52009PC0245

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-pitrolju CAS 8042-47-5 fl-Anness I tad-direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2009/0245 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.5.2009

KUMM(2009) 245 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-pitrolju CAS 8042-47-5 fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-abbozz anness ta’ proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill jikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-pitrolju CAS 8042-47-5 bħala sustanza attiva fil-lista pożittiva (Anness I) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza. Il-proposta għan-nuqqas ta’ inklużjoni tissejjes fuq għadd ta’ tħassib identifikat tul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE toħloq qafas armonizzat għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Is-sustanzi attivi li jkunu maħsuba għall-użu bħala prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jiġu evalwati u awtorizzati f’livell Komunitarju, u mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva. Il-prodotti individwali għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi jiġu evalwati u awtorizzati mill-Istati Membri skont regoli armonizzati.

Id-dejta mressqa mill-industrija fil-bidu kienet evalwata minn Stat Membru relatur, f'dan il-każ il-Greċja, li ressaq abbozz ta' rapport ta' evalwazzjoni. L-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari organizzat reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni inizjali u kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b'konklużjoni ta' evalwazzjoni tar-riskju għall-pitrolju CAS 8042-47-5 fid-19 ta' Diċembru 2008.

Matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. B’mod partikolari, l-evidenza eżistenti mhix biżżejjed biex turi użu aktar sigur rigward l-operaturi, il-ħaddiema, min ikun jinsab qrib u l-konsumaturi.

L-abbozz ta' deċiżjoni għan-nuqqas ta’ inklużjoni tressaq fit-12 ta' Marzu 2009 quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali, fejn:

- 18-il Stat Membru vvota favur (223 vot)

- 5 Stati Membri vvotaw kontra (48 vot)

- 4 Stati Membri astjenew (74 vot)

Il-Kumitat ma ta l-ebda opinjoni. Għalhekk, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414/KEE u skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni hija mitluba tressaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-Kunsill għandu tliet xhur biex jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

L-abbozz ta' Deċiżjoni mhuwiex suġġett għad-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew (Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE).

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-pitrolju CAS 8042-47-5 fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[1], u partikolarment ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

1. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru jista', matul perjodu ta' 12-il sena wara n-notifika ta' din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux imniżżla fl-Anness I ta' dik id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara d-data ta' notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu investigati b'mod gradwali fil-qafas ta' programm ta' ħidma.

2. Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002[2] u (KE) Nru 2229/2004[3] jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba' stadju tal-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l-pitrolju CAS 8042-47-5.

3. Għall-pitrolju CAS 8042-47-5 l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) b'konformità mal-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għall-pitrolju CAS 8042-47-5 l-Istat Membru relatur kien il-Greċja u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fit-30 ta' April 2008 u s-7 ta’ Mejju 2008.

4. Ir-rapport ta' evalwazzjoni saritlu reviżjoni esperta mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Valutazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tiegħu u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fid-19 ta' Diċembru 2008 fil-format tal-konklużjoni tal-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni esperta tal-evalwazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-pitrolju CAS 8042-47-5 [4]. Dan ir-rapport ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzat fit-12 ta’ Marzu 2009 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-pitrolju CAS 8042-47-5.

5. Matul il-valutazzjoni ta' din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. B’mod partikolari, l-evidenza eżistenti mhix biżżejjed biex turi użu aktar sigur rigward l-operaturi, il-ħaddiema, min ikun jinsab qrib u l-konsumaturi. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, li l-pitrolju CAS 8042-47-5 laħaq il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

6. Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-evalwazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat ma wrewx li jista' jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet ta' użu proposti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

7. Għalhekk, il-pitrolju CAS 8042-47-5 m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

8. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġġeddux u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

9. Kull perjodu ta' konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ħażniet eżistenti ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 għandu jkun limitat għal perjodu ta' tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 jibqgħu disponibbli għall-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni.

10. Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-pitrolju CAS 8042-47-5 skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipulaw regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-evalwazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha[5], bil-ħsieb ta' inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

11. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pitrolju CAS 8042-47-5 m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) awtorizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 ikunu irtirati sa [...NIŻŻEL ID-DATA SITT XHUR MID-DATA TAL-ADOZZJONI TA' DIN ID-DEĊIŻJONI];

(b) l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-pitrolju CAS 8042-47-5 m’hi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard minn [...NIZZEL ID-DATA 18-IL XAHAR MILL-ADOZZJONI TA' DIN ID-DEĊIŻJONI].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

[2] ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

[3] ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

[4] Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 219-220, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju marbut mal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-pitrolju CAS 8042-47-5, iffinalizzat fid-19 ta’ Diċembru 2008.

[5] ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.