Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni /* KUMM/2009/0150 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.3.2009 KUMM(2009) 150 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti li jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli tal-eliġġibbiltà applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa l-applikazzjoni sottomessa minn Spanja skont ir-Regolament (KE) 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu. Fuq inizzjattiva tagħha l-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza assistenza teknika skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 1927/2006. Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet huma dawn: Każ EGF/2008/004 ES/Castilla y Léon u Aragón 1. L-applikazzjoni wasslet għand il-Kummissjoni mill-awtoritajiet Spanjoli fid-29 ta’ Diċembru 2008 u b’informazzjoni addizzjonali kumplimentari li wasslet fit-8 ta’ Jannar, fis-17 u fit-23 ta’ Frar 2009. Din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u ġiet ippreżentata sal-għeluq taż-żmien ta' għaxar ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. 2. Spanja ssottomettiet din l-applikazzjoni taħt il-kriterju tal-intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament EGF, li jirrikjedi telf ta' mill-inqas 1000 impjieg fuq perjodu ta' 9 xhur f'settur NACE 2 (klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi) diviżjoni REV 2[3] f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II (nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistiċi). L-applikazzjoni turi li total ta’ telf ta’ 1,082 impjieg seħħ fi tnax-il intrapriża klassifikati fin-NACE 2 REV 2 diviżjoni 29 (‘manifattura ta’ karozzi, trejlers u semi-trejlers’) u kollha jinsabu f’żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fl-livell ta' NUTS II waqt il-perjodu ta' referenza ta’ 9 xhur (mill-31 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Ottubru 2008). 3. L-analiżi tar-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja hija bbażata fuq l-informazzjoni li ġejja. Spanja targumenta li għal disa’ mill-intrapriżi li keċċew l-impjegati, is-sensji jirriżultaw minn żieda fl-importazzjoni ta’ karozzi u tal-komponenti tagħhom fil-Komunità u tnaqqis fis-sehem fis-suq tal-Komunità fil-produzzjoni tal-karozzi. Għat-tliet intrapriżi li fadal u li taw is-sensji, li wkoll kienu affettwati mill-pożizzjoni, li kienet sejra dejjem lura, tal-produzzjoni fil-Komunità tal-karozzi fuq is-suq dinji, is-sensji huma riżultat dirett ta’ delokalizzazzjoni ta’ produzzjoni għal pajjiżi barra mill-Komunità. Lear Corporation qed iċċaqlaq il-produzzjoni tagħha minn Avila għall-Marokk, Iberian Nissan Motor minn Avila għat-Tajwan u Delphi Packard Spanja minn Zaragoza għat-Turkija. 4. L-applikazzjoni tagħmel użu mill-istatistiċi kummerċjali tal-EUROSTAT għall-Komunità ta’ 25 sabiex tispjega żieda sostanzjali (fil-valur) bejn l-2003 u l-2007 ta’ importazzjoni fil-Komunità ta’ karozzi inġenerali u karozzi li jġorru passiġġieri b’mod partikolari. Għall-karozzi l-importazzjoni żdiedet b’45 % u l-esportazzjoni b’31 %, għall-karozzi tal-passiġġieri l-importazzjoni żdiedet b’44 % u l-esportazzjoni b’22 % biss. Spanja, b’mod partikolari, li sal-2004 kienet esportatur nett ta’ karozzi u ta’ komponenti tal-karozza, saret importatur nett u din it-tendenza qed tkompli, b’defiċit kummerċjali li qed jikber kull sena. L-applikant jkompli billi jirreferi għall-istatistiċi ta’ produzzjoni tal-karozzi[4] sabiex juri tnaqqis tas-sehem fis-suq tal-Komunità bejn l-2004 u l-2007. Is-sehem fis-suq tal-Komunità ta’ 27 fil-produzzjoni dinji tal-karozzi naqas minn 28.4 % fl-2004 għal 26.9 % fl-2007. Fl-istess żmien, il-produzzjoni f’termini assoluti żdiedet b’7.5 % fil-Komunità ta’ 27, meta mqabbla mar-rata ta’ tkabbir ta’ 13.3% madwar id-dinja. Kif intwera fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni[5] fil-każijiet preċendenti tal-EGF, dan it-tnaqqis fis-sehem fis-suq tal-Komunità hu parti minn tendenza li ilha. Fl-2001 is-sehem tal-Komunità ta’ 27 fil-produzzjoni tal-karozzi madwar id-dinja kienet għada 33.7%. 5. L-impatt lokali u reġjonali huwa stipulat kif ġej fl-applikazzjoni: It-territorji milquta mis-sensji huma l-komunitajiet awtonomi ta’ Castilla y León u Aragón, u fihom il-provinċji ta’ Avila, Salamanca u Zaragoza huma l-aktar affettwati, minħabba preżenza qawwija ta’ industrija tal-manifattura tal-karozzi f’dawn l-inħawi. In-numru tal-ħaddiema fl-industrija sħiħa tal-karozzi fi Spanja naqas b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar erba’ snin. Fl-2007 biss, madwar 10,000 impjieg naqsu minn dan is-settur, u l-applikant qed jistenna li, għall-2008, dan in-numru se jkun aktar għoli. Fl-industrija tal-komponenti tal-karozzi waħidha, in-numru tal-ħaddiema naqas minn aktar minn 251,000 fl-2004 għal 245,000 fl-2007. Minħabba l-preżenza qawwija tal-industrija tal-karozza f’xi provinċji f’Castilla y León u f’Aragón, it-tnaqqis ta’ impjieg f’dan is-settur ħalla impatt sinifikanti fuq dawn il-provinċji. F’Castilla y León, in-numru ta’ ħaddiema bla xogħol li huma reġistrati żdied b’3 % minn 117,479 f’Jannar 2008 għal 121,182 f’Settembru 2008. Għal provinċja ta’ Avila li hi l-aktar affettwata mis-sensji f’din l-applikazzjoni, b’mod partikolari dawk f’Lear Corporation u f’Nissan Motor Ibérica, matul l-istess perjodu n-numru ta’ ħaddiema bla xogħol żdied bi 12% minn 7,993 għal 8,976. F’Aragón, in-numru ta’ ħaddiema bla xogħol li huma reġistrati żdied b’23 % minn 41,192 f’Jannar 2008 għal 50,818 f’Settembru 2008. Għall-provinċja ta’ Zaragoza, li hi l-aktar affettwata mis-sensji f’din l-applikazzjoni, in-numru ta’ ħaddiema bla xogħol żdied fl-istess perjodu b'26 % minn 30,446 għal 38,431. Wieħed jista’ jikkonkludi, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali. 6. Mill-1,082 ħaddiem li ngħataw is-sensja, Spanja ddeċidiet li tagħti għajnuna lil 588 ħaddiem, jiġifieri lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minn ma' Lear Corporation u Nachi industrial, li t-tnejn li huma jinsabu f’Castilla y León u minn Delphi Packard España Automotive Connections u Equipments, Auxiliar de Componentes Eléctricos li tinsab f’Aragón. L-applikant jispjega li, fir-rigward tal-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol fl-intrapriżi l-oħra f’Castilla y Léon, fejn seħħew anqas sensji, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mal-intrapriżi fuq pakkett ta’ miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol, minħabba fil-profil tagħhom, il-pridispożizzjoni tagħhom sabiex isibu xogħol ġdid jew raġunijiet oħra. Fir-rigward ta’ ħaddiema li sfaw bla xogħol fir-reġjun ta’ Aragón, l-applikant jiddikjara li l-ħaddiema bl-akbar diffikultajiet għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol se jirċievu għajnuna mill-EGF. Il-kriterji wżati għas-selezzjoni ma kinux biss il-karatteristiċi ekonomiċi taż-żona kkonċernata, iżda wkoll il-ħiliet, il-kapaċità ta’ adattament, is-sess u l-esperjenza ta’ xogħol preċedenti tal-ħaddiema kkonċernati. 7. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-applikazzjoni pprovdiet l-elementi li ġejjin: L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji taħt il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv u tat assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u ma jistgħux jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, qed jiġi propost li tiġi aċċettata l-applikazzjoni EGF/2008/004 ES/Castilla y León u Aragón sottomessa minn Spanja , relatata mas-sensji fi tnax-il intrapriża involuti fl-attivitajiet tal-manifattura fid-diviżjoni 29 tan-NACE 2 REV 2 (‘manifattura ta’ karozzi, trejlers u semi-trejlers’) f’żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fl-livell ta' NUTS II f’Castilla y León (ES41) u f’Aragón (ES24), peress li tressqet evidenza li dawn is-sensji jirriżultaw minn bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin li wasslu għal tfixkil ekonomiku serju, li affettwa x-xogħol u l-ekonomija lokali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi eliġibbli personalizzati li minnhom il-kontribuzzjoni mitluba mill-EGF hija ta' EUR 2,694,300 . Assistenza Teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[6] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi li: “Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal rata massima ta' 0.35 % tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena, l-EGF jista' jintuża biex jiffinanzja l-monitoraġġ, l-informazzjoni, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' verifiki, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex ikun implimentat dan ir-Regolament.” Il-kontribuzzjoni se tkun użata għall-infiq msemmi fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tar-Regolament (KE) 1927/2006, kif spjegat hawn taħt. 8. Tagħrif : Il-websajt tal-EGF, li l-Kummissjoni mitluba toħloq u tamministra skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) 1927/2006, se tkun aġġornata b’mod regolari u se jiżdied il-kontenut, kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi tal-Komunità kollha. Il-fajl tal-istampa se jiġi stampat, u r-rapport annwali tal-EGF se jkun prodott, tradott, stampat u distribwit. L-EGF se wkoll tkun koperta f’pubblikazzjonijiet u f’attivitajiet awdjoviżivi varji tal-Kummissjoni . Dawn l-oġġetti huma stmati li se jiġu jiswew EUR 160,000 fl-2009. 9. Għajnuna amministrattiva u teknika : Il-Grupp ta' Esperti dwar il-Persuni ta' Kuntatt tal-EGF[7], b’27 membru, wieħed minn kull Stat Membru, se jiltaqgħa darbtejn fl-2009, b'allokazzjoni baġitarja ta' EUR 35,000 għal kull laqgħa, għalhekk total ta’ EUR 70,000. Il-Kummissjoni se torganizza l-iskambju tal-aħjar prattiċi fost l-Istati Membri, b’hekk tkun qed tagħti l-opportunità lill-parteċipanti b’esperjenza tal-implimentazzjoni tal-EGF sabiex joħolqu netwerk bejniethom, u jiġu assistiti minn espert li jipprepara dokumentazzjoni u rapporti. L-attività tan-netwerking hi stmata li se tiswa EUR 160,000. 10. L-evalwazzjoni : Attivitajiet ta’ preparazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-EGF, kif imniżżla fl-Artikolu 17 paragrafu 1(a) tar-Regolament (KE) 1927/2006, se jibdew fl-2009. Wara sejħa għall-offerti, l-ewwel impenji ta' EUR 300,000 se jsiru fil-bidu tal-2009. Appropjazzjonijiet ta' pagamenti ta’ EUR 300,000 se jkunu wkoll meħtieġa għal dawn l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni. 11. Dwar monitoraġġ, verifika u kontroll : L-ebda kontribuzzjoni tal-assistenza teknika tal-EGF ma hija ppjanata għal dawn il-kategoriji fl-2009. 12. Il-limitu ta’ 0.35 % imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) 1927/2006, meta applikat għal EUR 500 miljun, jipprovdi li massimu ta’ EUR 1.75 miljun jistgħu jkunu disponibbli għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni kull sena. L-ammont ta’ EUR 690,000 li qed jiġu proposti għal mobilizzazzjoni bħala assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni fl-2009, jibqa’ taħt dan il-massimu. Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet miġjuba hawn fuq, qed jiġi propost sabiex jiġi allokat assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni għal total ta’ EUR 690,000 . Finanzjament L-ammont totali annwali disponibbli għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa ta' EUR 500 miljun. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-applikant. Abbażi tal-applikazzjoni għal għajnuna mill-Fond ippreżentati minn Spanja fejn intlaqat is-settur tal-karozzi, l-istimi totali tal-pakketti koordinati ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u l-ammont ta’ assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni huma kif ġej: (f'EUR) | Spanja/Castilla y Léon u Aragón | 2 694 300 | Għajnuna Teknika | 690 000 | Total | 3 384 300 | Fid-dawl tal-analiżi ta' dawn l-applikazzjonijiet[8], u wara li qieset l-għotja massima possibli mill-Fond stabbilita skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-iskop tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għas-somma totali ta' EUR 3,384,300 , li għandha tkun allokata skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju. Dan l-ammont ta' sostenn jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu mwarrab għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2008, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat il-Fond, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-ftehim taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat il-Fond u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' ftehim minn waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2009 approporjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[9], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [11], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-“Fond”) huwa intiż sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. (3) Spanja ssottomettiet applikazzjoni sabiex timmobilizza l-Fond, rigward sensji fis-settur tal-karozzi, fid-29 ta’ Diċembu 2008. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex tiddetermina l-kontribuzzjonijiet finanzjarji hekk kif mniżżla fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru.1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża ammont ta’ EUR 2 694 300. (4) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tuża ammont ta' EUR 690 000 mill-Fond ta’ assistenza teknika skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 1927/2006. (5) Il-Fond għalhekk għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni sottomessa minn Spanja kif ukoll sabiex jindirizza l-bżonn għal assistenza teknika, IDDEĊIDEW KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 384 300 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1 [4] Statistiċi provduti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Manifatturi tal-Karozzi. [5] SEC(2007)881 dwar l-applikazzjoni EGF/2007/02 FR/Renault u SEC(2007)882 dwar l-applikazzjoni EGF/2007/01 FR/PSA [6] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1 [7] http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/detail.cfm?ref=2100 [8] Komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar applikazzjoni sabiex timmobilizza l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni introdott minn Spanja (SEC(2009) 322) li tispjega l-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-rikjesta u Komunikazzjoni dwar assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (SEC(2008)2986). [9] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [10] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [11] ĠU C […], […], p. […]