52009PC0106(02)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni /* KUMM/2009/0106 finali - CNS 2009/0036 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.3.2009

KUMM(2009) 106 finali

2009/0036 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

I. Qafas politiku u legali

Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Pakistan kien wieħed mill-miżuri rakkomandati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-Afganistan tal-1999. Fit-18 ta’ Settembru 2000, il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali formalment awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar ir-riammissjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan. F’April 2001 il-Kummissjoni għaddiet abbozz ta’ test lill-awtoritajiet tal-Pakistan. Wara l-laqgħa Ministerjali tat-Trojka f’Islamabad fit-18 u d-19 ta’ Frar 2004 u t-twaqqif tal-konnessjoni bejn ir-riammissjoni u r-ratifika, mill-UE, tal-Ftehim tal-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, seta’ jsir l-ewwel sett ta’ negozjati formali f’Islamabad f’April 2004. Seħħew sitt settijiet formali ta’ negozjati uterjuri, l-aħħar wieħed fi Brussell fis-17 ta’ Settembru 2007.

Wara l-aħħar sett ta’ negozjati f’Settembru 2007, fejn setgħu ġew riżolti l-kwistjonijiet pendenti kollha, iż-żewġ naħat fittxew l-approvazzjoni tat-test miftiehem bejn il-kostitwenti rispettivi tagħhom. Wara proċess ta’ konsultazzjoni u approvazzjoni miż-żewġ naħat li ħa fit-tul, it-test miftiehem seta’ finalment jiġi inizjalat fid-9 ta’ Settembru 2008 fi Brussell min-Negozjatur Ewlieni tal-Kummissjoni u l-Ambaxxatur Pakistani għall-UE.

L-Istati Membri ġew regolarment informati u kkonsultati fl-istadji kollha (informali u formali) tan-negozjati tar-riammissjoni.

Min-naħa tal-Komunità, il-bażi legali għall-Ftehim hu l-Artikolu 63(3)(b), flimkien mal-Artikolu 300 TKE.

Il-proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrument legali għall-firma u l-konklużjoni tal-ftehim tar-riammissjoni. Il-Kunsill jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata. Il-Parlament Ewropew se jkollu jiġi kkonsultat formalment dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, skont l-Art. 300(3) tat-Trattat KE.

Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tistabbilixxi l-arranġamenti interni meħtieġa għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim. B’mod partikolari, tispeċifika li l-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, tirrapreżenta l-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni mwaqqaf mill-Artikolu 16 tal-Ftehim. Taħt l-Artikolu 16 (6), il-kumitat tar-riammissjoni għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Bħal fil-każ tal-bqija tal-ftehimiet dwar ir-riammissjoni li ġew konklużi mill-Komunità s’issa, il-pożizzjoni tal-Komunità f’dan ir-rigward għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali nkarigat mill-Kunsill. Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra li għandhom jittieħdu mill-Kumitat Konġunt, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat.

II. Eżitu tan-negozjati

Il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi negozjati magħha nkisbu u li l-abbozz tal-Ftehim dwar ir-Riammissjoni hu aċċettabbli għall-Komunità.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

- Il-Ftehim hu maqsum f’7 taqsimiet b’total ta’ 21 artikolu. Fih ukoll 6 Annessi, li jifformaw parti integrali minnu, u 10 stqarrijiet konġunti.

- L-obbligi tar-riammissjoni stabbiliti fil-Ftehim (Artikoli 2 u 3) huma mfassla b’mod totalment reċiproku, li jinkludu ċittadini tal-pajjiż stess (Artikolu 2) kif ukoll ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat (Artikolu 3).

- L-obbligu li jiġu riammessi ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat (Artikolu 3) hu konness mal-prerekwiżiti li ġejjin: (a) il-persuna kkonċernata jkollha, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riammissjoni, viża valida jew awtorizzazzjoni tar-residenza maħruġa mill-Istat mitlub jew (b) il-persuna kkonċernata tkun daħlet mingħajr permess fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba mit-territorju tal-Istat mitlub. Il-persuni fi tranżitu bl-ajru u l-persuni kollha li għalihom l-Istat li jkun qed jagħmel it-talba jkun ta aċċess mingħajr viża jew ikun ħareġ viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza b’perjodu ta’ validità itwal, huma eżentati minn dawn l-obbligi.

- Talli l-Pakistan qabel mal-obbligu msemmi dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat (Artikolu 3), il-Komunità Ewropea qablet li l-ftehim, bla ħsara għall-obbligi tal-Partijiet taħt il-liġi tal-użanza internazzjonali li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom, għandu japplika biss għal persuni li daħlu fit-territorji tal-Partijiet wara d-dħul fis-seħħ tiegħu (Artikolu 20(3)).

- Taqsima II tal-Ftehim (Artikoli 4 sa 10 flimkien mal-Annessi 1 sa 5) fiha d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa dwar il-proċedura tar-riammissjoni (applikazzjoni tar-riammissjoni, mezzi ta’ provi, limiti taż-żmien, modalitajiet tat-trasferiment u metodi tat-trasport) u 'riammissjoni bi żball' (Artikolu 10). Qed tiġi provduta ċertu flessibiltà proċedurali bil-fatt li l-ebda applikazzjoni għar-riammissjoni m’hi meħtieġa f’każijiet fejn il-persuna li għandha tiġi riammessa jkollha fil-pussess tagħha passaport nazzjonali validu u, jekk il-persuna tkun ċittadina ta’ pajjiż terz, ikollha viża valisa jew awtorizzazzjoni tar-residenza mill-Istat li għandu jagħmel ir-riammissjoni (Artikolu 4(2)).

- Il-Ftehim fih taqsima dwar l-operazzjonijiet tat-tranżitu (Artikoli 11 u 12 flimkien mal-Anness 6).

- L-Artikoli 13, 14 u 15 fihom ir-regoli meħtieġa dwar l-ispejjeż, il-protezzjoni tad-dejta u r-rabta ma’ obbligi oħra internazzjonali.

- Il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni se jkun kompost, u se jkollu x-xogħolijiet u l-poteri, kif stabbiliti fl-Artikolu 16.

- Sabiex il-Ftehim jiddaħħal fis-seħħ, l-Artikolu 17 joħloq il-possibiltà għall-Pakistan u l-Istati Membri individwali li jikkonkludu Protokolli tal-implimentazzjoni bilaterali. Ir-relazzjoni bejn il-Protokolli tal-implimentazzjoni bilaterali u dan il-Ftehim hi ċċarata bl-Artikolu 18.

- Id-dispożizzjonijiet finali (Art. 19 sa 21) fihom ir-regoli meħtieġa dwar id-dħul fis-seħħ, it-tul taż-żmien, l-emendi possibbli, it-terminazzjoni u l-istat legali tal-Anness mal-ftehim.

- Is-sitwazzjoni speċifika tad-Danimarka hi riflessa fil-preambolu, l-Artikolu 1(a), l-Artikolu 19(2) u f’dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni viċina tan-Norveġja u l-Iżlanda għall-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis Schengen hi bl-istess mod riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim.

III. Konklużjonijiet

Fid-dawl tar-riżultati msemmija, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

- jiddeċiedi li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem il-Komunità u tawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar il-persuna(i) li huma awtorizzati li jiffirmaw f'isem il-Komunità;

- japprova, wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim anness bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 63, paragrafu 3 (b), flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300 (2) (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

BILLI:

1. Bid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2000, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni.

2. In-negozjati għall-Ftehim seħħew bejn April 2004 u Settembru 2007.

3. Soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data fil-futur, il-Ftehim inizjalat fi Brussell fid-9 ta’ Settembru 2008 għandu jiġi ffirmat.

4. Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit wera x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

5. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fil-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu waħdieni

Soġġett għal konklużjoni possibbli f’data iżjed tard, il-President tal-Kunsill hawnhekk hu awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jistgħu jiffirmaw, f'isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni.

Magħmul fi Brussell, il

Għall-Kunsill

Il-President

2009/0036 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 63, paragrafu 3 (b), flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300 (2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300 (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3]

BILLI:

6. F'isem il-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mal-Pakistan dwar ir-riammissjoni;

7. Dan il-Ftehim ġie ffirmat, f'isem il-Komunità Ewropea, fil- …….2009 soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data fil-futur, skont id-Deċiżjoni……../……/KE tal-Kunsill ta’ [………….]

8. Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat.

9. Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li jista’ jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Hu xieraq li tiġi provduta proċedura simplifikata għat-twaqqif tal-pożizzjoni tal-Komunità f’dan il-każ.

10. Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit wera x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

11. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fil-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar ir-riammissjoni qed jiġi hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-ftehim hu anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika provduta fl-Artikolu 20 tal-paragrafu 2 tal-Ftehim [4].

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri mistiedna fuq talba tal-Kummissjoni, għandha tirrapreżenta l-Komunità fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni stabbilit bl-Artikolu 16 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tagħhom kif meħtieġ taħt l-Artikolu 16 (6) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell, il-

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

FTEHIM bejn il- Komunità Ewropea u r- Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”, u

IR-REPUBBLIKA IŻLAMIKA TAL-PAKISTAN, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Pakistan”,

minn hawn 'il quddiem msejħa wkoll individwalment bħala “Parti” u b’mod kollettiv bħala “il-Partijiet”,

Xewqana li jsaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom sabiex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali b’mod effettiv;

Xewqana li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq il-bażi tar-reċiproċità, proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sigur u bl-ordni ta’ persuni li ma jkunux, jew ma jkunux għadhom, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul, biex ikunu preżenti, jew biex jirrisjedu fit-territorji tal-Pakistan jew f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ dawn il-persuni fi spirtu ta’ kooperazzjoni;

B'enfasi li dan il-Ftehim għandu jkun bla ħsara għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Pakistan taħt il-Liġi Internazzjonali;

B'kunsiderazzjoni li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-atti kollha adottati fuq il-bażi ta’ dak it-Titolu, ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

a) “Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minbarra r-Renju tad-Danimarka;

b) “Ċittadin ta' Stat Membru” għandha tfisser kull persuna li għandha n-nazzjonalità, kif imfissra għall-finijiet tal-Komunità, ta' Stat Membru;

c) “Ċittadin tal-Pakistan” għandha tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Pakistan;

d) “Ċittadin ta' pajjiż terz” għandha tfisser kull persuna li għandha ċittadinanza oħra minbarra dik tal-Pakistan jew ta’ wieħed mill-Istati Membri;

e) “Persuna mingħajr stat” għandha tfisser kull persuna li m’għandhiex ċittadinanza;

f) “Awtorizzazzjoni għar-residenza” għandha tfisser permess ta' kull tip maħruġ mill- Pakistan jew minn wieħed mill-Istati Membri li jagħti permess lill-persuna biex tirresjedi fit-territorju tiegħu;

g) “Viża” għandha tfisser l-awtorizzazzjoni maħruġa jew id-deċiżjoni meħuda mill-Pakistan jew minn wieħed mill-Istati Membri li tippermetti d-dħul ta' persuna fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minn ġo fih Din m'għandhiex tinkludi viża għal tranżitu minn ajruport;

h) “Stat li jagħmel it-Talba” għandha tfisser l-Istat (il-Pakistan jew wieħed mill-Istati Membri), li jissottometti applikazzjoni għar-riammissjoni skont l-Artikoli 2 jew 3 jew applikazzjoni ta’ tranżitu skont l-Artikolu 12;

i) “Stat Mitlub” għandha tfisser l-Istat (il-Pakistan jew wieħed mill-Istati Membri) li fih tiġi sottomessa applikazzjoni għar-riammissjoni skont l-Artikoli 2 u 3 jew applikazzjoni ta’ tranżitu skont l-Artikolu 12.

TAQSIMA I – OBBLIGI TAR-RIAMMISSJONI

ARTIKOLU 2

Riammissjoni taċ-ċittadini

(1) Wara li ċ-ċittadinanza tkun ġiet pruvata skont l-Artikolu 6 wara li ssir applikazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba, l-Istat Mitlub għandu jagħmel riammissjoni taċ-ċittadini tiegħu li ma jissodisfawx, jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul, biex ikunu preżenti, jew biex jirrisjedu fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba.

(2) L-Istat Mitlub għandu, skont il-ħtieġa u mingħajr dewmien, joħroġ lill-persuna li fil-konfront tagħha ir-riammissjoni tkun ġiet aċċettata, id-dokument tal-ivjaġġar meħtieġ għar-riammissjoni tagħha, li għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jiġu trasferiti fil-perjodu tal-validità tad-dokument tal-ivjaġġar, l-Istat Mitlub għandu joħroġ dokument tal-ivjaġġar ġdid mal-istess perjodu tal-validità fi żmien 14-il jum.

ARTIKOLU 3

Riammissjoni ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr Stat

(1) L-Istat Mitlub għandu jagħmel riammissjoni, meta ssir applikazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba u mingħajr iżjed formalitajiet minbarra dawk provduti f’dan il-Ftehim, għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, biex ikunu preżenti, jew biex jirrisjedu fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba, sakemm dawn il-persuni

a) ikollhom, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-riammissjoni, viża valida jew awtorizzazzjoni tar-residenza maħruġa mill-Istat Mitlub; jew

b) Daħlu fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba b'mod irregolari u jkunu ġejjin direttament mit-territorju tal-Istat Mitlub. Persuni tiġi direttament mit-territorju tal-Istat Mitlub fi ħdan it-tifsira tas-subparagrafu jekk hu jew hi waslu fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba, jew, fejn l-Istat Mitlub huwa l-Pakistan, fit-territorju tal-Istati Membri, bl-ajru jew bil-baħar mingħajr ma jkunu daħlu f'pajjiżi oħra f'dan it-traġitt.

(2) L-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 m’għandux japplika jekk

a) iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kienu biss fi tranżitu bl-ajru permezz tal-ajruport Internazzjonali tal-Istat Mitlub; jew

b) l-Istat li jagħmel it-talba jkun ħareġ liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat, viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza qabel jew wara li jkunu daħlu fit-territorju tiegħu sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex fil-pussess tagħha viża jew permess ta’ residenza, maħruġa mill-Istat Mitlub, li għandhom perjodu ta’ validità itwal.

(3) Jekk l-Istat Mitlub ikun Stat Membru, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li ħareġ il-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza. Jekk żewġ Stati Membri jew iżjed ikunu ħarġu viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li ħareġ id-dokument b’perjodu ta’ validità itwal jew, jekk wieħed jew iżjed minnhom ikunu diġà skadew, jekk id-dokument ikun għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġà skadew, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument bl-iżjed data tal-iskadenza riċenti.

(4) L-Istat Mitlub għandu, skont kif meħtieġ u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument tal-ivjaġġar meħtieġ għar-ritorn tagħha lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċetatta, liema dokument għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fil-perjodu tal-validità tad-dokument tal-ivjaġġar, l-Istat Mitlub għandu joħroġ dokument tal-ivjaġġar ġdid fl-istess perjodu tal-validità fi żmien 14-il jum kalendarju.

TAQSIMA II. PROĊEDURA TA' RIAMMISSJONI

ARTIKOLU 4

Prinċipji

(1) Soġġett għal paragrafu 2, kull trasferiment ta’ persuna li għandha tiġi riammessa fuq il-bażi tal-obbligi li hemm fl-Artikoli 2 u 3 għandha titlob is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riammissjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub.

(2) Bla ħsara għall-Artikoli 2 (1) u 3 (1), l-ebda applikazzjoni għar-riammissjoni mhi meħtieġa meta l-persuna li għandha tiġi riammessa jkollha fil-pussess tagħha dokument tal-ivjaġġar validu u, fejn applikabbli, viża valida jew awtorizzazzjoni tar-residenza tal-Istat Mitlub.

(3) L-ebda persuna m’għandha tiġi riammessa biss fuq il-bażi tal-provi prima facie taċ-ċittadinanza.

ARTIKOLU 5

Applikazzjoni tar-Riammissjoni

(1) L-applikazzjoni tar-riammissjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

a) id-dettalji tal-persuna li għandha tiġi riammessa (eż. l-isem, kunjom, data tat-twelid, post tat-twelid, u l-aħħar post ta’ residenza);

b) indikazzjoni tal-mezzi għall-provi taċ-ċittadinanza, tranżitu, il-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr Stat u d-dħul u r-residenza illegali.

(2) L-applikazzjoni għar-riammissjoni, safejn possibbli, għandu jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

a) dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li trid tiġi riammessa jista’ jkollha bżonn l-għajnuna jew il-kura, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għad-dikjarazzjoni;

a) kull miżura oħra tal-protezzjoni jew is-sigurtà li tista’ tkun meħtieġa fil-każ tair-riammissjoni individwali.

(3) Formula komuni li għandha tintuża għall-applikazzjoni għar-riammissjoni qed tiġi hawnhekk mehmuża mal-Anness 5 ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 6

Mezzi ta’ provi dwar iċ-ċittadinanza

(1) Il-provi taċ-ċittadinanza ma jistgħux jingħataw permezz ta’ dokumenti foloz.

(2) Il-provi taċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 2 (1) jistgħu jingħataw permezz ta’ xi wieħed mid-dokumenti mniżżla fl-Anness 1 ma’ dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu tal-validità tagħhom ikun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu preżentati, l-Istati Mitluba u li jagħmlu t-Talba għandhom reċiproċikament jirrikonoxxu ċ-ċittadinanza mingħajr bżonn ta’ iżjed investigazzjoni.

(3) Il-provi taċ-ċittadinanza, kif meħtieġa taħt l-Artikolu 2 (1), jistgħu jingħataw ukoll permezz ta’ xi wieħed mid-dokumenti mniżżla fl-Anness 2 ma’ dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu tal-validità jkun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu preżentati, l-Istat Mitlub għandu jibda l-proċess biex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata.

(4) Jekk l-ebda mid-dokumenti mniżżla fl-Annessi 1 jew 2 ma jistgħu jiġu preżentati, l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba u r-rappreżentant diplomatiku jew konsulari għandhom, meta jiġu mitluba, jagħmlu arranġamenti sabiex tiġi intervistata l-persuna li għaliha l-applikazzjoni għar-riammissjoni ġiet sottomessa, u mingħajr dewmien żejjed.

ARTIKOLU 7

Mezzi ta’ provi dwar ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat

(1) Il-provi tal-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat stabbiliti fl-Artikolu 3 (1) għandhom b’mod partikolari jingħataw permezz tal-mezzi tal-provi mniżżla fl-Anness 3 ma’ dan il-Ftehim; ma jistgħux jiġu provduti permezz ta’ dokumenti foloz. Il-provi ta’ din ix-xorta għandhom ikunu bbażati fuq elementi li huma reċiproċikament rikonoxxuti mill-Istati Mitluba u l-Istati li jagħmlu t-Talba.

(2) Il-provi tal-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat stabbiliti fl-Artikolu 3 (1) jistgħu jingħataw ukoll permezz tal-provi mniżżla fl-Anness 4 ma’ dan il-Ftehim. Meta jiġu preżentati dawn il-mezzi tal-provi, l-Istat Mitlub iqishom xierqa biex tinbeda investigazzjoni.

(3) L-istat tal-illegalità tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza għandu jiġi stabbilit permezz tad-dokumenti tal-ivjaġġar tal-persuna kkonċernata li fihom ikun hemm nieqsa l-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza meħtieġa għat-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba. Dikjarazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba li l-persuna kkonċernata tkun instabet li m’għandhiex id-dokumenti tal-ivjaġġar, il-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza meħtieġa, tista’ tipprovdi provi prima facie tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza illegali.

ARTIKOLU 8

Limiti taż-żmien

(1) L-applikazzjoni għar-riammissjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub fi żmien massimu ta’ sena wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba tkun saret taf li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ma tissodisfax, jew m’għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza. Meta jkun hemm ostakli legali jew fattwali biex l-applikazzjoni tiġi sottomessa fiż-żmien, il-limitu taż-żmien għandu, meta mitlub, jiġi estiż iżda biss sakemm l-ostakli ma jkunux għadhom jeżistu.

(2) Għandha tingħata applikazzjoni għar-riammissjoni mingħajr dewmien żejjed, u f’kull każ fi żmien massimu ta’ 30 jum kalendarju; għandhom jingħataw raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni għar-riammissjoni. Dan il-limitu taż-żmien jibda mid-data tal-irċevuta tal-applikazzjoni tar-riammissjoni. Meta jkun hemm ostakli legali jew fattwali biex ir-risposta għall-applikazzjoni ssir fiż-żmien, il-limitu taż-żmien jista’, fuq talba u raġunijiet mogħtija, jiġi estiż sa 60 jum kalendarju, minbarra jekk il-perjodu massimu taż-żamma fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat li jagħmel it-Talba jkun inqas minn, jew daqs 60 jum. Jekk ma kienx hemm risposta fiż-żmien limitat, għandu jitiqies li kien hemm qbil dwar it-trasferiment.

(3) Wara li jkun sar il-ftehim, jew fejn xieraq, mal-iskadenza tal-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-persuna kkonċernata għandha tiġi trasferita fi żmien tliet xhur. Meta ssir talba, dan il-limitu taż-żmien jista’ jiġi estiż biż-żmien li jkun ittieħed minħabba l-ostakli legali jew prattiċi.

ARTIKOLU 9

Modalitajiet tat-trasferiment u mezzi ta’ trasport

Qabel ma jirritornaw persuna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u l-Istat Membru kkonċernat, għandu jagħmlu l-arranġamenti bil-miktub bil-quddiem, dwar id-data tat-trasferiment, il-punt tal-qsim tal-fruntieri, l-iskorti possibbli u l-mezzi tat-trasport.

ARTIKOLU 10

Riammissjoni bi żball

Il-Pakistan għandu jieħu lura mingħajr dewmien kwalunkwe persuna riammessa minn stat membru, u Stat Membru għandu jieħu lura mingħajr dewmien persuna riammessa mill-Pakistan, jekk ikun stabbilit fi żmien tliet xhur wara t-trasferiment tal-persuna kkonċernata li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' dan il-ftehim ma jkunux ġew issodisfati. F'każi bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u tal-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll jiskambja kull informazzjoni disponibbli dwar l-identità fattwali, iċ-ċittadinanza jew ir-rotta ta' tranżitu tal-persuna li se tkun tintbagħat lura.

TAQSIMA III –OPERAZZJONIJIET TAT-TRANŻITU

ARTIKOLU 11

Prinċipji

(1) L-Istat Mitlub jista’ jippermetti t-tranżitu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr stat meta dan iċ-ċittadin jew persuna ma jistgħux jiġu rritornati fl-Istat tad-destinazzjoni direttament wara li jkun sodisfatt, fuq il-bażi ta’ provi bil-miktub, li l-Istat destinatarju obbliga ruħu li jagħmel riammissjoni taċ-ċittadin jew tal-persuna skont x’ikun il-każ.

(2) L-Istat Mitlub jista’ jirrevoka l-kunsens tiegħu jekk il-vjaġġ fi Stati tat-tranżitu possibbli jew ir-riammissjoni mill-Istat destinatarju ma jkunx għadu jista' jiġi żgurat. F’dawn il-każijiet, l-Istat li jagħmel it-Talba għandu jieħu lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat bl-ispejjeż għalih.

ARTIKOLU 12

Proċedura tat-tranżitu

(1) L-applikazzjoni għal operazzjonijiet tat-tranżitu għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti bil-miktub u għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

a) tip ta’ tranżitu, Stati oħra tat-tranżitu possibbli u d-destinazzjoni finali;

b) id-dettalji tal-persuna kkonċernata (eż. isem, kunjom, data tat-twelid u – fejn ikun possibbli – post tat-twelid, ċittadinanza, tip u numru ta’ dokument tal-ivjaġġar);

c) il-post tal-qsim tal-fruntieri, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibbli tal-iskorti previsti;Formula komuni li tista’ tintuża għal applikazzjonijiet tat-tranżitu ġiet mehmuża bħala Anness 6 ma’ dan il-Ftehim.

(2) L-Istat Mitlub għandu, fi żmien il-14 jum kalendarju u bil-miktub, jinforma lill-Istat li jagħmel it-Talba bid-deċiżjoni tiegħu, u jekk se jippermetti li jsir it-tranżitu, irid jikkonferma l-post tal-qsim tal-fruntieri u ż-żmien tat-tranżitu previst.

(3) Jekk l-operazzjoni tat-tranżitu ssir bl-ajru, il-persuna li tkun qed tivjaġġa u l-iskorti possibbli għandhom ikunu eżentati milli jiksbu viża tat-tranżitu tal-ajruport.

(4) L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Mitlub għandhom, soġġetti għal konsultazzjonijiet reċiproċi, jappoġġjaw l-operazzjonijiet tat-tranżitu, b’mod partikolari permezz tas-sorveljanza tal-persuni inkwistjoni u l-provvista ta’ kumditajiet xierqa għal dak l-iskop, skont il-liġijiet u r-regoli tiegħu.

TAQSIMA IV – SPEJJEŻ

ARTIKOLU 13

Spejjeż tat-trasport u tat-tranżitu

Bla ħsara għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmlu t-talba li jirkupraw l-ispejjeż assoċjati mar-riammissjoni mill-persuna li trid tiġi riammessa jew minn terzi partijiet, l-ispejjeż kollha tat-trasport li jsiru b’rabta mar-riammissjoni u l-operazzjonijiet tat-tranżitu skont dan il-Ftehim sal-fruntiera tal-Istat tad-destinazzjoni finali għandhom jitħallsu mill-Istat li jagħmel it-Talba. F’każ ta’ riammissjoni bi żball (Artikolu 10), dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-Istat li għandu jieħu lura l-persuna kkonċernata.

TAQSIMA V – PROTEZZJONI TAD-DEJTA

U KONSISTENZA MA’ OBBLIGI LEGALI OĦRA

ARTIKOLU 14

Dejta personali

(1) L-ipproċessar tad-dejta personali għandu jseħħ biss jekk dan l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u l-Istati Membri.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

Meta l-kontrollur ikun l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, dan l-ipproċessar għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u tal-leġislazzjoni nazzjonali adottata taħt din id-Direttiva, inklużi r-regoli dwar it-trasferiment tad-dejta personali lil terzi pajjiżi.

(2) Barra minn dan, l-ipproċessar tad-dejta personali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-komunikat tad-dejta personali mill-Pakistan lil Stat Membru u viċi versa, għandu jkun soġġett għal dawn il-prinċipji li ġejjin:

(a) id-dejta personali għandha tiġi proċessata b’mod ġust u skont il-liġi;

(b) id-dejta personali għandha tinġabar għall-għan speċifiku, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix iżjed proċessata la mill-awtorità li tikkomunika u lanqas mill-awtorità li tirċievi b'mod li ma jkunx jaqbel ma' dan il-għan;

(c) id-dejta personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva meta mqabbla mal-għan li għalih tinġabar u/jew tkompli tiġi proċessata; b'mod partikolari, id-dejta personali komunikata tista' tikkonċerna biss dan li ġej:

- id-dettalji tal-persuna li għandha tiġi trasferita (eż. l-isem, il-kunjom, ismijiet, laqmijiet jew psewdonomi li kellha qabel, is-sess, iċ-ċittadinanza preżenti u li kellha qabel);

- il-passaport jew il-karta tal-identità (in-numru, il-perjodu tal-validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ);

- il-postijiet ta’ waqfien temporanji u l-itinerarji;

- informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati r-rekwiżiti għar-riammissjoni skont dan il-Ftehim

(d) id-dejta personali għandha tkun preċiża u, fejn meħtieġ, għandha tinżamm aġġornata;

(e) id-dejta personali għandha tinżamm f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-dejta għal mhux iżjed milli meħtieġ għall-għan li għalih tkun inġabret id-dejta jew li għalih id-dejta tkun qed tkompli tiġi proċessata;

(f) kemm l-awtorità li tikkomunika u kemm l-awtorità li tkun qed tirċievi għandhom jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex jassiguraw kif ikun xieraq ir-rettifikazzjoni, it-tħassir jew l-ibblukkar tad-dejta personali fejn l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari minħabba li d-dejta ma tkunx dik xierqa, rilevanti, preċiża, jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta' kwalunkwe rettifikazzjoni, tħassir jew ibblukkar għall-Parti l-oħra;

(g) meta ssir talba, l-awtorità li tirċievi għandha tinforma lill-awtorità li tikkomunika bl-użu tad-dejta komunikata u bir-riżultati miksuba minnhom;

(h) id-dejta personali tista’ tiġi komunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni ulterjuri ma’ korpi oħra tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-awtorità tal-komunikazzjoni.

(i) l-awtoritajiet li jikkomunikaw u li jirċievu huma obbligati li jagħmlu reġistrazzjoni bil-miktub tal-komunikazzjoni u l-irċevuta tad-dejta personali

ARTIKOLU 15

Konsistenza ma’ Obbligi Legali oħra

(1) Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Komunità, l-Istati Membri u l-Pakistan li joħorġu mil-Liġi Internazzjonali, u t-Trattati Internazzjonali li tagħhom huma Partijiet.

(2) Xejn minn dan il-Ftehim m'għandu jwaqqaf ir-ritorn ta' persuna taħt arranġementi bilaterali oħra.

(3) Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għar-rimedji u d-drittijiet disponibbli lill-persuna kkonċernata taħt il-liġijiet tal-pajjiż ospiti inkluża l-Liġi Internazzjonali.

TAQSIMA VI – IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

ARTIKOLU 16

Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni

(1) Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, għandhom iwaqqfu Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) li b’mod partikolari, ikollu l-kompitu li:

a) Iwettaq monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

b) jiddeċiedi dwar arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-eżekuzzjoni uniformi tiegħu, inklużi emendi għall-Annessi 3 u 4;

c) jara li jkun hemm bdil ta’ informazzjoni regolari dwar il-Protokolli tal-implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri individwali u l-Pakistan skont l-Artikolu 17;

d) jipproponi emendi għal dan il-Ftehim u l-Annessi 1 sa 2;

(2) Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jittieħdu b’unanimità u jiġu implimentati kif dovut.

(3) Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Pakistan; il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Komunità Ewropea, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri.

(4) Il-Kumitat għandu jiltaqa’ meta meħtieġ, fuq talba ta’ wieħed mill-Partijiet, normalment fuq bażi annwali.

(5) Tilwimiet li ma jistgħux jiġu riżolti mill-Kumitat għandhom jissolvew permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

(6) Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċeduri tiegħu, fosthom li jistabbilixxi lingwa tal-ħidma komuni għaż-żewġ Partijiet.

ARTIKOLU 17

Protokolli tal-Implimentazzjoni

(1) Il-Pakistan u Stat Membru jistgħu joħolqu Protokoll tal-implimentazzjoni li għandu jkun fih regoli dwar

a) il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti, il-postijiet tal-qsim tal-fruntieri u l-kambju tal-punti tal-kuntatt;

b) il-kundizzjonijiet għal ritorn bl-iskorta, inklużi t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat taħt skorta;

c) mezzi u dokumenti minbarra dawk imniżżla fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-Ftehim.

(2) Il-Protokolli tal-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 se jidħlu fis-seħħ biss wara li l-Kumitat (Artikolu 16) ikun ġie nnotifikat.

ARTIKOLU 18

Relazzjoni ma' ftehimiet jew arranġamenti bilaterali dwar riammissjoni ta' Stati Membri

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni li ġew jew li setgħu ġew, taħt l-Artikolu 17, konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Pakistan, fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar huma inkompatibbli ma’ dawk ta’ dan l-Arranġament.

TAQSIMA VII – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 19

Applikazzjoni territorjali

(1) Soġġett għal paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih hu applikabbli t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-territorju tal-Pakistan.

(2) Dan il-Ftehim m’għandux japplika fit-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

ARTIKOLU 20

Dħul fis-seħħ, Tul taż-żmien u Terminazzjoni

(1) Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

(2) Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’paragrafu 1 ikunu tlestew.

(3) Bla ħsara għall-obbligi eżistenti tal-Partijiet taħt il-liġi tal-użanza internazzjonali li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom, dan il-Ftehim, u l-Protokolli tal-Implimentazzjoni, għandhom japplikaw għal persuni li jkunu daħlu fit-territorji tal-Pakistan u l-Istati Membri wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4) Kull Parti tista tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien billi uffiċjalment tinnotifika lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim m’għandux jibqa’ japplika sitt xhur wara d-data tan-notifika tiegħu.

ARTIKOLU 21

Annessi Annessi 1 sa 6 għandhom jifformaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

Magħmul f’ ………fil- ………data ta’ ………fis-sena…………f’duplikazzjoni fil-lingwi li ġejjin: Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwanjan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, u Żvediż.

Għar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan Għall-Komunità Ewropea

(…..) (…..)

Anness 1

LISTA KOMUNI TA' DOKUMENTI LI META JIĠU PPREŻENTATI JITQIESU BĦALA PROVA TAĊ-ĊITTADINANZA (ARTIKOLI 2 (1) FLIMKIEN MAL-ARTIKOLU 6 (2))

- PASSAPORTI ġENWINI TA’ KULL GħAMLA (PASSAPORTI NAZZJONALI, PASSAPORTI DIPLOMATIċI, PASSAPORTI TAS-SERVIZZ, PASSAPORTI KOLLETTIVI U PASSAPORTI ALTERNATTIVI INKLUżI PASSAPORTI TAT-TFAL);

- Karti tal-identità nazzjonali kompjuterizzati

- Ċertifikati taċ-ċittadinanza ġenwini.

Anness 2

LISTA TA' DOKUMENTI LI META JIĠU PPREŻENTATI GĦANDHOM JIBDEW IL-PROĊESS BIEX TIĠI STABBILITA Ċ-ĊITTADINANZA (ARTIKOLI 2 (1) FLIMKIEN MAL- ARTIKOLU 6 (3))

- Marki tas-swaba’ diġitali jew dejta oħra bijometrika;

- karti tal-identità nazzjonali temporanji u provviżorji, karti tal-identità militari u ċertifikati tat-twelid maħruġa mill-Gvern tal-Parti Mitluba;

- Fotokopji* ta’ xi wieħed mid-dokumenti mniżżel fl-Anness 1 ma’ dan il-Ftehim;

- liċenzji tas-sewqan jew fotokopji* tagħhom;

- fotokopji* ta’ dokumenti uffiċjali oħra li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza (eż. ċertifikati tat-twelid);

- kards tas-servizz, kards tar-reġistrazzjoni tal-baħħara, kards tas-servizz tal-kaptani jew fotokopji* tagħhom;

- dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata;

* Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, it-terminu “fotokopji” għandu jfisser fotokopji uffiċjalment awtentikati mill-awtoritajiet tal-Pakistan jew l-Istati Membri.

Anness 3

LISTA KOMUNI TA' DOKUMENTI LI GħANDHOM JIġU KKUNSIDRATI BħALA PROVA TAL-KUNDIZZJONIJIET GħAR-RIAMMISSJONI TA' ċITTADINI TA' PAJJIżI TERZI U PERSUNI MINGħAJR STAT (ARTIKOLU 3 (1) FLIMKIEN MAL-ARTIKOLU 7 (1))

- timbri/ marki tal-aċċettazzjonijiet tad-dħul u/jew tal-ħruġ fid-dokument tal-ivjaġġar tal-persuna kkonċernata;

- viża valida u/jew awtorizzazzjoni tar-residenza maħruġa mill-Istat Mitlub.

Anness 4

LISTA KOMUNI TA' DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU KKUNSIDRATI BĦALA PROVA BIEX JINBDEW L-INVESTIGAZZJONIJIET GĦAR-RIAMMISSJONI TA' ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI U PERSUNI MINGĦAJR STAT (ARTIKOLU 3 FLIMKIEN MAL-ARTIKOLU 7 (2))

- DIKJARAZZJONIJIET UFFIċJALI MAGħMULA, B’MOD PARTIKOLARI, MILL-PERSUNAL TAL-AWTORITÀ TAL-FRUNTIERA JEW XHIEDA OħRA UFFIċJALI JEW BONA FIDE (Eż. PERSUNAL TAL-LINJA TAL-AJRU) LI JISTGħU JIXHDU FIL-KONFRONT TAL-PERSUNA KKONċERNATA LI TKUN QED TAQSAM IL-FRUNTIERA;

- deskrizzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba, tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom il-persuna kkonċernata ġiet interċettata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-istat li jagħmel it-talba;

- informazzjoni relatata mal-identità u/jew iż-żamma tal-persuna li tiġi provduta mill-Organizzazzjoni Internazzjonali (eż. UNHCR);

- rapporti/konfermi tal-informazzjoni minn membri tal-familja;

- dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata;

- biljetti bl-ismijiet kif ukoll ċertifikati u kontijiet ta’ kull xorta (eż. kontijiet tal-lukanda, biljetti tal-appuntamenti għal tobba/dentisti, kards tad-dħul għal istituzzjonijiet pubbliċi/privati, eċċ.) li juru biċ-ċar li l-persuna kkonċernata kienet fit-territorju tal-Istat Mitlub;

- biljetti bl-ismijiet u/jew listi tal-passiġġieri tal-ajru jew tal-passaġġi bil-baħar li juru l-itinerarju fit-territorju tal-Istat Mitlub;

- informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi ta’ kurrier jew aġenzija tal-ivjaġġar.

Anness 5

[Emblema tal-Pakistan]

……………………………………… ………………………………………

……………………………………… (Post u data)

(Kariga tal-awtorità li tagħmel it-talba)

Referenza: …………………………………

Lil

………………………………………

………………………………………

………………………………………

(Kariga tal-awtorità mitluba)

APPLIKAZZJONI GĦAR-RIAMMISSJONI

Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ( data u firma) bejn Il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

A. DETTALJI PERSONALI

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom):

……………………………………………………….

2. Kunjom ta' xebba:

……………………………………………………….

3. Data u post tat-twelid:

……………………………………………………….

4. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.):

……………………………………………………………………………………………………….

5. Magħruf/a wkoll bħala (ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li bihom magħrufa jew psewdonimi):

……………………………………………………………………………………………………….

6. Ċittadinanza u lingwa:

……………………………………………………………………………………………………….

7. Stat ċivili: miżżeweġ/a mhux miżżewwġ/a divorzjat/a armel/armla

jekk miżżewweġ/a: Isem tal-konjuġi …………………………………………………..…..…

Ismijiet u età tat-tfal (jekk hemm) …………………………………………………..…….

………………………………...……………...………..

………………………………………..………………..

……………………………………………………..…..

8. L-aħħar indirizz fil-

(a) Parti li Titlob:

(b) Parti Mitluba:

………………………………………………………………………………………………………………..

B. ĊIRKOSTANZI SPEĊJALI RELATATI MA’ MIN QED JIĠI TRASFERIT

1. Stat ta’ saħħa

(e.g. referenza possibbli għal xi kura medika speċjali; isem Latin ta’ mard li jittieħed):

……………………………………………………………………………………………………….

2. Indikazzjoni ta’ persuna partikolarment perikoluża

(e.g. suspettata b’reat serju; imġiba aggressiva):

……………………………………………………………………………………………………….

C. MEZZI TA’ PROVI MEHMUŻA

1. ……………………………………………… ………………………………………………

(Nru tal-Passaport) (data u post tal-ħruġ)

……………………………………………… ………………………………………………

(Awtorità tal-ħruġ) (data tal-iskadenza)

2. ……………………………………………… ………………………………………………

(Nru. tal-Karta tal-Identità) (data u post tal-ħruġ)

……………………………………………… ………………………………………………

(Awtorità tal-ħruġ) (data tal-iskadenza)

3. ……………………………………………… ………………………………………………

( Ċertifikat tat-Twelid) (data u post tal-ħruġ)

……………………………………………… ………………………………………………

(Awtorità tal-ħruġ) (data tal-iskadenza)

4. ……………………………………………… ………………………………………………

(Nru. ta’ dokument ieħor uffiċjali) (data u post tal-ħruġ)

……………………………………………… ………………………………………………

(Awtorità tal-ħruġ) (data tal-iskadenza)

D. KUMMENTI

…………………………………………………………………………………………………………………

…………………………………………………………………………………………………………………

…………………………………………………………………………………………………………………

………………………………………..

(Firma) (Siġill/timbru)

Anness 6

[Emblema tal-Pakistan]

……………………………………… ………………………………………

……………………………………… (Post u data)

(Kariga tal-awtorità li tagħmel it-talba)

Referenza: …………………………………

Lil

………………………………………

………………………………………

………………………………………

(Kariga tal-awtorità mitluba)

APPLIKAZZJONI TA’ TRANŻITU

Skont l-Artikoli 11-12 tal-Ftehim ( data u firma) bejn

Il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan

dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

A. DETTALJI PERSONALI

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom):

……………………………………………………….

2. Kunjom ta' xebba:

……………………………………………………….

3. Data u post tat-twelid:

……………………………………………………….

4. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.):

……………………………………………………………………………………………………….

5. Magħruf/a wkoll bħala (ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li bihom magħrufa jew psewdonimi):

……………………………………………………………………………………………………….

6. Ċittadinanza u lingwa:

……………………………………………………………………………………………………….

7. Tip u numru tad-dokument tal-ivjaġġar:

……………………………………………………………………………………………………….

B. OPERAZZJONI TAT-TRANŻITU

1. Tip ta’ tranżitu

bl-ajru bil-baħar bl-art

2. Stat tad-destinazzjoni finali

……………………………………………………………………………………………………….

3. Stati oħra tat-tranżitu possibbli

……………………………………………………………………………………………………….

4. Post tal-qsim tal-fruntieri propost, data, ħin tat-trasferimenti u skorti possibbli

……………………………………………………………………………………………………….

……………………………………………………………………………………………………….

……………………………………………………………………………………………………….

5. Ammissjoni assigurata f’pajjiż ieħor ta’ tranżitu u fl-Istat tad-destinazzjoni finali

iva le

C. KUMMENTI

…………………………………………………………………………………………………………………

…………………………………………………………………………………………………………………

…………………………………………………………………………………………………………………

………………………………………..

(Firma) (Siġill/timbru)

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 1(f)

Għall-finijiet tal-Artikolu 1(f), il-Partijiet jaqblu li l-awtorizzazzjoni tar-residenza m’għandhiex tinkludi permessi temporanji biex persuna tibqa’ fit-territorji tagħhom b’rabta mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil jew applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tar-residenza.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 2(1)

Il-Partijiet jieħdu nota, skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Pakistana preżenti, 1951, u r-Regoli magħmula taħtu, li ċittadin tal-Pakistan ma jistax jirrinunzja ċ-ċittadinanza mingħajr ma jkun akkwista jew mingħajr ma jkun ingħata dokument validu li jassigura l-għoti taċ-ċittadinanza ta’ Stat ieħor.

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw flimkien jekk u meta jkun hemm bżonn.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 3

Fir-rigward tal-Artikolu 3, il-Partijiet se jagħmlu ħilithom sabiex jirritornaw, bħala prinċipju, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, biex ikun preżenti, jew biex jirrisjedi fit-territorju ta’ kull Parti, lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 3 (1) (b)

Il-Partijiet jaqblu li waqfiet bl-ajruplan in tranżitu f’pajjiż terz m’għandhomx jitqiesu li jammontaw għal ‘dħul f’pajjiż ieħor sadanittant’ skont it-tifsir ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 8(2)

Il-Partijiet jaqblu li fir-rigward tal-applikazzjonijiet tal-ammissjoni bil-ġdid sottomessi mill-Istati Membri li l-perjodi tad-detenzjoni massima tagħhom fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom hi inqas minn, jew ugwali għal 30 jum, il-limitu taż-żmien ta’ 30 jum kalendari msemmi fl-Artikolu 8(2) jinkludi, fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-applikazzjoni tar-riammissjoni, il-ħruġ tad-dokument tal-ivjaġġar meħtieġ għar-riammissjoni tiegħu jew tagħha fir-rigward tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim.

Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan dwar il-Migrazzjoni Legali

Sabiex jissalvagwardjaw l-interess tal-Pakistan li jibbenefika mill-opportunitajiet għall-migrazzjoni legali eżistenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Partijiet qablu li l-applikazzjoni tal-Ftehim tar-Riammissjoni KE – Pakistan se jkun strumentali sabiex l-Istati Membri jiġu nkoraġġuti joffru opportunitajiet tal-migrazzjoni legali liċ-ċittadini Pakistani. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-Istati Membri sabiex jidħlu f’diskussjonijiet mal-Pakistan, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, dwar il-possibiltajiet tal-migrazzjoni legali taċ-ċittadini Pakistani.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Assistenza Teknika

Il-Partijiet huma impenjati li jimplimentaw dan il-Ftehim fuq il-bażi tar-responsabbiltà maqsuma u sħubija bbilanċjata fi spirtu ta’ solidarjetà dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-UE u l-Pakistan.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea se tappoġġja lil Pakistan, permezz ta’ programmi tal-assistenza fil-Komunità, notevolment il-Programm Aeneas, fil-implimentazzjoni tal-komponenti kollha ta’ dan il-Ftehim, inkluż appoġġ indirizzat għas-sistemazzjoni mill-ġdid u l-benessri tal-persuni riammessi.

Dan l-appoġġ jista’ bħala prinċipju jrawwem il-konnessjonijiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-migrazzjoni ekonomika legali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali, il-protezzjoni tal-migranti mill-esplojtazzjoni u l-esklużjoni.

Dikjarazzjoni Konġunta li tikkonċerna d-Danimarka

Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim ma japplikax la għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka, u lanqas għaċ-ċittadini tar-Renju tad-Danimarka. F'dawn iċ-ċirkostanzi hu xieraq li l-Pakistan u d-Danimarka jikkonkludu ftehim dwar ir-riammissjoni fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

Dikjarazzjoni Konġunta li tikkonċerna l-Iżlanda u n-Norveġja

Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-viċin li teżisti bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen. F'dawn iċ-ċirkostanzi hu xieraq li l-Pakistan jikkonkludi l-ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Iżlanda u n-Norveġja fuq l-istess termini ta' dan il-Ftehim.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar Djalogu Komprensiv dwar il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni

Il-Partijiet huma impenjati sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu komprensiv dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-qafas tal-Kummissjoni Konġunta li għandha tiġi stabbilita taħt il-KE – Ftehim ta’ Kooperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni tal-Pakistan. Dan id-djalogu se jinkludi l-proċeduri tal-viża, bit-tir li jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn in-nies.

[1] ĠU C

[2] ĠU C

[3]

[4] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Ir-Riammissjoni se tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Ritratt

Ritratt