[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 30.4.2009 KUMM(2009) 207 finali 2009/0064 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/.../KE {SEC(2009) 576} {SEC(2009) 577} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Kuntest tal-Proposta 1.1. Kuntest, raġunijiet, u għanijiet tal-proposta Il-kriżi finanzjarja kixfet għadd ta’ dgħjufijiet fis-sistema finanzjarja globali. Uriet kif ir-riskji li jikkristallizzaw f’settur wieħed jistgħu jinfirxu malajr fis-sistema finanzjarja, b’riperkussjonijiet serji għall-parteċipanti kollha fis-suq finanzjarju u għall-istabbiltà tas-swieq sottostanti. Il-proposta preżenti tifforma parti minn programm ambizzjuż tal-Kummissjoni biex testendi regolamentazzjoni u sorveljanza xierqa fuq l-atturi u l-attivitajiet kollha li fihom riskji sinifikanti[1]. Il-leġiżlazzjoni proposta ser tintroduċi rekwiżiti armonizzati għall-entitajiet involuti fl-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM). Il-bżonn għal involviment regolatorju eqreb ma’ dan is-settur ġie enfasizzat mill-Parlament Ewropew[2] u mill-Grupp ta’ Livell Għoli għas-Superviżjoni Finanzjarja ppresedut minn Jacques de Larosière[3]. Huwa wkoll is-suġġett ta’ diskussjoni kontinwa fuq livell internazzjonali, pereżempju permezz tal-ħidma tal-G20, l-IOSCO u l-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja. Il-fondi konċernati huma ddefiniti bħala l-fondi kollha li mhumiex irregolati bid-Direttiva UCITS[4]. Madwar EUR 2 triljuni f’assi huma preżentament immaniġġjati mill-AIFM bl-użu ta’ diversi tekniki ta’ investiment, b’investimenti f’diversi swieq tal-assi u l-qadi ta' diversi kategoriji ta’ investituri. Is-settur jinkludi fondi ħeġġ u ekwità privata, kif ukoll fondi immobiljari, fondi komoditarji, fondi infrastrutturarji u tipi oħra ta’ fondi istituzzjonali. Il-kriżi finanzjarja wriet kemm l-AIFM huma vulnerabbli għal firxa wiesgħa ta’ riskji. Dawn ir-riskji huma ta' tħassib dirett għall-investituri li jinvestu f’dawk il-fondi, iżda wkoll jippreżentaw sogru għall-kredituri, il-kontropartijiet kummerċjali u għall-istabbiltà u l-integrità tas-swieq finanzjarji Ewropej. Dawn ir-riskji jieħdu diversi forom: Sors tar-Riskju | Riskji makroprudenzjali (sistemiċi) | Skopertura dirett ta’ banek sistemikament importanti għas-settur tal-AIFM Impatt proċikliku ta’ aggregazzjoni u konċentrazzjonijiet tar-riskju f’segmenti partikolari tas-suq u d-diżingranar fuq il-likwidità u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. | Riskji mikroprudenzjali | Dgħjufijiet fis-sistemi interni tal-immaniġġjar tar-riskji fir-rigward tar-riskji tas-suq, ir-riskji tal-kontropartijiet, ir-riskji tal-likwidità tal-iffinanjar u r-riskji operattivi | Protezzjoni tal-investitur | Żvelar inadegwat għall-investituri dwar il-politika tal-investiment, l-immaniġġjar tar-riskji, il-proċessi interni Kunflitti ta' interess u fallimenti fil-governanza tal-fondi, partikolarment fir-rigward tar-remunerazzjoni, l-istimar u l-amministrazzjoni | Effiċjenza u integrità tas-suq | Impatt tal-kummerċ dinamiku u tat-tekniki tal-bejgħ skopert fuq il-funzjonament tas-suq Potenzjal għal abbuż tas-suq b’rabta ma’ ċerti tekniki, pereżempju l-bejgħ skopert | Impatt fuq is-suq għall-kontroll korporattiv | Nuqqas ta’ trasparenza meta jinħolqu l-interessi f’kumpaniji kwotati (pereżempju permezz tal-użu tas-self bl-istokks, kuntratti għad-differenza), jew azzjoni konċertata fi strateġiji 'attivisti' | Impatt fuq il-kumpaniji ikkontrollati mill-AIFM | Potenzjal għal miżallinjament ta’ inċentivi fl-immaniġġjar ta’ kumpaniji f'portafoll, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-iffinanzja tad-dejn Nuqqas ta’ trasparenza u skrutinju pubbliku ta’ kumpaniji soġġetti għal akkwiżizzjonijiet | L-għamla u l-intensità ta' dawn ir-riskji jvarjaw minn mudell tan-negozju għall-ieħor. Pereżempju, ir-riskji makroprudenzjali assoċjati mal-użu tal-ingranaġġ huma relatati primarjament mal-attivitjiet tal-fondi ħeġġ u l-fondi komoditarji; waqt li r-riskji assoċjati mal-governanza kumpaniji f'portafoll huma l-aktar assoċjati fil-qrib mal-ekwità privata. Madankollu, riskji oħra, bħal dawk relatati mal-immaniġġjar tar-riskji mikroprudenzjali u l-protezzjoni tal-investituri huma komuni għat-tipi kollha ta’ AIFM. Waqt li l-AIFM ma kienux il-kawża tal-kriżi, avvenimenti reċenti għamlu pressjoni qawwija fuq is-settur. Ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet tagħhom immanifestaw ruħhom fl-industrija tal-AIFM matul dawn l-aħħar xhur u f’ċerti każijiet jista’ jkun li kkontribwixxew għat-taqlib fis-suq. Pereżempju, il- fondi ħeġġ għenu fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi u t-tkabbir rapidu tas-swieq tal-kreditu strutturat. Ir-rilassament f’daqqa ta’ pożizzjonijiet sostanzjali ingranati b'reazzjoni għall-issikkar tal-kundizzjonijiet tal-kredituri u t-talbiet ta’ tifdija mill-investituri kellhom impatt proċikliku fuq is-swieq deterjoranti u jista’ jkun li ppreġudikaw il-likwidità tas-suq. Il-fondi tal-fondi ħeġġ iffaċċjaw problemi serji ta’ likwidità: ma setgħux jillikkwidaw l-assi malajr biżżejjed biex jissodisfaw it-talbiet mill-investituri biex jirtiraw il-flus, li wasslet għal ċerti fondi ta’ fondi ħeġġ biex jissospendu jew inkella jillimitaw it-tifdijiet. Il-fondi komoditarji ġew implikati fil-bużżieqa tal-prezzijiet tal-komoditajiet li żviluppat lejn l-aħħar tal-2007. Mill-banda l-oħra, fondi ta' ekwità privata, minħabba l-istrateġiji ta' invesitment tagħhom u użu differenti ta' ingranaġġ minn dak tal-fondi ħeġġ, ma jikkontribwixxux għaż-żieda fir-riskji makroprudenzjali. Huma esperjenzaw sfidi relatati mad-disponibbiltà tal-kreditu u s-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji tagħhom f'portafoll. L-inkapaċità li jispekulaw naqqset b’mod sinifikanti l-attività fl-akkwiżizjonijiet u għadd ta’ kumpaniji f'portafoll li qabel kienu soġġetti għal akkwiżizzjonijiet ingranati ġew irrappurtati li ffaċċjaw diffikultajiet fis-sejbien ta’ finanzi sostitutivi. Id-dimensjoni transkonfinali ta’ dawn ir-riskji titlob qafas regolatorju koerenti tal-UE: Fil-preżent, l-attivitajiet tal-AIFM huma rregolati permezz ta’ taħlita ta’ regolamenti nazzjonali finanzjarji u tal-liġi dwar il-kumpaniji u dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi Komunitarja. Dawn huma ssupplimentati f’ċerti oqsma bl-istandards żviluppati mill-industrija. Madankollu, l-avvenimenti reċenti indikaw li wħud mir-riskji assoċjati mal-AIFM ma ngħatawx biżżejjed importanza u ma ġewx indirizzati suffiċjentement bir-regoli attwali. Dan parzjalment jirrifletti l-perspettiva nazzjonali predominanti tar-regoli eżistenti: l-ambjent regolatorju ma jirriflettix f’mod xieraq l-għamla transkonfinali tar-riskji. Dan huwa partikolarment ovvju f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ u l-kontroll effikaċi tar-riskji makroprudenzjali. L-attivitajiet individwali u kollettivi ta’ AIFM kbar, partikolarment dawk li jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ, jamplifikaw iċ-ċaqliq fis-suq u kkontribwixxew għall-instabbiltà kontinwa tas-swieq finanzjarji madwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu għad ma hemmx mekkaniżmi effettivi għall-ġbir, l-ippuljar u l-analiżi tal-informazzjoni dwar dawn ir-riskji fuq il-livell Ewropew. Hemm ukoll id-dimensjoni transkonfinali potenzjali tal-kwalità tal-immaniġġjar tar-riskji mill-AIFM: investituri, kredituri u kontropartijiet kummerċjali tal-AIFM ikollhom id-domiċilju fi Stati Membri oħra u huma dipendenti fuq il-kontrolli implimentati mill-AIFM. Illum, il-ġurisdizzjonijiet ivarjaw ħafna fil-mod kif jissupervizzaw l-operazzjonijiet kontinwi tal-AIFM. Approċċi nazzjonali frammentati ma jikkostitwixxux reazzjoni soda u komprensiva għar-riskji f’dan is-settur. L-immaniġġjar effikaċi tad-dimensjoni transkonfinali ta’ dawn ir-riskji titlob ftehim komuni fuq l-obbligi tal-AIFM; approċċ koordinat għall-monitoraġġ tal-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji, il-governanza interna u t-trasparenza; u arranġamenti ċari biex isostnu lis-superviżuri fl-immaniġġjar ta’ dawn ir-riskji, kemm fuq livell domestiku kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni superviżorja effikaċi u qsim tal-informazzjoni fuq il-livell Ewropew. Il-frammentazzjoni attwali tal-ambjent regolatorju tirriżulta ukoll f’ostakoli legali u regolatorji għall-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali effiċjenti tal-AIF. Sakemm l-AIFM jopera skont rekwiżiti komuni stretti, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni ovvja li AIFM domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun ristrett milli jikkummerċjalizza AIF ma’ investituri professjonali f’suq ta’ Stat Membru ieħor. Huwa b'rikonoxximent ta’ dawn in-nuqqasijiet u l-ineffiċjenzi fil-qafas regolatorju eżistenti li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha biex tressaq proposta għal strument leġiżlattiv komprensiv li jistabbilixxi standards regolatorji u superviżorji għall-fondi ħeġġ, l-ekwità privata u atturi oħra tas-suq ta’ importanza sistemika. Waqt li t-tisħiħ tal-ambjent regolatorju u superviżorju għall-AIFM fuq il-livell Ewropew huwa importanti u neċessarju, dan għandu – sabiex ikun effikaċi bis-sħiħ – jiġi akkompanjat minn inizjattivi paralleli f’ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra. Il-Kummissjoni Ewropea tittama li l-prinċipji f’din il-proposta jagħtu kontribut importanti fid-dibattitu dwar ir-rinfurzar tal-arkitettura għal approċċ globali lejn is-superviżjoni tal-industrija tal-investimenti alternattivi. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem mas-sieħba internazzjonali tagħha, partikolarment mal-Istati Uniti, biex tiżgura konverġenza regolatorja u superviżorja tar-regoli applikabbli għall-AIFM u tiġi evitata dupplikazzjoni regolatorja. 1.2. Preparazzjoni tal-proposta: konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt Il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat f’mod estensiv dwar l-adegwatezza tal-arranġamenti regolatorji għall-maniġers tal-fondi mhux UCITS u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi mhux UCITS fl-Unjoni Ewropea. Ikkonsultat ukoll speċifikament dwar sensiela ta’ kwistjonijiet b'rabta mal-attivitajiet tal-fondi ħeġġ. L-inizjattivi u l-istudji numerużi li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni għall-finijiet ta’ din il-proposta leġiżlattiva huma deskritti fit-tul fil-Valutazzjoni tal-Impatt. 2. Approċċ ġenerali Din il-proposta tiffoka fuq dawk l-attivitajiet li huma speċifiċi jew inerenti għas-settur tal-AIFM u għalhekk jeħtieġu jiġu indirizzati b’rekwiżiti mmirati. Għadd ta’ tħassib espressi komunement dwar l-attivitajiet tal-AIFM huma konnessi mal-komportamenti (pereżempju, bejgħ skopert, użu ta’ self bl-istokk jew strumenti oħra għall-ħolqien ta’ interess f’kumpaniji) li huma uniċi għal din il-kategorija ta’ parteċipant fis-suq finanzjarju. Sabiex ikun hemm effikaċja u koerenza totali, dan it-tħassib irid jiġi indirizzat b'miżuri komprensivi li japplikaw għall-parteċipanti kollha tas-suq li jkunu involuti fl-attivitajiet rilevanti. Għadd minn dawn il-kwistjonijiet ser ikunu l-attenzjoni tar-reviżjoni tad-Direttivi tal-UE rilevanti, li ser jiddeterminaw l-ambitu xieraq u l-kontenut ta’ kwalunkwe miżuri korrettivi. Il-proposta preżenti għalhekk hija mfassla biex tindirizza kwistjonijiet li jsejħu għal dispożizzjonijiet speċifiċi għall-AIFM u n-negozju tagħhom. Id-Direttiva proposta timmira li: - tistabbilixxi qafas sikur u armonizzat tal-UE għall-monitoraġġ u s-superviżjoni tar-riskji li l-AIFM jippreżentaw għall-investituri tagħhom, il-kontropartijiet, parteċipanti oħra tas-suq finanzjarju u għall-istabbiltà finanzjarja; u - tippermetti, bla ħsara għall-konformità ma’ rekwiżiti stretti, lill-AIFM jipprovdu servizzi u jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom fis-suq intern. It-taqsima li ġejja tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li huma l-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta. Dispożizzjonijiet speċifiċi huma deskritti f’aktar dettall fit-Taqsima 3.5. Maniġers tal-fondi kollha mhux UCITS jeħtieġu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva Waqt li l-attenzjoni fil-preżent hija fuq il-fondi ħeġġ u l-ekwità privata, il-Kummissjoni Ewropea temmen li jkun ineffikaċi u nieqes mill-viżjoni li wieħed jillimita kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ AIFM: ineffikaċi minħabba li kwalunkwe definizzjoni arbitrarja ta’ dawn il-fondi tista’ ma tkoprix l-atturi kollha rilevanti u tista’ faċilment tinqabeż; u nieqes mill-viżjoni minħabba bosta mir-riskji sottostanti jinsabu wkoll f’tipi oħra ta’ attività tal-AIFMs. Is-soluzzjoni regolatorja li x'aktarx tirriżulta li tkun l-aktar reżistenti u produttiva hija għalhekk li jiġu koperti l-AIFM kollha li l-attivitajiet tagħhom jikkawżaw dawk ir-riskji. Għaldaqstant, l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta’ kwalunkwe fondi mhux UCITS fl-Unjoni Ewropea jrid jiġu awtorizzati u supervizzati skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Din il-kopertura wiesgħa ma tfissirx approċċ universali Ġabra komuni ta’ dispożizzjonijiet bażiċi għandha jirregola l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali u l-organizzazzjoni tal-AIFM kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin għandhom jitfasslu għall-klassijiet differenti tal-assi sabiex ma jiġux imposti rekwiżiti irreleventi jew inadegwati fuq politiki ta' investiment li għalihom ma jagħmlu ebda sens. Minbarra dawn id-dispożizzjonijiet komuni, il-proposta tipprevedi għadd ta’ dispożizzjonijiet specifiċi u pekuljari li ser japplikaw biss għall-AIFM li jużaw ċerti tekniki jew strateġiji fl-immaniġġjar tal-AIF tagħhom (pereżempju, użu sistematiku ta’ livell għoli ta’ ingranaġġ, akkwiżizzjoni tal-kontroll ta’ kumpaniji) u jiżguraw livell xieraq ta’ trasparenza fir-rigward ta’ dawn it-tekniki. Eżenzjoni de minimis għall-maniġers ta’ portafolji żgħar ta’ assi Id-Direttiva proposta fiha żewġ eżenzjonijiet de minimis għall-maniġers żgħar. L-AIFMs kollha li jimmaniġġjaw portafolji AIF b’assi totali ta’ anqas minn EUR 100 miljun għandhom jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta. L-immaniġġjar ta’ dawn il-fondi ma jidhirx li jista' jippreżenta riskji sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja u l-effiċjenza tas-suq. Għalhekk, l-estensjoni tar-rekwiżiti regolatorji għall-maniġers żgħar tista’ timponi kosti u piżijiet amministrattivi li ma jkunux iġġustifikati mill-benefiċċji. Madankollu, għal AIFM li jimmaniġġja biss AIF li ma jkunux ingranati u li ma jagħtux drittijiet ta' tifdija lill-investituri matul perjodu ta' ħames snin wara d-data tal-istabbilitment ta' kull AIF, ikun applikabbli limitu de minimis ta' EUR 500 miljun. Dan il-limitu de minimis konsidrevolment ogħla huwa ġġustifikat mill-fatt li hemm anqas ċans li l-maniġers ta' fondi mhux ingranati jikkawżaw riskji sistemiċi. L-AIFM eżentati ma jkollhomx drittijiet taħt id-Direttiva, sakemm ma jagħżlux li japplikaw għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva. Fuq din il-bażi, l-attenzjoni superviżorja ser tiffoka fuq l-oqsma fejn hemm konċentrazzjoni ta' riskji. Limitu ta’ EUR 100 miljun ifisser li madwar 30% tal-maniġers tal-fondi ħeġġ, li jimmaniġġjaw kważi 90% tal-assi tal-fondi ħeġġ iddomiċiljati fl-UE, ikunu koperti bid-Direttiva. Dan għandu jkopri kważi nofs il-maniġers ta’ fondi mhux UCITS oħra u kważi kopertura totali tal-assi investiti fil-fondi tagħhom. L-attenzjoni hija fuq l-entitajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet u r-riskji fil-katina tal-valuri Ir-riskji għall-istabbiltà, l-effiċjenza u l-investituri fis-suq ġejjin primarjament mill-għaġir u l-organizzazzjoni tal-AIFM u ċerti atturi ewlenin oħra fil-governanza tal-fondi u l-katina tal-valuri (bank tad-depożiti fejn rilevanti u entità tal-istimar). Il-mod l-aktar effettiv biex jiġu indirizzati r-riskji huwa għalhekk li tingħata attenzjoni lil dawn l-entitajiet li huma deċiżivi f'dak li jikkonċerna r-riskji assoċjati mal-immaniġġjar tal-AIF. L-AIFM ser ikollhom id-dritt li jikkummerċjalizzaw l-AIF mal-investituri professjonali L-awtorizzazzjoni bħala AIFM tippermetti lill-maniġer jikkummerċjalizza l-AIF ma’ investituri professjonali biss (kif iddefinit fil-MiFID). Bosta AIF jinvolvu livell relativament għoli ta’ riskju (telf tal-kapital kollu investit jew ħafna minnu) u/jew għandhom karatteristiċi oħra li jgħamluhom mhux addattati għall-investituri bl-imnut. Partikolarment, dawn jistgħu jorbtu lill-investituri fl-investiment tagħhom għal żmien itwal milli huwa aċċettabbli għall-fondi bl-imnut. L-istrateġiji tal-investiment huma tipikament kumplessi u spiss jinvolvu investiment f’investimenti illikwidi u aktar diffiċli li jiġu stimati. Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-AIF għalhekk għandha tkun limitata għal dawk l-investituri li huma mgħamra biex jifhmu u jġorru r-riskji assoċjati ma’ dan it-tip ta’ investiment. Il-limitazzjoni għal investituri professjonali hija konsistenti mas-sitwazzjoni attwali f’ħafna Stati Membri. Madankollu, uħud mill-kategoriji tal-AIF li huma koperti bid-Direttiva proposta – bħall-fondi tal-fondi ħeġġ u fondi immobiljari miftuħa – huma aċċessibbli għall-investituri bl-imnut f’ċerti Stati Membri, bla ħsara għal kontrolli regolatorji stretti. L-Istati Membru jistgħu jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom u jistgħu japplikaw salvagwardji regolatorji addizzjonali għal dan l-għan. … inkluż id-dritt għall-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tal-fondi: Il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva proposta għandha tkun biżżejjed biex tippermetti l-AIFM jikkummerċjalizzaw l-AIF ma’ investituri professjonali fis-swieq ta’ Stati Membri oħra. Il-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali għandha tkun soġġetta biss għas-sottomissjoni tal-informazzjoni xierqa mal-awtorità kompetenti ospitanti. L-AIFM ser jitħallew jimmaniġġjaw u jikkummerċjalizzaw AIF domiċiljat f’pajjiżi terzi Fil-preżent, ħafna maniġers domiċiljati fl-UE jimmaniġġjaw fondi li huma ddomiċiljati f’pajjiżi terzi u jikkummerċjalizzawhom fl-Ewropa. Id-Direttiva tintroduċi kundizzjonijiet ġodda jiġu indirizzati kwalunkwe riskji addizzjonali għas-swieq u l-investituri Ewropej li jistgħu joriġinaw minn operazzjonijiet bħal dawn. Tiżgura wkoll li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha mill-awtoritajiet fiskali tal-pajjiż terz li tkun neċessarja biex jiġu ntaxxati l-investituri professjonali domestiċi li jinvestu f'fondi offshore. L-attivitajiet ta’ mmaniġġjar u amministrazzjoni tal-AIF huma riżervati għall-AIFM domiċiljati u awtorizzati fl-UE, bil-possibbiltà li l-AIFM jiddelegaw il-funzjonijiet amministrattivi (iżda mhux maniġerjali) lill-entitajiet offshore soġġetti għal kundizzjonijiet xierqa. Partikolarment, id-depożitarji maħtura biex ikollhom il-kustodja tal-flus u l-assi jridu jkunu istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fl-UE li jistgħu jissottodelegaw biss funzjonjiet soġġetti għal kundizzjonijiet stretti. L-istimaturi maħtura f’ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi għandhom jkunu soġġetti għal standards regolatorji ekwivalenti. Bla ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet stretti, il-proposti jipprevedu li l-AIFM tal-UE jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw AIF domiċiljati f'pajjiż terz ma' investituri professjonali madwar l-Ewropa wara perjodu addizzjonali ta' tliet snin. Fl-istess waqt l-Istati Membri jistgħu jippermettu jew ikomplu jippermettu l-AIFM jikkummerċjalizzaw AIF domiċiljati f'pajjiż terz ma' investituri professjonali fit-territorju tagħhom bla ħsara għal-liġi nazzjonali. 3. Elementi Ġuridiċi tal-Proposta 3.1. Bażi legali Il-proposta tissejjes fuq l-Artikolu 47(2) tat-Trattat KE. 3.2. Sussidjarità u proporzjonalità L-Artikolu 5(2) tat-Trattat KE jeħtieġ li l-Komunità taġixxi biss jekk u safejn l-għanijiet tal-azzjoni li qed tiġi proposta ma jkunux jistgħu jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar mill-Komunità. L-attivitajiet tal-AIFM jaffettwaw lill-investituri, lill-kontropartijiet u lis-swieq finanzjarji li jinsabu fi Stati Membri oħra u għalhekk ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet tal-AIFM ħafna drabi huma tat-tip transkonfinali. Il-monitoraġġ effikaċi tar-riskji makroprudenzjali u l-monitoraġġ tal-attività tal-AIFM għalhekk jeħtieġu livell komuni ta’ trasparenza u salvagwardji regolatorji madwar l-UE. Id-Direttiva tipprovdi ukoll qafas armonizzat għall-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali sikura u effiċjenti tal-AIF, li ma jistax jiġi stabbilit daqshekk effikaċement permezz tal-azzjoni mhux koordinata tal-Istati Membri. Id-Direttiva proposta hija ukoll proporzjonali, kif meħtieġ bl-Artikolu 5(3) tat-Trattat KE. Ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma relatati ma’ attivitajiet partikolari; jekk AIFM ma jkunx involut f’dawn l-attivitajiet, id-dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw. Barra minn hekk, id-Direttiva tipprovdi żewġ eżenzjonijiet de minimis : ir-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni għandhom jitneħħew għal AIFM li jimmaniġġjaw AIF li jkunu taħt il-limitu ta’ EUR 100 miljun, minħabba li huwa improbabbli li dawn joħolqu riskji sistemiċi importanti jew li jkunu ta’ theddida għas-swieq regolari. Għal AIFM li jimmaniġġja biss AIF li ma jkunux ingranati u li ma jagħtux drittijiet ta' tifdija lill-investituri matul perjodu ta' ħames snin wara d-data tal-istabbilitment ta' kull AIF, ikun applikabbli limitu de minimis ta' EUR 500 miljun. 3.3. Għażla tal-istrument L-għażla ta’ Direttiva bħala strument legali tirrapreżenta bilanċ sensibbli bejn l-armonizzazzjoni u l-flessibiltà. Id-Direttiva proposta tipprovdi livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni sabiex tipprovdi qafas pan-Ewropew konsistenti u sigur għall-awtorizzazzjoni tal-AIFM u s-superviżjoni kontinwa tagħhom. L-għażla ta’ Direttiva tippermetti lill-Istati Membri livell ta’ flessibbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-adattament tal-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali tagħhom għall-qafas il-ġdid. Dan huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarità. 3.4. Komitoloġija Il-proposta hija bbażata fuq il-proċess Lamfalussy għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji. Id-Direttiva proposta fiha l-prinċipji neċessarji biex jiġi żgurat li l-AIFM jkunu soġġetti għal standards konsistentement għoljin ta’ trasparenza u monitoraġġ regolatorju fl-Unjoni Ewropea, waqt li tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri implimentattivi dettaljati permezz tal-proċeduri tal-komitoloġija. 3.5. Kontenut tal-proposta 3.5.1. Ambitu u definizzjonijiet Sabiex jiġi żgurat li l-AIFM kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jkunu soġġetti għal superviżjoni u monitoraġġ effikaċi, id-Direttiva proposta tintroduċi reġim vinkolanti ta’ awtorizzazzjoni u superviżorju għall-AIFM kollha li jimmaniġġjaw AIF fl-Unjoni Ewropea. Ir-reġim ser japplika irrispettivament mid-domiċilju ġuridiku tal-AIF li jkun qed jiġi mmaniġġjat. Għal raġunijiet ta' proporzjonalità, id-Direttiva mhux sejra tapplika għal AIFM li jimmaniġġja portafolji ta' AIF b'anqas minn EUR 100 miljun f'assi jew anqas minn EUR 500 miljun, fil-każ ta' AIFM li jimmaniġġja biss AIF li ma jkunux ingranati u li ma jagħtux drittijiet ta' tifdija lill-investituri matul perjodu ta' ħames snin wara d-data tal-istabbilitment ta' kull AIF. 3.5.2. Kundizzjonijiet operatorji u awtorizzazzjoni inizjali Sabiex joperaw fl-Unjoni Ewropea, l-AIFM kollha ser jinħtieġu jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membru ta’ domiċilju tagħhom. L-AIFM kollha li joperaw fl-Ewropa ser jinħtieġu juru li huma kwalifikati kif xieraq biex jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ AIF u ser jeħtieġ jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-attività ppjantata tal-AIFM, l-identità u l-karatteristiċi tal-AIF li jimmaniġġjaw, il-governanza tal-AIFM (inklużi l-arranġamenti għad-delegazzjoni tas-servizzi maniġerjali), l-arranġamenti għall-istimar u ż-żamma fis-sikur tal-assi u s-sistemi tar-rapportar regolatorju, fejn meħtieġ. L-AIFM ser jinħtieġu ukoll li jkollhom u jżommu livell minimu ta’ kapital. Sabiex jiġi żgurat li r-riskji assoċjati mal-attività tal-AIFM jiġu mmaniġġjati effikaċement fuq bażi kontinwa, l-AIFM ser jinħtieġu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti dwar is-sodezza tal-arranġamenti interni fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskji, partikolarment ir-riskji tal-likwidità u riskji addizzjonali operattivi u għall-kontropartijiet assoċjati mal-bejgħ skopert; l-immaniġġjar u l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interess; l-istimar ġust tal-assi; u s-sigurtà tal-arranġamenti depożitarji/ta’ kustodja. Minħabba d-diversità tal-istrateġiji tal-investiment tal-AIFM, id-Direttiva proposta tipprevedi li r-rekwiżiti preċiżi, partikolarment fir-rigward tal-iżvelar, ser jitfasslu skont il-ħtieġa għall-istrateġija ta’ investiment partikolari li tkun qed tintuża. 3.5.3. Trattament tal-investituri Id-Direttiva proposta tipprovdi għal livell minimu ta’ forniment ta’ servizzi u informazzjoni lill-investituri (professjonali) tiegħu, fuq bażi inizjali u kontinwa, sabiex tiffaċilita d-diliġenza dovuta tagħhom u tiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-investituri. Id-Direttiva proposta teħtieġ li l-AIFM jipprovdu lill-investituri tagħhom b’deskrizzjoni ċara tal-politika tal-investiment, inklużi deskrizzjonjiet tat-tip ta’ assi u l-użu tal-ingranaġġ; il-politika tat-tifdija f’ċirkostanzi normali u eċċezzjonali; il-proċeduri ta’ stimar, kustodja, amministrazzjoni u mmaniġġjar tar-riskji; u t-tariffi, l-imposti u l-ispejjeż assoċjati mal-investiment. 3.5.4. Żvelar lir-regolaturi Sabiex ikun hemm appoġġ għall-monitoraġġ makroprudenzjali effettiv tal-attivitajiet tal-AIFM, l-AIFM ser jeħtieġ ukoll jirrapporta lill-awtorità kompetenti fuq bażi regolari dwar is-swieq u l-istrumenti ewlenin li fihom jinnegozja, l-iskoperturi prinċipali tiegħu, id-dejta tal-prestazzjoni u l-konċentrazzjonijiet tar-riskju. L-AIFM ser jeħtieġ ukoll jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju dwar l-identità tal-AIF li jkun qed jiġi mmaniġġjat, is-swieq u l-assi li fihom ser jinvesti l-AIF u l-arranġamenti stabbiliti, organizzattivi u tal-immaniġġjar tar-riskji, relatati ma’ dak l-AIF. 3.5.5. Rekwiżiti speċifiċi għall-AIFM li jimmaniġġjaw AIF ingranati L-użu ta’ livell sistematikament għoli ta’ ingranaġġ jippermetti lill-AIFM ikollhom impatti fuq is-swieq li jinvestu fihom li jistgħu jkunu multiplu tal-kapital ta' ekwità tal-fond. Il-proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistipula limiti għall-ingranaġġ permezz tal-proċedura tal-Komitoloġija fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Id-Direttiva proposta tagħti setgħat addizzjonali ta' emerġenza lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrestrinġu l-użu tal-ingranaġġ fir-rigward tal-maniġers u fondi individwali f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk tipprevedi li l-AIFM li jużaw ingranaġġ fuq bażi sistematika ‘l fuq minn livell definit ser jinħtieġu jiżvelaw l-ingranaġġ aggregat fil-forom kollha, u s-sorsi ewlenin ta’ ingranaġġ lill-awtorità ta’ domiċilju tal-AIFM. L-abbozz propost ma jimponix obbligi fuq l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-użu ta’ din l-informazzjoni. Dan jeħtieġ lill-awtoritajiet kompetenti għal tali fondi ingranati biex jaggregaw u jaqsmu, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, informazzjoni li tkun rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-konsegwenzi potenzjali tal-attività tal-AIFM għal istituzzjonijiet finanzjarji sistematikament rilevanti madwar l-UE u/jew għall-funzjonament regolatorju tas-swieq li fihom l-AIFM ikunu attivi. 3.5.6. Rekwiżiti speċifiċi għall-AIFM li jakkwistaw interessi ta’ kontroll f’kumpaniji Il-proposta tipprovdi għall-iżvelar ta’ informazzjoni lil azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija f'portafoll li fiha l-AIFM ikun akkwista interess ta’ kontroll. Tipprevedi li l-AIFM jippubblika żvelar annwali dwar l-istrateġiji ta’ investiment u l-għanijiet tal-fondi tiegħu fl-akkwiżizzjoni tal-kontroll ta’ kumpaniji, u żvelar ġenerali dwar il-prestazzjoni tal-kumpaniji f’portafoll wara l-akkwiżizzjoni tal-kontroll. Dawn l-obbligi ta’ rapportar ġew introdotti minħabba l-ħtieġa għall-fondi ta’ ekwità privata u ta’ akkwiżizzjoni li jagħtu rendikont pubbliku dwar il-mod kif jiġu mmaniġġjati l-kumpaniji ta’ interess pubbliku usa’. Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni jindirizzaw in-nuqqas perċepit ta’ informazzjoni strateġika dwar kif il-maniġers tal-ekwità privata jkun bi ħsiebhom, jew attwalment, qed jimmaniġġjaw il-kumpaniji f’portafoll. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità l-abbozz tal-proposta ma jestendix dawn ir-rekwiżiti għall-akkwiżizzjonijiet ta’ kontroll f’SMEs – u b’hekk jara li jevita li jiġu imposti dawn l-obbligi fuq fornituri ta’ kapital ta’ inizzjazzjoni jew ta’ sogru (sakemm li dawn ma jkunux diġà eżentati mill-ambitu tad-Direttiva sħiħa). Sabiex jisserraħ it-tħassib ta' sidien ta’ ekwità privata dwar it-tnaqqis fl-informazzjoni wara li kumpaniji pubbliċi ma jibqgħux kwotati, l-abbozz tal-proposta jeħtieġ li tali kumpaniji li ma baqgħux kwotati jibqgħu soġġetti għall-obbligi tar-rapportar bħall-kumpaniji kwotati sa sentejn wara li tneħħija mill-ikkwotar. 3.5.7. Drittijiet tal-AIFM skont id-Direttiva Sabiex jiġi faċilitat l-iżvilupp tas-suq uniku, AIFM awtorizzat fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu għandu jkun intitolat li jikkummerċjalizza l-fondi tiegħu ma’ investituri professjonali fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru. Bħala konsegwenza tal-istandard regolatorju komuni għoli miksub bid-Direttiva proposta, l-Istati Membri mhux ser jitħallew jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq l-AIFM iddomiċiljati fi Stat Membru ieħor safejn jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni ma’ investituri professjonali. Il-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tal-AIF għandha tkun soġġetta biss għal proċedura ta’ notifika, li taħtha l-informazzjoni rilevanti tiġi pprovduta lill-Istat Membru ospitanti. Id-Direttiva proposta ma tipprovdix drittijiet relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut. L-Istati Membru jistgħu jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom u jistgħu japplikaw salvagwardji regolatorji addizzjonali għal dan l-għan. Rekwiżiti bħal dawn ma għandhomx jiddiskriminaw skont id-domiċilju tal-AIFM. 3.5.8. Aspetti relatati ma’ pajjiżi terzi Id-Direttiva proposta tippermetti lill-AIFM ibiegħu AIF li jinsabu f’domiċilji ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal kontrolli stretti fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ewlenin minn fornituri tas-servizzi f’dawk il-ġurisdizzjonijiet. Id-drittijiet mogħtija skont id-Direttiva biex jiġu kkummerċjalizzati tali AIF ma' investituri professjonali ser jidħlu fis-seħħ biss minn tliet snin wara l-perjodu tat-traspożizzjoni, minħabba ż-żmien meħtieġ biex jiġu pprovduti rekwiżiti addizzjonali f'miżuri implimentattivi. Fl-istess waqt l-Istati Membri jistgħu jippermettu jew ikomplu jippermettu l-AIFM jikkummerċjalizzaw AIF domiċiljati f'pajjiż terz ma' investituri professjonali fit-territorju tagħhom bla ħsara għal-liġi nazzjonali. Il-funzjonijiet u l-attivitajiet ewlenin li x’aktar joħolqu riskji għas-swieq, l-investituri jew il-kontropartijiet Ewropej jeħtieġu li jitwettqu minn entitajiet stabbiliti fl-UE, li joperaw skont regoli armonizzati. Id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-funzjonijiet li jistgħu jitwettqu minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew jiġu ddelegati lilhom taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet awtorizzati tal-UE. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu wkoll il-kundizzjonijiet (ekwivalenza regolatorja u superviżorja) li skonthom jistgħu jitwettqu funzjonijiet limitati minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-abbozz tad-Direttiva jippermetti biss il-kummerċjalizzazzjoni ta' AIF domiċiljati f'pajjiż terz, jekk il-pajjiż ta' domiċilju tagħhom ikun daħal fi ftehim ibbażat fuq l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-AIF ikun ser jiġi kkummerċjalizzat. Dan għandu jiżgura li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha mill-awtoritajiet fiskali tal-pajjiż terz li tkun neċessarja biex jiġu ntaxxati l-investituri professjonali domestiċi li jinvestu f'fondi offshore. Tliet snin wara l-perjodu tat-traspożizzjoni, id-Direttiva ser tippermetti l-AIFM stabbiliti f’pajjiż terz li jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom fl-UE sakemm il-qafas regolatorju u l-arranġamenti superviżorji f’dak il-pajjiż terz ikunu ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva proposta, u l-operaturi tal-UE jgawdu minn aċċess komparabbli għas-suq ta’ dak il-pajjiż terz. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ pajjiż terz u l-aċċess komparabbli għas-suq għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni. 3.5.9. Kooperazzjoni superviżorja, qsim ta’ informazzjoni u medjazzjoni Sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar sigur tas-settur tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ser jeħtieġu jikkooperaw kulmeta jkun neċessarju sabiex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva. Fid-dawl tal-għamla transkonfinali tar-riskji li jinħolqu fis-settur tal-AIFM, prerekwiżit għall-monitoraġġ makroprudenzjali effikaċi ser ikun il-qsim fil-ħin opportun tad-dejta makroprudenzjali rilevanti fuq livell Ewropew, jew anki globali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju b’hekk ikunu meħtieġa jittrażmettu d-dejta makroprudenzjali rilevanti, f’forma aggregata xierqa, lill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kwistjoni għandha tiġi rriferita lill-CESR għall-medjazzjoni bl-għan li tinstab soluzzjoni rapida u effikaċi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kif xieraq il-parir tal-CESR. 3.6. Implikazzjonijiet għall-baġit Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Komunità. 2009/0064 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/.../KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 47(2) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[5], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[7], Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[8], Billi: (1) Il-maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM) huma responsabbli għall-immaniġġjar ta’ ammont sinifikanti ta’ assi investiti fl-Ewropa, jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ kummerċ fis-swieq għall-istrumenti finanzjarji, u jistgħu jeżerċitaw influwenza importanti fuq is-swieq u l-kumpaniji li jinvestu fihom; (2) L-impatt tal-AIFM fuq is-swieq li joperaw fihom huwa fil-maġġoranza benefiċjali, iżda diffikultajiet finanzjarji reċenti enfasizzaw kif l-attivitajiet tal-AIFM jistgħu jservu ukoll biex ixerrdu jew jamplifikaw ir-riskji mas-sistema finanzjarja. Reazzjonijiet nazzjonali mhux koordinati għal dawn ir-riskji trendi diffiċli l-immaniġġjar effiċjenti ta’ dawn ir-riskji. Din id-Direttiva għalhekk timmira li tistabbilixxi rekwiżiti komuni li jirregolaw l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM sabiex tipprovdi approċċ koerenti lejn ir-riskji relatati u l-impatt tagħhom fuq l-investituri u s-swieq fil-Komunità. (3) Id-diffikultajiet reċenti fis-swieq finanzjarji urew li l-għadd kbir ta’ strateġiji tal-AIFM huma vulnerabbli għal ċerti jew ħafna riskji importanti relatati mal-investituri, parteċipanti oħra fis-suq u swieq oħra. Sabiex jiġu pprovduti arranġamenti komprensivi u komuni għas-superviżjoni, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas li kapaċi jindirizza dawk ir-riskji b’kunsiderazzjoni għall-firxa varjata ta’ strateġiji u tekniki ta’ investiment użati mill-AIFM. Konsegwentement, din id-Direttiva għandha tapplika għall-immaniġġjar u l-kummerċjalizzazzjoni mill-AIFM tat-tipi kollha ta’ fondi li huma koperti mid-Direttiva 2009/…/KE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni)[9], irrispettivament mil-manjiera legali jew kuntrattwali li fihom l-AIFM tingħata din ir-responsabbiltà. L-AIFM ma għandhomx ikunu intitolati biex jimmaniġġjaw il-UCITS skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/…/KE abbażi tal-awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva. (4) Id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-mod kif l-AIFM għandhom jimmaniġġjaw il-fondi ta’ investiment alternattiv (AIF) taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Ikun sproporzjonat li jiġu rregolati l-istruttura jew il-kompożizzjoni tal-portafolji tal-AIF immaniġġjati mill-AIFM u jkun diffiċli li tiġi pprovduta armonizzazzjoni estensiva bħal din minħabba t-tipi varji ħafna ta’ AIF immaniġġjati mill-AIFM. (5) L-ambitu ta’ din id-Direttiva għandu jiġi ristrett għall-immaniġġjar tal-impriżi ta' investiment kollettiv li jiġbru kapital minn għadd ta' investituri bil-ħsieb li jinvestuh skont politika ta' investiment definita abbażi tal-prinċipju ta' tifrix tar-riskji għall-benefiċċju ta' dawk l-investituri. Din id-Direttiva għandha tapplika ukoll għall-immaniġġjar ta' fondi tal-pensjonijiet jew maniġers ta' investimenti mhux ippuljati bħad-dotazzjonijiet jew il-fondi ta' investiment sovran (sovereign wealth funds), jew assi miżmuma fil-kont proprju minn istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Din id-Direttiva lanqas ma għandha tapplika għal investimenti mmaniġjat attivament fil-forma ta' titoli, bħal ċertifikati, futuri maniġġjati, jew bonds marbuta mal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumaturi (index-linked). Madankollu, għandha tkopri il-maniġers tal-impriżi kollha ta’ investiment kollettiv li mhumiex meħtieġa li jiġu awtorizzati bħala UCITS. Id-ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[10] ma għandhomx jeħtieġu li jiksbu awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva sabiex jipprovdu servizzi ta’ investiment fir-rigward tal-AIF. Id-ditti tal-investiment jistgħu, madankollu, jipprovdu biss servizzi ta’ investiment fir-rigward tal-AIF, jekk u sakemm li l-unitajiet jew l-ishma ta’ dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati skont din id-Direttiva. (6) Sabiex ma jiġux imposti rekwiżiti eċċessivi jew sproporzjonati, din id-Direttiva tipprovdi għal eżenzjoni għall-AIFM fejn l-AIF kumulattivi mmaniġġjati minnhom ma jaqbżux il-limitu ta' EUR 100 miljun. L-attivitajiet tal-AIFM konċernat x'aktarx ma jkollhomx konsegwenzi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-effiċjenza tas-suq. Għal AIFM li jimmaniġġja biss AIF mhux ingranati u li ma jagħtix drittijiet ta' tifdija lill-investituri matul perjodu ta' ħames snin, ikun applikabbli limitu speċifiku ta' EUR 500 miljun. Dan il-limitu speċifiku jkun iġġustifikat mill-fatt li hemm anqas ċans li l-maniġers ta' fondi mhux ingranati, speċjalizzati fl-investimenti fit-tul, jikkawżaw riskji sistemiċi. Barra minn hekk, il-ħames snin friża għall-investituri telimina r-riskji tal-likwidità. L-AIFM li jkunu eżentati minn din id-Direttiva għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rileventi. Madankollu għandhom jitħallew jiġu ttrattati bħala AIFM bla ħsara għall-proċedura ta' inklużjoni prevista f'din id-Direttiva. (7) Din id-Direttiva timmira li tipprovdi qafas regolatorju u superviżorju armonizzat u strett għall-attivitajiet tal-AIFM. L-awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva għandha tkopri s-servizzi tal-immaniġġjar u tal-amministrazzjoni tal-AIF madwar il-Komunità. Barra minn hekk, l-AIFM awtorizzati għandhom ikunu intitolati jikkummerċjalizzaw l-AIF fil-Komunità ma’ investituri professjonali, bla ħsara għal proċedura ta’ notifika. (8) Id-Direttiva ma tirregolax l-AIF u għalhemm ma timpedix lill-Istati Membri milli jadottaw jew milli jkompli japplikaw rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-AIF stabbiliti fit-territorju tagħhom. Il-fatt li Stati Membru jista' jimponi rekwiżiti addizzjonali fuq l-AIF domiċiljati fit-territorju tiegħu ma għandux iċaħħad l-eżerċitar tad-drittijiet tal-AIFM awtorizzati fi Stati Membri oħra skont din id-Direttiva sabiex jikkummerċjalizzaw ma' investituri professjonali AIF domiċiljati barra l-Istat Membru li jimponi rekwiżiti addizzjonali u li għalhekk ma jkunux soġġetti u ma jeħtiġux li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti addizzjonali. (9) Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni taż-żewġ strumenti l-oħra tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti aktar stretti fuq l-AIFM kull meta AIFM jikkummerċjalizza AIF ma' investituri bl-imnut biss jew kull meta AIFM jikkummerċjalizza l-istess AIF kemm lill-invesitituri professjonali kif ukoll bl-imnut, irrispettivament jekk l-unitajiet jew ishma ta' dawn l-AIF ikunux ikkummerċjalizzati fuq bażi domestika jew transkonfinali. Dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet jippermettu lill-Istati Membri biex jimponu salvagwardji addizzjonali li jqisu li jkunu neċessarju għall-protezzjoni tal-investituri bl-imnut. Dan jikkunsidra l-fatt li l-AIF spiss ikunu illikwidi u soġġetti għal riskju għoli ta’ telf kapitali sostanzjali. L-istrateġiji tal-investiment relatati mal-AIF ġeneralment ma jkunux adattati għall-profil ta’ investiment jew il-bżonnijiet tal-investituri bl-imnut. Dawn ikunu aktar adattati għal investituri professjonali u investituri li għandhom portafoll ta’ investiment kbir biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jassorbu r-riskji ogħla tat-telf assoċjati ma’ dawn l-investimenti. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF kollha mmaniġġjati minn AIFM, jew ċertu tipi minnhom, ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom. Fl-isfond tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39/KE, l-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw li jkun hemm provvediment xieraq kull fejn jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta' AIF ma' investituri bl-imnut. Id-ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2004/39/KE li jipprovdu servizzi ta’ investiment lill-klijenti bl-imnut għandhom jikkunsidraw dawn is-salvagwardji addizzjonali meta jkunu qed jivvalutaw jekk ċerti AIF humiex adattati jew xierqa għal klijent bl-imnut individiwali. Fejn Stat Membru jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIF ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tiegħu, din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli irrispettivament mill-Istat Membru fejn l-AIFM ikun stabbilit, u kwalunkwe dispożizzjoni addizzjonali għandha tapplikaw fuq bażi mhux diskriminatorja. (10) Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-klijenti ta’ ditti tal-investiment skont it-tifsira fid-Direttiva 2004/39/KE, l-AIF ma għandhomx jitqiesu bħala strumenti finanzjarji mhux kumplessi għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva. Dik id-Direttiva għandha għalhekk tiġi emendata skont dan. (11) Huwa neċessarju li tkun prevista l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti minimi kapitali sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u r-regolarità tas-servizzi tal-immaniġġjar pprovduti mill-AIFM. Ir-rekwiżiti kapitali kontinwi għandhom ikopru l-iskopertura potenzjali tal-AIFM għall-obbligazzjoni professjonali fir-rigward tal-attivitajiet kollha tagħhom, inklużi s-servizzi tal-immaniġġjar pprovduti abbażi ta’ delega jew mandat. (12) Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-AIFM joperaw taħt kontrolli sodi ta’ governanza. L-AIFM għandhom jiġu mmaniġġjati u organizzati sabiex jiminimizzaw il-kunflitti ta’ interessi. L-iżviluppi reċenti jenfasizzaw il-bżonn kruċjali li jiġu sseparati l-funzjonijiet taż-żamma fis-sikur u tal-immaniġġjar tal-assi, u biex jiġu ssegregati l-assi tal-investituri minn dawk tal-maniġer. Għal dan l-għan, l-AIFM iridu jaħtru depożitarju u jinkarigawh li jiddepożita l-flus tal-investituri f’kont segregat, li jżomm fis-sikur l-istrumenti finanzjarji u li jivverifika jekk l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF kisbux is-sjieda tal-assi l-oħra kollha. (13) Stimar affidabbli u oġġettiv tal-assi huwa kruċjali għall-protezzjoni tal-interessi tal-investituri. AIFM differenti jużaw metodoloġiji u sistemi differenti għall-istimar tal-assi, skont l-assi u s-swieq li prinċipalment jinvestu fihom. Huwa xieraq li jiġu rrikonoxxuti dawn id-differenzi iżda, fl-istess waqt, li jkun meħtieġ li jsir stimar tal-assi minn entità li tkun indipendenti mill-AIFM. (14) L-AIFM jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom skont din id-Direttiva. L-AIFM għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet tagħhom u għall-konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva. (15) Fid-dawl li l-AIFM li jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ fl-istrateġiji tagħhom tal-investiment jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkontribwixxu lejn it-tkabbir ta’ riskju sistemiku jew swieq mhux regolati, għandhom jiġu imposti rekwiżiti speċjali fuq l-AIFM li jużaw ċerti tekniki li joħolqu riskji partikolari. L-informazzjoni meħtieġa għat-tnebbiħ, il-monitoraġġ u r-reazzjoni għal dawk ir-riskji ma nġabritx b’mod konsistenti madwar il-Komunità, u ma ġietx kondiviża mal-Istati Membri sabiex jiġu identifikati s-sorsi potenzjali tar-riskju għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fil-Komunità. Sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, għandhom jiġu applikati rekwiżiti speċjali għall-AIFM, li konsistentement jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ fl-istrateġiji ta’ investiment tagħhom. Dawk l-AIFM għandhom ikunu obbligati li jiżvelaw informazzjoni dwar l-użu tagħhom u s-sorsi ta’ ingranaġġ. Dik l-informazzjoni għandha tiġi aggregata u kondiviża ma’ awtoritajiet oħra fil-Komunità, sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi kollettiva tal-impatt tal-ingranaġġ ta’ dawk l-AIFM fuq is-sistema finanzjarja fil-Komunità, kif ukoll reazzjoni komuni. (16) Attivitajiet tal-AIFM ibbażati fuq l-użu ta' livelli għolja ta' ingranaġġ jistgħu jkunu ta' detriment għall-istabbiltà u l-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji. Huwa meqjus neċessarji li l-Kummissjoni titħalla timponi limiti fuq il-livell ta' ingranaġġ li AIFM ikun jista' juża, partikolarment f'dawk il-każijiet fejn AIFM tuża livelli għoljin ta' ingranaġġ fuq bażi sistematika. Il-limiti għall-ammont massimu ta' ingranaġġ għandu jqis l-aspetti marbuta mas-sors tal-ingranaġġ u l-istrateġiji użati mill-AIFM. Huma għandhom iqisu wkoll l-għamla essenzjalment dinamika tal-immaniġġjar tal-ingranaġġ minn bosta AIFM li jużaw livell għoli ta' ingranaġġ. F'dan ir-rigward il-limiti tal-ingranaġġ jistgħu pereżempju jikkonsistu f'limitu li ma għandux jinkiser fi kwalunkwe punt, jew limitu fuq il-medja tal-ingranaġġ użat matul perjodu partikolari (i.e. ta' xahar jew trimestrali). (17) Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-AIFM jipprovdu lill-kumpaniji kollha li fuqhom jistgħu jeżerċitaw influwenza ta’ kontroll jew dominanti bl-informazzjoni neċessarja sabiex il-kumpanija tkunu tista’ tivvaluta kif din l-influwenza ta’ kontroll fiż-żmien qasir sa medju jkollha impatti fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-kumpanija. Għal dan l-għan, għandhom jiġu applikati rekwiżiti partikolari għall-AIFM li jimmaniġġjaw AIF li jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza ta’ kontroll fuq kumpaniji kwotati u mhux kwotati, partikolarment biex jinnotifikaw l-eżistenza ta’ din il-pożizzjoni u biex jiżvelaw informazzjoni lill-kumpanija u lill-azzjonisiti l-oħra kollha tagħha dwar l-intenzjonijiet tal-AIFM fir-rigward tal-iżvilupp futur tan-negozju u bidliet oħra pjanati għall-kumpanija kkontrollata. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-kumpanija kkontrollata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti li jtejjbu r-rapportar. Ir-rapporti annwali tal-AIF rilevanti għandhom jiġu supplimentati b’informazzjoni li hija speċifika għat-tip ta’ investiment u l-kumpanija kkontrollata. (18) Ħafna AIFM fil-preżent jimmaniġġjaw AIF domiċiljati f’pajjiżi terzi. Huwa xieraq li AIFM awtorizzati jitħallew jimmaniġġjaw AIF domiċiljati f’pajjiżi terzi, soġġetti għall-arranġamenti xierqa li jiżguraw l-amministrazzjoni soda ta’ dawk l-AIF u ż-żamma fis-sikur effettiva tal-assi investiti minn investituri tal-Komunità. (19) AIFM għandu wkoll ikun kapaċi jikkummerċjalizza AIF domiċiljat f'pajjiż terz ma' investituri professjonali kemm fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM kif ukoll fl-Istati Membri l-oħra. Dan id-dritt għandu jkun soġġett għal proċeduri ta' notifika u l-eżistenza ta' ftehim fiskali mal-pajjiż terz konċernat li jiżgura skambju effiċjenti tal-informazzjoni tal-awtoritajiet fiskali fid-domiċilju tal-investituri Komunitarji. Ġaladarba tali AIF u l-pajjiż terz li fih ikunu domiċiljati jkollhom jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali, li wħud minnhom l-ewwel ikollhom jiġu stipulati f'miżuri implimentattivi, id-drittjiet mogħtija skont id-Direttiva biex jiġu kkummerċjalizzati AIF domiċiljati f'pajjiżi terzi ma' investituri professjonali għandhom jidħlu fis-seħħ biss tliet snin wara l-prejodu tat-traspożizzjoni. Fl-istess waqt l-Istati Membri jistgħu jippermettu jew ikomplu jippermettu l-AIFM jikkummerċjalizzaw AIF domiċiljati f'pajjiż terz ma' investituri professjonali fit-territorju tagħhom bla ħsara għal-liġi nazzjonali. Matul dan il-perjodu ta' tliet snin, AIFM ma jistax madankollu jikkummerċjalizza tali AIF ma' investituri professjonali fi Stati Membri oħra abbażi ta' drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva. (20) Huwa xieraq li l-AIFM jitħallew jiddelegaw il-kompiti amministrattiv lil entità stabbilita f’pajjiż terz sakemm ikunu fis-seħħ is-salvagwardji neċessarji. Bl-istess mod, depożitarju jista’ jiddelega l-kompiti tiegħu fir-rigward ta’ AIF domiċiljati f’pajjiż terz lil depożitarju domiċiljat f’dak il-pajjiż terz, sakemm il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni tal-interessi tal-investituri li jkun ekwivalenti għal dak fil-Komunità. F’ċerti kundizzjonijiet, għandu jkun possibbli wkoll għall-AIFM li jappuntaw stimatur indipendenti stabblit f’pajjiż terz. (21) Bla ħsara għall-eżistenza ta’ qafas regolatorju ekwivalenti f’pajjiż terz, kif ukoll għal aċċess effettiv għall-AIFM stabbiliti fil-Komunità għas-suq ta’ dak il-pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jitħallew jawtorizzaw lill-AIFM skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, mingħajr ma jkunu jeħtieġu uffiċċju reġistrat fil-Komunità, wara perjodu ta' tliet snin mit-tmiem tal-perjodu tat-traspożizzjoni. Dan il-perjodu jqis il-fatt li tali AIFM u l-pajjiż terz li fih ikun domiċiljat ikollhom jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali li wħud minnhom l-ewwel ikollhom jiġu stipulati permezz ta' miżuri implimentattivi. (22) Huwa neċessarju li jiġu ċċarrati s-setgħat u d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u li jissaħħu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi żgurat il-livell neċessarju ta’ kooperazzjoni superviżorja transkonfinali. (23) L-importanza relattiva tal-attivitajiet tal-AIFM f'xi swieq finanzjarji, speċjalment f'dawk il-każijiet fejn l-AIF li jimmaniġġjaw ma jkollhomx interess materjali fil-prodotti jew strumenti sottostanti li minnhom joħorġu dawk is-swieq, jistgħu, f'ċertu ċirkostanzi, ifixklu l-funzjonament effiċjenti ta' dawk is-swieq. Pereżempju s-swieq jistgħu jsiru volatili żżejjed jew jiġi affettwat l-ipprezzar tajjeb tal-istrumenti nnegozjati fihom. Għalhekk jitqies neċessarju li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jgawdu mis-setgħat neċessarji biex jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-AIFM f'dawk is-swieq u li jintervjenu f'dawk iċ-ċirkostanzi fejn ikun neċessarji li jiġi protett il-funzjonament xieraq tagħhom. (24) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effikaċi, proporzjonali u disważivi. (25) Kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet oħra, korpi jew persuni għandhom isiru skont ir-regoli dwar it-trasferiment tad-dejta personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[11]. (26) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[12]. (27) Partikolarment il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat li tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta miżuri li jiddeterminaw il-proċeduri li permezz tagħhom l-AIFM li jimmaniġġjaw portafolji ta’ AIF li l-assi tagħhom li qed jiġu mmaniġġjati ma jeċċedux il-limiti stabbiliti f’din id-Direttiva jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu ttrattati bħala AIFM koperti minn din id-Direttiva. Dawn il-miżuri huma maħsuba ukoll biex jispeċifaw il-kriterji li jridu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw jekk l-AIFM jikkonformawx mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-treġija tagħhom tan-negozju, it-tip ta’ kunflitti ta’ interessi li l-AIFM iridu jidentifikaw, kif ukoll il-passi raġonevoli li l-AIFM huma mistennija li jieħdu f'termini ta' proċeduri interni u organizzattivi sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmaniġġjaw u jiżvelaw kunflitti ta’ interess. Huma maħsuba biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-immaniġġjar tar-riskji li l-AIFM iridu josservaw bħala funzjoni tar-riskji li l-AIFM iġarrbu minħabba l-AIF li jimmaniġġjaw kif ukoll kwalunkwe arranġamenti meħtieġa li jippermettu l-AIFM jimmaniġġjaw ir-riskji partikolari assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ skopert, inklużi kwalunkwe restrizzjonijiet rilevanti li jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tal-AIF minn skoperturi għar-riskju mhux dovuti. Huma maħsuba biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-immaniġġjar tal-likwidità ta’ din id-Direttiva u partikolarment ir-rekwiżiti minimi tal-likwidità tal-AIF. Huma maħsuba biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti li l-oriġinaturi tal-istrumenti tat-titolizzazzjoni jeħtieġu jissodisfaw sabiex AIFM titħalla tinvesti f'tali strumenti maħruġa wara l-1 ta’ Jannar 2011. Huma maħsuba wkoll biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti li l-AIFM jeħtieġu li josservaw meta jinvestu f'tali strumenti tat-titolizzazzjoni. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-kriterji li bihom stimatur jista’ jitqies bħala indipendenti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li bihom għanda tiġi approvata d-delegazzjoni tal-funzjonijiet tal-AIFM u l-kundizzjonijiet li taħthom il-maniġer ma jistax jibqa' jitqies bħala maniġer tal-AIF fil-każ ta’ delegazzjoni eċċessiva. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-kontenut u l-format tar-rapport annwali li l-AIFM iridu jagħmlu disponibbli għal kull AIF li jimmaniġġjaw u biex jispeċifikaw l-obbligi ta’ żvelar tal-AIFM lejn l-investituri u r-rekwiżiti ta' rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-frekwenza ta’ dan. Huwa maħsuba biex jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-iżvelar imposti fuq l-AIFM fir-rigward tal-ingranaġġ u l-frekwenza tar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti u tal-iżvelar lill-investituri. Huma maħsuba biex jistipulaw limiti għal-livell ta' ingranaġġ li l-AIFM jistgħu jużaw meta jimmaniġġjaw AIF. Huma maħsuba biex jiddeterminaw il-kontenut dettaljat u l-mod kif l-AIFM li jiksbu influwenza ta’ kontroll f’emittenti u kumpaniji mhux kwotati għandhom jissodisfaw l-obbligi tal-informazzjoni tagħhom lejn l-emittenti u l-kumpaniji mhux kwotati u l-azzjonisti rispettivi tagħhom u r-rappreżentanti tal-impjegati, inkluż l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fir-rapporti annwali tal-AIF li jimmaniġġjaw. Huma maħsiba biex jispeċifikaw it-tipi ta' restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF mal-investituri professjonali fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-kriterji ġenerali għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tal-istimar ta’ pajjiżi terzi fejn l-istimatur ikun stabbilit f’pajjiż terz, l-ekwivalenza tal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tad-depożitarji u, għall-iskop tal-awtorizzazzjoni tal-AIFM stabbiliti f’pajjiżi terzi, l-ekwivalenza tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontinwa. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-kriterji ġenerali għall-valutazzjoni ta’ jekk pajjiżi terzi jagħtux aċċess effikaċi għas-suq lill-AIFM tal-Komunità li jkun komparabbli ma’ dak mogħti mill-Komunità lill-AIFM minn pajjiżi terzi. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-modalitajiet, il-kontenut u l-frekwenza tal-iskambju tal-informazzjoni dwar l-AIFM bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM u l-awtoritajiet kompetenti fejn l-AIFM individwalment jew kollettivament ma' AIFM oħra jista' jkollhom impatt fuq l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament xieraq tas-swieq li huma attivi fihom l-AIFM. Huma maħsuba biex jispeċifikaw il-proċeduri għall-verifiki fuq il-post u l-investigazzjonijiet. (28) Minħabba li dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi tiġi ssupplimentata b’elementi mhux essenzjali ġodda, iridu jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-miżuri li ma jaqgħux taħt il-kategorija msemmija hawn fuq għandhom jiġu soġġetti għall-proċedura regolatorja stipulata fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni. Dawk il-miżuri huma maħsuba biex jiddikjaraw jekk l-istandards tal-istimar tal-fondi ta’ pajjiż terz speċifiku jkunux ekwivalenti għal dawk applikabbli fil-Komunità fejn l-istimatur ikun stabbilit f’pajjiż terz. Huma maħsuba biex jiddikjaraw jekk il-leġiżlazzjoni dwar id-depożitarji ta’ pajjiż terz speċifiku tkunx ekwivalenti għal din id-Direttiva. Huma maħsuba biex jiddikjaraw jekk il-leġiżlazzjoni fuq ir-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontinwa tal-AIFM f’pajjiż terz speċifiku tkunx ekwivalenti għal din id-Direttiva. Huma maħsuba biex jiddikjaraw jekk pajjiż terz speċifiku jagħtix aċċess effikaċi għas-suq lill-AIFM tal-Komunità li jkun komparabbli għal dak mogħti mill-Komunità lil AIFM minn dak il-pajjiż terz. Huma maħsuba biex jispeċifikaw mudelli standard speċifiċi għan-notifika u l-attestazzjonijiet u biex jispeċifikaw il-proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. (29) Minħabba li l-għanijiet tal-azzjoni li trid tittieħed, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri billi jiġi stabbilit qafas komuni għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, kif jidher min-nuqqasijiet tar-regolamenti nazzjonali u l-monitoraġġ ta’ dawn l-atturi eżistenti, u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ilħiq ta’ dawk l-għanijiet. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1Suġġett Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni, l-operat kontinwu u t-trasparenza tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM). Artikolu 2Ambitu 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-AIFM kollha stabbiliti fil-Komunità, li jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ fond wieħed, jew aktar, ta’ investiment alternattiv (AIF) irrispettivament minn: (a) jekk l-AIF jinsabux domiċiljati fil-Komunità jew barra minnha; (b) jekk l-AIFM jipprovdux is-servizzi tagħhom direttament jew permezz ta’ delegazzjoni; (c) jekk l-AIF humiex tat-tip miftuħa (open-ended) jew li jgħalqu (close-ended); (d) l-istruttura legali tal-AIF u tal-AIFM. AIFM awtorizzat skont din id-Direttiva biex jipprovdi servizzi ta' mmaniġġjar lil AIF wieħed jew aktar huwa wkoll intitolat li jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet ta' dawn l-AIF ma' investituri professjonali fil-Komunità bla ħsara għall-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu VI u, fejn rilevanti, l-Artikolu 35. 2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe minn dawk li ġejjin: (a) AIFM li direttament jew indirittament permezz ta’ kumpanija li tkun konessa magħhom l-AIFM permezz ta' mmaniġġjar jew kontroll komuni, jew permezz ta’ parteċipazzjoni sostantiva diretta jew indiretta, jimmaniġġjaw il-portafolji tal-AIF li l-assi mmaniġġjati tagħhom, inklużi kwalunkwe assi miksuba permezz tal-użu tal-ingranaġġ, bħala total ma jeċċedux livell ta’ 100 miljun euro, jew 500 miljun euro meta l-portafoll ta' AIF jikkonsisti f'AIF li ma jkunux ingranati u mingħajr ebda drittijiet ta' tifdija eżerċitabbli matul perjodu ta' 5 snin wara d-data tal-kostituzzjoni ta' kull AIF; (b) AIFM stabbiliti fil-Komunità li ma jipprovdux servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ AIF domiċiljati fil-Komunità u ma jikkummerċjalizzawx AIF fil-Komunità; (c) UCITS jew il-kumpaniji ta’ mmaniġġjar jew ta’ investiment tagħhom awtorizzati skont id-Direttiva 2009/…/KE [id-Direttiva UCITS]; (d) istituzzjonijiet ta' kreditu li jkunu koperti permezz tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 li għandha x’taqsam mal-bidu u s-segwiment tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni); (e) istituzzjonijiet li jkunu koperti permezz tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali[13]; (f) istituzzjonijiet li huma koperti mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja[14], id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja[15] u d-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 92/49/KEE kif ukoll id-Direttivi 98/78/KE u 2002/83/KE[16]; (g) istituzzjonijiet sopranazzjonali, bħall-Bank Dinji, l-IMF, il-BĊE, il-BEI, il-FEI, u istituzzjonijiet sopranazzjonali oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali simili, fil-każ li tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jimmaniġġjaw AIF wieħed jew aktar. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-AIFM li ma jilħqux il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2(a) ikunu intitolati li jiġu ttrattati bħala AIFM li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi bl-għan li tiddetermina l-proċeduri li taħthom l-AIFM li jimmaniġġjaw portafolji ta’ AIF li l-assi mmaniġġjati tagħhom ma jeċċedux il-limitu stabbilit fil-paragrafu 2(a) jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom skont il-paragrafu 3. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 3Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) 'fond ta' investiment alternattiv' jew AIF ifisser kwalunkwe impriża ta' investiment kollettiv inkluż kompartimenti ta' investiment tagħha li l-affari tagħha hija l-investiment kollettiv fl-assi u li ma teħtieġx l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/…/KE [id-Direttiva tal-UCITS]; (b) 'maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv' jew AIFM tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li n-negozju regolari tagħha jkun l-immaniġġjar ta’ wieħed jew ħafna AIF; (c) 'stimatur' tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li tistima l-assi jew li tistabbilixxi l-valur tal-ishma jew l-unitajiet ta’ AIF; (d) 'sevizzi ta’ mmaniġġjar' tfisser l-attivitajiet ta’ mmaniġġjar u amministrazzjoni ta’ wieħed jew aktar AIF f’isem investitur wieħed jew aktar; (e) 'kummerċjalizzazzjoni' tfisser kwalunkwe offerta ġenerali jew tpoġġija ta’ unitajiet jew ishma f’AIF lil jew ma’ investituri ddomiċiljati fil-Komunità, irrispettivament minn ta’ min kienet l-inizjattiva biex issir l-offerta jew it-tpoġġija; (f) 'investitur professjonali' tfisser kwalunkwe investitur skont it-tifsira tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE; (g) 'investitur bl-imnut' tfisser kwalunkwe investitur li mhuwiex investitur professjonali; (h) 'stat Membru ta' domiċilju' tfisser l-Istat Membru li fih l-AIFM hu awtorizzat skont l-Artikolu 6; (i) 'Stat Membru ospitanti' tfisser Stat Membru, għajr l-Istat Membru ta' domiċilju, li fit-territorju tiegħu AIFM jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ AIF jew ishma tas-suq jew unitajiet tagħhom; (j) 'awtoritajiet kompetenti' tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom is-setgħa bil-liġi jew ir-regolamentazzjoni li jissupervizzaw l-AIFM; (k) 'strument finanzjarju' tfisser strument speċifikat fl-Anness I it-Taqsima C tad-Direttiva 2004/39/KE; (l) 'ingranaġġ' tfisser kwalunkwe metodu li permezz tiegħu AIFM iżid l-iskopertura ta' AIF li timmaniġġja għal investiment partikolari jew permezz tas-self tal-flus jew titoli, jew permezz ta' ingranaġġ mdeffes f’pożizzjonijiet derivattivi jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor; (m) 'parteċipazzjoni kwalifikattiva' tfisser parteċipazzjoni dirett jew indiretta f’AIFM li tirrappreżenta 10% jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot jew li tippermetti l-eżerċitar ta' influwenza sinifikanti fuq l-immaniġġjar tal-AIFM li fiha tkun dik il-parteċipazzjoni. Għal dan l-għan għandhom jitqiesu d-drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikolu 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat[17]; (n) 'emittent' tfisser kwalunkwe emittent tal-ishma domiċiljat fil-Komunità skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2004/109/KE; (o) 'rappreżentanti tal-impjegati' tfisser ir-rappreżentanti tal-impjegati kif iddefinit mill-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/14 tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea[18]. Kapitolu II Awtorizzazzjoni tal-AIFM ARTIKOLU 4 REKWIżIT GħALL-AWTORIZZAZZJONI 1. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-ebda AIFM kopert minn din id-Direttiva ma jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ kwalunkwe AIF jew jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet minnhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. L-entitajiet li la jkunu awtorizzati skont din id-Direttiva u lanqas, fil-każ ta’ AIFM li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, ma għandhomx ikunu permessi jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ AIF jew jikkummerċjalizzaw ishma jew unitajiet minnhom fil-Komunità. 2. L-AIFM jistgħu jkunu awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar tat-tipi kollha ta’ AIF jew ta’ ċerti tipi minnhom. AIFM jista’ jippossjedi awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva u jkun awtorizzat bħala kumpanija maniġerjali jew ta’ investiment skont id-Direttiva 2009/…/KE – [Direttiva UCITS] Artikolu 5Proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni AIFM li japplika għal awtorizzazzjoni għandu jipprovdi dan li ġej lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn hemm l-uffiċċju reġistrat tiegħu: (a) informazzjoni dwar l-identitajiet tal-azzjonisti jew il-membri tal-AIFM, kemm jekk humiex persuni diretti jew indiretti, fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikattiva u l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet; (b) il-programm ta’ attività, inkluż informazzjoni dwar kif l-AIFM bi ħsiebu jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-kapitoli III, IV u fejn applikabbli, V, VI u VII; (c) informazzjoni dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-AIF li bi ħsiebu jimmaniġġja, inkluż l-identifikazzjoni tal-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi li fit-territorju tagħhom jinsabu ddomiċiljati; (d) ir-regoli dwar il-fondi jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni ta’ kull AIF li l-AIFM bi ħsiebu jimmaniġġja; (e) informazzjoni dwar l-arranġamenti għad-delegazzjoni lil partijiet terzi tal-funzjonijiet tas-servizzi ta’ mmaniġġjar kif imsemmija fl-Artikolu 18 u fejn applikabbli l-Artikolu 35; (f) informazzjoni dwar l-arranġamenti għaż-żamma fis-sikur tal-assi tal-AIF inklużi, fejn applikabbli, l-arranġamenti li jsiru skont l-Artikolu 38; (g) kwalunkwe informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 20(1). L-AIFM għandu jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak tal-uffiċċju reġistrat tiegħu. Artikolu 6 Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni 1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni biss jekk ikunu sodisfatti li l-AIFM jkun jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha. 2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni fejn l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom jiġi ostakolat minn kwalunkwe minn dawk li ġejjin: (a) il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar li l-AIFM għandu konnessjonijiet fil-qrib magħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 4(31) tad-Direttiva 2004/39/KE; (b) diffikultajiet involuti fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi. 3. L-awtorizzazzjoni għandha tkopri kwalunkwe arranġamenti għad-delegazzjoni li jsiru mill-AIFM u li jiġu kkomunikati fl-applikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tal-awtorizzazzjoni, partikolarment fir-rigward tat-tip ta’ AIF li l-AIFM ikunu permess jimmaniġġja, kif ukoll l-arranġamenti għad-delegazzjoni. 4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-applikant, fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni mimlija, tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni jew le. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet kull meta awtorizzazzjoni tiġi miċħuda jew meta jiġu imposti xi restrizzjonijiet. 5. AIFM jista’ jibda jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar fl-Istat Membru ta' domiċilju immedjatament malli jingħata l-awtorizzazzjoni. Artikolu 7Bidliet fl-ambitu tal-awtorizzazzjoni L-AIFM għandu, qabel l-implimentazzjoni, jinnofitika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju dwar kwalunkwe bidliet fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni inizjali tiegħu li jistgħu jaffettwaw sostanzjalment il-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat l-awtorizzazzjoni, partikolarment bidliet fl-istrateġija u l-politika tal-investiment ta’ kwalunkwe AIF immaniġġjati minnu, tar-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF u l-identità ta’ kwalunkwe AIF oħra li l-AIFM ikollu l-intenzjoni li jimmaniġġja. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi żmien xahar minn meta jirċievu n-notifika, japprovaw jew jimponu restrizzjonijiet, jew inkella jirrifjutaw l-bidliet. Artikolu 8Irtirar tal-awtorizzazzjoni L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni maħruġa lil AIFM fejn l-AIFM: (1) ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor; (2) ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom ikun ingħatat l-awtorizzazzjoni; (3) ikun kiser serjament jew sistematikament id-dispożizzjonijiet li jitrasponu din id-Direttiva. Kapitolu III Kundizzjonijiet tal-operat għall-AIFM taqsima 1: Treġija tan-negozju Artikolu 9 Prinċipji ġenerali 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-AIFM jistgħu jipprovdu s-servizzi ta’ mmaniġġjar tagħhom fil-Komunità biss jekk jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fuq bażi kontinwa. AIFM għandu: (a) jaġixxi onestament, bil-kapaċità, kura u diliġenza dovuta u f’mod ġust fit-treġija tal-attivitajiet tiegħu; (b) jaġixxi fl-aħjar interessi tal-AIF li jimmaniġġja, l-investituri ta’ dawk l-AIF u l-integrità tas-suq; (c) jiżgura li l-investituri kollha tal-AIF jiġu ttrattati f’mod ġust. L-ebda investitur ma jista’ jikseb trattament preferenzjali, sakemm dan ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw il-kriterji li jridu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw jekk l-AIFM ikkonformawx mal-obbligu tagħhom skont il-paragrafu 1. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 10Kunflitti ta’ interess 1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFM jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jidentifika l-kunflitti ta’ interess bejn l-AIFM, inkluż il-maniġers tiegħu, l-impjegati jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa mal-AIFM permezz tal-kontroll, u l-investituri tal-AIF immaniġġjati mill-AIFM jew bejn investitur u ieħor, li jokkorru matul l-immaniġġjar ta’ AIF wieħed jew aktar. L-AIFM għandu jżomm u jopera arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effikaċi bl-għan li jieħu l-passi raġonevoli kollha maħsuba biex jimpedixxu li l-kunflitti ta’ interess ikollhom effett negattiv fuq l-interessi tal-AIF u l-investituri tagħhom. L-AIFM għandu jissegrega fl-ambjent operattiv tiegħu, il-kompiti u r-responsabbiltajiet li jistgħu jitqiesu bħala inkompatibbli ma’ xulxin. L-AIFM għandu jivvaluta jekk il-kundizzjonijiet tal-operat tiegħu jistgħux jinvolvu kwalunkwe kunflitti ta’ interess materjali u jiżvelahom lill-investituri tal-AIF. 2. Fejn l-arranġamenti organizzattivi li jsiru mill-AIFM għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri jiġu impediti, l-AIFM għandu jiżvela l-għamla ġenerali jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess tal-investituri qabel ma jidħol f’negozju f’isimhom, u jiżviluppa politika u proċeduri xierqa. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi: (a) li jispeċifikaw aktar it-tipi ta’ kunflitti ta’ interessi msemmija fil-paragrafu 1; (b) li jispeċifikaw il-passi raġonevoli li l-AIFM huma mistennija li jieħdu fit-termini tal-proċeduri interni u organizzattivi sabiex jidentifikaw, jimpedixxu, jimmaniġġjaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 11Immaniġġjar tar-riskji 1. L-AIFM għandu jiżgura li l-funzjonijiet tal-immaniġġjar tar-riskji jew tal-immaniġġjar tal-portafolji jkunu separati u soġġetti għal reviżjonijiet separati. 2. L-AIFM għandu jimplimenta s-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskji aġġornati sabiex ikejjel u jagħmel monitoraġġ xieraq tar-riskji kollha assoċjati ma’ kull strateġija ta’ investiment tal-AIF u li kull AIF huwa jew jista’ jkun espost għalihom. L-AIFM għandu jirrevedi s-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju tal-anqas darba fis-sena u, fejn neċessarju, jadattahom. 3. L-AIFM għandu tal-lanqas: (a) jimplimenta proċess ta’ diliġenza dovuta xieraq, dokumentat u aġġornat regolarment meta jinvesti f’isem l-AIF, skont l-istrateġija tal-investiment, l-għanijiet u l-profil tar-riskju tal-AIF; (b) jiżgura li r-riskji assoċjati ma’ kull pożizzjoni tal-investiment tal-AIF u l-effett totali tagħhom fuq il-portafoll tal-AIF jistgħu jiġu identifikati, imkejla u supervizzati akkuratament f’kwalunkwe ħin permezz ta’ proċeduri ta’ testjar tal-istress xierqa; (c) jiżgura li l-profil tar-riskju tal-AIF jikkorrispondi mad-daqs, l-istruttura tal-portafoll u l-istrateġiji u l-għanijiet tal-investiment tal-AIF kif stabbiliti fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF. 4. Fil-każ ta’ AIFM li jimpenja ruħu f’bejgħ skopert meta jinvesti f’isem wieħed jew aktar AIF, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-AIFM jopera proċeduri li jipprovduh b’aċċess għat-titoli u strumenti finanzjarji oħra fid-data meta l-AIFM jikkommetti ruħu li jikkonsenjahom, u li l-AIFM jimplimenta proċedura ta’ mmaniġġjar tar-riskji li tippermetti li r-riskji assoċjati mal-kunsinna tat-titoli ta’ bejgħ skopert jew strumenti finanzjarji oħra jiġu mmaniġġjati adegwatement. 5. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar dan li ġej: (a) ir-rekwiżiti tal-immaniġġjar tar-riskji li għandhom jintużaw mill-AIFM bħala funzjoni tar-riskji li l-AIFM iġarrab f’isem l-AIF li jimmaniġġja; (b) kwalunkwe arranġamenti meħtieġa li jippermettu lill-AIFM jimmaniġġja r-riskji partikolari assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ skopert, inklużi kwalunkwe restrizzjonijiet rilevanti li jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tal-AIF minn skoperturi għar-riskji mhux dovuti. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 12Immaniġġjar tal-likwidità 1. Għal kull AIF li jimmaniġġja l-AIFM għandu juża sistema xierqa tal-immaniġġjar tal-likwidità u jadotta proċeduri biex jiżgura li l-profil tal-likwidità tal-investiment tal-AIF jikkonforma mal-obbligi sottostanti tiegħu. L-AIFM għandu jwettaq regolarment testijiet tal-istress, kemm taħt kundizzjonijiet tal-likwidità normali kif ukoll dawk eċċezzjonali u jissupervizza r-riskju tal-likwidità tal-AIF skont dawn. 2. L-AIFM għandu jiżgura li kull AIF li jimmaniġġja jkollu politika ta’ tifdija li tkun xierqa għall-profil tal-likwidità tal-investiment tal-AIF u li trid tkun stipulata fir-regoli jew jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF. 3 Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw ulterjorment: (a) ir-rekwiżiti tal-immaniġġjar tal-likwidità stabbiliti fil-paragrafu 1 u; (b) partikolarment, ir-rekwiżiti minimi tal-likwidità għall-AIF li jifdu unitajiet jew ishma aktar spiss minn kull sitt xhur. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 13 Investiment f'pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni Sabiex tiġi żgurata konsistenza transsettorajli u jitneħħa l-miżallinjament bejn l-interess tad-ditti li jirripakkjaw is-selfiet f'titoli negozjabbli u strumenti finanzjarji oħra (oriġinaturi) u AIFM li jinvestu f'dawn it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra f'isem AIF wieħed jew aktar, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jistipulaw ir-rekwiżiti fl-oqsma li ġejjin: (a) ir-rekwiżiti li jeħtieġu jiġu ssodisfati mill-oriġinatur sabiex AIFM tkun tista' tinvesti f'titoli jew strumenti finanzjarji oħra ta' dan it-tip maħruġa wara l-1 ta’ Jannar 2011 f'isem AIF wieħed jew aktar, inkluż rekwiżiti li jiżguraw li l-oriġinatur iżomm interess ekonomiku nett ta' mhux anqas minn 5 fil-mija; (b) rekwiżiti kwalitattivi li jrid jiġu ssodisfati minn AIFM li tinvesti f'dawn it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra f'isem AIF wieħed jew aktar. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Taqsima 2: REKWIŻITI KAPITALI ARTIKOLU 14 KAPITAL INIZJALI U KONTINWU L-AIFM għandu jkollhom fondi proprji ta’ mill-anqas EUR 125 000. Fejn il-valur tal-portafolji tal-AIF immaniġġjati mill-AIFM jeċċedi l-EUR 250 miljun, l-AIFM għandu jipprovdi ammont addizzjonali mill-fondi proprji; dak l-ammont addizzjonali ta’ fondi proprji għandu jkun ugwali għal 0.02 % tal-ammont li permezz tiegħu l-valur tal-portafolji tal-AIFM jeċċedi l-EUR 250 miljun. Irrispettivament mill-ammont tar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-fondi proprji tal-AIFM ma għandhom qatt ikunu anqas mill-ammont meħtieġ skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza kapitali tad-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu (riformulazzjoni)[19]. Għall-finijiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi l-portafolji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala l-portafolji tal-AIFM: (a) kwalunkwe portafolji tal-AIF immaniġġjati mill-AIFM, inklużi AIF li għalihom l-AIFM ikun iddelega funzjoni waħda jew aktar skont l-Artikolu 18; (b) kwalunkwe portafolji ta’ AIF li l-AIFM ikun qed jimmaniġġja taħt delegazzjoni. TAQSIMA 3: Rekwiżiti organizzattivi ARTIKOLU 15 PRINċIPJI ġENERALI L-AIFM għandhom, fikwalunkwe ħin, jużaw riżorsi adegwati u xierqa li huma neċessarji għall-eżekuzjoni xierqa tal-attivitajiet maniġerjali tagħhom. Għandhom ikollhom sistemi aġġornati, proċeduri interni dokumentati u kontrolli interni regolari tat-treġija tan-negozju tagħhom, sabiex jimmitigaw u jimmaniġġjaw r-riskji assoċjati mal-attività tagħhom. Artikolu 16Stimar 1. L-AIFM għandu jiżgura li, għal kull AIF li jimmaniġġja, jinħatar stimatur li jkun indipendenti mill-AIFM biex jistabbilixxi l-valur tal-assi miksuba mill-AIF u l-valur tal-ishma u l-unitajiet tal-AIF. L-istimatur għandu jiżgura li l-assi, l-ishma u l-unitajiet jiġu valutat mill-anqas darba fis-sena, u kull darba li jinħarġu jew jiġu mifdija xi ishma jew unitajiet tal-AIF jekk dan isir aktar frekwentament. 2. L-AIFM għandu jiżgura li l-istimatur ikollu proċedura xierqa, aġġornata, u konsistenti biex jivvaluta l-assi tal-AIF skont l-istandards u r-regoli tal-kontabilità applikabbli eżistenti, sabiex jirrifletti l-valur veru u ġust tal-ishma jew l-unitajiet tal-AIF. 3. Ir-regoli applikabbli għall-istimar tal-assi u l-kalkolu tal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem tal-AIF għandhom jiġu stipulati fil-liġi tal-pajjiż fejn l-AIF ikun iddomiċiljat jew fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar il-kriterji li skonthom stimatur jista’ jitqies bħala indipendenti skont it-tifsira fil-paragrafu 1. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 17Depożitarju 1. Għal kull AIF li jimmaniġġja, l-AIFM għandu jiżgura li jinħatar depożitarju biex iwettaq, fejn rilevanti, il-kompiti li ġejjin: (a) jirċievi l-pagamenti mill-investituri meta jissottoskrivu l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIF immaniġġjati mill-AIFM u jirreġistrahom f’isem l-AIFM f’kont segregat; (b) jżomm fis-sikur kwalunkwe strument finanzjarju jappartjeni għall-AIF; (c) jivverifika jekk l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF kisbux is-sjieda tal-assi l-oħra kollha li l-AIF jinvestu fihom. 2. L-AIFM ma għandux jaġixxi bħala depożitarju. Id-depożitarju għandu jaġixxi indipendentement u fl-interess biss tal-investituri tal-AIF. 3. Id-depożitarju għandu jkun istituzzjoni tal-kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità u awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 li għandha x’taqsam mal-bidu u s-segwiment tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni)[20]. 4. Id-depożitarji jistgħu jiddelegaw il-kompiti tagħhom lil depożitarji oħra. 5. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli lejn l-AIFM u l-investituri tal-AIF għal kwalunkwe telfiet li jġarrbu kawża tan-nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. Fil-każ ta' kwalunkwe telf ta' strumenti finanzjarji li d-depożitarju jżomm fis-sikur, id-depożitarju jista' biss jeħles mir-responsabbiltà tiegħu jekk ikun kapaċi jipprova li ma setax jevita t-telf li sar. Ir-responsabbiltà lejn l-investituri tal-AIF tista’ tiġi invokata jew direttament jew inkella indirettament permezz tal-AIFM, skont l-għamla legali tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, l-AIFM u l-investituri. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju ma għandhix tiġi affettwata minħabba kwalunkwe delegazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. taqsima 4: Delegazzjoni tal-funzjonijiet tal-AIFM ARTIKOLU 18 DELEGAZZJONI 1. L-AIFM li jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw lil partijiet terzi l-kompitu li jeżegwixxu f’isimhom waħda jew aktar mill-funzjonijiet tagħhom għandhom jitolbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għal kull delegazzjoni. Irid ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) il-parti terza jrid ikollha kredibilità ta’ kreditu u l-persuni li effettivament ireġu n-negozju jrid ikollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u jkunu esperjenzati biżżejjed; (b) fejn id-delegazzjoni jkollha x’taqsam mal-immaniġġjar tal-portafolji jew l-immaniġġjar tar-riskji, il-parti terza għandha tkun awtorizzata wkoll bħala AIFM sabiex jimmaniġġja AIF tal-istess tip; (c) id-delegazzjoni ma għandhiex tostakola l-effikaċja tas-superviżjoni tal-AIFM, u partikolarment trid ma tostakolax lill-AIFM milli jaġixxi, jew lill-AIF milli jiġu mmaniġġjati, fl-aħjar interessi tal-investituri tagħhom; (d) il-AIFM irid juri li l-parti terza hija kwalifikata u kapaċi teżegwixxi l-funzjonijiet konċernati, li ntagħżlet bl-attenzjoni dovuta u li l-AIFM huwa f’pożizzjoni li jissupervizza effikaċement u fi kwalunkwe ħin l-attività delegata, li jagħti f’kwalunkwe ħin istruzzjonijiet oħra lill-parti terza u li jirtira d-delegazzjoni b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri. L-ebda delegazzjoni ma għandha tingħata lid-depożitarju, l-istimatur, jew kwalunkwe impriża oħra li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ dawk tal-AIF jew l-investituri tagħhom. L-AIFM għandu jirrevedi s-servizzi pprovduti minn kull terza parti fuq bażi kontinwa. 2. Fl-edba każ ma għandha r-responsabbiltà tal-AIFM tiġi affettwata mill-fatt li l-AIFM ikun iddelega l-funzjonijiet tiegħu lil parti terza, lanqas ma għandu l-AIFM jiddelega funzjonijietu, sal-punt li, essenzjalment, ma jkunx jista’ jibqa' jitqies bħala l-maniġer tal-AIF. 3. Il-parti terza tista’ tissottodelega kwalunkwe mill-funzjonijiet iddelegati lilha. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar dan li ġej: (a) il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tad-delegazzjoni; (b) il-kundizzjonijiet li skonthom il-maniġer ma jkunx jista’ jibqa' jitqies bħala l-maniġer tal-AIF kif stabbilit fil-paragrafu 2. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Kapitolu IV Rekwiżiti tat-trasparenza Artikolu 19 Rapport annwali 1. L-AIFM għandu, għal kull AIF li jimmaniġġja, jagħmel disponibbli rapport annwali għal kull sena finanzjarja. Ir-rapport annwali għandu jkun disponibbli għall-investituri u l-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. 2. Ir-rapport annwali għandu jkun fih mill-anqas dan li ġej: (a) karta tal-bilanċ jew rendikont tal-assi u l-obbligazzjonijiet; (b) rendikont tal-introrji u l-infiq għas-sena finanzjarja; (c) rapport dwar l-attivitajiet tas-sena finanzjarja; 3. L-informazzjoni dwar il-kontijiet ippubblikata fir-rapport annwali għandha tkun ivverifikata minn persuna waħda jew aktar ikkonferita bil-liġi s-setgħa biex tivverifika l-kontijiet skont id- Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE[21]. Ir-rapport tal-awdituri, inkluż kwalunkwe kwalifikazzjoni, għandhom jiġu riprodotti bis-sħiħ fir-rapport annwali. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar il-kontenut u l-format tar-rapport annwali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adattati għat-tip ta' AIFM li għalihom ikunu applikabbli. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 20Żvelar lill-investituri 1. L-AIFM għandu jiżgura li l-investituri tal-AIF jirċievu l-informazzjoni li ġejja qabel ma jinvestu fil-AIF, kif ukoll kwalunkwe bidliet li jsirulha: (a) deskrizzjoni tal-istrateġija tal-investiment u l-għanijiet tal-AIF, l-assi kollha li l-AIF jista’ jinvesti fihom u t-tekniki li jista’ juża u r-riskji kollha assoċjati, kwalunkwe restrizzjonijiet tal-investiment applikabbli, iċ-ċirkustanzi li fihom l-AIF jista’ juża l-ingranaġġ, it-tipi u s-sorsi ta’ ingranaġġ permessi u r-riskji assoċjati u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu tal-ingranaġġ; (b) deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom l-AIF jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn li huma; (c) deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet legali tar-relazzjoni kuntrattwali li jkun daħal fihom għall-fini tal-investiment, inkluż informazzjoni dwar ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u l-eżistenza jew in-nuqqas ta' kwalunkwe strument legali li jipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq it-territorju fejn il-fond ikun domiċiljat. (d) l-identità tad-depożitarju tal-AIF, l-istimatur, l-awditur u kwalunkwe fornitur ta’ servizz ieħor u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom u d-drittijiet tal-investituri f’każ li jkun hemm xi nuqqas; (e) deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjoni maniġerjali jew depożitarja delegata u l-identità tal-parti terza li lilha ġiet delegata l-funzjoni; (f) deskrizzjoni tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-AIF u, fejn applikabbli, tal-mudelli tal-ipprezzar għall-istimar tal-assi, inklużi l-metodi użati fl-istimar tal-assi mhux faċilment stimabbli; (g) deskrizzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji tal-likwidità tal-AIF, inklużi d-drittjiet tat-tifdija kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll eċċezzjonali, l-arranġament ta’ tifdija eżistenti mal-investituri, u kif l-AIFM jiżgura t-trattament ġust tal-investituri; (h) deskrizzjoni tat-tariffi, l-imposti u l-ispejjeż u l-ammonti massimi ta’ dawn li jiġġarrbu direttament jew indirettament mill-investituri; (i) kull meta investitur jirċievi trattament preferenzjali jew id-dritt li jikseb trattament preferenzjali, l-identità tal-investitur u deskrizzjoni ta’ dak it-trattament preferenzjali; (j) l-aħħar rapport annwali. 2. Għal kull AIF li l-AIFM jimmaniġġja, għandu perjodikament jiżvela lill-investituri: (a) il-persentaġġ tal-assi tal-AIF li huma soġġetti għal arranġament speċjali minħabba l-għamla illikwida tagħhom; (b) kwalunkwe arranġament ġdid għall-immaniġġjar tal-likwidità tal-AIF; (c) il-profil tar-riskju kurrenti tal-AIF u s-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskji użati mill-AIFM biex jimmaniġġja dawn ir-riskji. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar l-obbligi tal-iżvelar tal-AIFM u l-frekwenza tal-iżvelar imsemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adattati għat-tip ta' AIFM li għalihom ikunu applikabbli. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 21Obbligi tar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti 1. L-AIFM għandu jirrapporta regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu dwar is-swieq u l-istrumenti prinċipali li fihom jinnegozja f’isem l-AIF li jimmaniġġja. Dan għandu jipprovdi informazzjoni aggregata dwar l-istrumenti prinċipali li jinnegozja fihom, is-swieq li huwa membru tagħhom jew li jinnegozja attivament fihom, u l-esponimenti prinċipali u l-konċentrazzjonijiet l-aktar importanti ta’ kull AIF li jimmaniġġja. 2. Għal kull AIF li l-AIFM jimmaniġġja, dan għandu jirrapporta perjodikament dak li ġej lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu: (a) il-persentaġġ tal-assi tal-AIF li huma soġġetti għal arranġament speċjali minħabba l-għamla illikwida tagħhom; (b) kwalunkwe arranġament ġdid għall-immaniġġjar tal-likwidità tal-AIF; (c) il-profil tar-riskju reali tal-AIF u l-għodda tal-immaniġġjar tar-riskji użati mill-AIFM għall-immaniġġjar ta’ dawn ir-riskji; (d) il-kategoriji prinċipali tal-assi li fihom investa l-AIF; (e) fejn rilevanti, l-użu ta’ bejgħ skopert matul il-perjodu tar-rapportar. 3. Għal kull AIF li jimmaniġġja, l-AIFM għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu: (a) rapport annwali ta’ kull AIF immaniġġjat mill-AIFM għal kull sena finanzjarja, fi żmien erba’ xhur mit-tmiem tal-perjodu li jirrelata għalihom; (b) lista dettaljata tal-AIF kollha li l-AIFM jimmaniġġja għal kull tmiem ta’ kull kwart ta’ sena. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar l-obbligi tar-rapportar imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 u l-frekwenza tagħhom. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Kapitolu VObbligi fir-rigward tal-immaniġġjar mill-AIFM ta’ tipi speċifiċi ta’ AIF taqsima 1: Obbligi għall-AIFM li jimmaniġġjaw AIF Ingranati ARTIKOLU 22 AMBITU Din it-taqsima għandha tapplika biss għall-AIFM li jimmaniġġjaw AIF wieħed jew aktar li jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika. L-AIFM għandu jivvaluta fuq bażi trimestrali jekk l-AIF jużax livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika u għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar dan. Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-AIF għandu jitqies li juża livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika fejn l-ingranaġġ kombinat mis-sorsi kollha taqbeż il-valur tal-kapital ta' ekwità tal-AIF fi tnejn mill-aħħar erba’ trimestri. Artikolu 23Żvelar lill-investituri L-AIFM li qed jimmaniġġja AIF wieħed jew iżjed li jużaw livelli għolin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika għandu għal kull AIF bħal dan: (a) jiżvela lill-investituri l-livell massimu ta’ ingranaġġ li l-AIFM jista’ juża f’isem l-AIF kif ukoll kwalunkwe dritt ta’ użu mill-ġdid ta’ kollaterali jew kwalunkwe garanzija mogħtija skont l-arranġament tal- ingranaġġ; (b) kull trimestru jiżvela lill-investituri l-ammont totali ta’ ingranaġġ użat minn kull AIF fit-trimestru preċedenti. Artikolu 24Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti 1. L-AIFM li qed jimmaniġġja AIF wieħed jew aktar li jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika għandu jipprovdi regolarment, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu, informazzjoni dwar il-livell totali ta’ ingranaġġ użat minn kull AIF li jimmaniġġja, u rendikont dettaljata tal-ingranaġġ li jokkorri mill-ksib ta’ flus jew titoli b’self u l-ingranaġġ imdeffes f’derivattivi finanzjarji. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità tal-ħames l-ikbar sorsi ta’ flus jew titoli missellfa għal kull AIF immaniġġjat mill-AIFM, u l-ammonti tal-ingranaġġ irċevuti minn kull waħda minn dawk l-entitajiet għal kull AIF immaniġġjat mill-AIFM. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti tal-iżvelar fir-rigward tal-ingranaġġ u l-frekwenza tar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti u tal-iżvelar lill-investituri. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 25Użu tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, kooperazzjoni superviżorja u limiti tal-ingranaġġ 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jużaw l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata skont l-Artikolu 24 għall-finiijet tal-identifikazzjoni tal-punt safejn l-użu tal-ingranaġġ jikkontribwixxi għall-akkumulu ta’ riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja jew riskji ta’ swieq mhux regolati. 2. L-Istati Membri ta’ domiċilju għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha li jirċievu skont l-Artikolu 24, aggregata fir-rigward tal-AIFM kollha li jissupervizzaw, tkunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 46 dwar il-kooperazzjoni superviżorja. Dawn għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu ukoll informazzjoni permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, u bilateralment lil Stati Membri oħra li jkunu direttament ikkonċernati, jekk l-AIFM fir-responsabbilta tagħhom ikun potenzjalment jikkostitwixxi sors importanti ta’ riskju ta’ kontropartijiet lil istituzzjoni tal-kreditu jew istituzzjoni oħra sistemikament rilevanti fi Stati Membri oħra. 3. Sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jiffissaw limiti għal-livell ta' ingranaġġ li l-AIFM jistgħu jużaw. Dawn il-limiti għanhom iqisu, fost l-oħrajn, it-tip ta' AIF, l-istrateġija tagħhom u s-sorsi tal-ingranaġġ tagħhom. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bl-istrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). 4. F'ċirkostanzi eċċezzjonali u meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jistgħu jimponu limiti addizzjonali għal-livell ta' ingranaġġ li l-AIFM jistgħu jużaw. Miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju għandhom ikunu ta' natura temporanja, u għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. taqsima 2: obbligi għall-aifm li jimmaniġġjaw aif li jiksbu influwenza ta’ kontroll fil-kumpaniji ARTIKOLU 26 AMBITU 1. Din it-taqsima għandha tapplika għal dak li ġej: (a) AIFM li qed jimmaniġġjaw AIF wieħed jew aktar li jew individwalment jew bħala aggregazzjoni jiksbu 30% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot ta’ emittenti jew ta’ kumpanija mhux kwotata domiċiljati fil-Komunità, kif xieraq; (b) AIFM li jkun ikkonkluda ftehim ma’ AIFM ieħor jew aktar li jippermetti l-AIF immaniġġjati minn dawn l-AIFM jiksbu 30% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot tal-emittenti jew tal-kumpanija mhux kwotata, kif xieraq. 2. Din it-taqsima ma għandhiex tapplika fejn l-emittenti jew il-kumpanija mhux kwotata konċernati jkunu impriżi żgħar u ta' daqs medju li jimpjegaw anqas minn 250 persuna, ikollhom turnover ta' mhux aktar minn 50 miljun euro u/jew karta tal-bilanċ annwali ta' mhux aktar minn 43 miljun euro. Artikolu 27 Notifika tal-akkwiżizzjoni ta’ influwenza ta’ kontroll f’kumpaniji mhux kwotati 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta AIFM ikun f’pożizzjoni li jeżerċita 30% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot ta’ kumpanija mhux kwotata, it-tali AIFM għandu jinnotifika lill-kumpanija mhux kwotata u lill-azzjonisti l-oħra bl-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2. Din in-notifika għandha ssir kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn erbat ijiem ta’ negozju li l-ewwel wieħed minnhom ikun il-jum li fih l-AIFM jilħaq il-pożizzjoni fejn ikun kapaċi jeżerċita 30% tad-drittijiet tal-vot. 2. In-notifika meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja: (a) is-sitwazzjoni li tirriżulta fit-termini tad-drittijiet tal-voti; (b) il-kundizzjonijiet li taħthom jintlaħaq il-limitu minimu ta’ 30%, inkluża l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti differenti involuti; (c) id-data li fiha jintlaħaq jew jinqabeż il-limitu. Artikolu 28Żvelar fil-każ ta’ akkwiżizzjoni ta’ influwenza ta’ kontroll f’emittenti jew kumpaniji mhux kwotati 1. Minbarra l-Artikolu 27, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn AIFM jikseb 30% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot ta’ emittenti jew kumpanija mhux kwotata, dak l-AIFM għandu jagħmel l-informazzjoni stabbilita fit-tieni u t-tielet subparagrafi disponibbli għall-emittenti, il-kumpanija mhux kwotata, u l-azzjonisti rispettivi tagħhom u r-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkunx hemm tali rappreżentanti, l-impjegati nnfushom. Fir-rigward tal-emittenti, l-AIFM għandu jagħmel dak li ġej disponibbli għall-emittent konċernat, l-azzjonisti tiegħu u r-rappreżentanti tal-impjegati: (a) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar offerti ta’ xiri [(akkwiżizzjoni)][22]; (b) il-politika għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess, partikolarment bejn l-AIFM u l-emittent; (c) il-politika għall-komunikazzjoni esterna u interna tal-emittent partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjegati. Fir-rigward ta’ kumpaniji mhux kwotati, l-AIFM għandu jagħmel dak li ġej disponibbli għall-kumpanija mhux kwotata konċernata, l-azzjonisti tagħha u r-rappreżentanti tal-impjegati: (d) l-identità tal-AIFM li jew individwalment jew inkella bi ftehim ma’ AIFM ieħor jkun laħaq il-limitu ta’ 30%; (e) il-pjan tal-iżvilupp għall-kumpanija mhux kwotata; (f) il-politika għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess, partikolarment bejn l-AIFM u l-kumpanija mhux kwotata; (g) il-politika għall-komunikazzjoni esterna u interna tal-emittent jew il-kumpanija mhux kwotata, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjegati. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jistipulaw: (a) il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1; (b) il-mod kif għandha tiġi kkomunikata l-informazzjoni. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 29Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapport annwali tal-AIF li jeżerċita influwenza ta’ kontroll f’emittenti jew f’kumpaniji mhux kwotati 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-AIFM jinkludu fir-rapport annwali previst fl-Artikolu 19 għal kull AIF li jimmaniġġjaw, l-informazzjoni addizzjonali prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 2. Ir-rapport annwali tal-AIF għandu jinkludi l-informazzjoni addizzjonali li ġejja għal kull emittent u kumpanija mhux kwotata li l-AIF ikun investa fiha: (a) fir-rigward tal-iżviluppi operattivi u finanzjarji, preżentazzjoni tad-dħul u l-qliegħ tas-segment tan-negozju, dikjarazzjoni dwar il-progress tal-attivitajiet u l-affarijiet finanzjarji tal-kumpanija, valutazzjoni tal-progress mistenni dwar l-attivitajiet u l-affarijiet finanzjarji, rapport dwar l-avvenimenti sinifikanti fis-sena finanzjarja; (b) fir-rigward ta’ riskji finanzjarji u oħrajn ta’ mill-anqas ir-riskji finanzjarji assoċjati mal-istruttura tal-kapital; (c) fir-rigward tal-affarijiet tal-impjegati, id-dawran, it-terminazzjonijiet, ir-reklutaġġ. (d) dikjarazzjoni dwar diżvestiment sinifikanti tal-assi. Barra dan, ir-rapport annwali tal-AIF għandu, għal kull emittent li fih ikun akkwista influwenza ta’ kontroll, ikun fih l-informazzjoni prevista fil-punt (f) tal-Artikolu 46a(1) tar-raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji[23] u deskrizzjoni ġenerali tal-istruttura tal-kapital imsemmija fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/25/KE. Għal kull kumpanija mhux kwotata li fiha jkun akkwista influwenza ta’ kontroll, ir-rapport tal-AIF għandu jagħti ħarsa kumplessiva dwar l-arranġamenti maniġerjali u l-informazzjoni prevista fil-punti (b), (c) u (e) sa (h) tal-Artikolu 3 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru ta' l-1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta` kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti[24]. 3. L-AIFM għandu, għal kull AIF li jimmaniġġja u li huwa s-suġġett ta’ din it-taqsima, jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 hawn fuq lir-rappreżentanti kollha tal-impjegati tal-kumpanija konċernata msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 19(1). 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw aktar il-kontenut dettaljat tal-informazjoni li trid tiġi pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 30 Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kumpaniji li l-ishma tagħhom ma għadhom jitħallew jiġu nnegozjati f’suq regolat Fejn, wara akkwiżizzjoni ta’ 30% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot ta’ emittent, l-ishma ta’ dak l-emittent ma jibqgħux jitħallew jiġu nnegozjati f’suq regolat, dan għandu xorta waħda jkompli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2004/109/KE għal sentejn mid-data tal-irtirar mis-suq regolat. Kapitolu VI Provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar u ta’ kummerċjalizzazzjoni minn AIFM Artikolu 31Kummerċjalizzazzjoni tal-ishma jew l-unitajiet ta’ AIF fl-Istat Membru ta' domiċilju 1. AIFM awtorizzat jista’ jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet ta’ AIF ma’ investituri professjonali fl-Istat Membru ta' domiċilju malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizzah. Dik in-notifika għandha tinkludi dak li ġej: (a) identifikazzjoni tal-AIF li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizzah u l-informazzjoni dwar fejn jinsab iddomiċiljat l-AIF; (b) ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF; (c) deskrizzjoni ta’, jew kwalunkwe informazzjoni dwar l-AIF disponibbli għall-investituri; (d) informazzjoni dwar l-arranġamenti stabbiliti biex jipprevjenu li l-unitajiet jew l-ishma ta’ dak l-AIF jiġu kkummerċjalizzati ma’ investituri bl-imnut, inkluż fil-każ fejn l-AIFM jiddependi fuq attivitajiet ta’ entitajiet indipendenti biex jipprovdi servizzi ta’ investiment fir-rigward tal-AIF tiegħu. 3. Mhux aktar tard minn għaxart ijiem minn meta jirċievu notifika mimlija skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jinfurmaw lill-AIFM jekk jistax jibda jikkummerċjalizza l-AIF identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Bla ħsara għall-miżuri implimentattivi msemmija fit-tielet subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet fuq il-kummmerċjalizzazzjoni tal-AIF skont dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw it-tipi ta’ restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIF skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). 4. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 32(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-AIF immaniġġjati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss ma’ investituri professjonali. Artikolu 32 Fakultà għall-Istati Membri biex jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut 1. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu għal dak l-għan jimponu rekwiżiti aktar stretti fuq l-AIFM jew l-AIF. 2. L-Istati Membri li jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom, għandhom, fi żmien sena mid-data msemmija fl-Artikolu 54 (1) jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar: (a) it-tipi ta’ AIF li l-AIFM jistgħu jikkummerċjalizzaw ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom; (b) kwalunkwe rekwiżiti addizzjonali li l-Istati Membri jimponu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fir-rigward tal-ewwel subparagrafu. Artikolu 33Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fi Stati Membri oħra 1. Fejn AIFM awtorizzat ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza ma’ investituri professjonali l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIF li jimmaniġġja fi Stat Membru ieħor, dan għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu: (a) ittra ta’ notifika, inkluż programm tal-operazzjonijiet li jidentifika l-AIF li għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza u l-informazzjoni dwar id-domiċilju tal-AIF; (b) ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF; (c) deskrizzjoni ta’, jew kwalunkwe informazzjoni dwar l-AIF disponibbli għall-investituri; (d) l-indikazzjoni tal-Istati Membri li għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza fihom l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIF taħt l-immaniġġjar tiegħu ma’ investituri professjonali; (e) arranġamenti li jagħmel għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u, fejn rilevanti, informazzjoni dwar l-arranġament stabbiliti għall-prevenzjoni milli jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma ta’ dak l-AIF ma’ investituri bl-imnut. 2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom, mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data minn meta jirċievu d-dokumentazzjoni kompleta, jittrasmettu d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIF għandu jiġi kkummerċjat. Dawn għandhom jehmżu attestazzjoni li l-AIFM konċernat huwa awtorizzat. 3. Malli jittrażmettu d-dokumentazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. L-AIFM jista’ jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF fl-Istat Membru ospitanti mid-data ta’ dik in-notifika. 4. L-arranġamenti imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u s-superviżjoni tal-Istat Membru ospitanti. 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittra ta’ notifika u l-attestazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jiġu pprovduti f’lingwa li hi komuni fid-dimensjoni tal-finanzi internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni elettronika u l-iffajljar tad-dokument imsemmija fil-paragrafu 2 jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti. 6. Fil-każ ta’ bidla f’kwalunkwe mid-dettalji kkomunikati skont il-paragrafu 2, l-AIFM għandu jagħti notifika bil-miktub dwar dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu ta’ mill-anqas xahar qabel l-implimentazzjoni tal-bidla. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dawk il-bidliet. 7. Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2), tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw li ġej: (a) il-forma u l-kontenut ta’ mudell standard tal-ittra ta’ notifika; (b) il-forma u l-kontenut ta’ mudell standard tal-attestazzjoni. 8. L-AIFM jistgħu jikkummerċjalizzaw biss ishma jew unitajiet ta' AIF domiċiljat f'pajjiż terz ma' investituri professjonali fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1). Artikolu 34Kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar fi Stati Membri oħra 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM awtorizzat jista’ jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar relatati ma’ AIF domiċiljat fi Stat Membru ieħor jew direttament jew inkella permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, sakemm l-AIFM ikun awtorizzat biex jimmaniġġja dak it-tip ta’ AIF. 2. Kwalunkwe AIFM li jixtieq jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar relatati ma’ AIF domiċiljat fi Stat Membru ieħor għall-ewwel darba għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu: (a) l-Istat Membru li fih għandu l-intenzjoni li jipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar direttament jew jistabbilixxi fergħa; (b) programm ta’ operazzjonijiet li jiddikkjara partikolarment is-servizzi li għandu l-intenzjoni li jeżegwixxi u li jidentifika l-AIF li għandu l-intenzjoni li jimmaniġġja. 3. Jekk l-AIFM għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi fergħa, dan għandu jipprovdi, barra mill-paragrafu 2, l-informazzjoni li ġejja: (a) l-istruttura organizzattiva tal-fergħa; (b) l-indirizz fl-Istat Membru ta' domiċilju li minnu jistgħu jinkisbu d-dokumenti; (c) l-ismijiet tal-persuni responsabbli għall-immaniġġjar tal-fergħa. 4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom, mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data tal-irċevuta tad-dokumentazzjoni kompleta, jittrażmettu d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, u fejn rileventi 3, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ser jiġu pprovduti s-servizzi ta’ mmaniġġjar u attestazzjoni li awtorizzaw lill-AIFM konċernat. Dawn għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. Malli jirċievi n-notifika tat-trażmissjoni l-AIFM jista’ jibda jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. 5. L-Istati Membri ospitanti ma għandhomx jimponu kwalunkwe rekwiżit addizzjonali fuq l-AIFM konċernat fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva. 6. Fil-każ ta’ bidla f'xi dettalji kkomunikati skont il-paragrafu 2, u fejn rilevanti 3, l-AIFM għandu jagħti notifika bil-miktub dwar dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu mill-anqas xahar qabel l-implimentazzjoni tal-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar dawk il-bidliet. Kapitolu VIIRegoli speċifiċi relatati ma’ pajjiżi terzi Artikolu 35 Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità ta’ AIF domiċiljati f’pajjiżi terzi AIFM jista' biss jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet ta' AIF domiċiljat f'pajjiż terz ma' investituri professjonali fi Stat Membru, jekk il-pajjiż terz ikun iffirma ftehim ma' dan l-Istat Membru li jkun jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD u jiżgura li jkun hemm skambju effikaċi ta' informazzjoni dwar l-affarijiet fiskali. Fejn AIFM jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet ta’ AIF domiċiljat f’pajjiż terz l-Istati Membri ta' domiċilju għandhom jipprolongaw il-perjodu msemmi fl-Artikolu 31(3), meta dan ikun neċessarju sabiex jiġi ċċekkjat jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunux issodisfati. Qabel l-AIFM jitħalla jikkummerċjalizza ishma jew unitajiet ta’ AIF domiċiljat f’pajjiż terz, l-Istat Membru ta' domiċilju għandu jikkunsidra partikolarment l-arranġamenti li jsiru mill-AIFM skont l-Artikolu 38, fejn rilevanti. Artikolu 36Delegazzjoni mill-AIFM ta’ kompiti amministrattivi lil entità stabbilita f’pajjiż terz L-Istati Membri għandhom biss jippermettu lill-AIFM jiddelega servizzi amministrattivi lil entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 ikunu ġew ssodisfati; (b) l-entità tkun awtorizzata tipprovdi servizzi amministrattivi jew tkun rreġistrata fil-pajjiż terz li fih tkun stabbilita u tkun soġġetta għas-superviżjoni prudenzjali; (c) ikun hemm ftehim ta’ kooperazzjoni xieraq bejn l-awtorità kompetenti tal-AIFM u l-awtorità superviżorja tal-entità. Artikolu 37Stimatur stabbilit f’pajjiż terz 1. L-Istati Membri għandhom jippermettu biss il-ħatra ta' stimatur stabbilit f’pajjiż terz, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 ikunu ġew ssodisfati; (b) il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 3 li tiddikkjara li l-istandards u r-regoli tal-istimar użati mill-istimaturi stabbiliti fit-territorju tiegħu jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fil-Komunità. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards u r-regoli tal-istimar ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1(b). Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). 3. Abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2), tadotta miżuri implimentattivi, li jiddikjaraw li l-istandards u r-regoli tal-istimar tal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fil-Komunità. Artikolu 38 Delegazzjoni tal-kompiti depożitarji fir-rigward ta’ AIF domiċiljati f’pajjiżi terzi 1. Permezz ta’ derogazzjoni mill-Artikolu 17 (4), fir-rigward ta’ AIF domiċiljati f’pajjiż terz l-Istati Membri għandhom jippermermettu lid-depożitarju ta’ dak l-AIF appuntat skont l-Artikolu 17 jiddelega l-eżekuzzjoni ta’ waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu lil sottodepożitarju domiċiljat fl-istess pajjiż terz sakemm il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz tkun ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva u tkun infurzata effikaċement. Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati ukoll: (a) il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 4 li tiddikjara li s-sottodepożitarji domiċiljati f’dak il-pajjiż huma soġġetti għal regolazzjoni u superviżjoni prudenzjali effikaċi li jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-liġi Komunitarja; (b) il-kooperazzjoni bejn l-Istat Membru ta' domiċilju u l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz tkun garantita biżżejjed; (c) il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 4 li tiddikjara li l-istandards għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroristi jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi Komunitarja. 2. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju lejn l-investituri ma għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li dan ikun iddelega lil depożitarju ta’ pajjiż terz l-eżekuzzjoni ta’ dmirijietu kollha jew parti minnhom. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-regolazzjoni, is-superviżjoni u l-istandards prudenzjali ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). 4. Fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2), tadotta miżuri implimentattivi, li jiddikjaraw li r-regolazzjoni, is-superviżjoni u l-istandards prudenzjali ta’ pajjiż terz jkunu ekwivalenti għal din id-Direttiva. Artikolu 39 Awtorizzazzjoni ta’ AIFM stabbiliti f’pajjiżi terzi 1. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, skont din id-Direttiva, lil AIFM stabbilit f’pajjiż terz li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta’ AIF ma’ investuri professjonali fil-Komunità skont il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sakemm: (a) il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 3(a) li tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontinwa tkun ekwivalenti għad-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva u tkun infurzata effikaċement; (b) il-pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 3(b) li tiddikjara li jagħti lill-AIFM tal-Komunità aċċess effettiv għas-suq li huwa komparabbli ma’ dak mogħti mill-Komunità lil AIFM minn pajjiż terz; (c) l-AIFM jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri li fih japplika għall-awtorizzazzjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 31; (d) ikun jeżisti ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru u s-superviżur tal-AIFM li jiżgura skambju effiċjenti tal-informazzjoni kollha li tkun rilevanti għall-monitoraġġ tal-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet tal-AIFM għall-istabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistematikament u l-funzjonament regolat tas-swieq li fihom l-AIFM ikun attiv. (e) il-pajjiż terz ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li jkun jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD u jiżgura li jkun hemm skambju effikaċi ta' informazzjoni dwar l-affarijiet fiskali. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jimmiraw li jistabbilixxu: (a) kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza għall-ekwivalenza u l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz dwar ir-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontinwa, ibbażati fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli III, IV u V. (b) kriterji ġenerali għall-valutazzjoni ta’ jekk pajjiżi terzi jagħtux lill-AIFM tal-Komunità aċċess effettiv għas-suq komparabbli għal dak mogħti mill-Komunità lill-AIFM minn dawk il-pajjiżi terzi. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). 3. Fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 49(2), tadotta miżuri implimentattivi li jiddikjaraw: (a) li l-leġiżlazzjoni dwar ir-regolazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontinwa tal-AIFM f’pajjiż terz tkun ekwivalenti għal din id-Direttiva u infurzata effikaċement; (b) li pajjiż terz jagħti lill-AIFM tal-Komunità aċċess effettiv għas-suq li jkun mill-anqas komparabbli ma’ dak mogħti mill-Komunità lil AIFM minn dak il-pajjiż terz. Kapitolu VIIIAwtoritajiet kompetenti Taqsima 1: Ħatra, setgħat u proċeduri ta’ riparazzjoni ARTIKOLU 40 ĦATRA TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jeżegwixxu d-dmirijiet stipulati f’din id-Direttiva. Fejn Stat Membru jaħtar diversi awtoritajiet kompetenti dan għandu jinfurma l-Kummissjoni dwar dan, u jindika kwalunkwe taqsim tad-dmirijiet. Artikolu 41Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti 1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji u investigatorji kollha li huma neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Tali setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’kwalunkwe mill-modijiet li ġejjin: (a) direttament; (b) b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra; (c) taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delegazzjoni lill-entitajiet li ġew iddelegati kompiti; (d) permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizjarji kompetenti. 2. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom ta’ mill-anqas is-setgħat ta’ investigazzjoni li ġejjin: (a) li jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument f’kwalunkwe forma u li jirċievu kopja tiegħu; (b) li jeħtieġu informazzjoni minn kwalunkwe persuna u fejn neċessarju jħarrku u jinterrogaw persuna bl-għan li jiksbu l-informazzjoni; (c) li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post b'notifika minn qabel jew mingħajrha; (d) li jeħtieġu r-rekords tat-traffiku tat-telefown u tad-dejta. Artikolu 42Setgħat superviżorji 1. L-Istati Membri taċ-ċittadinanza għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin: (a) jimponu projbizzjoni temporanja fuq attività professjonali; (b) jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-AIFM ikompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti; (c) jirreferu kwistjonijiet għal prosekuzzjoni kriminali liġ-ġurisdizzjonijiet kompetenti. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat neċessarji biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-swieq f'dawk il-każijiet fejn l-attività ta' AIF wieħed jew aktar fis-suq għal strument finanzjarju tkun tista' tippreġudika l-funzjonament xieraq ta' dak is-suq. Artikolu 43Sanzjonijiet amministrattivi 1. Mingħajr ħsara għall-proċeduri għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li jittieħdu l-miżuri amministrattivi xierqa jew li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli fejn ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu effikaċi, proporzjonali u diswasivi. 2. L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-awtorità kompetenti tista’ tiżvela lill-pubbliku kwalunkwe miżura jew sanzjoni li għandha tiġi imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm it-tali żvelar ma jippreġudikax is-swieq finanzjarji jew jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Artikolu 44Dritt għal appell L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva tkun irraġonata sew, ikkomunikata lid-destinatarju, u tkun is-suġġett tad-dritt għal appell lill-qrati. Dak id-dritt għal appell lill-qrati għandu japplika ukoll fejn, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Taqsima 2Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti different ARTIKOLU 45 OBBLIGU TA’ KOOPERAZZJONI 1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kull meta huwa neċessarju sabiex jeżegwixxu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva jew jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva jew skont il-liġi nazzjonali. 2. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni stipulata f’din it-taqsima. 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-setgħat tagħhom għall-fini tal-kooperazzjoni, anki f’każijiet fejn il-kondotta li tkun qed tiġi investigata ma tkunx tikkostitwi ksur ta’ kwalunkwe regolament fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. 4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom immedjatament jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jeżegwixxu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva. 5. Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2), tadotta miżuri implimentattivi relatati mal-proċeduri għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 46Skambju ta’ informazzjoni relatata mal-konsegwenzi sistemiċi potenzjali tal-attività ta’ AIFM 1. L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM skont din id-Direttiva għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fejn din hija rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet ta’ AIFM individwali jew ta’ AIFM kollettivament għall-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament regolat tas-swieq li huma attivi fihom l-AIFM. Għandu jiġi infurmat ukoll il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE tat-23 ta’ Jannar 2009[25] u din l-informazzjoni għandha tintgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. 2. L-informazzjoni aggregata relatata mal-attivitajiet tal-AIFM taħt ir-responsabbiltà tagħha għandha tiġi komunikata fuq bażi trimistrali mill-awtorità kompetenti tal-AIFM lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju stabbilit bl-Artikolu 114(2) tat-Trattat KE. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw il-modalitajiet, il-kontenut u l-frekwenza tal-informazzjoni li trid tiġi skambjata skont il-paragrafu 1. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 47 Kooperazzjoni f’attivitajiet superviżorji 1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jitolbu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’attività superviżorja jew għal verifika fuq il-post jew f’investigazzjoni fit-territorju ta’ dan tal-aħħar fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva. Fejn awtorità kompetenti tirċievi talba relatata ma’ verifika fuq il-post jew investigazzjoni, din għandha teżegwixxi dak li ġej: (a) twettaq verifika jew investigazzjoni hi stess; (b) tippermetti lill-awtorità li qed tagħmel it-talba li twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni; (c) tippermetti lill-awdituri jew lill-esperti jwettqu il-verifika jew investigazzjoni. 2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(a) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun talbet il-kooperazzjoni, tista’ titlob li l-membri tal-personal tagħha jassistu lill-personal li qed jagħmel il-verifika jew l-investigazzjoni. Il-verifika jew l-investigazzjoni għandha, madankollu, tkun soġġetta għall-kontroll ġenerali tal-Istat Membru tat-territorju fejn qed issir. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(b) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed issir il-verifika jew l-investigazzjoni tista’ titlob li l-membri tal-personal tagħha jassistu lill-personal li qed jagħmel il-verifika jew l-investigazzjoni. 3. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw l-iskambju ta’ informazzjoni jew li jaġixxu fuq it-talba għall-kooperazzjoni biex isir investigazzjoni jew verifika fuq il-post biss fil-każijiet li ġejjin: (a) l-investigazzoni, il-verifika fuq il-post jew l-iskambju ta’ informazzjoni jista' jkollhom effett negattiv fuq is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubblika tal-Istat Membru indirizzat; (b) diġà jkunu inbdew proċeduri ġudizzjali fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat; (c) diġà tkun ingħatat sentenza finali fl-Istat Membru indirizzat fir-rigward tal-istess persuni u l-istess azzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rikjedenti dwar kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont l-ewwel subparagrafu, u jiddikjaraw ir-raġunijiet għal din. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi relatati mal-proċeduri għall-verifiki fuq il-post u l-investigazzjonijiet. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3). Artikolu 48Medjazzjoni 1. Il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) għandu jistabbilitxxi mekkaniżmu ta' medjazzjoni. 2. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar valutazzjoni, azzjoni jew ommissjoni ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti konċernati skont din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-CESR, fejn isseħħ diskussjoni sabiex tinstab soluzzjoni rapida u effikaċi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kif xieraq il-parir tal-CESR. Kapitolu IXDispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali Artikolu 49Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li twaqqaf il-Kumitat tat-Titoli Ewropej [Ewropew tat-Titoli][26]. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur. 3. Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha. Artikolu 50Reviżjoni Sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 54, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet ma’ awtoritajiet kompetenti, tirrevedi l-applikazzjoni u l-ambitu ta' din id-Direttiva. Din ir-reviżjoni għandha tqis kif xieraq l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u diskussjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandha wkoll tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma' proposti xierqa. Artikolu 51Dispożizzjoni tranżizzjonalii AIFM li jkun beda jopera fil-Komunità qabel [id-data tal-għeluq għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva] għandu jadotta l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonforma ma’ din id-Direttiva u għandu jissottometti applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena mill-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Artikolu 52Emendar tad-Direttiva 2004/39/KE L-inċiż li ġej qed jiżdied fl-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 2004/39/KE: "- is-servizz mhux relatat ma’ AIF fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tad-[Direttiva xx/xx/KE"]. Artikolu 53Emendar tad-Direttiva 2009/.../KE [27] Id-Direttiva 2009/XX/KE għandha tiġi emendata kif ġej: Għandu jiddaħħal l-Artikolu 50a li ġej: "Sabiex tiġi żgurata konsistenza transsettorajli u jitneħħa l-miżallinjament bejn l-interess tad-ditti li 'jirripakkjaw' is-selfiet f'titoli negozjabbli u strumenti finanzjarji oħra (oriġinaturi) u UCITS li jinvestu f'dawn it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jistipulaw ir-rekwiżiti fl-oqsma li ġejjin: (a) ir-rekwiżiti li jeħtieġu jiġu ssodisfati mill-oriġinatur sabiex UCITS tkun tista' tinvesti f'titoli jew strumenti finanzjarji oħra ta' dan it-tip maħruġa wara l-1 ta’ Jannar 2011, inkluż rekwiżiti li jiżguraw li l-oriġinatur iżomm interess ekonomiku nett ta' mhux anqas minn 5 fil-mija; (b) rekwiżiti kwalitattivi li jrid jiġu ssodisfati minn UCITS li tinvesti f'dawn it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 107(2)." Artikolu 54Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn […]. Għandhom minnifih jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Madankollu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponi il-Kapitolu VII minn tliet snin wara d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 55Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 56Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lejn l-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, F’isem il-Parlament Ewropew F’isem il-Kunsill Il-President Il-President [1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, Marzu 2009. Żur:http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/09/351&format=HTML&aged=0&language=MT&guiLanguage=en [2] Ir-Rapporti tal-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Fondi Spekulattivi u l-kapital privat (A6-0338/2008) [Rapport 'Rasmussen'] u dwar it-trasparenza tal-investituri istituzzjonali (A6-0296-2008) [Rapport 'Lehne']. [3] Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli ghas-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, il-25 ta’ Frar 2009, p. 25.Ara http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/de_larosiere_report_en.pdf [4] Id-Direttiva 2009/…/KE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni). [5] ĠU C , , p. . [6] ĠU C , , p. . [7] ĠU C , , p. . [8] ĠU C , , p. . [9] ĠU L […], […], p. […]. [10] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. [11] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. [12] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. [13] ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10. [14] ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3. [15] ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1. [16] ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1. [17] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38. [18] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29. [19] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201. [20] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1. [21] ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87. [22] ĠU L 142, 30.4.2004, p.12. [23] ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. [24] ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1. [25] ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18-22. [26] ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45. [27] ĠU L , , p. .