħriġ u taż-żgħażagħ,

(2) Il-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” għall-perjodu 2007-2013 u l-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha ġew stabbiliti rispettivament fid-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE[5] u Nru 1720/2006/KE[6] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006,

(3) L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ tul il-ħajja kollha jipprevedu l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera bil-kundizzjoni li jiġi konkluż Ftehim bilaterali bejn il-Komunità u l-Iżvizzera,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Iżvizzera għandha tipparteċipa fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (minn hawn’il quddiem imsejħin “il-programmi”), skont l-arranġamenti u l-kundizzjonijiet imfissra f’dan il-Ftehim u l-Annessi I, II u III, li huma parti integrali minnu.

Artikolu 2

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità u skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Iżvizzera.

Artikolu 3

Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għat-tul ta’ żmien li jdumu għaddejjin il-programmi attwali. Madankollu, bla ħsara għat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, jekk il-Komunità tiddeċiedi li testendi dan iż-żmien mingħajr ma tagħmel tibdil fil-programmi, b’konsegwenza, dan il-Ftehim għandu jiġi estiż ukoll b’mod awtomatiku, ħlief jekk waħda mill-Partijiet tinforma lill-oħra, fi żmien 30 jum wara d-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-programmi, li tirrinunzja li testendi l-kooperazzjoni. Matul iż-żmien tal-estensjoni, l-Iżvizzera għandha tħallas kontribuzzjoni finanzjarja annwali li tkun identika għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għas-sena 2013.

Dan il-Ftehim ma għandux jiġi estiż fil-każ ta’ twaqqif jew tmiem tal-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra.

Il-Komunità jew l-Iżvizzera jistgħu jtemmu dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim jieqaf japplika mis-sena baġitarja ta’ wara n-notifika, jekk din tkun magħmula qabel l-1 ta’ Ottubru. Jekk dan ma jkunx il-każ, jieqaf japplika mit-tieni sena baġitarja ta’ wara n-notifika.

Il-proġetti u l-attivitajiet iffinanzjati fuq is-snin baġitarji ta’ qabel dik li fiha jieqaf japplika l-Ftehim jitkomplew sakemm jitlestew bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim u l-Annessi għalih u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li japplikaw għal dawn il-proġetti u attivitajiet. Il-Partijiet għandhom isolvu bi ftehim reċiproku l-konsegwenzi l-oħra li jistgħu jinqalgħu mit-twaqqif.

Artikolu 4

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtorità nazzjonali maħtura bħala osservaturi fil-kumitati tal-programmi għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-każ li jkun hemm bżonn, wara talba ta’ wieħed minnhom, dwar l-attivitajiet koperti minn dan il-Ftehim. Wara dawn il-konsultazzjonijiet, il-kumitat konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni tal-21 ta’ Ġunju 1999 għandu s-setgħa li jimmodifika l-Annessi għal dan il-Ftehim, b’regola ġenerali permezz ta’ proċedura bil-miktub, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi kkunsidrata r-regolamentazzjoni li tapplika għall-programmi jew l-evoluzzjoni tal-kapaċità ta’ assorbiment tal-Iżvizzera. L-emendi tal-Annessi għandhom jidħlu fis-seħħ l-għada tal-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-kumitat konġunt relatata magħhom. Għaldaqstant, jekk il-Partijiet jiftiehmu fuq emenda għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

Artikolu 5

Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew konkluż mill-Partijiet b’mod konformi mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom. Għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data tal-aħħar notifika mill-Partijiet li l-proċeduri rispettivi tlestew.

Sakemm jitlestew il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju għall-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tas-sena ta’ wara l-iffirmar, u l-aktar kmieni l-baġit tas-sena 2011, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness I ikunu sodisfatti.

Fil-każ li waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-oħra li mhux sejra tirratifika jew tikkonkludi l-Ftehim iffirmat, l-applikazzjoni provviżorja tintemm mis-sena baġitarja ta’ wara n-notifika. In-notifika li ttemm l-applikazzjoni provviżorja ma taffettwax l-obbligi tal-Partijiet relatati mal-proġetti u l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tas-sena li fiha saret in-notifika, u lanqas dawk relatati mal-ħlas li għandha tagħmel l-Iżvizzera għall-kontribuzzjoni tagħha għas-sena li fiha saret in-notifika.

Artikolu 6

Dan il-Ftehim għandu jitħejja f’żewġ kopji bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Bulgara, Daniża, Spanjola, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Żvediża u Ċeka, u kull test ikun ugwalment awtentiku.

Magħmul fi ….., …

Għall-Komunità Ewropea | Għall-Konfederazzjoni Żvizzera |

ANNESS I Kundizzjonijiet u termini għall-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha

1 . L-Iżvizzera għandha tipparteċipa fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-programmi”), u dan, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kontra dan il-Ftehim, filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi, il-kriterji, il-proċeduri u ż-żminijiet ta’ skadenza stabbiliti fid-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE[7] u Nru 1720/2006/KE[8] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxu dawn il-programmi ta’ azzjoni Komunitarja.

2. B’mod konformi mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar il-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha, u b’mod konformi mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-aġenziji nazzjonali fit-twettiq tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u tal-programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013), l-Iżvizzera tinkariga ruħha mit-twaqqif jew mill-ħatra, u mill-monitoraġġ ta’ struttura xierqa (aġenzija nazzjonali) sabiex tiżgura l-amministrazzjoni koordinata tal-implimentazzjoni, fuq livell nazzjonali, tal-azzjonijiet li jirriżultaw mill-programmi, tassumi r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tajba mill-aġenzija nazzjonali tal-krediti mħallsa lilha bħala għajnuna għall-proġetti, u tieħu l-miżuri li jiggarantixxu kif jixraq il-finanzjament approprjat, il-verifika u s-sorveljanza finanzjarja ta’ din l-aġenzija, li tirċievi kontribuzzjoni mill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ ammonistrazzjoni u ta’ implimentazzjoni tagħha. L-Iżvizzera tieħu l-miżuri l-oħrajn kollha meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-programmi fuq livell nazzjonali.

3. Sabiex tipparteċipa fil-programmi, kull sena, l-Iżvizzera għandha tħallas kontribuzzjoni lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’mod konformi mat-termini stabbiliti fl-Anness II.

4. Il-kundizzjonijiet u t-termini ta’ preżentazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla tal-applikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-organizzazzjonijiet u tal-individwi eliġibbli tal-Iżvizzera huma l-istess bħal dawk li japplikaw għall-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-individwi eliġibbli tal-Komunità.

5. Sabiex tkun iggarantita d-dimensjoni Komunitarja tal-programmi, sabiex il-proġetti u l-attivitajiet ikunu eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, dawn għandhom jinkludu mill-inqas imsieħeb wieħed li jkun ġej minn wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità.

6. Il-perċentwal tal-kontribuzzjoni tal-Iżvizzera, imsemmi fil-punt 3 hawn fuq, li sejjer jiġi allokat għall-azzjonijiet li għandhom jiġu amministrati mill-aġenzija nazzjonali skont ir-regoli tal-programmi għandu jirrifletti s-sehem ta’ dawn l-azzjonijiet fil-baġit tal-programm fuq livell Komunitarju. Il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-aġenzija nazzjonali għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi għandha tiġi kkalkolata skont il-kriterji li japplikaw għall-Istati Membri tal-Komunità.

7. Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, l-Istati Membri tal-Komunità u l-Iżvizzera għandhom jagħmlu minn kollox biex jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni u ż-żjarat tal-istudenti, tal-għalliema, tal-apprendisti, ta’ dawk li jħarrġu, tal-persunal amministrattiv tal-universitajiet, taż-żgħażagħ u ta’ persuni eliġibbli oħrajn li jivvjaġġaw bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim.

8. Mingħajr ma jiġu affettwati r-responsabbiltajiet tal-Kummisjoni u tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tas-sorveljanza u tal-evalwazzjoni tal-programmi, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programmi għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ kontinwu bi sħubija bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Iżvizzera. L-Iżvizzera għandha tippreżenta r-rapporti meħtieġa lill-Kummissjoni u għandha tkun assoċjata mal-miżuri speċifiċi l-oħrajn meħudin mill-Komunità għal dan il-għan.

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-aġenziji nazzjonali fit-twettiq tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u tal-programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013) kif ukoll l-istandards komuni stabbiliti fil-Gwida indirizzata lill-aġenziji nazzjonali, li sejra tkun mehmuża mal-kuntratti bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera, għandhom japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-Iżvizzera, il-Kummissjoni u l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera.

Il-konvenzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera jew il-benefiċjarji Żvizzeri kif ukoll bejn l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera u l-benefiċjarji Żvizzeri għandhom ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet relattivi tar-Regolament finanzjarju li japplika għall-baġit tal-Komunitajiet Ewropej u fuq it-termini ta’ eżekuzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-allokazzjoni u tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-parteċipanti Żvizzeri bl-istess mod kif japplikaw għal dawk kollha li jipparteċipaw fil-programmi.

Xi regoli kumplimentari dwar il-kontroll finanzjarju, l-irkupru u l-miżuri l-oħrajn kontra l-frodi huma speċifikati fl-Anness III.

F’każ li l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera tkun il-kawża ta’ irregolarità, ta’ negliġenza jew ta’ frodi, jekk il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tirkupra għal kollox xi ammonti li jkunu dovuti lilha mill-aġenzija nazzjonali, l-awtoritajiet Żvizzeri jkunu dawk responsabbli għall-fondi mhux irkuprati.

9. Fil-kuntatti kollha mal-Kummissjoni, il-lingwa użata għall-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet, għall-kuntratti, għar-rapporti ppreżentati u għall-aspetti amministrattivi l-oħrajn tal-programmi, għandha tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità.

ANNESS II Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżvizzera għall-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u għall-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha

1. Żgħażagħ fl-Azzjoni

Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tħallas l-Iżvizzera lill-baġit tal-Unjoni Ewropea sabiex tipparteċipa fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” sejra tkun din li ġejja (f’miljuni ta’ euro):

Sena 2011 | Sena 2012 | Sena 2013 |

1,7 | 1,8 | 1,9 |

2. Programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha

Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tħallas l-Iżvizzera lill-baġit tal-Unjoni Ewropea sabiex tipparteċipa fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha sejra tkun din li ġejja (f’miljuni ta’ euro):

Sena 2011 | Sena 2012 | Sena 2013 |

14,2 | 14,9 | 15,6 |

3. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u taż-żjarat imġarrba mir-rappreżentanti u mill-esperti tal-Iżvizzera għall-parteċipazzjoni tagħhom, bħala osservaturi, fix-xogħol tal-kumitati msemmijin fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha, jew f’laqgħat oħrajn relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni fuq l-istess bażi u skont l-istess proċeduri bħal dawk għar-rappreżentanti u l-esperti tal-Istati Membri tal-Komunità.

4. Wara d-dħul fis-seħħ jew il-bidu ta’ applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim u fil-bidu ta’ kull sena konsekuttiva, il-Kummissjoni għandha tindirizza lill-Iżvizzera sejħa għal fondi li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tagħha għal kull wieħed mill-programmi msemmijin f’dan il-Ftehim.

Il-kontribuzzjoni Żvizzera hija espressa u mħallsa f’euro.

L-Iżvizzera għandha tħallas il-kontribuzzjoni tagħha qabel l-1 ta’ Marzu, jekk is-sejħa għal fondi tal-Kummissjoni taslilha qabel l-1 ta’ Frar, jew l-aktar tard 30 jum wara s-sejħa għall-fondi jekk din tasal wara l-1 ta’ Frar.

Kwalunkwe dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni jirriżulta fi ħlas ta’ mgħax mill-Iżvizzera fuq l-ammont li jibqa’ dovut fid-data ta’ skadenza. Ir-rata ta’ mgħax tikkorrispondi għar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid bħalma tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar ta’ skadenza, miżjuda b’3,5 punti perċentwali.

ANNESS III Il-kontroll finanzjarju, l-irkupru u l-miżuri l-oħrajn kontra l-frodi

I. Verifiki u miżuri kontra l-frodi implimentati mill-Komunità

1. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti fil-programmi stabbiliti fl-Iżvizzera u mas-sottokuntratturi tagħhom. Dawn il-persuni jistgħu jagħtu direttament lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relattiva li huma għandhom jikkomunikaw fuq il-bażi tal-istrumenti li jirreferi għalihom dan il-Ftehim u tal-kuntratti konklużi għall-applikazzjoni tagħhom.

2. B’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002[9], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006[10], u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002[11], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007[12], kif ukoll mad-dispożizzjonijiet regolamentari l-oħrajn li jirreferi għalihom dan il-Ftehim, il-konvenzjonijiet tas-sussidji konklużi mal-benefiċjarji tal-programmi stabbiliti fl-Iżvizzera għandhom jipprevedu li l-verifiki finanzjarji jew oħrajn jistgħu jsiru fi kwalunkwe mument, għandhom u għand is-sottokuntratturi tagħhom, mill-aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħrajn awtorizzati minnhom.

Il-kontijiet u l-operazzjonijiet tal-Aġenzija nazzjonali jistgħu jiġu vverifikati mill-aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħrajn awtorizzati minnhom. Dawn il-verifiki jistgħu jirrigwardjaw ukoll il-kapaċità tal-qafas stabbilit mill-Iżvizzera biex tapplika r-regoli tal-programmi li qiegħda ssir referenza għalihom f’dan il-Ftehim u biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba skont il-kriterji tal-Artikoli relattivi tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006, u tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007.

3. L-aġenti tal-Kummissjoni u l-persuni l-oħrajn awtorizzati minnhom għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, ix-xogħlijiet u d-dokumenti, kif ukoll għall-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluża dik f’format elettroniku, biex iwettqu dawn il-verifiki. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa msemmi b’mod espliċitu fil-kuntratti konklużi għall-applikazzjoni tal-istrumenti li jirreferi għalihom dan il-Ftehim. Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-istess drittijiet bħal dawk tal-Kummissjoni.

Il-verifiki jistgħu jsiru wara li jintemmu l-programmi jew dan il-Ftehim skont it-termini previsti fil-kuntratti msemmija.

4. Fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni/l-OLAF (L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi - Office européen de lutte antifraude ) għandhom ikunu awtorizzati li jagħmlu kontrolli u verifiki fuq il-post fit-territorju Żvizzeru, b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 1996[13].

Dawn il-kontrolli u l-verifiki għandhom jitħejjew u jitwettqu b’kollaborazzjoni stretta mal-awtoritajiet Żvizzeri kompetenti maħturin mill-Iżvizzera, li għandhom jiġu informati fi żmien debitu dwar l-iskop, l-għan u l-bażi ġuridika tal-kontrolli u tal-verifiki, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa.

Jekk l-awtoritajiet Żvizzeri kkonċernati jkunu jixtiequ, il-verifiki fuq il-post u l-ispezzjonijiet jistgħu jsiru b’mod konġunt magħhom.

Fil-każ li l-parteċipanti fil-programmi jopponu għal kontroll jew għal verifika fuq il-post, l-awtoritajiet Żvizzeri għandhom jagħtu lill-kontrolluri tal-Kummissjoni/tal-OLAF, b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kull għajnuna meħtieġa li jkollhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom ta’ kontroll u ta’ verifika fuq il-post.

Il-Kummissjoni/l-OLAF għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet Żvizzeri bi kwalunkwe element li jista’ jagħti suspett tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jkunu saru jafu bih matul il-kontroll jew il-verifika fuq il-post. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni/l-OLAF għandhom jinfurmaw lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultat ta’ dawn il-kontrolli u l-verifiki.

II. Verifiki u miżuri kontra l-frodi implimentati mill-Iżvizzera

1. L-awtorità nazzjonali ta’ kontroll finanzjarju kompetenti fl-Iżvizzera sejra twettaq kontroll finanzjarju xieraq tal-implimentazzjoni tal-programmi, b’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Aġenziji nazzjonali fit-twettiq tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u tal-programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013) u mal-istandards komuni stabbiliti fil-Gwida indirizzata lill-aġenziji nazzjonali u mehmuża mal-kuntratti bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera. Il-każijiet ta’ suspett ta’ frodi u l-każijiet kkonfermati ta’ frodi u ta’ irregolarità, kif ukoll il-miżuri kollha relatati meħudin mill-Aġenzija Nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien lis-servizzi tal-Kummissjoni. L-Iżvizzera għandha tiżgura l-investigazzjoni u t-trattament sodisfaċenti tal-każijiet ta’ suspett ta’ frodi u l-każijiet kkonfermati ta’ frodi u ta’ irregolarità wara l-kontrolli nazzjonali jew Komunitarji.

Irregolarità tfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju li tapplika b’mod konformi ma’ dan il-Ftehim jew tal-obbligi kuntrattwali li ġejjin minnu, li jirriżulta minn azzjoni jew ommissjoni minn operaturi ekonomiċi, li għandhom jew li jkollhom l-effett li jippreġudikaw, permezz ta’ spiża mingħajr ġustifikazzjoni, il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew il-baġits amministrati minnha.

Frodi tfisser kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonat relatat:

- mal-użu jew mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux eżatti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett l-approprjazzjoni jew iż-żamma bla dritt ta’ fondi li jkunu ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew mill-baġits amministrati mill-Komunitajiet Ewropej jew f’isimhom,

- man-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett,

- mal-użu ħażin ta’ tali fondi għal finijiet għajr dawk li għalihom ġew oriġinarjament mogħtija.

2. L-awtoritajiet Żvizzeri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimpedixxu u jiskoraġġixxu kull prattika ta’ korruzzjoni attiva jew passiva fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jew tal-għotja tas-sussidji jew matul l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet korrispondenti.

“Korruzzjoni attiva” tfisser l-att maħsub ta’ persuna li twiegħed jew li tagħti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ ta’ kwalunkwe natura lil uffiċjal, favur tiegħu jew favur terz, sabiex jaġixxi jew jastjeni milli jaġixxi b’mod konformi mad-dover tiegħu jew, fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, bi ksur tal-obbligi uffiċjali tiegħu, b’mod li jagħmel ħsara jew li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

“Korruzzjoni passiva” tfisser l-att maħsub ta’ uffiċjal li, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġ ta’ kwalunkwe natura, favur tiegħu jew favur terz, jew jaċċetta l-wegħda ta’ tali vantaġġ dejjem jekk dan jaġixxi jew jastjeni milli jaġixxi b’mod konformi mad-dover tiegħu jew, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, bi ksur tal-obbligi uffiċjali tiegħu, b’mod li jagħmel ħsara jew li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-awtoritajiet Żvizzeri u l-persunal li huma responsabbli għall-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-programmi għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jevitaw kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih jekk iseħħ tali kunflitt ta’ interess jew sitwazzjoni li tista’ twassal għal tali kunflitt ta’ interess.

III. Kunfidenzjalità

L-informazzjoni li tiġi kkomunikata jew li tinkiseb skont dan l-Anness, taħt kwalunkwe forma, hija koperta mis-sigriet professjonali u tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni analoga mid-dritt Żvizzeru u mid-dispożizzjonijiet korrespondenti li japplikaw għall-istituzzjonijiet Komunitarji. Din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata lil persuni għajr dawk li, fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri jew l-Iżvizzera, jeħtieġu li jsiru jafuha minħabba l-funzjonijiet tagħhom, u lanqas ma tista’ tintuża għal finijiet oħrajn għajr dawk li jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

IV. Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Żvizzera, miżuri u sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni b’mod konformi mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006, mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007, u mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1995[14] dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

V. Irkupru

Għall-azzjonijiet b’amministrazzjoni ċentralizzata indiretta, l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera għandha r-responsabbiltà li tagħmel it-talbiet tal-irkupru tal-fondi u li timplimenta kull azzjoni legali meħtieġa fir-rigward tal-benefiċjarji b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. F’każ li l-Aġenzija nazzjonali Żvizzera tkun il-kawża ta’ irregolarità, ta’ negliġenza jew ta’ frodi, l-awtoritajiet Żvizzeri għandhom ikunu responsabbli għall-fondi mhux irkuprati.

Għall-azzjonijiet b’amministrazzjoni ċentralizzata diretta mill-Kummissjoni, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħudin fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, li jinkludu obbligu ta’ ħlas ta’ flus minn persuni li mhumiex l-Istati, għandhom ikunu infurzati fl-Iżvizzera. L-infurzar għandu jseħħ skont ir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Iżvizzera. L-ordni għall-infurzar hija mehmuża mad-Deċiżjoni, mingħajr ebda formalità meħtieġa għajr dik tal-verifika tal-awtentiċità tad-Deċiżjoni mill-awtorità maħtura għal dan il-għan mill-gvern Żvizzeru, li għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Wara t-tlestija ta’ dawn il-formalitajiet, fuq talba tal-Kummissjoni, din tista’ tkompli l-ordni għall-infurzar billi tipproċedi direttament quddiem il-korp kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni hija soġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej maħruġin bħala riżultat ta’ klawżola ta’ arbitraġġ ta’ kuntratt konkluż fl-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim huma infurzabbli taħt l-istess kundizzjonijiet.

DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-kumitati

Il-Kunsill jaqbel li r-rappreżentanti tal-Iżvizzera għandhom jipparteċipaw, bħala osservaturi u għall-punti li jikkonċernawhom, fil-laqgħat tal-kumitati tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u tal-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha (2007-2013). Dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr ir-rappreżentanti tal-Iżvizzera meta ssir il-votazzjoni.

[1] Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013 (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30).

[2] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja għall-perjodu 2007-2013 (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45).

[3] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[4] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

[5] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[6] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

[7] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

[8] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

[9] ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1.

[10] ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

[11] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

[12] ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13.

[13] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[14] ĠU L 312, 23.12.1995, p.1.