Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2013 /* KUMM/2009/0176 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.4.2009 KUMM(2009) 176 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2013 MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Id-Deċiżjoni 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019,[1] tistipula l-proċedura tan-nomina tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, mill-2009 ’l quddiem, żewġt ibliet ta’ żewġ Stati Membri se jkunu nnominati Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, skont min imissu, fl-ordni kronoloġika stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni. Franza u s-Slovakkja huma intitolati li jospitaw l-avveniment fl-2013. In-nomina għall-Ibliet Kapitali Ewropej tal-Kultura li tikkonċerna s-sena 2013 u s-snin ta’ wara hi sottomessa għall-proċess li ġej. Sejħa għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet se tiġi ppubblikata minn kull Stat Membru kkonċernat mhux aktar tard minn sitt snin qabel l-avveniment. Bord għall-għażla kompost minn 13-il espert indipendenti fis-settur kulturali se jiltaqa’ qabel il-laqgħa tal-għażla mhux aktar tard minn ħames snin qabel l-avveniment. Hu jivvaluta l-applikazzjonijiet li jirċievi skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1622/2006/KE u jaqbel dwar lista qasira ta’ bliet kandidati li għandhom ikomplu jitqiesu wara li titlesta l-applikazzjoni tagħhom. Kull Stat Membru kkonċernat ilaqqa’ l-bord għall-għażla finali, disa’ xhur wara l-laqgħa ta’ qabel l-għażla. Wara valutazzjoni estensiva tal-ibliet magħżula minn qabel ibbażata fuq il-kriterji stipulati għall-azzjoni, il-bord jirrikkmanda belt waħda għat-titolu f’kull Stat Membru kkonċernat. Abbażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, iż-żewġ Stati Membri jinnominaw belt kull wieħed biex kull waħda tkun Kapitali Ewropea tal-Kultura u jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni mhux aktar tard minn erba’ snin qabel ma jibda l-avveniment inkwistjoni. Il-Parlament Ewropew jista’ jressaq opinjoni lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jitwasslu n-nominazzjonijiet. Il-Kunsill, wara li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jinnomina b’mod uffiċjali lill-ibliet inkwistjoni għas-sena li għaliha ġew innominati. Wara li tlestew iż-żewġ fażijiet tal-kompetizzjoni deskritti hawn fuq, il-bord irrikkmanda li Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakkja) jospitaw l-avveniment fl-2013 fir-rapporti rispettivi tiegħu ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2008. Iż-żewġ Stati Membri nnotifikaw dawn in-nominazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni sat-tmiem l-2008. Il-Parlament Ewropew ta opinjoni favorevoli lill-Kummissarju Figel' fil-bidu ta’ Marzu 2009. Konsegwentement, il-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 9.3 tad-Deċiżjoni 1622/2006/KE qed tressaq lill-Kunsill ir-rakkomandazzjoni mehmuża għan-nomina uffiċjali ta’ Marsilja u ta’ Košice rispettivament għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2013. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2013 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2007 sal-2019[2], Wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bord tal-Għażla ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2008 rigward il-proċess ta’ għażla tal-Ibliet Kapitali Ewropej tal-Kultura fi Franza u fis-Slovakkja rispettivament u l-opinjoni maħruġa mill-Parlament Ewropew, Filwaqt li qies li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1622/2006/KE intlaħqu għal kollox, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni ta’ 2009, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakkja) huma nnominati bħala “Kapitali Ewropea tal-Kultura 2013”. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 304, 3.11.2006, p1 [2] ĠU L 304, 3.11.2006, p1.