52009PC0344




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 10.9.2009

KUMM(2009) 344 finali

2009/0130 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar talbiet għal tqabbil ma' dejta tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi

{ KUMM(2009) 342 finali}{SEG(2009) 936}{SEG(2009) 937}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta |

110 | Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Informazzjoni dwar ċittadini tal-Istati Membri tal-UE u dwar ċittadini ta' pajjiż terz hija disponibbli f'ħafna forom u sistemi fil-livell ta' Stati Membri u tal-UE. Strumenti nazzjonali u Ewropej jistabbilixxu r-regoli u l-kundizzjonjiet li skonthom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jista' jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni sabiex iwettqu l-kompiti leġittimi tagħhom. Dejta dwar il-marki tas-swaba' hija informazzjoni speċjalment utli għal finijiet ta' infurzar tal-liġi, peress li tikkostitwixxi element importanti sabiex tiġi stabbilita l-identità eżatta ta' persuna. L-utilità tad-dejtabejż tal-marki tas-swaba' fil-ġlieda kontra l-kriminalità huwa fatt li ġie kemm-il darba rikonoxxut. Id-dejta tal-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu l-ażil huwa miġbur u merfugħ fl-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil ġiet ippreżentata, kif ukoll fil-EURODAC. Fl-Istati Membri kollha li rrispondew għall-kwestjonarju tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kellhom aċċess dirett jew indirett għad-dejtabejżis nazzjonali li fihom il-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu l-ażil għal fini tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Matul il-konsultazzjonijiet tal-esperti deher ċar li dawk l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi li jikkonsultaw id-dejtabejżis nazzjonali li fihom il-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu ażil għal investigazzjonjiet kriminali jikkunsidraw ir-rata tal-użu bħala sinifikattiva. Madanakollu, filwaqt li l-Istati Membri jaċċedu b'suċċess il-marki tas-swaba' ta' dawk li jitolbu l-ażil fuq livell nazzjonali, jidher iktar problematiku li jaċċedu d-dejtabejżis tal-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu ażil ta' Stati Membri oħra. Ir-raġuni hija li hemm lakuna tal-informazzjoni strutturali u tal-verifika peress li fil-preżent mhemmx sistema unika li hija aċċessibbli mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-Istat Membru għandux informazzjoni dwar dak li jfittex ażil. Jekk il-mistoqsija ta' Sistemi Awtomatizzati ta' Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) nazzjonali li tuża d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2998/615/ĠAI dwar iż-żieda fil-kooperazzjoni transkonfinali, partikolarment biex tikkumbatti t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (Deċiżjoni Prüm) li għandha tintuża mill-Istati Membri sa Ġunju 2011 ma tagħtix riżultat, mhemmx ċertezza li l-ebda informazzjoni ma hi disponibbli fi Stat Membru. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mhux biss jibqgħu ma jafux jekk l-informazzjoni hijiex disponibbli jew le u f'liema Stat Membru, iżda ta' spiss ukoll jekk din l-informazzjoni tikkonċernax l-istess persuna. L-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jkunu jafu jekk l-informazzjoni hija disponibbli fid-dejtabejż ta' Stat Membru ieħor biss jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom joħorġu talba għal assistenza legali reċiproka fejn jitolbu lill-Istat Membru l-ieħor sabiex jikkonsultaw id-dejtabejżis tagħhom u sabiex jibgħatu l-informazzjoni relevanti. |

120 | Il-kuntest ġenerali Il-Programm tal-Aja stabbilixxa li l-iskambju tal-informazzjoni sabiex tissaħħaħ is-sigurtà għandu jiġi mtejjeb. Waħda mill-ideat li fih il-Programm hija li jsir użu sħiħ tat-teknoloġija l-ġdida fost l-oħrajn – fejn xieraq – b'aċċess dirett (onlajn) għad-dejtabejżis eżistenti tal-UE, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż il-Europol. Il-konklużjonjiet tal-Kumitat Imħallat tal-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-12-13 ta' Ġunju 2007 ikkunsidra li, sabiex jintlaħaq l-għan sabiex titjieb is-sigurtà u sabiex tiħrax il-ġlieda kontra t-terroriżmu, aċċess taħt ċerti kundizzjonjiet għall-EURODAC għandu jkun konċess lill-pulizija tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll lill-Europol, fil-kors ta' dmirijiethom fir-rigward tal-prevenzjoni, it-tiftix u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati serji oħra. Huwa għalhekk stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta kmieni kemm jista' jkun il-proposti meħtieġa sabiex jintlaħaq dan il-għan. In-nuqqas tal-possibilità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jaċċedu l-EURODAC sabiex ikunu jistgħu jikkombattu t-terroriżmu u kriminalità serja oħra kien ukoll ġie rraportat bħala nuqqas fil-Komunikazzjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-effettività mtejba, interoperabilità miżjuda u sinerġiji fost dejtabejżis Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-24 ta' Novembru 2005. L-istrumenti eżistenti dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi ma jippermettux li jiġi ddeterminat b'tempestiv u b'ċertezza suffiċjenti jekk Stat Membru attwalment għandhux dejta dwar il-marki tas-swaba' ta' xi ħadd li qed ifittex ażil. Dan ifisser li mingħajr azzjoni fuq livell tal-UE, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi se jibqgħu ma jkunux jafu jekk l-informazzjoni dwar il-marki tas-swaba' hux disponibbli jew le, f'liema Stat Membru l-informazzjoni hija disponibbli, u jekk l-informazzjoni tirrigwardax l-istess persuna. Mingħajr mezzi effiċjenti u affidabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni hija jew mhijiex disponibbli fi Stat Membru ieħor, l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jew ssir għalja b'mod projbittiv jew serjament tippreġudika l-applikazzjoni tal-liġi peress l-ebda azzjoni ulterjuri li hi effiċjenti u raġonevoli ma tkun tista' tittieħed biex tiġi ddeterminata l-identità tal-persuna. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 stabbilixxa l-'Eurodac' għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (ir-Regolament tal-'Eurodac'). Fit-3 ta' Diċembru 2008 il-Kummissjoni addottat proposta li temenda r-Regolament tal-EURODAC immirat sabiex jagħmel is-sistema EURODAC aktar effiċjenti. Fil-preżent hemm xi strumenti tal-UE li jippermettu li Stat Membru wieħed jikkonsulta l-marki tas-swaba' u dejta tal-infurzar tal-liġi oħra miżmuma minn Stat Membru ieħor. L-ewwel strument li probabbilment jintuża għall-konsultazzjonjiet tal-marki tas-swaba huwa d-Deċiżjoni ta' Prüm. Fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill l-Istati Membri jikkonċedu lil xulxin aċċess awtomatizzat fost l-oħrajn għall-AFIS nazzjonali fuq bażi ta' riżultat hit/no hit. Jekk tiftixa fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Prüm tipproduċi riżultat, informazzjoni supplimentari, inkluż dejta personali, tista' tinġieb fl-Istat Membru li rreġistra l-marki tas-swaba' fl-AFIS nazzjonali billi juża l-liġi nazzjonali, inkluż għajnuna legali reċiproka. Filwaqt li din il-proċedura tista' tirnexxi għal dawk l-Istati Membri li jżommu l-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu ażil flimkien ma' marki tas-swaba' oħra miġburin minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-AFIS nazzjonali, mhux se tirnexxix għal dawk l-Istati Membri li ma jżommux il-marki tas-swaba' ta' dawk li jfittxu ażil fl-AFIS nazzjonali tagħhom sakemm ma jkunux relatati mal-kriminalità. Strument ieħor li jista' jintuża għal konsultazzjonjiet fir-rigward tal-marki tas-swaba' huwa d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar (FWD 2006/960). Dan l-istrument jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni (il-marki tas-swaba' kif ukoll l-informazzjoni supplimentari) li tkun miżmuma jew disponibbli mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri. Dan l-istrument huwa operazzjonali mit-18 ta' Diċembru 2008. L-aħħar strument li l-Istati Membri jistgħu jużaw huwa l-assistenza legali reċiproka li skontha l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jistgħu jfittxu aċċess għal kollezzjonjiet ta' marki tas-swaba' kriminali u mhux kriminali, inkluż dwar dawk li jfittxu ażil abbażi tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali. L-aħħar żewġ strumenti ma jistgħux jiġu użati meta Stat Membru li għandu dejta dwar marka tas-swaba' ma jkunx magħruf. Fil-preżent ma teżisti l-ebda sistema li tista' tidentifika tali Stat Membru. |

140 | Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-miri tal-Unjoni Ewropea Il-proposta hija għal kollox skont l-għan ġenerali li tinħoloq żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B'mod partikolari, din il-proposta kienet soġġetta għal skrutinju fil-fond sabiex jiżgura li d-dispożizzjonjiet tagħha huma kompletament kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u prinċipalment id-dritt tal-ażil u l-protezzjoni tad-dejta personali kif minquxa rispettivament fl-Artikolu 8 (il-protezzjoni tad-dejta personali) u 18 (id-dritt tal-ażil) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif rifless fl-Istima tal-Impatt li qiegħed mal-proposta. Fir-rigward tas-sitwazzjoni speċjali ta' persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali, kien hemm tħassib li d-dejta meħuda mill-EURODAC għal finijiet ta' infurzar tal-liġi tista' tispiċċa f'idejn il-pajjiżi minn fejn l-applikanti ħarbu u jibżgħu minn persekuzzjoni. Dan jista' jkollu effetti ħżiena fuq l-applikant, il-qraba tiegħu u l-ħbieb, u għalhekk mill-ewwel jiskoraġġixxi refuġjati milli japplikaw formalment għal protezzjoni internazzjonali. Bħala riżultat ta' dan l-iskrutinju, il-proposta fiha projbizzjoni speċifika ta' skambju ta' dejta personali li ġiet akkwistata bħala riżultat ta' din il-proposta ma' pajjiżi terzi, organizzazzjonjiet jew entitajiet. Barra minn dan, huwa previst mekkaniżmu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proposta. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi jekk l-operazzjoni tad-Deċiżjoni twassalx għal stigmatizzazzjoni tal-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, sabiex ix-xkiel lil dan id-dritt ta' protezzjoni tad-dejta personali jinżamm leġittimu u proporzjonali, kundizzjonjiet ta' aċċess stretti li jeskludu li l-marki tas-swaba' jiġu mfittxija fil-EURODAC b'mod regolari. Il-proposta hija wkoll kompletament kumpatibbli mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta peress id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Personali pproċessata fil-Qafas tal-Kooperazzjoni tal-Pulizija u dik Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali (2008/977/ĠAI) japplika għaliha. Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi l-prinċipji li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom magħhom meta jipproċessaw id-dejta miġbura minn dejtabejż tal-UE, bħall-EURODAC, u fl-istess ħin jobbliga l-Istati Membri sabiex jimponu sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta. |

2. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt |

Konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

211 | Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira, u l-profil ġenerali tal-parteċipanti Il-Kummissjoni kkonsultat l-Istati li japplikaw l-acquis ta' Dublin, jiġifieri l-Istati Membri, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera, kif ukoll l-Europol permezz ta' żewġ kwestjonarji u laqgħa tal-esperti li seħħet fi Brussell fil-25-26 ta' Settembru 2007, li matulha l-esperti kelllhom l-opportunità li jikkjarifikaw it-tweġibiet tagħhom lill-kwestjonarji u jesprimu iktar l-opinjonijiet tagħhom. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonsultat l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, organizzazzjonjiet non-governattivi u esperti xjentifiċi li jaħdmu fil-qasam tal-liġi/politika tal-ażil, tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-dejta personali, waqt laqgħa fi Brussell fit-8 ta' Ottubru 2007. MEP Cavada, Klamt u Ludford ukoll ħadu sehem fl-istess laqgħa. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ikkonsultat ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta nazzjonali tal-Istati li jimplimentaw l-acquis ta' Dublin, kif ukoll l-Awtorità Konġunta ta' Kontroll tal-Europol, kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data matul laqgħa li saret fi Brussell fil-11 ta' Ottubru 2007. |

212 | Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu Il-proċess ta' konsultazzjoni kellu impatt kbir fuq tiswir tal-proposta leġiżlattiva. Iktar speċifikament, tali impatt affetwa l-għażla leġiżlattiva u l-parametri diversi ta' dik l-għażla. Il-konsultazzjonjiet urew li l-Istati Membri kienu favorevoli ħafna li jkollhom il-possibiltà li jipparagunaw il-marki tas-swaba' mal-EURODAC għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi filwaqt li l-NGOs tad-drittijiet ċivili u tal-ażil ma tantx kienu favorevoli. Il-proposta tippreżenta bilanċ dwar il-pożizzjonjiet ta' gruppi interessati diversi, billi fiha diversi garanziji u limiti. |

Ġbir u użu ta' għarfien espert |

229 | Ma kien hemm bżonn ebda għarfien espert estern. |

230 | Il-valutazzjoni tal-impatt L-Istima tal-Impatt ikkunsidrat tlett għażliet, u numru ta' għazliet sekondarji. L-għażliet kienu: għażla ta'ebda azzjoni, għażla leġiżlattiva biex tagħmilha possibbli li jintalab tqabbil mad-dejta tal-EURODAC għal finijiet ta' infurzar tal-liġi u għażla leġiżlattiva biex tagħmilha possibbli li jintalab tqabbil mad-dejta tal-EURODAC għal finijiet ta' infurzar tal-liġi filwaqt li fl-istess ħin jiġi regolat l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari li ssegwi wara riżultat pożittiv mill-EURODAC. Ir-raba' għażla kienet oriġinarjament ikkunsidrata iżda mbagħad skartata peress li kienet timplika spejjeż sproporzjonati. Bejn l-għażla ta'"ebda azzjoni" u l-proposta tal-għażliet leġiżlattivi, l-proposti tal-għażliet leġiżlattivi jippreżentaw vantaġġi ċari. Aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal EURODAC huwa l-uniku mod tempestiv, akkurat, sikur u ekonomikament effiċjenti kif jiġi identifikat jekk u fejn id-dejta dwar dawk li jfittxu l-ażil hija disponibbli fl-Istati Membri. L-ebda alternattiva effiċjenti u raġonevoli ma teżisti għall-EURODAC sabiex tiġi stabbilita jew verifikata l-identità ta' xi ħadd li jfittex l-ażil li tippermetti l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jottjenu l-istess riżultat. Din l-identifikazzjoni unika hija essenzjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jipprevjenu u jikkombattu t-terroriżmu u delitti serji oħra li jinvolvu ċittadini ta' pajjiż terz, kif ukoll biex jipproteġu l-vittma tat-terroriżmu jew ta' delitti serji. L-aċċess għall-'Eurodac' ma jistax jitqies sproporzjonat għall-għanijiet li jridu jintlaħqu. Bejn iż-żewġ għażliet li jinvolvu miżuri leġiżlattivi, it-tnejn li huma jippreżentaw l-istess impatti fuq id-drittijiet fundamentali. It-tielet għażla tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Istati membri informazzjoni supplimentari dwar dawk li jfittxu l-ażil permezz ta' proċedura speċjali meta din tkun mitluba, filwaqt li t-tieni għażla tuża l-istrumenti eżistenti sabiex tiffaċilita l-aċċess għal din l-informazzjoni supplimentari. Anki jekk l-għanijiet jintlaħqu aktar effettivament taħt it-tielet għażla, huwa kkunsidrat illi l-ispejjeż sabiex tiġi implimentata t-tielet għażla tkun akbar meta mqabbla mat-tieni għażla. Barra minn hekk, fil-preżent mhemmx indikazzjonjiet li l-istrumenti attwali dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi ma jkunux biżżejjed għall-iskambju tal-informazzjoni supplimentari. |

231 | Il-Kummissjoni għamlet stima tal-impatt elenkat fil-Programm ta' Ħidma SEG(2009) 936. |

3. L-elementi legali tal-proposta |

305 | Sinteżi tal-azzjoni proposta L-azzjoni proposta tistabbilixxi l-bażi tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll il-Europol biex jitolbu tqabbil tad-dejta tal-marki tas-swaba' jew marka latenti mad-dejta tal-EURODAC. Qbil pożittiv jirriżulta bħala 'riżultat' mill-EURODAC, li tiġi mad-dejta li hemm maħżuna fil-EURODAC dwar il-marka tas-swaba'. Ir-rikjesti għall-informazzjoni supplimentari wara riżultat ma jkunx regolati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta iżda x'aktarx jiġu koperti bl-istrumenti eżistenti dwar l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi. L-ambitu ta' din il-proposta se tkun il-ġlieda kontra reati terroristiċi u reati kriminali serji, bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi. Anki jekk fil-preżent il-EURODAC ma jipprovdix il-possibiltà biex wieħed ifittex fid-dejtabejż fuq bażi ta' marka latenti, din il-faċilità ta' tiftix tista' tiġi miżjuda mas-sistema EURODAC taħt il-proġett tas-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku (BMS). Din il-faċilità hija importanti ħafna mill-perspettiva tal-infurzar tal-liġi, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet huwa biss possibbli li ssib marki latenti fuq ix-xena tad-delitt li tkun qed tiġi investigata. |

310 | Il-bażi legali It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30(1)(b) u 34(2)(c). |

320 | Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri għar-raġuni/jiet li ġejjin. |

321 | L-azzjonjiet proposti jeħtieġu emenda tar-Regolament tal-EURODAC sabiex jiġi miżjud għan sekondarju miegħu, dak li tintuża d-dejta tal-EURODAC fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità. Din l-emenda tista' tiġi proposta biss mill-Kummissjoni. Mingħajr din l-emenda, l-Istati Membri m'għandhom l-ebda dritt li jaġixxu. |

323 | Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Istati Membri waħidhom x’aktarx tkun għalja b'mod projbittiv u sproporzjonali. |

Azzjoni Komunitarja sejra tilħaq l-għanijiet tal-proposta aħjar għar-raġuni/jiet li ġejjin. |

324 | Id-dritt li jiġi kkonsultat il-EURODAC huwa l-mod l-aktar sempliċi, l-aktar proporzjonat u l-inqas għali biex timla l-vojt tal-informazzjoni identifikata. |

327 | Il-miżuri proposti jippermettu sempliċiment li t-talba għat-tqabbil tad-dejta tal-EURODAC. Il-kooperazzjoni ulterjuri u l-iskambju ta' informazzjoni titħalla f'idejn l-istrumenti attwali tal-Istati Membri. |

Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni/raġunijiet li ġejjin: |

331 | Aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal EURODAC huwa l-uniku mod tempestiv, akkurat, sikur u ekonomikament effiċjenti kif jiġi identifikat jekk u fejn id-dejta dwar dawk li jfittxu l-ażil hija disponibbli fl-Istati Membri. L-ebda alternattiva effiċjenti u raġonevoli ma teżisti għall-EURODAC sabiex tiġi stabbilita jew verifikata l-identità ta' xi ħadd li jfittex l-ażil li tippermetti l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jottjenu l-istess riżultat. Il-miżuri proposti jiffukaw fuq l-essenzjali tad-dritt ta' konsultazzjoni , u ma jmorrux oltre dak li huwa proporzjonali. |

332 | Il-miżura proposta tinvolvi l-inqas spejjeż fuq il-Komunità u l-Istati Membri, peress li tuża dejtabejżis eżistenti u strutturi ta' qsim ta' informazzjoni eżistenti u ma tippruvax toħloq tali sistemi ġodda. |

Għażla ta' strumenti |

341 | Strumenti proposti: oħra. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni/jiet li ġejjin. Peress li hemm fil-periklu d-drittijiet fundamentali, mezzi regolatorji oħra minbarra d-Deċiżjoni taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE ma jkunx xieraq. |

4. Implikazzjonjiet ta' baġit |

401 | Il-proposta se tiġbor fiha emenda teknika għall-EURODAC sabiex tipprovdi l-possibiltà li jsir tqabbil fuq bażi ta' marka latenti. |

5. Informazzjoni addizzjonali |

Klawżola ta’ valutazzjoni/reviżjoni/terminazzjoni awtomatika |

531 | Il-proposta tinkludi klawżola ta' stħarriġ. |

2009/0130 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar talbiet għal tqabbil ma' dejta tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30(1)(b) u 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

(1) Il-Programm tal-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, kif adottat mill-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Novembru 2004, talab għat-titjib tal-iskambju tad-dejta transkonfinali, ukoll bl-estensjoni tal-aċċess għal sistemi ta' arkivjar eżistenti tal-Unjoni Ewropea.

(2) Fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u reati serji oħra, huwa essenzjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jkollhom l-informazzjoni l-iktar sħiħa u aġġornata, sabiex jaqdu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni li hemm fil-EURODAC stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru…/… [ Eurodac il-ġdid ][2] huwa neċessarju għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. Għaldaqstant, id-dejta fil-EURODAC għandha tkun disponibbli, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, għat-tqabbil mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Europol.

(3) Il-Kummissjoni spjegat fil-Kommunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-effettività mtejba, l-interoperabilità mkabbra u s-sinerġiji fost id-dejtabejżis Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni[3] tal-24 ta' Novembru tal-2005, li l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà interna jistgħu jkollhom aċċess għall-EURODAC f'każijiet speċifiċi, meta jkun hemm suspett sustanzjat li l-perpetratur ta' reat terroristiku jew ta' reat kriminali serju applika biex jingħata ażil. F'din il-Kommunikazzjoni l-Kummissjoni sostniet ukoll li l-prinċipju tal-proporzjonalità jitlob li l-EURODAC jiġi kkonsultat għal dawn il-finijiet biss meta jkun hemm tħassib għas-sigurtà pubblika li jkun ta' importanza suprema, jiġifieri, jekk l-att imwettaq mill-kriminal jew mit-terrorist li għandu jiġi identifikat huwa daqstant gravi li jiġġustifika li tiġi kkonsultata d-dejtabejż li tirreġistra persuni li għandhom fedina penali nadifa u ikkonkludiet li l-limitu għall-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà li jikkonsultaw il-EURODAC għandu għalhekk ikun dejjem iktar ogħli mil-limitu b’mod sinifikanti sabiex jiġu kkonsultati d-dejtabejżis kriminali.

(4) Barra minn hekk, il-Europol għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni ta' delitti transkonfinali fis-sostenn tal-prevenzjoni tal-kriminalità, analiżi u investigazzjoni fi ħdan l-Unjoni. Konsegwentement, l-Europol, għandu wkoll ikollu aċċess għad-dejta tal-EURODAC fl-ambitu tal-qafas tal-kompiti tiegħu f'konformità mad-Deċiżjoni li tistabilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) Nru (2009/371/JHA)[4].

(5) Din id-deċiżjoni tikkomplimenta r-Regolament (KE) Nru […/…] [EURODAC il-ġdid] , sakemm tipprovdi għal bażi legali taħt Titolu VI tat-Trattat li jistabilixxi l-Unjoni Ewropea biex jiġu awtorizzati rikjesti għal tqabbil mad-dejta tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Europol.

(6) Peress li l-EURODAC ġie stabbilit sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, l-aċċess għall-EURODAC għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra tikkostitwixxi bidla fl-iskop oriġinali tal-EURODAC, li huwa indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwi li d-dejta personali tagħhom hija pproċessata fil-EURODAC. Kwalunkwe tali ndħil għandu jkun skont il-liġi, għandu jkun formulat bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-individwi li jaġġustaw l-imġieba tagħhom u għandu jipproteġi l-individwi kontra l-arbitrarjetà u għandu jindika b’ċarezza suffiċjenti l-ambitu tad-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti u l-mod tal-eżerċizzju tagħha. Kwalunke indħil għandu jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika sabiex jintlaħaq interess leġittimu u proporzjonat u proporzjonali għall-għan leġittimu li qed jipprova jilħaq.

(7) Anki jekk l-iskop oriġinali għat-twaqqif tal-EURODAC ma kienx jirrikjedi l-faċilità li jintalab tqabbil tad-dejta mad-dejtabejż fuq il-bażi ta' marka tas-swaba' latenti li hija traċċa dattiloskopika li tista' tinstab fuq ix-xena tad-delitt, tali faċilità hija waħda fundamentali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-possibiltà li titqabbel marka latenti mad-dejta tal-marka tas-swaba' li tkun arkivjata fil-EURODAC għandha tipprovdi lill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri b'għodda utli ħafna għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra, pereżempju meta l-unika prova disponibbli fuq ix-xena tad-delitt huma l-marki latenti.

(8) Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonjiet li taħthom it-talbiet għat-tqabbil tad-dejta tal-marki tas-swaba' mad-dejta tal-EURODAC għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra għandhom jiġu permessi u s-salvagwardji meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwi li d-dejta personali tagħhom hija pproċessata fil-EURODAC.

(9) Huwa neċessarju li jinħatru awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll il-Punti ta' Aċċess Ċentrali Nazzjonali li permezz tagħhom isiru r-rikjesti għat-tqabbil mad-dejta tal-EURODAC u biex tinżamm lista ta' unitajiet operattivi fi ħdan l-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati li jitolbu tali tqabbil għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi kif imsemmi fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[5] u ta' reati kriminali serji oħra kif imsemmi fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri[6].

(10) Talbiet għat-tqabbil mad-dejta arkivjata fid-dejtabejż ċentrali tal-EURODAC għandha ssir mill-unitajiet operattivi fi ħdan tal-awtoritajiet maħtura lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali, permezz tal-awtorità tal-verifika u għandhom jiġu mmotivati. L-awtoritajiet tal-verifika għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw konformità stretta mal-kundizzjonjiet għall-aċċess kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni. L-awtoritajiet tal-verifika għandhom imbagħad jittrażmettu din it-talba għat-tqabbil permezz tal-Punt ta' Aċċess Nazzjonali għas-Sistema Ċentrali tal-EURODAC wara verifika ta' jekk il-kundizzjonjiet kollha għall-aċċess ġewx sodisfatti. Fil-każ eċċezzjonali ta' urġenza l-awtorità ta' verifika għandha tipproċessa t-talba immedjatament u tagħmel il-verifika wara.

(11) Għall-finijiet ta' protezzjoni tad-dejta personali, u b'mod partikolari biex jiġi eskluż tqabbil fuq skala kbira li għandha tkun ipprojbita, l-ipproċessar tad-dejta tal-EURODAC għandu jsir fuq bażi ta' każ b'każ u meta huwa neċessarju għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. Barra minn hekk l-aċċess għandu jkun permess biss meta t-tqabbil mad-dejtabejżis nazzjonali tal-Istat Membru u mad-Dejtabejżis tal-Marki tas-Swaba' Awtomattizzati tal-Istati Membri l-oħra skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali[7] (id-Deċiżjoni ta' Prüm) taw riżultati negattivi. Tali każ speċifiku jeżisti b'mod partikolari meta t-talba għat-tqabbil hija relatata ma' sitwazzjoni speċifika u konkreta jew ma' periklu speċifiku u konkret assoċjat ma reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor, jew għal persuni speċifiċi li fil-konfront tagħhom hemm raġunijiet serji għaliex wieħed jemmen li dawn il-persuni se jwettqu jew wettqu reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra. Każ speċifiku jeżisti wkoll meta t-talba għal tqabbil hija relatata ma' persuna li hija vittma ta' reat terroristiku jew ta' reat kriminali serju ieħor. L-awtoritajiet maħtura u l-Europol għandhom għaldaqstant jitolbu tqabbil mal-EURODAC meta jkollhom raġunijiet motivati biex jemmnu li tali tqabbil se jipprovdi informazzjoni li se tgħinhom sostanzjalment fil-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor.

(12) Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali[8] tapplika għal dejta personali li hija pproċessata skont din id-Deċiżjoni.

(13) Trażmissjonijiet ta' dejta miġjuba skont din id-Deċiżjoni lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonjiet internazzjonali jew entitajiet privati għandhom ikunu projbiti, sabiex jiġi żgurat id-dritt ta' ażil u sabiex jiġu salvagwardati l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali milli jkollhom id-dejta tagħhom milli jiġu żvelati lil xi pajjiż terz. Din il-projbizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jitrasferixxu tali dejta lil pajjiżi terzi li japplikaw għalihom ir-Regoli ta’ Dublin, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom il-possibiltà ta’ kooperazzjoni ma’ tali pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(14) L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta personali għandha tissorvelja l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati membri, u l -Korp Konġunt ta' Sorveljanza stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Europol għandu jissorvelja l-legalit à tal-attivitajiet imwettqa mill-EUROPOL.

(15) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-libertà tal-moviment ta’ tali dejta[9] u b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 22 tiegħu li jikkonċerna l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar japplikaw għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità meta jkunu qed iwettqu l-attivitajiet li jkunu kollha jew parti minnhom jaqgħu fl-ambitu tad-dritt Komunitarju.

(16) L-applikazzjoni effettiva ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi evalwata f’’intervalli regolari.

(17) Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal talbiet ta’ paraguni ma’ dejta maħżuna fid-dejtabejż ċentrali tal-EURODAC minn awtoritajiet nominati tal-Istati Membri u mill-Europol ma jistgħux jiġu milħuqa biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista’ jaddotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dawk l-Artikoli, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(18) Skont l-Artikolu 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni ma taffetwax il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, b’mod partikolari kif eżerċitati mir-Regolament (KE) Nru […/…] [l-EURODAC il-ġdid} [10] u fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment ta' tali dejta[11].

(19) Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u ssegwi l-prinċipji riflessi b'mod partikolari fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u prinċipalment id-dritt ta' protezzjoni tad-dejta personali u d-dritt għall-ażil. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata skont dawn id-drittijiet u prinċipji,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Is-suġġett u l-ambitu

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jista' jitlob għal paragun tad-dejta dwar il-marki tas-swaba' ma' dawk maħżuna fid-dejtabejż ċentrali tal-EURODAC għal finijiet ta' prevenzjoni, rintraċċar u investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, dawn id-definizzjonijiet japplikaw:

(a) 'EURODAC' tfisser id-dejtabejż kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru […/…] [EURODAC il-ġdid];

(b) 'Europol' tfisser l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija kif stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill […/…./ĠAI];

(c) 'Dejta tal-EURODAC' tfisser id-dejta kollha tal-marki tas-swaba' maħżuna fid-dejtabejż ċentrali skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 14(2) ta' [EURODAC il-ġdid];

(d) 'reati terroristiċi' tfisser reati kontemplati taħt il-liġi nazzjonali li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għar-reati msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ ĠAI;

(e) 'reati kriminali serji' tfisser it-tipi ta' delitti li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ ĠAI jekk huma punibbli b'sentenza ta' priġunerija jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali;

(f) 'dejta tal-marki tas-swaba'' tfisser il-marki tas-swaba' kollha jew mill-inqas tas-swaba' werrejja, u jekk dawn huma neqsin, il-marki tas-swaba' kollha l-oħra ta' persuna, jew ta' latent;

(g) 'Punt ta' Aċċess Nazzjonali' hija s-sistema maħtura nazzjonali li tikkomunika mas-Sistema Ċentrali kif imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal- [EURODAC il-ġdid];

(h) L-Awtorità ta' Ġestjoni tfisser l-entità responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal- EURODAC imsemmija fl-Artikolu 5 tal- [EURODAC il-ġdid].

2. Id-definizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru […/…]- [EURODAC il-ġdid] għandhom japplikaw ukoll.

Artikolu 3 Awtoritajiet maħtura

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li huma awtorizzati li jaċċedu d-dejta tal-EURODAC skont din id-Deċiżjoni. L-awtoritajiet maħtura għandhom ikunu awtoritajiet ta' Stati Membri li huma responsabbli għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. L-awtoritajiet maħtura m'għandhomx jinkludu aġenziji jew unitajiet li jittrattaw b'mod speċjali ma' kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali.

2. Kull Stat Membru għandu jżomm elenku ta' awtoritajiet maħtura.

3. F'livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jżomm elenku tal-unitajiet operattivi fi ħdan l-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati jitolbu paraguni mad-dejta tal- EURODAC permezz tal-Punt tal-Aċċess Nazzjonali.

Artikolu 4 L-awtoritajiet ta' verifika

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp nazzjonali wieħed biex jaġixxi bħala l-awtorità ta' verifika tiegħu. L-awtoritajiet ta' verifika għandhom ikunu awtoritajiet ta' Stati Membri li huma responsabbli għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. L-awtoritajiet ta' verifika m'għandhomx jinkludu aġenziji jew unitajiet li jittrattaw b'mod speċjali ma' kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali.

2 . L-awtorità ta' verifika għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet għat-talba għall-paraguni tal-marki tas-swaba' mad-dejta tal- EURODAC ikunu sodisfatti.

3 . Hija biss l-awtorità ta' verifika li għandha tkun awtorizzata li tressaq talbiet għal paraguni tal-marki tas-swaba' lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali li jikkomunika mas-Sistema Ċentrali.

Artikolu 5 Europol

1. L-Europol għandha taħtar unità speċjalizzata b'uffiċjali li huma debitament awtorizzati li jaġixxu bħala l-awtorità ta' verifika tiegħu u bi ftehim ma’ kwalunkweStat Membru għandhom jaħtru l-Punt ta' Aċċess Nazzjonali ta' dak l-Istat Membru li għandu jikkomunika t-talbiet tagħha għal paragun tal-marki tas-swaba' mas-Sistema Ċentrali.

2. L-EUROPOL għandha taħtar unità operattiva li hija awtorizzata li titlob paraguni mad-dejta tal-EURODAC permezz tal-Punt ta' Aċċess Nazzjonali maħtur tagħha.

KAPITOLU II

PROĊEDURA GĦALL-PARAGUN U T-TRAŻMISSJONI TAD-DEJTA

Artikolu 6 Proċedura għall-paragun tad-dejta tal-marki tas-swaba' mad-dejta tal- EURODAC

1. L-awtoritajiet maħtura msemmija fl-Artikolu 3(1) u l-Europol jistgħu jippreżentaw talba elettronika motivata lill-awtorità ta' verifika għat-trażmissjoni ta' paragun tad-dejta tal-marki tas-swaba' lis-Sistema Ċentrali tal- EURODAC permezz il-Punt ta' Aċċess Nazzjonali. Wara li tirċievi tali talba, l-awtorità ta' verifika għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għat-talba għal paragun imsemmi fl-Artikolu 7 jew fl-Artikol 8, kif xieraq, humiex sodisfatti.

2. Meta l-kundizzjonijiet kollha għat-talba għal paragun huma sodisfatti, l-awtorità ta' verifika għandha tittrażmetti t-talba għal paragun lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali li jipproċessaha għas-Sistema Ċentrali tal-EURODAC għall-finijiet ta' paragun mad-dejta kollha tal- EURODAC.

3. F'każijiet eċċezzjonali ta' urġenza, l-awtorità tal-verifika tista' ttitrażmetti d-dejta tal-marki tas-swaba' lill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali għal paragun immedjatament kif tirċievi t-talba mill-awtorità maħtura u tivverifika wara jekk il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 7 jew Artikolu 8 humiex sodisfatti, inkluż jekk każ eċċezzjonali ta' urġenza kienx jeżisti. Il-verifika ex post għandha sseħħ mingħajr dewmien mhux dovut wara l-ipproċessar tat-talba.

4. Meta l-verifika ex post tiddetermina li l-aċċess ma kienx ġustifikat, l-informazzjoni kkomunikata mill-EURODAC għandha tiġi meqruda mill-awtoritajiet kollha li aċċeddew għaliha u dawn għandhom jinfurmaw lill-awtorità tal-verifika b'dan.

Artikolu 7 Kundizzjonijiet tal-aċċess għad-dejta tal-EURODAC mill-awtoritajiet maħtura

1. L-awtoritajiet maħtura jistgħu jitolbu l-paragun tad-dejta tal-marki tas-swaba' ma' dawk maħżuna fid-dejtabejż ċentrali tal-EURODAC fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-poteri tagħhom biss jekk il-paraguni tad-dejtabejżis tal-marki tas-swaba' nazzjonali u tad-Dejtabejżis tal-marki tas-swaba' awtomatika ta' Stati Membri oħra taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI[12] ma kollhomx eżitu pożittiv u meta:

(a) il-paragun huwa meħtieġ għall-fini ta' prevenzjoni, rintraċċar jew investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra;

(b) il-paragun huwa meħtieġ f'każ speċifiku;

(c) hemm raġunijiet raġjonevoli biex wieħed jikkonsidra li tali paragun mad-dejta tal- EURODAC se jikkontribwixxu sostanzjalment għall-prevenzjoni, r-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta' kwalunkwe reati kriminali inkwistjoni.

2. It-talbiet għal paragun mad-dejta tal- EURODAC għandha tkun limitata għal tiftix bid-dejta tal-marki tas-swaba'.

Artikolu 8 Kundizzjonijiet tal-aċċess għad-dejta tal- EURODAC mill-Europol

1. It-talbiet għall-paragun mad-dejta tal-EURODAC mill-Europol għandha sseħħ fil-limiti tal-mandat tagħha u fejn hu meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet tagħha skont id-Deċiżjoni tal-Europol u għall-finijiet ta' analiżi speċifika jew analiżi ta' natura ġenerali u ta' tip strateġiku.

2. It-talbiet għal paragun mad-dejta tal- EURODAC għandha tkun limitata għal tiftix bid-dejta tal-marki tas-swaba'.

3. L-ipproċessar tal-informazzjoni miġjuba mill-Europol mill-paragun mal-EURODAC għandu jkun bla ħsara għall-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini. Tali awtorizzazzjoni għandha tinġieb permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 9 Kommunikazzjoni bejn l-awtorità ta' verifika u l-Punti ta' Aċċess Nazzjonali

1. L-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni tal-EURODAC għandha tkun użata għat-trażmissjoni tad-dejta mill-awtoritajiet ta' verifika tal-Istati membri u l-Europol lill-Punti ta' Aċċess nazzjonali u vice versa . Il-komunikazzjonijiet kollha għandhom isiru elettronikament.

2. Il-marki tas-swaba' għandhom jiġu pproċessati diġitalment mill-Istat Membru u jiġu trażmessi f'forma ta' dejta imsemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru […/…] [EURODAC il-ġdid] , sabiex jiġi żgurat li l-paragun ikun jista' jseħħ permezz ta' sistema kkompjuterizzata tar-rikonoxximent tal-marki tas-swaba'.

KAPITOLU III

PROTEZZJONI TAD-DEJTA PERSONALI

Artikolu 10 Protezzjoni tad-dejta personali

1. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI hija applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta personali taħt id-Deċiżjoni.

2. L-ipproċessar tad-dejta personali mill-Europol skont din id-Deċiżjoni għandha tkun f'konformità mad-Deċiżjoni [Europol] […/…/ĠAI] u r-regoli adottati fl-implimentazzjoni tagħha u għandha tkun sorveljat mill-korp superviżorju konġunt indipendenti stabbilit mill-Artikolu 34 ta' dik id-Deċiżjoni.

3. Id-dejta personali miġjuba skont din id-Deċiżjoni mill- EURODAC għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet ta' prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali serji oħra.

4. Id-dejta personali miġjuba minn Stat Membru jew l-Europol skont din id-Deċiżjoni mill-EURODAC għandha tiġi kkanċellata mill-fajls nazzjonali wara perjodu ta' xahar, jekk id-dejta mhix meħtieġa għall-investigazzjoni kriminali li għadha għaddejja mill-Istat Membru, jew l-Europol.

5. Il-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta personali taħt din id-Direttiva mill-Istat Membru, inkluż it-trażmissjoni għal u mill-EURODAC għandu jsir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

Artikolu 11 Sigurtà tad-Dejta

1. L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura s-sigurtà tad-dejta matul it-trażmissjonijiet kollha ta' dejta taħt din id-Deċiżjoni lill-awtoritajiet maħtura u meta jirċievuwhom.

2. Kull Stat Membru għandu, fir-rigward tas-sistema nazzjonali tiegħu, jaddotta l-miżuri meħtieġa, inkluż pjan ta' sigurtà, sabiex:

(a) jipproteġi fiżikament id-dejta, inkluż li jagħmel pjani ta' kontinġenza għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;

(b) jiċħad l-aċċess lill-persuni mhux awtorizzati f'installazzjonijiet nazzjonali li fihom l-Istat Membru jagħmel l-oeprazzjonijiet f'konformità mal-fini tal-EURODAC (kontrolli fid-dħul tal-installazzjoni);

(c) jipprevjeni qari, ikkupjar, modifika jew tneħħija ta' medja tad-dejta (kontroll tal-medja tal-informazzjoni);

(d) jipprevjeni l-introduzzjoni ta' dejta mhux awtorizzata jew tal-ispezzjoni mhux awtorizzata, il-modifika jew il-kanċellament tad-dejta personali mhux maħżuna (kontroll tal-ħażna).

(e) jipprevjeni l-ipproċessar mhux awtorizzat tad-dejta fil- EURODAC u kwalunkwe modifika jew kanċellament mhux awtorizzat ta' dejta mhux proċessata fil-EIUODAC (kontroll tal-ipproċessar tad-dejta);

(f) jiżgura li l-persuni li għandhom aċċess awtorizzat għall-EURODAC ikollhom aċċess biss għad-dejta koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess, permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u uniċi u modi ta' aċċess kunfidenzjali (kontroll tal-aċċess tad-dejta);

(g) jiżgura li l-awtoritajiet kollha bid-dritt li jitolbu paraguni mad-dejta miżmuma fil-EURODAC joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li għandhom aċċess, dħul, aġġornament, kanċellament u tiftix tad-dejta awtorizzat u jpoġġu dawn il-profili disponibbli għall-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali maħturin taħt l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI mingħajr dewmien fuq talba tagħhom (profili tal-persunal);

(h) jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema dejta personali ta' korpi tista' tiġi trażmessa billi jiġi użat apparat ta' komunikazzjoni tad-dejta (kontroll ta' komunikazzjoni);

(i) jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema dejta ġiet ipproċessata fil-EURODAC, meta, minn min u għal-liema skop (kontroll tar-reġistrazzjoni tad-dejta);

(j) jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew il-kanċellament mhux awtorizzat tad-dejta personali waqt it-trażmissjoni tad-dejta personali għal jew mill-EURODAC jew waqt it-trasport tal-medja tad-dejta, b'mod partikolari permezz ta' tekniki adegwati ta' kodifikar (kontroll tat-trasport);

(k) jimmoniterjaw l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmijin f'dan il-paragrafu u jieħdu dawk il-miżuri organizzattivi meħtieġa li jirrigwardaw il-monitoraġġ intern sabiex jiżgura konformità ma' din id-Deċiżjoni (awto-verifika).

Artikolu 12 Projbizzjoni tat-trasferimenti tad-dejta lil pajjiżi terzi jew lil korpi internazzjonali jew lil partijiet privati

Id-dejta personali miġjuba minn Stat Membru jew l-Europol skont din id-Deċiżjoni mid-dejtabejż ċentrali tal-EURODAC m'għandhiex tiġi trasferita jew titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ xi pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jew entità privata stabbilita fl-Unjoni Ewropea jew barra minnha. Din il-projbizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jitrasferixxu tali dejta lil pajjiżi terzi li japplika għalihom ir-Regolamenti ta' Dublin, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

Artikolu 13 Ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni

1. Kull Stat Membru u l-Europol għandu jiżgura li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta kollha li jirriżultaw mit-talbiet għal paragun mad-dejta tal-EURODAC skont din id-Deċiżjoni jiġu rreġistrati jew dokumentati għall-finijiet tal-iċċekkjar tal-ammissibilità tat-talba u l-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u tal-integrità u s-sigurtà u għall-awto-monitoraġġ.

2. Ir-reġistru jew id-dokumentazzjoni għandha turi fil-każi kollha:

(a) l-iskop preċiż tat-talba għall-paragun, inkluża l-forma kkonċernata tar-reat terroristiku jew tar-reat kriminali serju u għall-Europol, l-iskop preċiż tat-talba għall-paragun;

(b) ir-referenza rispettiva tal-fajl nazzjonali;

(c) id-data u ħin preċiż tat-talba għall-paragun mill-Punt ta' Aċċess Nazzjonali lis-Sistema Ċentrali tal-EURODAC;

(d) l-isem tal-awtorità li tkun talbet l-aċċess għall-paragun, u l-persuna responsabbli li tkun għamlet it-talba u li pproċessat id-dejta;

(e) meta jkun applikabbli l-użu ta' proċedura urġenti msemmija fl-Artikolu 6(3) u d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-verifika ex-post;

(f) id-dejta użata għall-paragun;

(g) skont ir-regoli nazzjonali jew ir-regoli tad-Deċiżjoni tal-Europol il-marka li tidentifika lill-uffiċjal li jkun għamel it-tiftix u l-uffiċjal li jkun ordna it-tiftix jew il-forniment.

3. Tali reġistri jew dokumentazzjoni għandhom ikunu użati biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-dejta tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta kif ukoll biex jiżguraw is-sigurtà tad-dejta. Huma biss reġistrazzjonijiet ta' dejta mhux personali li jistgħu jiġu użati għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija tal-Artikolu 17. L-awtoritajiet suprviżorji nazzjonali kompetenti responsabbli għall-iċċekkjar tal-ammissibilità tat-talba u l-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u l-integrità tad-dejta u s-sigurtà, għandhom aċċess għal dawn ir-reġistrazzjonijiet fuq rikjesta tagħhom bl-iskop li jaqdu dmirhom.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14 Spejjeż

Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jistabbilixxu u jżommu bi spejjeż tagħhom, l-infrastruttura teknika meħtieġa biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni, u jkunu responsabbli biex isofru l-ispejjeż li jirriżultaw minn talbiet għall-paragun mad-dejta tal-EURODAC għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15 Pieni

L-Istati Membri u l-Europol għandhom jieħdu dawk il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kwalunkwe użu tad-dejta tal-EURODAC li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni hija punibbli b'pieni, inklużi pieni amministrattivi u/jew pieni kriminali, li huma effettivi, proporzjonali u disważivi.

Artikolu 16 Notifika tal-awtoritajiet maħturin u tal-awtoritajiet ta' verifika

1. Sa' [tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni] l-iktar tard kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtoritajiet maħtura tiegħu u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emendi fihom.

2. Sa' [tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni] l-iktar tard kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ta’ verifika maħtura tiegħu u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emendi fiha.

3. Sa' [tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni] l-iktar tard kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ta’ verifika u bil-Punt ta' Aċċess Nazzjonali maħtura tiegħu u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emendi fihom.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fuq bażi annwali.

Artikolu 17 Sorveljanza u evalwazzjoni

1. Kull Stat Membru u l-Europol għandu jipprepara rapporti annwali dwar l-effettività tal-paraguni tad-dejta tal-marki tas-swaba' mad-dejta tal-EURODAC, li jkun fihom informazzjoni u statistiċi dwar l-iskop preċiż tal-paragun, inkluż it-tip ta' reat terroristiku jew reat kriminali serju, in-numru ta' talbiet għal paraguni, in-numru u t-tip ta' każijiet li rriżultaw f'identifikazzjoni pożittiva u fuq il-ħtieġa u l-użu tal-każ eċċezzjonali tal-urġenza kif ukoll dwar dawk il-każijiet fejn l-urġenza ma ġietx aċċettata mill-verifika ex post magħmula mill-awtorità tal-verifika. Tali rapporti għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni.

2. Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni globali ta' din id-Deċiżjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi analiżi tar-riżultati milħuqa fil-konfront tal-għanijiet u evalwazzjoni tal-validità kontinwa tar-raġunijiet bażiċi, u għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3. L-Awtorità ta' Ġestjoni, l-Istati Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista' tabbozza r-rapporti ta' evalwazzjoni msemmija f'paragrafu 2. Din l-informazzjoni m'għandhiex tippreġudika l-metodi ta' ħidma u lanqas tinkludi xi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet maħtura.

Artikolu 18 Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea .

2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data msemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament […] [EURODAC il-ġdid]

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU L , , p. .

[3] KUMM(2005) 597, 24.11.2005.

[4] ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37

[5] ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

[6] ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[7] ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

[8] ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[9] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[10] .........................................

[11] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[12] ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.