52009PC0347

Proposta għal regolament tal-Kunsill Li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova u fit-Turkija /* KUMM/2009/0347 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.7.2009

KUMM(2009) 347 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova u fit-Turkija

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta |

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) fil-proċediment li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”), fir-Repubblika tal-Moldova (“RM”) u fit-Turkija. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet f’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Mhux applikabbli. |

Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u stima tal-impatt |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati fil-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

L-istima tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda jinkludi lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. |

3. L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

L-azzjoni proposta fil-qosor Fit-8 ta' Mejju 2008, il-Kummissjoni tat bidu għal proċediment ta’ anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-RPĊ, fir-RM u fit-Turkija. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 112/2009, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ u mir-RM. Ma kien impost l-ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Turkija, billi dawn l-importazzjonijiet instabu li ma kkaġunaw l-ebda ħsara lill-industrija Komunitarja. Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill hi msejsa fuq is-sejbiet definittivi dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju li kkonfermaw is-sejbiet provviżorji fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Turkija, filwaqt li nstab li l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RM ma kkawżawx ħsara lill-industrija Komunitarja. Barra minn dan, fuq il-bażi ta’ aktar dejta miġbura mill-partijiet interessati, il-marġnijiet ta’ dumping u ħsara ġew riveduti. Għalhekk, ġie propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex jiġu imposti miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ. |

Il-bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjonijiet nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mnaqqas u miġjub fi proporzjon mal-għan tal-proposta, ma tapplikax. |

L-għażla ta’ strumenti |

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet oħrajn. |

4. L-implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova u fit-Turkija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-‘Regolament bażiku’)[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

.1. Il-miżuri provviżorji

(1) Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 112/2009[2] (ir-‘Regolament provviżorju’) imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (‘RPĊ’) u fir-Repubblika tal-Moldova (‘RM’).

(2) Ta’ min ifakkar li l-proċediment inbeda wara li tressaq ilment minn Eurofer (‘il-kwerelant’) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-vireg tal-wajer.

.2. Il-proċedura sussegwenti

(3) Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri anti-dumping provviżorji ('żvelar provviżorju'), għadd ta' partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Għal dan il-għan saret żjara ta' verifika oħra fil-kumpanija li ġejja:

Produttur fil-Komunità:

- Celsa UK Holding Limited, Cardiff, ir-Renju Unit

(4) Il-Kummissjoni kompliet ukoll l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-aspetti tal-interess tal-Komunità u wettqet analiżi tad-dejta li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mogħtija minn xi utenti fil-Komunità.

(5) Ta' min ifakkar li, kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2007 sal-31 ta' Marzu 2008 ('il-perjodu ta' investigazzjoni' jew 'PI'). Fir-rigward tax-xejriet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-dejta li tkopri l-perjodu mill-2004 sa tmiem il-PI (‘il-perjodu meqjus’).

(6) Xi partijiet interessati argumentaw li l-għażla tas-sena 2004 li tqieset fl-evalwazzjoni tal-ħsara kienet żbaljata għaliex allegatament is-sena 2004 kienet sena eċċezzjonalment tajba f’termini tad-domanda u l-marġnijiet ta’ profitt għoljin. Għaldaqstant, dawn iddikjaraw li s-sena 2004 għandha tkun eskluża mill-perjodu meqjus.

(7) Ta' min jinnota li skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, il-perjodu tal-investigazzjoni għandu jkopri l-perjodu immedjatament qabel il-bidu tal-proċediment. Ta' min ifakkar li l-investigazzjoni preżenti inbdiet fit-8 ta' Mejju 2008. Fir-rigward tal-investigazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara, din normalment tkopri tlieta jew erba' snin qabel il-bidu, u tintemm flimkien mal-perjodu ta' investigazzjoni tad-dumping. Fil-proċediment preżenti ġiet applikata din il-prassi. Għaldaqstant, jekk is-sena 2004, jew kull sena oħra li taqa’ fi ħdan il-perjodu meqjus, kinitx eċċezzjonali jew le ma tidhirx rilevanti għall-għażla ta’ dan il-perjodu.

(8) Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' vireg tal-wajer li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju provviżorju, u t-tmiem tal-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-RM u fit-Turkija. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu appelli wara dan l-iżvelar.

(9) Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati skont dan.

B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(10) Il-prodott ikkonċernat huwa staneg u vireg, imremblin bis-sħana, f’kojls imkebbin b’mod irregolari, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew azzar illigat li mhumiex tal-istainless steel li joriġinaw fir-RPĊ, fir-RM u fit-Turkija ('il-prodott ikkonċernat' jew virga tal-wajer), normalment iddikjarat fil-kodiċijiet NM 7213 10 00, 7213 20 00, 7213 91 10, 7213 91 20, 7213 91 41, 7213 91 49, 7213 91 70, 7213 91 90, 7213 99 10, 7213 99 90, 7227 10 00, 7227 20 00, 7227 90 10, 7227 90 50 u 7227 90 95. Il-prodott ikkonċernat ma jinkludix vireg tal-wajer tal-istainless steel.

(11) Wara l-iżvelar provviżorju, waħda mill-partijiet interessati ddikjarat li l-vireg tal-wajer li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 7213 91 90 ma għandhomx jiġu inklużi fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għax il-prokuri maħruġa lill-Kwerelant u r-rappreżentant legali tiegħu ma kinux ikopru dan it-tip ta’ prodott speċifiku.

(12) F’dan ir-rigward ta’ min jinnota, l-ewwel nett, li l-kwerelant inkluda l-kodiċi NM imsemmi hawn fuq. It-tieni, il-prodott ikkonċernat huwa definit, fil-bidu nett tal-investigazzjoni, primarjament fuq il-bażi tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi. Il-kodiċijiet NM rilevanti li taħthom jiġu ddikjarati l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jiġu finalment determinati biss matul l-investigazzjoni, u b’mod partikolari meta jiġu imposti dazji finali. Dan jidher ċar ukoll mit-test tal-avviż ta’ bidu li jiddikjara li l-kodiċijiet NM rilevanti jingħataw biss għall-informazzjoni[3]. Barra minn hekk, ġie konkluż li l-virga tal-wajer iddikjarata taħt il-kodiċi NM imsemmi hawn fuq għandha l-karatteristiċi bażiċi li jinsabu stabbiliti fl-avviż ta’ bidu, u li għalhekk din taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant din it-talba ġiet miċħuda.

(13) Wieħed mill-produtturi esportaturi u wieħed mill-utenti allegaw li tip speċifiku ta’ virga tal-wajer, jiġifieri “korda tat-tajers”, ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 7213 91 20, ikun ferm differenti minn tipi oħra ta’ vireg tal-wajer fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, l-użu aħħari, l-interkambjabbiltà u l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi. Għaldaqstant, dawn iddikjaraw li l-korda tat-tajers għandha tiġi eskluża mill-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

(14) L-affermazzjoni msemmija hawn fuq u l-argumenti speċifiċi ġew analizzati fid-dettall. L-ewwel nett, ġie stabbilit li t-tipi differenti ta’ vireg tal-wajer, inkluża l-“korda tat-tajers”, inklużi fid-definizzjoni tal-prodott għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, li jfisser li jagħmlu parti mill-istess kategorija tal-prodott.

(15) It-tieni, anki jekk jista’ jiġi argumentat li l-korda tat-tajers hija tip relattivament aktar sofistikat u għali meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ vireg tal-wajer koperti fi ħdan l-ambitu tal-investigazzjoni attwali, ma jfissirx li l-kordi tat-tajers importati mir-RPĊ għandhom karatteristiċi li huma ferm differenti mill-kordi tat-tajers immanifatturati fil-Komunità.

(16) Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li kien hemm importazzjonijiet ta’ kordi tat-tajers mill-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu meqjus. Għalkemm dawn l-importazzjonijiet saru fi kwantitajiet limitati, dan juri li l-produtturi esportaturi kkonċernati mill-investigazzjoni attwali kellhom il-kapaċità li jipproduċu dan it-tip ta’ vireg tal-wajer.

(17) Għalhekk, fuq il-bażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-esklużjoni tal-korda tat-tajers mill-ambitu tal-investigazzjoni ma kinitx titqies iġġustifikata. Għalhekk it-talba kellha tiġi miċħuda.

(18) Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra dwar il-prodott ikkonċernat jew il-prodott simili, il-premessi (13) sa (14) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

C. DUMPING

1. Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

1.1 Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(19) Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra fir-rigward tal-istatus tat-TES tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-konklużjonijiet tal-premessi (27) sa (31) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

1.2 Ir-Repubblika tal-Moldova

(20) Ta’ min ifakkar li l-uniku esportatur Moldovan li kkoopera ma rnexxielu jissodisfa l-ebda wieħed mill-ħames kriterji tat-TES. Wara l-iżvelar provviżorju, il-kumpanija tenniet il-kummenti preċedenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jingħatalhiex it-TES, li diġà kienu ġew analizzati u indirizzati fit-TES u fl-iżvelar provviżorju. L-esportatur Moldovan ikkontesta s-sejbiet dwar il-kriterji kollha tat-TES, iżda ma pprovdiex evidenza b'sostenn għall-affermazzjonijiet tiegħu.

(21) B’mod partikolari, l-esportatur iddikjara li l-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnfisha meta tqis li l-hekk imsejħa awtoritajiet tar-reġjun Transnistrijan tar-RM jitqiesu li jwettqu r-rwol tal-“Istat” fl-evalwazzjoni tal-kriterju 1, iżda mhux tal-kriterju 4. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-hekk imsejħa awtoritajiet tar-reġjun Transnistrijan tar-RM jinsabu biċ-ċar f’pożizzjoni li jindaħlu fl-immaniġġjar tal-kumpanija. Madankollu dan għandu impatt dirett fl-evalwazzjoni tal-kriterju 1. Min-naħa l-oħra, l-hekk imsejħa awtoritajiet tar-reġjun Transnistrijan tar-RM, billi mhumiex rikonoxxuti, ma jiżgurawx stabbiltà u ċertezza legali kif meħtieġ skont il-kriterju 4. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(22) Fir-rigward tal-kriterju 1, l-esportatur argumenta, b’mod partikolari, li l-amministrazzjoni tiegħu hi magħmula minn persuni privati u li ma ġiet stabbilita l-ebda konnessjoni bejn l-ogħla amministrazzjoni tiegħu u l-hekk imsejħa awtoritajiet tar-reġjun Transnistrijan tar-RM. Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li l-President u staff maniġerjali ieħor tal-kumpanija jipparteċipaw b’mod attiv fil-korpi leġiżlattivi tal-hekk imsejħa awtoritajiet tar-reġjun Transnistrijan tar-RM. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(23) Fir-rigward tal-kriterju 2 il-kumpanija argumentat, b’mod partikolari, li l-opinjoni riżervata tar-rapport ta’ verifika dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija kienet immaterjali. Madankollu, din l-opinjoni riżervata tirreferi għall-valur tal-assi fissi kollha u għalhekk ma tistax titqies bħala immaterjali. Matul il-verifika l-kumpanija ma kinitx kapaċi tikkjarifika din ir-riżerva. Ma ngħatat l-ebda evidenza addizzjonali f’dan ir-rigward. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(24) Fir-rigward tal-kriterju 3, il-kumpanija tenniet l-argument tagħha li, wara l-privatizzazzjoni tagħha, ġiet sussegwentement mibjugħa mill-ġdid lis-sidien attwali tagħha, b’mod indipendenti u għalhekk kull tfixkil preċedenti kien tneħħa. Madankollu ma ngħatat l-ebda evidenza li ssostni din l-affermazzjoni u l-konklużjoni fil-Premessa (45) tar-Regolament provviżorju hi għalhekk ikkonfermata.

(25) Fir-rigward tal-kriterju 5, il-kumpanija ddikjarat b’mod partikolari li l-fatt li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha huma f’dollari Amerikani, u mhux fl-hekk imsejħa valuta tar-rublu Transnistrijan (rublu tar-RMT) jagħmel il-kwistjoni irrilevanti. Madankollu, jibqa’ l-fatt li r-rublu tar-RMT jintuża f’għadd ta’ operazzjonijiet li l-kumpanija twettaq ta' kuljum, u għalhekk ir-rata tal-kambju tar-rublu tar-RMT f’valuti oħra mhijiex irrilevanti għall-evalwazzjoni skont dan il-kriterju. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(26) Għaldaqstant dawn l-affermazzjonijiet ma bidlux il-konklużjonijiet provviżorji li ma jingħatax TES lill-produttur esportatur Moldovan li kkoopera, u l-konklużjonijiet tal-premessi (32) sa (49) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2. It-trattament individwali ('TI')

(27) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar it-TI, il-premessi (50) sa (53) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3. Il-valur normali

3.1 It-Turkija

(28) Wieħed mill-produtturi esportaturi osserva li d-dejta riveduta u vverifikata dwar il-bejgħ domestiku tiegħu ma ġietx ikkunsidrata biex jiġi stabbilit il-valur normali. Produttur esportatur ieħor argumenta li l-valur normali kompost ġie kkalkulat ħażin minħabba żball klerikali. Dawn l-affermazzjonijiet ġew ivverifikati u fejn xieraq, saru t-tiswijiet.

(29) Produttur esportatur ieħor argumenta li l-bejgħ tal-esportazzjoni tiegħu kkonsista biss f’tip “mhux standard” tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li l-bejgħ domestiku kien taħlita ta’ tipi “standard” u “mhux standard”. Dan iddikjara li din il-metodoloġija rriżultat f'paragun inġust u li l-valur normali għandu jiġi kkalkulat billi jitqabblu biss il-prezzijiet tal-esportazzjoni “mhux standard” u dawk tal-bejgħ domestiku.

(30) L-investigazzjoni, madankollu, ma setgħetx turi differenzi biżżejjed bejn prodotti “standard” u “mhux standard”, kif iddikjarat mill-produttur esportatur, li jistgħu jaffettwaw il-komparabbiltà tagħhom. Iż-żewġ kategoriji, it-tnejn huma konformi mad-deskrizzjoni tal-prodott simili. Barra minn hekk l-investigazzjoni żvelat li ż-żewġ tipi nbiegħu mill-kumpanija bl-istess prezz. Għaldaqstant, din it-talba kellha titwarrab.

(31) Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-valur normali għat-Turkija, il-konklużjonijiet provviżorji kif imfissra fil-premessi (54) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.2 Ir-Repubbilka tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Moldova

(32) Ma wasal l-ebda kumment li jikkonċerna l-valur normali għar-RPĊ u r-RM stabbilit kif deskritt fil-premessa (64) tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet provviżorji huma kkonfermati.

4. Il-pajjiż analogu

(33) It-Turkija ntgħażlet provviżorjament bħala pajjiż analogu għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (65) sa (74) tar-Regolament provviżorju. Wara l-iżvelar provviżorju, il-kwerelant, Eurofer, argumenta kontra l-użu tat-Turkija bħala pajjiż analogu, minflok il-Brażil kif kien previst fil-bidu. Eurofer tenna l-argumenti ppreżentati fi stadju provviżorju billi afferma li (a) hemm kompetizzjoni biżżejjed fis-suq Brażiljan u (b) allega li minħabba s-sussidjar tal-industrija tal-azzar Torka, din ma titqiesx xierqa għall-iffissar tal-valur normali. Barra minn hekk, Eurofer argumenta li billi l-investigazzjoni stabbilixxiet l-eżistenza tad-dumping għat-Turkija, skont il-prassi tal-Kummissjoni din ma għandhiex titqies bħala pajjiż analogu.

(34) Ta’ min ifakkar li l-prezzijiet domestiċi fil-Brażil instab li kienu ogħla mill-prezzijiet globali ppubblikati. Barra minn hekk, il-livell ta’ profitti tal-produttur Brażiljan fis-suq domestiku nstab li kien ferm ogħli meta mqabbel, b’mod partikolari, mal-livell ta’ profitt meqjus raġjonevoli għall-industrija Komunitarja. Kif iddikjarat fir-Regolament provviżorju, dan jitqies bħala indikazzjoni tal-livell insuffiċjenti ta' kompetizzjoni fis-suq Brażiljan.

(35) Fir-rigward tat-Turkija, jidher biċ-ċar li hemm kompetizzjoni akbar fis-suq domestiku milli fil-każ tal-Brażil. Il-fatt li l-esportaturi Torok instabu li kienu qed iwettqu dumping ma jfissirx neċessarjament li l-valur normali stabbilit għal dak il-pajjiż mhuwiex affidabbli.

(36) Eurofer argumenta wkoll li billi l-kumpaniji Torok huma allegatament sussidjati, it-Turkija ma tkunx għażla xierqa bħala pajjiż analogu. Madankollu, ma ngħatat l-ebda evidenza biex issostni din l-allegazzjoni.

(37) Fid-dawl ta’ dan kollu, il-konklużjonijiet tal-premessi (65) sa (74) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati, u t-Turkija ntużat bħala pajjiż analogu għall-iskop ta’ dan il-proċediment, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

5. Il-Prezz tal-Esportazzjoni

(38) Wieħed mill-produtturi esportaturi argumenta li l-prezz tal-esportazzjoni ma kellux jiġi kkalkolat kif stabbilit fil-premessa (76) tar-Regolament provviżorju. Wara li ġiet eżaminata din l-affermazzjoni, instab li kienet iġġustifikata b’mod partikolari għax il-funzjonijiet tal-kumpanija, li għandha l-operazzjonijiet tagħha barra mill-Komunità, ma kinux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(39) Produttur esportatur ieħor iddikjara li t-tnaqqis għal kummissjonijiet li saru għall-bejgħ permezz ta' kumpanija relatata ma kienx iġġustifikat. Wara li ġiet eżaminata din l-affermazzjoni, instab li kienet iġġustifikata billi l-kumpanija relatata ma wettqitx funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew għalhekk ikkoreġuti skont dan.

(40) Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra fir-rigward tal-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-konklużjonijiet provviżorji kif imfissra fil-premessa (75) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6. It-tqabbil

(41) It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi ex fabbrika. Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(42) Kif deskritt fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju, ingħataw konċessjonijiet għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż għat-trasport tal-merkanzija u l-assigurazzjoni, it-tariffi bankarji, l-ispejjeż tal-ippakkjar, l-ispejjeż ta’ kreditu u l-kummissjonijiet, fejn kien applikabbli u ġġustifikat.

(43) Bosta esportaturi kkontestaw il-kalkolu tal-aġġustamenti għat-trasport intern, l-ispejjeż għat-trasport tal-merkanzija, it-tariffi bankarji, l-ispejjeż ta’ kreditu u l-kummissjonijiet u l-kalkoli alternattivi proposti. Fid-dawl tal-evidenza mogħtija fit-tweġibiet għall-kwestjonarju u t-tagħrif u l-evidenza miġbura matul iż-żjarat ta’ verifika, il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-talbiet ma kinux iġġustifikati u għalhekk inżammu l-aġġustamenti kif ikkalkolati fl-istadju provviżorju. Madankollu, xi wħud mit-talbiet intlaqgħu, fejn iġġustifikati, u saru korrezzjonijiet għall-aġġustamenti li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ kreditu, il-kummissjonijiet u t-tariffi doganali fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni.

7. Il-marġnijiet ta' dumping

(44) Il-medja differenzjata tal-valur normali tqabblet mal-medja differenzjata tal-prezz tal-esportazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

7.1. Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(45) Wara l-korrezzjonijiet tal-valuri normali fil-pajjiż analogu, il-marġnijiet ta’ dumping definittivi għall-produtturi esportaturi Ċiniżi huma kif ġej:

Il-kumpanija | Il-marġni ta' dumping |

Valin Group | 38,6% |

L-oħrajn kollha | 52,3% |

7.2. Ir-Repubblika tal-Moldova

(46) Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, tqies li l-użu tad-dejta ta’ esportazzjoni disponibbli kollha għar-RM jagħti stampa aktar preċiża tad-dumping ipprattikat minn dak il-pajjiż. Għaldaqstant, il-marġni ta’ dumping definittiv mal-pajjiż kollu ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-produtturi magħrufa kollha.

(47) Wara l-korrezzjonijiet tal-valuri normali tal-pajjiż analogu, tal-prezzijiet tal-esportazzjoni u tal-aġġustamenti kif deskritti hawn fuq, il-marġni ta’ dumping definittiv mal-pajjiż kollu għar-RM ġie stabbilit għal 16,2 %.

7.3 Il-produtturi esportaturi Torok

(48) Fid-dawl ta’ dan kollu, il-marġnijiet ta’ dumping definittivi għall-produtturi esportaturi Torok huma kif ġej:

L-isem tal-Kumpanija | Il-marġni ta' dumping |

Kroman Çelik Sanayli AS | 18,8 % |

Çolakoglu Metalurji AS | 7,6% |

Iskenderun Demir ve Çelik AŞ | 10,5 % |

Habas Sinai ve Tibbi Gazlar Istihsal Endustri AS | 7,1 % |

Icdas Celik Enerji Tersane ve Ulasim Sanayii AS | 3,9% |

L-oħrajn kollha | 18,8% |

D. ĦSARA

1. Il-produzzjoni Komunitarja

(49) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar il-produzzjoni Komunitarja jew il-kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi siekta kif imsemmi fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju, il-premessi (89) sa (92) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2. Id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja

(50) Fin-nuqqas ta' xi kummenti dwar id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, il-premessa (93) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

(51) Ta’ min ifakkar li ma ġie applikat l-ebda teħid ta’ kampjuni għall-analiżi tal-ħsara, billi l-20 produttur li kkooperaw kienu jikkonsistu f’erba’ gruppi ta’ kumpaniji u żewġ produtturi indipendenti. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, kif imsemmi fil-premessa (3) hawn fuq, twettqet verfika fuq il-post fil-bini ta' produttur Komunitarju ieħor addizzjonali, biex tkun verifikata d-dejta mogħtija fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju.

3. Il-konsum Komunitarju

(52) Ta’ min ifakkar li l-konsum Komunitarju kien stabbilit fuq il-bażi tal-importazzjonijiet totali, miksuba minn Eurostat, u l-bejgħ totali fis-suq Komunitarju tal-industrija Komunitarja u tal-produtturi Komunitarji l-oħra, inkluża stima tal-bejgħ tal-produtturi siekta msejsa fuq id-dejta mogħtija fl-ilment.

(53) Parti waħda interessata kkontestat il-metodu użat biex jiġi determinat il-konsum Komunitarju, u ddikjarat li l-produzzjoni mill-industrija Komunitarja prevista għall-użu intern u l-bejgħ intern għandha tiġi inkluża fil-konsum Komunitarju u fl-evalwazzjoni tal-ħsara, billi dan l-użu intern u dan il-bejgħ intern kienu f’kompetizzjoni diretta mal-bejgħ fis-suq ħieles, inklużi l-importazzjonijiet.

(54) Ta’ min jinnota li kif spjegat fil-premessi (119) sa (143) tar-Regolament provviżorju, il-produzzjoni interna tal-industrija Komunitarja ġiet analizzata fl-evalwazzjoni tal-ħsara. Madankollu, skont il-prassi konsistenti tal-Kummissjoni, l-użu intern, jiġifieri t-trasferimenti interni tal-prodott simili fost il-produtturi Komunitarji integrati għal aktar ipproċessar, ma ġiex inkluż fiċ-ċifra tal-konsum Komunitarju, għax dawn it-trasferimenti interni mhumiex f’kompetizzjoni mal-bejgħ minn fornituri indipendenti fis-suq ħieles.

(55) Fir-rigward tat-talba għall-inklużjoni tal-bejgħ intern, jiġifieri l-bejgħ lil kumpaniji relatati, fiċ-ċifra tal-konsum Komunitarju, instab li din iċ-ċifra kienet iġġustifikata, billi skont id-dejta miġbura matul l-investigazzjoni, il-kumpaniji relatati tal-produtturi Komunitarji kienu ħielsa li jixtru vireg tal-wajer minn sorsi oħra wkoll. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-produtturi Komunitarji lil partijiet relatati nstabu li huma konformi mal-prezzijiet tal-bejgħ medji lil partijiet mhux relatati.

(56) Wara l-verifika tad-dejta pprovduta minn produttur Komunitarju ieħor addizzjonali, kif imsemmi fil-premessi (3) u (51) hawn fuq, il-bejgħ totali fis-suq Komunitarju tal-industrija Komunitarja ġie kemmxejn rivedut. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċifri tal-konsum Komunitarju mogħtija fit-tabella 1 tar-Regolament provviżorju ġew aġġustati kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum Komunitarju | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Tunnellati | 22.510.446 | 21.324.498 | 23.330.122 | 23.919.163 | 23.558.858 |

Indiċi | 100 | 95 | 104 | 106 | 105 |

Sors: Eurostat, id-dejta mogħtija fl-ilment u t-tweġibiet għall-kwestjonarji

(57) B’mod ġenerali, il-konsum Komunitarju żdied b’5 % matul il-perjodu meqjus. Iż-żieda bdiet fl-2006, wara tnaqqis temporanju ta’ 5 % fl-2005. Wara dan, il-konsum irkupra u żdied sal-2007, segwit minn tnaqqis żgħir matul il-PI. It-tnaqqis fil-konsum fl-2005 kien prinċipalment riżultat ta’ domanda aktar baxxa fl-industrija tal-bini.

4. L-importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ, mir-RM u mit-Turkija

4.1. Akkumulazzjoni

(58) Sabiex issir l-evalwazzjoni definittiva tal-kundizzjonijiet għall-akkumulazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, l-istess metodoloġija kif spjegat fil-premessa (99) tar-Regolament provviżorju ġiet applikata fid-dawl tal-kummenti li waslu mill-partijiet wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Għar-RM tqies ukoll il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (46) hawn fuq, produtturi Moldovani oħra kienu qed jesportaw il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità.

(59) Kif spjegat fil-premessa (101) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mit-Turkija ma ġewx akkumulati mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u r-RM billi tqies li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi Torok u operaturi rilevanti oħra ma kinux simili, b’mod partikolari fir-rigward tal-imġiba tal-prezz. Tabilħaqq, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw fit-Turkija ma kinux inqas mill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja u kienu relattivament għoljin meta mqabbla ma’ operaturi oħra fis-suq Komunitarju.

(60) Waħda mill-partijiet interessati ddikjarat li l-argumenti mressqa fil-premessa (101) tar-Regolament provviżorju ma kinux konsistenti mar-Regolament bażiku. Din argumentat li kien biżżejjed li l-marġni ta’ dumping tal-importazzjonijiet Torok kienu ferm ogħla mil-limitu de minimis u li l-volum tal-importazzjonijiet ma kienx negliġibbli biex jakkumula dawk l-importazzjonijiet ma’ importazzjonijiet oħra li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RM u mir-RPĊ. Iddikjarat ukoll li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta' miżuri jista’ jwassal għal żieda ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Turkija lejn is-suq Komunitarju.

(61) Ta’ min jenfasizza li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jirrikjedi b'mod speċifiku li l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn l-operaturi rilevanti fis-suq Komunitarju għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa fil-kuntest ta' evalwazzjoni akkumulattiva tal-importazzjonijiet minn pajjiżi kkonċernati minn investigazzjoni anti-dumping. Barra minn hekk, il-livell tal-prezzijiet tal-operaturi Torok kien fil-każijiet kollha ogħla mill-prezzijiet li mhumiex ta’ ħsara, stabbiliti skont il-metodoloġija deskritta fil-premessa (179) tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda raġuni biex issir evalwazzjoni akkumulattiva tal-importazzjonijiet Torok mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mir-RM jew biex jiġu imposti miżuri anti-dumping għall-prevenzjoni ta’ kull żieda allegata ta’ importazzjonijiet minn dak il-pajjiż. Fuq din il-bażi t-talbiet kellhom jiġu miċħuda.

(62) Parti oħra interessata kkontestat is-sejba provviżorja li l-importazzjonijiet mir-RM ġew akkumulati ma’ dawk tal-PRĊ billi argumentat li, għall-kuntrarju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-volumi ta’ importazzjonijiet mir-RM kienu baxxi ħafna u bażikament ma kinux qed iraħħsu l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja matul il-PI.

(63) Wara l-iżvelar provviżorju, wasal aktar tagħrif fir-rigward tal-esportazzjonijiet Moldovani lejn il-Komunità li rriżulta f’kalkoli riveduti tal-marġnijiet ta’ ħsara u ta' traħħis għar-RM kif spjegat f’aktar dettall fil-premessi (71) u (107) hawn taħt.

(64) Il-kalkoli riveduti wrew li l-importazzjonijiet mir-RM ma waqqgħux il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju fil-PI. Barra minn hekk, il-marġni ta’ ħsara nstab li huwa aktar baxx mil-limitu ta’ ħsara de minimis applikat b’analoġija għall-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl ta’ dan kollu, ġie konkluż li l-importazzjonijiet tal-vireg tal-wajer li joriġinaw fir-RM għandhom jiġu evalwati b’mod separat.

4.2. L-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ

(65) Ta’ min ifakkar li billi ċ-ċifri ta’ konsum ġew kemmxejn adattati kif spjegat fil-premessa (56) hawn fuq, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ ġie rivedut skont dan. Għaldaqstant, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żviluppaw kif ġej matul il-perjodu meqjus.

Tabella 2

Total ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Volumi (tunnellati) Indiċi | 70.816 100 | 134.176 189 | 633.631 895 | 1.459.968 2062 | 1.174.556 1659 |

Sehem mis-suq Indiċi | 0,3% 100 | 0,6% 200 | 2,7% 863 | 6,1% 1940 | 5,0% 1585 |

Prezzijiet (EUR/tunnellata) Indiċi | 374 100 | 430 115 | 378 101 | 409 109 | 419 112 |

Sors: Eurostat

(66) L-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti minn madwar 0,07 miljun tunnellata fl-2004 sa 1,1 miljun tunnellata fil-PI, jiġifieri bi kważi 17-il darba. Dawn l-importazzjonijiet laħqu l-quċċata fl-2007, u wara dan urew tendenza li jonqsu ftit b’konformità mal-evoluzzjoni tal-konsum Komunitarju.

(67) Għalkemm il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu bi 12 % matul il-perjodu meqjus, instab li kienu qegħdin iwaqqgħu lil dawk tal-industrija Komunitarja, b’mod partikolari matul il-PI. B'riżultat ta’ dan, is-sehem mis-suq żdied konsiderevolment minn 0,3 % fl-2004 għal 5,0 % fil-PI, u jikkorrispondi għal żieda ta’ 4,7 punti perċentwali.

4.3. It-traħħis tal-prezzijiet

(68) Il-metodoloġija deskritta fil-premessa (106) tar-Regolament provviżorju biex ikun stabbilit it-traħħis tal-prezzijiet hija kkonfermata. Madankollu, wara ż-żjara ta’ verifika fil-bini ta' wieħed mill-produtturi Komunitarji kif imsemmi fil-premessa (3), il-prezz medju tal-industrija Komunitarja ġie evalwat mill-ġdid biex iqis id-dejta vverifikata miksuba minn dan il-produttur Komunitarju.

(69) Parti waħda ddikjarat li billi l-ebda produttur fir-RM ma ngħata MET jew IT, il-Kummissjoni għandha tikkalkola t-traħħis u l-livell ta’ tneħħija tal-ħsara għar-RM bl-użu tad-dejta tal-Eurostat minflok tad-dejta miksuba minn produtturi esportaturi fir-RM.

(70) Fl-investigazzjoni anti-dumping u b’mod partikolari għall-eżerċizzju ta’ tqabbil tal-prezzijiet, hija l-prassi tal-istituzzjonijiet li tintuża l-aktar dejta affidabbli li hi disponibbli, li ġeneralment hija d-dejta miġbura u vverifikata fil-bini tal-partijiet li kkooperaw. F’dan il-każ, id-dejta tal-prezzijiet miġbura fil-bini tal-produttur li kkoopera fir-RM kienet disponibbli u ntużat biex tistabbilixxi l-marġni provviżorju ta’ traħħis tal-prezzijiet għall-produttur li kkoopera fir-RM. It-talba għall-użu ta' dejta tal-Eurostat hi għalhekk miċħuda.

(71) Madankollu tqies li d-dejta tal-prezzijiet disponibbli għall-importazzjonijiet kollha mir-RM lill-Komunità, inklużi l-importazzjonijiet ta' produtturi Moldovani oħra kif imsemmija fil-premessa (46) hawn fuq, għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-marġni ta’ traħħis definittiv għar-RM. Għaldaqstant, intużat id-dejta kollha tal-prezzijiet disponibbli, aġġustata kif xieraq biex tirrifletti l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lill-ewwel klijent indipendenti, fuq bażi ta’ cif. Fuq din il-bażi nstab li l-importazzjonijiet mir-RM ma kinux qed iraħħsu l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja; tabilħaqq il-marġni definittiv ta’ traħħis tal-prezzijiet huwa wieħed negattiv, jiġifieri -1,2% bħala medja għar-RM.

(72) Fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, ta’ min ifakkar li produttur esportatur Ċiniż wieħed biss ikkoopera fl-investigazzjoni. Fuq il-bażi tal-istess metodoloġija u aġġustamenti tad-dejta tal-industrija Komunitarja kif deskritt hawn fuq u fuq il-bażi tat-tipi ta’ prodotti komparabbli, instab marġni ta’ traħħis tal-prezz medju ta’ 4,2 % għall-uniku esportatur Ċiniż li kkoopera. Għall-produtturi l-oħra kollha fir-RPĊ, it-traħħis tal-prezzijiet ġie stabbilit kif spjegat fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju. Fuq din il-bażi, instab marġni ta’ traħħis tal-prezz medju ta’ 7.3% għall-importazzjonijiet Ċiniżi.

5. Il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja

(73) Wara l-konklużjoni li l-importazzjonijiet mir-RM ma għandhomx jiġu akkumulati mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u għandhom jiġu evalwati separatament, kif deskritt fil-premessa (64), l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja, jirreferi għall-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ.

(74) Kif imsemmi fil-premessa (3), produttur Komunitarju ieħor addizzjonali ġie vverifikat fuq il-post. B’riżultat ta’ dan, xi indikaturi ta’ ħsara ġew aġġustati kif xieraq. Dawn jikkonċernaw il-volumi ta’ bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq Komunitarju, il-prezzijiet ta’ bejgħ medji ex fabbrika tal-industrija Komunitarja lill-klijenti mhux realtati, iċ-ċifri li jirrigwardaw il-ħażniet, il-kapaċità ta’ profitt, il-likwidità, ir-redditu mill-investiment u l-impjiegi.

(75) It-tabella 3 hawn taħt turi l-volum rivedut mibjugħ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq Komunitarju. Ta’ min jinnota li minkejja ċ-ċifri riveduti, ix-xejra hija simili għal dik mogħtija fir-Regolament provviżorju.

Tabella 3

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Volum ta’ bejgħ (tunnellati) Indiċi | 7 505 684 100 | 6 738 112 90 | 7 522 435 100 | 7 548 130 101 | 7 489 831 100 |

Sehem mis-suq Indiċi | 33,4% 100 | 31,6% 95 | 32,2% 97 | 31,6% 95 | 31,8% 95 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarji

(76) Wara dak li ntqal hawn fuq, il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità medji tal-industrija Komunitarja lill-klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju ġew riveduti skont dan. B’riżultat ta’ dan, il-prezzijiet tal-bejgħ medji għas-snin 2006 sal-PI ġew riveduti b’mod marġinali meta mqabbla maċ-ċifri mogħtija fir-Regolament provviżorju.

Tabella 4

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Il-prezz medju (EUR/tunnellata) Indiċi | 414 100 | 409 99 | 434 105 | 468 113 | 475 115 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarji

(77) Fir-rigward taċ-ċifri li jirrigwardaw il-ħażniet, ta’ min jinnota li r-reviżjonijiet minuri magħmula fid-dejta tal-industrija Komunitarja għas-snin 2006 sal-PI ma biddlux l-analiżi tat-tendenzi kif stipulat fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju.

Tabella 5

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Ħażniet (tunnellati) Indiċi | 657 667 100 | 530 578 81 | 691 338 105 | 699 511 106 | 594 420 90 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarji

(78) Wara r-Regolament provviżorju, iċ-ċifri tal-impjiegi wkoll ġew kemmxejn emendati għas-snin 2004 sal-PI. Fin-nuqqas ta' kull kumment ulterjuri min-naħa tal-partijiet interessati, il-premessi (120) sa (122) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

Tabella 6

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Impjiegi – ekwivalenti għal full-time (EFT) Indiċi | 4 216 100 | 4 029 96 | 3 920 93 | 4 195 100 | 4 310 102 |

Spiża għall-ħaddiema (EUR/ EFT) Indiċi | 41 300 100 | 43 200 104 | 45 400 110 | 45 300 110 | 44 700 108 |

Produttività (Indiċi) | 100 | 95 | 107 | 98 | 95 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarji

(79) Il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija Komunitarja ġiet stabbilita billi ntużat l-istess metodoloġija kif spjegat fil-premessa (123) tar-Regolament provviżorju. Wara r-reviżjonijiet magħmula għad-dejta tal-industrija Komunitarja wara l-verifika fuq il-post ta’ produttur Komunitarju ieħor addizzjonali, kif deskritt fil-premessa (3), dawn iċ-ċifri ġew ukoll kemmxejn riveduti. Matul il-perjodu meqjus, il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija Komunitarja naqset minn 14.2% fl-2004 għal 7.3% fil-PI. Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-premessi (124) sa (126) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

Tabella 7

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | PI |

Il-kapaċità ta’ profitt Indiċi | 14,2% 100 | 8,0% 56 | 8,4% 59 | 7,9% 55 | 7,3% 51 |

Il-likwidità '000 euro Indiċi | 493 954 100 | 272 166 55 | 361 573 73 | 286 917 55 | 278 604 56 |

L-investimenti '000 euro Indiċi | 147 897 100 | 136 031 92 | 231 726 157 | 221 808 150 | 200 126 135 |

Ir-redditu mill-investimenti Indiċi | 68% 100 | 49% 72 | 50% 74 | 46% 68 | 47% 68 |

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarji

5.1 It-tkabbir

(80) Wara dak li ntqal hawn fuq, jista’ jitqies li l-volum ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja staġna bejn l-2004 u l-PI, u b’hekk waqqaf lill-industrija Komunitarja milli tieħu vantaġġ mill-espansjoni tal-konsum Komunitarju li żdied minn 5 % bejn l-2004 u l-PI. Għaldaqstant, is-sehem tagħha mis-suq naqas bi 1.6 punti perċentwali matul l-istess perjodu.

5.2 Id-daqs tal-marġni reali tad-dumping

(81) Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra, il-premessa (128) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

6. Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(82) Jista’ jiġi konkluż li r-reviżjonijiet minuri magħmula f’xi wħud mill-indikaturi ta’ ħsara wara verifika fuq il-post ta’ produttur Komunitarju ieħor addizzjonali, kif jidher fit-tabelli 2 sa 7, ma biddlux il-konklużjoni li saret fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju.

(83) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

F. KAWŻALITÀ

1. L-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ

(84) Ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżawx ħsara lill-industrija Komunitarja sa tali punt li tista' titqies materjali.

(85) L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu b’mod sinfikanti, bi kważi 17-il darba, matul il-perjodu meqjus, u żdiedu b’1,1 miljun tunnellata bejn l-2004 u l-PI. Din iż-żieda spikkat b’mod partikolari bejn l-2006 u l-PI. F’termini tas-sehem mis-suq, l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żiedu s-sehem tagħhom mis-suq Komunitarju minn 0,3 % fl-2004 għal 5,0 % fil-PI. Fil-prattika dan kien jikkorrispondi għaż-żieda totali fil-konsum Komunitarju li sar matul il-perjodu meqjus.

(86) Matul l-istess perjodu, għalkemm il-volum tal-bejgħ tagħha fis-suq Komunitarju baqa’ stabbli, l-industrija Komunitarja tilfet sehem mis-suq ta’ 33.4% fl-2004 għal 31.8% fil-PI, jiġifieri 1.6 punti perċentwali.

(87) Fir-rigward tal-prezzijiet, minkejja l-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni li huma l-oġġett ta’ dumping żdiedu bi 12 % matul il-perjodu meqjus b’konformità maż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, dawn xorta kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Għaldaqstant, l-industrija Komunitarja ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha biex tkopri ż-żieda sħiħa fil-prezzijiet tal-materja prima. Għalhekk, il-kapaċità ta’ profitt tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju naqset minn 14.2% fl-2004 għal 7.3% matul il-PI.

(88) Jitqies li l-pressjoni kontinwa eżerċitata minn importazzjonijiet bi prezz baxx u li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ fis-suq Komunitarju, żammet lill-industrija Komunitarja milli taddatta l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha skont iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Hu għalhekk ikkonfermat li ż-żieda ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx u li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kellha impatt negattiv konsiderevoli fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja.

2. L-effett ta’ fatturi oħra

(89) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar l-iżvilupp tad-domanda, il-bejgħ intern, il-bejgħ ta’ prodotti ta’ kwalità għolja, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u produtturi oħra fil-Komunità, il-premessi (139), (143) sa (149) u (151) sa (155) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(90) Waħda mill-partijiet iddikjarat li l-evalwazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima msemmija fil-premessa (142) tar-Regolament provviżorju ma kinitx korretta. Din argumentat li hu diffiċli li ż-żidiet fl-ispejjeż jiġu mgħoddija kompletament lill-klijenti. Barra minn hekk, hi ddikjarat li r-rendiment negattiv tal-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja jista’ jispjega d-deterjorament tal-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja.

(91) Fir-rigward tal-impatt tal-prezzijiet tal-materja prima, ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni wriet żieda ta’ 25 % fl-ispiża tal-produzzjoni (COP - cost of production) għall-industrija Komunitarja biex tipproduċi l-vireg tal-wajer. Din għandha titqies b’rabta maż-żieda ta’ 15 % biss tal-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-industrija Komunitarja. Tabilħaqq, minkejja li jista’ jkun diffiċli f’xi swieq biex iż-żieda fl-ispejjeż tiġi mgħoddija kompletament lill-klijenti, l-investigazzjoni attwali ma wriet l-ebda evidenza li dan kien il-każ fis-suq tal-vireg tal-wajer. Għall-kuntrarju, is-suq tal-vireg tal-wajer jista' jitqies bħala prodott ta’ komodità mibjugħ f’suq trasparenti fejn l-operaturi kollha huma konxji dwar il-livell tal-prezzijiet. Għalhekk il-kundizzjonijiet kummerċjali effettivi għandhom jippermettu li ż-żidiet fil-prezz tal-produzzjoni jkunu riflessi fil-prezz tal-bejgħ tal-vireg tal-wajer. Għaldaqstant, jitiqes li l-konklużjoni li saret fil-premessa (142) hija valida u għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(92) Fir-rigward tar-rendiment tal-esportazzjoni, kien hemm tabilħaqq xejra ta’ tnaqqis fil-bejgħ tal-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja għar-raġunijiet mogħtija fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju. Minħabba l-fatt li s-sehem tal-bejgħ tal-esportazzjoni b’rabta mal-bejgħ lill-klijenti fi ħdan il-Komunità huwa relattivament baxx u barra minn hekk, il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar kienu relattivament aktar baxxi, jitqies li t-tnaqqis fil-volum tal-esportazzjoni ma jistax jiġġustifika l-livell tal-ħsara mġarrba. Ma ngħatat l-ebda evidenza ssostanzjata li tinvalida din il-konklużjoni u għalhekk il-konklużjonijiet li saru fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(93) Fid-dawl ta’ dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra, il-premessi (156) sa (159) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3. L-importazzjonijiet mit-Turkija

(94) Wara l-premessi (60) u (61) u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti dwar l-importazzjonijiet mit-Turkija, il-konklużjonijiet li saru fil-premessi (160) sa (162) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4. L-importazzjonijiet mir-RM

(95) Wara r-reviżjonijiet tad-dejta tal-industrija Komunitarja, fuq il-bażi tal-verifika tat-tweġiba ta’ produttur Komunitarju ieħor addizzjonali u meta tqies il-bejgħ kollu tal-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RM, instab li l-importazzjonijiet mir-RM ma waqqgħux il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja fil-PI. Barra minn hekk, f'konformità mal-premessa (64) imsemmija hawn fuq, it-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni Moldovan mal-prezz li mhuwiex ta' ħsara tal-industrija Komunitarja wera marġni ta' ħsara de minimis.

(96) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq ġie konkluż li m'hemm l-ebda rabta kawżali ċara bejn l-importazzjonijiet mir-RM u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja.

G. INTERESS KOMUNITARJU

1. Kumment preliminari

(97) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ta’ min jinnota li ġie evalwat biss l-impatt tal-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, għall-analiżi tal-interess Komunitarju.

2. L-industrija Komunitarja

(98) Wara r-Regolament provviżorju, ġie evalwat mill-ġdid jekk l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping għall-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ tkunx fl-interess tal-industrija Komunitarja.

(99) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta' xi kummenti dwar l-interess tal-industrija Komunitarja, il-premessi (164) sa (167) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3. L-importaturi

(100) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar l-importaturi, il-premessi (168) u (169) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4. L-utenti

(101) Waħda mill-partijiet interessati staqsiet jekk l-importazzjonijiet kollha lejn is-suq Komunitarju mill-pajjiżi suġġetti għal din l-investigazzjoni ġewx ikkunsidrati fil-perċentwali mogħtija fil-premessa (171) tar-Regolament provviżorju li tirrappreżenta l-importazzjonijiet ta' vireg tal-wajer minn ċerti utenti. Barra minn hekk, xi partijiet interessati argumentaw li ma jkun hemm l-ebda sors alternattiv disponibbli jekk jiġu imposti miżuri anti-dumping u li dan iwassal għal nuqqas fil-provvista.

(102) B’żieda mal-affermazzjoni dwar l-importazzjonijiet totali, saret evalwazzjoni mill-ġdid fir-rigward tal-importazzjonijiet totali tal-vireg tal-wajer. Tabilħaqq, l-analiżi wriet li l-ammont reali ta’ importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer ikkonsmati mill-utenti li kkooperaw huwa ogħla minn kif ġie evalwat qabel fl-istadju provviżorju. B’riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet totali tal-utenti msemmija fil-premessa (171) tar-Regolament provviżorju żdiedu bi 30 %. Għaldaqstant, wieħed jista' jikkonkludi li matul il-PI, l-utenti msemmija fil-premessa (171) tar-Regolament provviżorju flimkien kienu jirrappreżentaw madwar 20 % tal-importazzjonijiet kollha ta’ vireg tal-wajer mir-RPĊ.

(103) Fir-rigward tal-affermazzjoni li ma jkun hemm l-ebda sors alternattiv ta’ provvista fil-każ ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, l-investigazzjoni wriet tabilħaqq xi irregolaritajiet fil-provvisti mill-produtturi Komunitarji lil ċerti utenti. Madankollu, l-analiżi ma wriet l-ebda evidenza li dawn l-irregolaritajiet kienu fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li jeżistu sorsi oħra ta’ provvista, jekk wieħed iqis pajjiżi terzi oħra li mhumiex suġġetti għall-miżuri. Għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(104) Fid-dawl ta’ dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra, il-premessi (173) sa (175) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5. Il-konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(105) Skont dan ta' hawn fuq, wieħed jikkonkludi li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping kontra l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-RPĊ fil-każ preżenti.

H. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

1. Il-Livell ta’ Tneħħija ta’ Ħsara

(106) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti, il-metodoloġija msemmija fil-premessa (179) tar-Regolament provviżorju użata biex jinkisbu prezzijiet li mhumiex ta’ ħsara tal-industrija Komunitarja ġiet ikkonfermata. Madankollu, l-istess reviżjonijiet bħal dawk deskritti fil-premessi (68) u (72) hawn fuq ġew applikati għall-evalwazzjoni definittiva tal-livelli ta’ tneħħija ta’ ħsara. Barra minn hekk, il-marġni ta’ profitt użat fil-kalkoli tal-marġni ta’ ħsara ġie stabbilit fil-livell ex fabbrika biex jinkisbu prezzijiet li mhumiex ta' ħsara tal-industrija Komunitarja fil-livell ex fabbrika matul il-PI.

(107) Fir-rigward tar-RM, b’konformità mal-kontenuti tal-premessa (71) hawn fuq, tqies xieraq li tintuża dejta tal-prezzijiet disponibbli għall-esportazzjonijiet kollha mir-RM lejn il-Komunità, fil-kalkolu tal-livell definittiv ta’ tneħħija ta’ ħsara. Għaldaqstant, intużat id-dejta kollha tal-prezzijiet disponibbli, aġġustata kif xieraq biex tirrifletti l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità. Fuq dik il-bażi l-livell definittiv ta’ tneħħija ta’ ħsara għall-importazzjonijiet mir-RM instab li kien taħt il-limitu de minimis kif imsemmi fil-premessa (64) hawn fuq.

(108) Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, għandhom jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi kontra importazzjonijiet mir-RPĊ biex jiġi evitat li ssir aktar ħsara lill-industrija Komunitarja.

(109) Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping definittivi. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu appelli wara dan l-iżvelar. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu sewwa, u fejn xieraq, is-sejbiet inbidlu skont dan.

2. Il-miżuri definittivi

(110) Fid-dawl ta’ dan kollu, jitqies li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, miżuri anti-dumping definittivi għandhom jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ fil-livell tal-marġnijiet ta’ ħsara u ta' dumping aktar baxxi, skont ir-regola ta’ inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rati kollha tad-dazju għandhom jiġu stabbiliti skont il-livell tal-marġnijiet ta’ ħsara misjuba. B’analoġija mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, billi l-marġni ta’ ħsara għar-RM u għar-Turkija huwa taħt il-livell de minimis , l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi għandha tintemm.

(111) Ma għandu jiġi impost l-ebda dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RM u fit-Turkija.

(112) Id-dazji anti-dumping proposti huma dawn li ġejjin:

Il-kumpanija | Il-marġni ta’ tneħħija ta’ ħsara | Il-marġni ta' dumping | Ir-rata tad-dazju anti-dumping |

Valin Group (RPĊ) | 7,9% | 38,6% | 7,9% |

RPĊ dazju residwali | 24,0% | 52,3% | 24,0% |

3. Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

(113) Minħabba l-kobor tal-marġnijiet ta' dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell ta' ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, jitqies neċessarju li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, impost mir-Regolament provviżorju, għandhom jinġabru b'mod definittiv sal-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti miġbura b'mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jinħelsu. Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, għandhom jinġabru b'mod definittiv biss l-ammonti miġbura fil-livell tad-dazji provviżorji.

I. IT-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(114) Fid-dawl tas-sejbiet dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RM u fit-Turkija, il-proċediment fir-rigward ta' dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom jintemmu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju anti-dumping definittiv hu b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ staneg u vireg, irrumblati bis-sħana, f'koljaturi mkebbin b'mod irregolari, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew tal-azzar illigat li mhumiex tal-istainless steel, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7213 10 00, 7213 20 00, 7213 91 10, 7213 91 20, 7213 91 41, 7213 91 49, 7213 91 70, 7213 91 90, 7213 99 10, 7213 99 90, 7227 10 00, 7227 20 00, 7227 90 10, 7227 90 50 u 7227 90 95.

2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Il-pajjiż | Il-kumpanija | Id-dazju | Kodiċijiet addizzjonali TARIC |

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina | Valin Group | 7,9% | A930 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 24,0% | A999 |

3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Il-proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova u fit-Turkija qiegħed b'dan jintemm.

Artikolu 3

L-ammonti miġbura permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 112/2009 fuq importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju definittiv impost skont l-Artikolu 1. L-ammonti miġbura li jkunu ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jinħelsu. L-ammonti miġbura permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 112/2009 fuq importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova għandhom jinħelsu.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1

[2] ĠU L 38, 7.2.2009, p. 3. (Mhux disponibbli bil-Malti)

[3] ĠU C 113, 8.5.2008, p. 20