52009PC0420




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.7.2009

KUMM(2009) 420 finali

2007/0247 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

skont l-Artikolu 251(2), it-tielet subparagrafu, il-punt (c) tat-Trattat tal-KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill rigward Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

JEMENDA L-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI b’mod konformi ma’ l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE

2007/0247 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

skont l-Artikolu 251(2), it-tielet subparagrafu, il-punt (c) tat-Trattat tal-KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill rigward Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

1. SFOND

Proċedura

Fit-13 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Direttiva COM(2007) 697 – 2007/0247 (COD) (‘id-Direttiva tar-Regolamentazzjoni Aħjar’), u ressqitha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-16 ta' Novembru 2007 għall-adozzjoni permezz tal-proċedura tal-kodeċiżjoni kif stipulat fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-Opinjoni tiegħu fid-29 ta' Mejju 2008. Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fid-19 ta’ Ġunju 2008.

Fis-6 ta' Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat, skont l-Artikolu 250 tat-Trattat tal-KE, il-proposta emendata tagħha[1] li tinkludi bis-sħiħ jew parzjalment ħafna mill-emendi vvotati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tagħha fl-24 ta' Settembru 2008.

Il-Kunsill, skont l-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE, adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar il-proposta fis-16 ta' Frar 2009[2].

Il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fis-17 ta' Frar 2009[3].

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari fis-6 ta' Mejju 2009.

2. GħAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

L-għan tal-proposti tal-Kummissjoni huwa li jkun aġġustat il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, fir-rigward tad-Direttivi Kwadru[4], tal-Awtorizzazzjoni[5] u tal-Aċċess[6], ħalli titjieb l-effikaċja tagħhom, jitnaqqsu r-riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni ekonomika, u jingħata aċċess iktar sempliċi u effiċjenti għall-frekwenzi tar-radju.

3. KUMMENTI TAL-KUMMISSJONI

3.1. Ġenerali

Fis-Sessjoni Plenarja tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009, il-Parlament Ewropew adotta għadd ta' emendi nnegozjati mal-Kunsill dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill bil-ħsieb li tiġi żgurata l-adozzjoni fit-tieni qari. Dawn l-emendi jikkonċernaw essenzjalment:

- Fir-rigward tal-ispettru: l-introduzzjoni ta' aktar flessibbiltà permezz tas-servizzi u n-newtralità tat-teknoloġija minkejja li b'serje ta' eċċezzjonijiet; il-possibbiltà li tiġi imposta esklussività tas-servizz f'każijiet limitati; l-adozzjoni ta' programmi multiannwali tal-politika tal-ispettru mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni megħjuna mill-Grupp għall-Politika tal-Ispettru tar-Radju; is-setgħa li tarmonizza l-faxxi fejn id-drittijiet ikunu ser isiru negozjabbli, u l-eżenzjoni mir-rekwiżiti biex jiġi inizjat għoti ġdid ta' drittijiet fil-każ tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet eżistenti;

- It-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli mir-regolamentazzjoni ex ante tas-suq u għas-soluzzjoni ta' tilwim;

- Kjarifika ulterjuri tar-rekwiżiti applikabbli għall-appelli kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

- Dispożizzjoni tal-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, sabiex jinħarġu rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-irtirar u/jew l-emendar tal-abbozzi tal-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali marbuta mal-impożizzjoni, l-emendar jew l-irtirar ta' obbligi ex ante fuq l-operaturi;

- L-iżgurar li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu miżuri biex jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini billi jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-utenti aħħarija;

- Is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri ulterjuri tal-armonizzazzjoni fil-forma ta' rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jorbtu, fejn jippersistu differenzi fl-implimentazzjoni tar-rimedji;

- It-tisħiħ tal-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali biex jimponu obbligi għall-qsim tal-faċilitajiet jew proprjetà assoċjata man-netwerks tal-komunikazzjonijet elettroniċi;

- Il-kjarifika tal-prinċipji u l-miri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, b'referenza partikolari għall-preżervazzjoni tal-inċentivi għal investiment f'infrastruttura ġdida tan-netwerk filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni;

- L-aġġornament u l-modernizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet sabiex titjieb in-newtralità teknoloġika tal-qafas;

- Dispożizzjonijiet ġodda li jistipulaw il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-impożizzjoni tas-separazzjoni funzjonali minn awtorità regolatorja nazzjonali.

Il-Kummissjoni taċċetta l-emendi tal-Parlament Ewropew bħala konformi mal-għan globali u mal-karatteristiċi ġenerali tal-proposta.

Fir-rigward tal-Emenda 138, il-Kummissjoni aċċettatha fil-proposta emendata tagħha wara l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew, iżda wara appoġġjat it-test ta' kompromess tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala soluzzjoni bbilanċjata. Il-Kummissjoni tista' għalhekk taċċetta l-emenda, iżda se tagħmel l-almu tagħha biex tiffaċilita l-ilħiq ta' kompromess bejn il-koleġiżlaturi dwar din il-kwistjoni.

3.2. Proposta Emendata

Skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni temenda l-Proposta tagħha skont l-emendi vvotati mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tiegħu fis-6 ta' Mejju 2009.

[1] COM(2008) 724 finali.

[2] ĠU C103E, 5.5.2009, p. 1.

[3] COM(2009) 78 finali.

[4] Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 108, 24.4.2002).

[5] Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 108, 24.4.2002).

[6] Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (ĠU L 108, 24.4.2002).