52009PC0294

Il-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet dwar il-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE {KUMM(2009) 292} {KUMM(2009) 293} /* KUMM/2009/0294 finali - CNS 2009/0090 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 24.6.2009

KUMM(2009) 294 finali

2009/0090 (CNS)

Il-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet dwar il-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE

{KUMM(2009) 292}{KUMM(2009) 293}

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

1.1. Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-għan ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet ta' Awtorità ta' Ġestjoni fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE.

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, flimkien mar-Regolament XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà, u l-ġustizzja jikkostitwixxu pakkett leġiżlattiv.

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)[1], il-Kummissjoni hija fdata bil-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali u partijiet mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni matul il-perjodu ta' tranżizzjoni. Skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS), il-Kummissjoni hija fdata bil-ġestjoni operattiva tal-VIS Ċentrali, l-interfaces nazzjonali u partijiet mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni matul perjodu ta' tranżizzjoni.

Sabiex tiġi identifikata l-aħjar soluzzjoni għall-ġestjoni operattiva fit-tul tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC, il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt[2]. F'dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw l-istrumenti legali tal-SIS II u l-VIS[3], il-Kunsill u l-Parlament Ewropew stiednu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, wara Valutazzjoni tal-Impatt b'analiżi sostantiva tal-alternattivi, mill-perspettiva finanzjarja, operattiva u organizzattiva, il-proposti leġiżlattivi neċessarji li jagħtu lil aġenzija l-ġestjoni operattiva fit-tul tal-SIS II u l-VIS. Wara analiżi tal-għażliet differenti, instab li Aġenzija Regolatorja ġdida hija l-alternattiva l-aktar fattibbli sabiex jitwettqu fit-tul il-funzjonijiet ta' "Awtorità tal-Ġestjoni" għal dawn is-sistemi.

L-SIS II hija strument tal-ewwel pilastru stabbilit fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE. Minbarra dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA ġiet adottata fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE. Din id-Deċiżjoni fiha referenza għall-Awtorità tal-Ġestjoni fil-kuntest tal-ġestjoni operattiva u l-valutazzjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ strument legali tat-tielet pilastru sabiex l-Aġenzija tkopri dawn il-funzjonijiet.

Il-VIS hija strument tal-ewwel pilastru stabbilit fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE. Minbarra dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra ġiet adottata fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE. Din id-Deċiżjoni tafda lill-Awtorità tal-Ġestjoni msemmija fir-Regolament VIS b'ċerti funzjonijiet fir-rigward tas-sorveljanza u l-valutazzjoni. Għaldaqstant, strument legali tat-tielet pilastru huwa neċessarju sabiex l-Aġenzija tingħata l-funzjonijiet skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA.

1.2. Kuntest ġenerali

L-Artikolu 61 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem "it-Trattat tal-KE") jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri mmirati sabiex jiġi assigurat il-moviment ħieles tal-persuni, skont l-Artikolu 14 tat-Trattat tal-KE, b'mod konġunt ma' miżuri li jakkumpanjawhom direttament fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil u l-immigrazzjoni u kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

F'dan il-kuntest, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta' Schengen[4], is-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen (SIS) ġiet stabbilita sabiex tirrinforza l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tal-pulizija sabiex jiġu mħarsa l-politika pubblika u s-sigurtà pubblika inkluża s-sigurtà nazzjonali. Hija tikkostitwixxi strument imfassal sabiex jikkumpensa għall-abolizzjoni tal-kontrolli interni fuq il-fruntieri bejn il-pajjiżi parteċipanti billi tirrinforza s-sigurtà fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni. Is-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) se tieħu post l-SIS tal-ewwel ġenerazzjoni li bdiet topera fl-1995.

Is-Sistema tal-Informazzjoni tal-Viża (VIS) ġiet stabbilita bħala sistema għall-iskambju tad-dejta dwar il-viżi bejn l-Istati Membri. Kif stabbilit fir-Regolament tal-VIS, il-VIS se tippermetti lill-konsulati u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri sabiex jiskambjaw l-informazzjoni tal-viżi sabiex tkun megħjuna l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, tiġi ffaċilitata l-proċedura tal-applikazzjoni għall-viżi, jiġi evitat il-'visa shopping', tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, jiġu ffaċilitati l-kontrolli fuq il-punti tal-qsim tal-fruntieri esterni u fl-Istati Membri, tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, u tissaħħaħ il-prevenzjoni tat-theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri kollha. Is-sistemi nazzjonali li se jiġu konnessi mal-VIS għandhom jiġu żviluppati u/jew adattati u operati minn kull wieħed mill-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA tikkumplimenta r-Regolament tal-VIS fir-rigward tal-aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra.

1.3. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam kopert mill-proposta

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001/JHA tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)[5];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/886/JHA tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)[6];

- Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[7];

- Ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi[8];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[9];

- Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2007/170/KE u 2007/171/KE tas-16 ta' Marzu 2007 li jistipulaw ir-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II[10];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)[11];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/173/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)[12];

- Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/333/KE u 334/2008/JHA tal-4 ta' Marzu 2008 li jadottaw il-Manwal SIRENE u miżuri oħra ta’ implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni (SIS II) ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[13];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[14];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/JHA tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[15];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)[16];

- Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/752/KE tat-3 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi s-siti għas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viża matul il-fażi tal-iżvilupp[17];

- Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/648/KE tat-22 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-istandards għall-karatteristiċi bijometriċi relatati mal-iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viżi[18];

- Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/602/KE tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-arkitettura fiżika u r-rekwiżiti ta’ l-Interfaces Nazzjonali u ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali għall-fażi ta’ l-iżvilupp;[19]

- Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS)[20];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA tat-23 ta' Ġunju li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra.[21]

1.4. Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki u l-għanijiet eżistenti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-għan li tinħoloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

2. Konsultazzjoni tal-partijiet interessi u stima tal-impatt

2.1. Ġbir u użu ta' għarfien espert, konsultazzjoni ma' partijiet interessati

Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt huwa bbażat fuq studju preparatorju, imwettaq minn kuntrattur estern.[22] Saru sebgħa u għoxrin intervista fil-qafas tal-istudju, li involvew rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, l-Awtorità ta' Sorveljanza Konġunta ta' Schengen, l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX), il-Europol, is-sit tas-C.SIS fi Strasbourg responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-SIS 1+ u esperti mill-industrija. Minbarra dan, Grupp ta’ Tmexxija ta’ bejn is-Servizzi, li jikkonsisti mid-Direttorati Ġenerali relevanti tal-Kummissjoni twaqqaf sabiex isostni l-proċess tal-istima tal-impatt.

2.2. Stima tal-impatt

Wara proċess ta' pre-screening, inżammu u ġew analizzati aktar ħames għażliet possibbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġestjoni operattiva fit-tul tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC.

- Għażla 1 - baseline: is-soluzzjoni tal-ġestjoni operattiva għall-SIS II u l-VIS identifikata għall-perjodu ta' tranżizzjoni (il-Kummissjoni tafda l-funzjonijiet ta' ġestjoni f'idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri) titkompla bħala soluzzjoni permanenti. Bħalissa, il-Kummissjoni tamministra l-EURODAC u din is-soluzzjoni tinżamm ukoll.

- Għażla 2 - Baseline+ li fiha l-Kummissjoni tgħaddi l-funzjonijiet tal-ġestjoni operattiva tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

- Għażla 3 – Aġenzija Regolatorja ġdida li tassumi r-responsabbiltà għall-ġestjoni operattiva fit-tul tal-SIS II, il-VIS, u l-EURODAC.

- Għażla 4 – FRONTEX tkun responsabbli għall-ġestjoni tat-tliet sistemi, u dan jinvolvi tibdil sew għall-att bażiku tagħha u kif ukoll għall-istruttura tal-ġestjoni operattiva tagħha.

- Għażla 5 – EUROPOL tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-SIS II u l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-VIS u l-EURODAC. Din l-għażla ġiet ikkunsidrata meta kienu għadhom għaddejjin it-taħdidiet dwar it-tibdil tal-Konvenzjoni tal-Europol kurrenti f'att tal-Komunità.

F'analiżi komparattiva, l-għażla ta' Aġenzija Regolatorja ġdida, li għandha l-għan li toħloq struttura ta' ġestjoni konġunta għall-SIS II, il-VIS u l-EURODAC irriżultat bħala l-aħjar waħda.

3. Elementi legali tal-proposta

3.1. Taqsira tal-azzjoni proposta

L-għan ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet relatati mal-ġestjoni operattiva tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE.

Li tiġi fdata Aġenzija bil-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tas-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja ma jaffettwax ir-regoli speċifiċi li jirregolaw l-għan, id-drittijiet ta' aċċess, il-miżuri tas-sigurtà u r-rekwiżiti ulterjuri tal-protezzjoni tad-dejta applikabbli għal dawk is-sistemi.

3.2. Bażi legali

F'dak li jirrigwarda l-SIS II, il-bażi legali għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill issegwi l-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA u għalhekk hija bbażata fuq l-Artikolu 30(1)(a) u l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat tal-UE. F'dak li jirrigwarda l-VIS, il-bażi legali għal din il-proposta ssegwi l-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA u għalhekk hija bbażata fuq l-Artikolu 30(1)(b) u l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat tal-UE. Minħabba li l-funzjonijiet ta' sorveljanza u valutazzjoni tal-Awtorità tal-Ġestjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA huma konnessi b'mod li ma jinħallx mal-materja ewlenija tagħha, jiġifieri l-iskambju tal-informazzjoni, tapplika l-istess bażi legali.

3.3. Ġometrija varjabbli

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-bażi legali tagħha fit-Titolu VI tat-Trattat tal-UE u tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen. Għandhom jitqiesu l-konsegwenzi li ġejjin fir-rigward tal-protokolli u l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni differenti:

Ir-Renju Unit u l-Irlanda:

Safejn hija tapplika għall-VIS, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fih, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhumiex marbutin minnha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha safejn il-miżuri tagħha jiżviluppaw dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fejn dawn jirrigwardaw il-VIS.

Madankollu, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni safejn id-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-SIS II, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen.

In-Norveġja u l-Iżlanda:

Fir-rigward tan-Norveġja u l-Iżlanda, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp fuq dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[23].

L-Iżvizzera:

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp fuq dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[24].

Liechtenstein:

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp fuq dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[25].

3.4. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà għaliex l-għan tal-azzjoni proposta, it-trażmissjoni tal-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali, tal-VIS Ċentrali u tal-interfaces nazzjonali u kif ukoll partijiet mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni lil Aġenzija, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri individwalment.

3.5. Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan tagħha. Hija tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex l-attivitajiet tal-Aġenzija qed jinżammu fil-minimu neċessarju għat-twettiq tal-funzjonijiet stabbiliti għall-Awtorità tal-Ġestjoni. L-attivitajiet tal-Awtorità tal-Ġestjoni, inklużi l-funzjonijiet li tirrigwarda din il-proposta, huma limitati għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali, tal-VIS Ċentrali u tal-interfaces nazzjonali u kif ukoll partijiet mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni filwaqt li l-Istati Membri huma kompetenti għas-sistemi nazzjonali tagħhom.

3.6. Għażla ta' strumenti

Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 30(1)(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat tal-UE hija l-aktar strument adattat għall-azzjoni proposta. L-użu ta' Deċiżjoni bħala l-att huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġu applikati regoli komuni.

4. Implikazzjoni baġitarja

L-Aġenzija se tkun iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dikjarazzjoni finanzjarja komuni ġiet annessa mar-Regolament XX.

5. Informazzjoni Addizzjonali

5.1. Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz tat-twaqqif ta' struttura unika tal-ġestjoni għal diversi sistemi tal-IT fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

5.2. Valutazzjoni

Ir-Regolament XX jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' valutazzjoni għall-Aġenzija.

2009/0090 (CNS)

Il-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet dwar il-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[26],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[27],

Billi:

(1) Is-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ġiet stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)[28] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533//JHA tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)[29]. F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli matul perjodu ta' tranżizzjoni għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali. Wara dak il-perjodu ta' tranżizzjoni, Awtorità ta' Ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali u ċerti aspetti tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni.

(2) Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli matul perjodu ta' tranżizzjoni għall-ġestjoni operattiva tal-VIS. Wara dak il-perjodu ta' tranżizzjoni, Awtorità ta' Ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-VIS II Ċentrali, l-interfaces nazzjonali u ċerti aspetti tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni.

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA tat-23 ta' Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra[30] fdaw lill-Awtorità tal-Ġestjoni b'ċerti funzjonijiet relatati mas-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-VIS.

(4) Twaqqfet aġenzija permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) XX li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja[31]. Ir-Regolament (KE) XX ta lill-Awtorità ta' Ġestjoni l-funzjonijiet stipulati mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u r-Regolament (KE) Nru 767/2008. Permezz ta' din id-Deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tingħata r-responsabbiltà għall-funzjonijiet li tawha d-Deċiżjonijiet 2007/533/JHA u 2008/633/JHA.

(5) Fir-rigward tal-SIS II, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u Eurojust, li t-tnejn li huma għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-dejta li tiddaħħal fl-SIS II f'applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/JHA u li jfittxu fiha, għandu jkollhom status ta' osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni meta jkunu fuq l-aġenda kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/JHA. Il-Europol u l-Eurojust għandhom it-tnejn li huma jkunu jistgħu jappuntaw rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tal-SIS II kif stabbilit taħt l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament XX.

(6) Fir-rigward tal-VIS, il-Europol għandu jingħata l-istatus ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni, meta jkunu fuq l-aġenxa l-miżuri fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/633/JHA. Il-Europol għandu jkun jista' jappunta rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tal-VIS stabbilit taħt l-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament XX.

(7) Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(8) Safejn hija tapplika għall-VIS, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fih, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen[32]. Ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha safejn il-miżuri tagħha jiżviluppaw dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen safejn dawn jirrigwardaw il-VIS. Madankollu, ir-Renju Unit qed jieħu sehem f'din id-Deċiżjoni safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jirrigwardaw l-SIS II, f'konformità mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000, fir-rigward tat-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen.

(9) Safejn hija tapplika għall-VIS, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fih, f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen[33]. L-Irlanda għalhekk mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha safejn il-miżuri tagħha jiżviluppaw dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen safejn dawn jirrigwardaw il-VIS. Madankollu, l-Irlanda qed tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jirrigwardaw l-SIS II, f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002, rigward it-talba ta' l-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen.

(10) Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u l-Irlanda fl-acquis ta' Schengen kif definiti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000[34] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002[35] rispettivament.

(11) Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[36] li jaqa', f'dak li jirrigwarda lill-SIS II, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, u, f'dak li jirrigwarda l-VIS, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999[37] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(12) Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[38] li jaqa', f'dak li jirrigwarda lill-SIS II, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, u, f'dak li jirrigwarda l-VIS, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/JHA[39] dwar il-konklużjoni ta' dak il-Ftehim f'isem l-Unjoni Ewropea.

(13) Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqa', f'dak li jirrigwarda lill-SIS II, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, u, f'dak li jirrigwarda l-VIS, fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/262/KE[40].

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Id-Deċiżjoni tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX il-funzjonijiet mogħtija lill-Awtorità tal-Ġestjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA.

Artikolu 2

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Ġestjoni u l-Gruppi Konsultattivi

1. Il-Europol u l-Eurojust għandhom jingħataw l-istatus ta' osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni, meta jkunu fuq l-aġenda kwistjonijiet li jikkonċernaw l-SIS II, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/JHA.

2. Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jappuntaw rappreżentant kull wieħed fil-Grupp Konsultattiv tal-SIS II stabbilit taħt l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament XX.

3. Il-Europol għandu jingħata l-istatus ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni, meta tkun fuq l-aġenda kwistjoni li tikkonċerna l-VIS, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA.

4. Il-Europol jista' jappunta rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tal-VIS stabbilit taħt l-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament XX.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 205, 7.3.2002, p. 63.

[2] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Dokument li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewreopew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II, il-VIS, il-EURODAC u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira f'applikazzjoni tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE u Proposta għal Deċ iżjoni tal-Kunsill li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX funzjonijiet dwar il-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE, COM (2009) XX finali.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4;

Ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1.;

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63;

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS), ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60;

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA tat-23 ta' Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u ta' l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra, ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129.

[4] Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Lulju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, ĠU L 239, 22.09.2000, p. 19.

[5] ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

[6] ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

[7] ĠU L 381, 7.3.2002, p. 4.

[8] ĠU L 381, 7.3.2002, p. 1.

[9] ĠU L 205, 7.3.2002, p. 63.

[10] ĠU L 79, 20.3.2007, p. 20.

[11] ĠU L 57, 7.3.2002, p. 1.

[12] ĠU L 57, 7.3.2002, p. 14.

[13] ĠU L 123, 7.3.2002, p. 1.

[14] ĠU L 299, 7.3.2002, p. 1.

[15] ĠU L 299, 7.3.2002, p. 43.

[16] ĠU L 213, 7.3.2002, p. 5.

[17] ĠU L 305, 7.3.2002, p. 13.

[18] ĠU L 267, 7.3.2002, p. 41.

[19] ĠU L 194, 7.3.2002, p. 3.

[20] ĠU L 218, 7.3.2002, p. 60.

[21] ĠU L 218, 7.3.2002, p. 129.

[22] Valutazzjoni tal-għażliet għall-ġestjoni fit-tul tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viża (VIS) u l-EURODAC u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, Rapport finali, 15 ta' Ottubru 2007, RAND Europe.

[23] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[24] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[25] Dokument tal-Kunsill 16462/06, aċċessibbli fuq http://register.consilium.europa.eu

[26] ĠU […]

[27] ĠU […]

[28] ĠU L 381, 28. 12. 2006, p. 4.

[29] ĠU L 205, 7. 8. 2007, p. 63.

[30] ĠU L 218, 7.3.2002, p. 129.

[31] ĠU …

[32] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[33] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[34] ĠU L 131, 7.3.2002, p. 43.

[35] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[36] ĠU L 176, 7.3.2002, p. 36.

[37] ĠU L 176, 7.3.2002, p. 31.

[38] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[39] ĠU L 53, 27.2.2008, p 50.

[40] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.