Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan /* KUMM/2009/0123 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 11.3.2009 KUMM(2009) 123 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, meta entitajiet stabbiliti bi ftehimiet internazzjonali jissejħu sabiex jadottaw deċiżjonijiet li għandhom effetti legali ħlief għal deċiżjonijiet li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehimiet konċernati, il-pożizzjoni Komunitarja marbuta ma' dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Fid-dawl ta' dan l-obbligu, u b'segwitu ta' proposta simili biex tiġi stabbilita pożizzjoni Komunitarja fl-ICCAT (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2008 biex tiġi stabbilita pożizzjoni Komunitarja fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), Dok. 14863/08, PECH 278 RESTREINT), il-Kummissjoni Ewropea tipproponi din id-deċiżjoni, biex tiddetermina l-pożizzjoni Komunitarja fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Din il-proposta ssegwi l-istess approċċ bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-ICCAT, sabiex tiżgura konsistenza fi ħdan pożizzjonijiet Komunitarji f’diversi Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) L-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE, flimkien mal-Artikolu 32 tiegħu, jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-Politika Komuni dwar is-Sajd huwa li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd jesiġi li l-Komunità għandha tapplika l-approċċ ta’ prekawzjoni meta tieħu miżuri mfassla biex jitħarsu u jiġu kkonservati r-riżorsi akwatiċi ħajjin, biex tipprovdi għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u biex timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Jipprovdi wkoll li l-Komunità għandha timmira għal implimentazzjoni gradwali ta' approċċ ibbażat fuq ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd u tal-akwakoltura ekonomikament vijabbli u kompetittiva, li tipprovdi livell ta' għixien ġust għal dawk li jiddipendu fuq l-attivitajiet tas-sajd u li tqis l-interessi tal-konsumaturi. (2) Il-Komunità Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura. L-IOTC tista’, abbażi ta’ evidenza xjentifika, tadotta miżuri mfassla biex jitħarsu l-popolazzjonijiet ta’ stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (tonn u ħut simili) li jista’ jinqabad fl-Oċean Indjan u fl-ibħra qrib, fit-tramuntana taż-żona tal-Konverġenza tal-Antartiku f’livelli li jiżguraw is-sostenibbiltà fuq medda twila ta' dawn l-istokkijiet. (3) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjoni Komunitarja fl-entitajiet stabbiliti bi ftehimiet reġjonali dwar is-sajd li jissejħu sabiex jadottaw deċiżjonijiet li għandhom effetti legali (iżda li ma jimmodifikawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehimiet konċernati) għandhom jiġu adottati b'maġġoranza kwalifikata b'deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem il-Komunità fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan, meta dik il-Kummissjoni tissejjaħ biex tadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali, hija stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi vvalutata u fejn xieraq riveduta mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan fl-2014. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Il-pożizzjoni Komunitarja fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan 1. PRINċIPJI Fil-qafas tal-IOTC, il-Komunità Ewropea għandha: 1. taġixxi skont l-għanijiet segwiti mill-Komunità fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, notevolment permezz ta’ approċċ ta’ prekawzjoni li jipprovdi għall-isfruttar sostenibbli ta’ speċijiet regolati bl-IOTC, li jippromwovi l-implimentazzjoni gradwali ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd, u li jimminimizza l-impatt ta’ attivitajiet tas-sajd fuq ekosistemi tal-baħar, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta’ sajd Komunitarju ekonomikament vijabbli u kompetittiv, li jipprovdi livell ġust ta’ għixien għal dawk li jiddependu fuq attivitajiet tas-sajd u li jqis l-interessi tal-konsumaturi; 2. tiżgura li l-miżuri tal-IOTC huma skont l-għanijiet tal-Ftehim tal-IOTC; 3. tiżgura li l-miżuri tal-IOTC huma konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU marbut mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; 4. tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd; 5. tfittex sinerġiji mal-politika li qed issegwi l-Komunità bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politika tagħha tar-relazzjonijiet esterni; 6. tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Komunità jiġu rispettati. 2. Orjentazzjonijiet Il-Komunità Ewropea għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-IOTC tal-azzjonijiet li ġejjin: 7. miżuri stretti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għal riżorsi tas-sajd li jippermettu s-sostenibbiltà tagħhom fuq medda twila li jqisu l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għal bastimenti tas-sajd bil-purse seines li jaqbdu tonn t’għajnu kbira, tonn tal-pinen sofor u l-palamit, kif ukoll miżuri ekwivalenti għal bastimenti li jistadu bil-konz għal stokkijiet ta’ tonn jew pixxispad; 8. miżuri li jikkontrollaw l-isforz tas-sajd biex jiżguraw li huwa proporzjonat mal-oppurtunitajiet disponibbli tas-sajd; 9. miżuri li jimminimizzaw l-impatt ta’ attivitajiet tas-sajd fuq speċijiet mhux fil-mira, notevolment klieb il-baħar; 10. l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, fir-rigward fost oħrajn, miżuri tal-Istat tal-port; 11. miżuri mtejba biex jiġġieldu attivitajiet tal-IUU, partikolarment miżuri vinkolanti relatati mas-suq biex jippromwovu konformità minn dawk li mhumiex Membri; 12. l-iżvilupp ta’ approċċi komuni ma’ Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, inkużi l-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Paċifiku u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku; 13. l-immodernizzar kontinwu tal-IOTC wara l-eżaminar tal-prestazzjoni, inklużi r-riforma tagħha u l-ħolqien ta’ entità indipendenti mill-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.[pic][pic][pic]