52009PC0092

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou /* KUMM/2009/0092 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24/02/2009

KUMM(2009) 92 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fil-15 ta’ Settembru 2008 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou. Din id-deċiżjoni kienet ittieħded b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kolp ta’ Stat li seħħ fil-Mawritanja fis-6 ta’ Awwissu 2008 kkostitwixxa ksur partikolarment serju u evidenti tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim (ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u l-Istat ta’ dritt) u kas urġenti partikolari skont l-Artikolu 96(2)(b). Saret laqgħa taħt dawn il-konsultazzjonijiet f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2008 bejn n-naħa Ewropea, rappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u n-naħa tal-AKP, li inkludiet rappreżenta nti tal-gvern stabbilit b'mod illegali mill-ġunta militari fil-poter fil-Mawritanja.

Matul il-laqgħa l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tinnota proposti sodisfaċenti min-naħa tal-Mawritanja. Il-proposti u l-impenji tal-Mawritanja ma inkludux ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tal-President leġittimu, u baqgħu fil-qafas fundamentalment mhux kostituzzjonali u illeġittimu mingħajr perspettivi ta' ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali fi żmien qasir.

Fi spirtu miftuħ għad-djalogu u f'għarfien sħiħ tal-kumplessità tas-sitwazzjoni politika fil-Mawritanja, l-Unjoni xtaqet tibqa' attenta għall-iżviluppi possibbli pożittivi fuq il-bażi ta' soluzzjoni li hi konformi mat-talbiet tal-komunità internazzjonali u pproponiet lill-Mawritanja biex tħalli l-konsultazzjonijiet miftuħa matul perjodu ta' xahar filwaqt li tistenna li din tippreżenta soluzzjoni potenzjalment sodisfaċenti.

Minn dakinhar l'hawn, l-Unjoni Ewropea, f'konsultazzjoni regolari mal-komunità internazzjonali u b'mod partikolari mal-Unjoni Afrikana, ma setgħetx tinnota progress pożittiv fil-Mawritanja. Fl-10 ta' Novembru 2008 saret laqgħa f'Addis-Abeba bejn l-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika, l-Organizzazzjoni tal-Frankofonija u l-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti għal-laqgħa ħarġu komunikazzjoni li ġiet approvata mill-membri permanenti u l-membri Afrikani tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minbarra ċ-Ċina, li ma kinitx rappreżentata) u tennew, fost oħrajn, " l-appell urġenti tagħhom lill-awtoritajiet li oriġinaw mill-Kolp ta' Stat sabiex jikkooperaw bis-sħiħ mal-UA u l-organizzazzjonijiet oħrajn reġjonali u internazzjonali kkunċernati fir-riċerka għal soluzzjoni politika kunsenswali għall-kriżi attwali, bbażata fuq il-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tal-President Sidi Ould Cheikh Abdallahi u fuq il-kontribuzzjoni inerenti fl-istatus tiegħu ta' President elett b'mod leġittimu għad-definizzjoni tas-soluzzjoni tal-kriżi, l - implikazzjoni tal-atturi kollha kkunċernati, ir- rispett tal-Kostituzzjoni Mawritanja u tal-liġi internazzjonali" .

Matul il-laqgħa msemmija hawn fuq, il-parteċipanti kienu infurmati bi proposta ta' soluzzjoni għall-kriżi proposta mill-awtoritajiet de facto fil-poter fil-Mawritanja. Din il-proposta, ibbażata fuq il-ħelsien eventwali tal-President leġittimu bħala " eks-President " u " Kap tal-Istat preċedenti " u, taħt il-protezzjoni u l-kontroll tal-ġunta u l-gvern illeġittimu attwali , u li tikonsisti fi proċess ta' konsultazzjoni nazzjonali maħsub biex jiddefinixxi pjan ta' direzzjoni u d-dettalji ta' bidla maħsuba għall-elezzjonijiet presidenzjali ġodda, ma tikkorrispondix għat-talbiet tal-komunità internazzjonali minħabba li hi tibqa' b'mod ċar barra mill-ordni kostituzzjonali, ma tipproponiex l-ebda kariga għall-President leġittimu, issostni l-poter illeġittimu li oriġina mill-kolp ta' Stat u ma toffriex perspettivi ta' ritorn rapidu għall-ordni kostituzzjonali. L-aċċetazzjoni ta' tali proposta tikkorrispondi għar-rikonoxximent ta' kolp ta' Stat bħala metodu ta' bidla fil-poter li hija aċċetabbli fuq livell internazzjoni.

L-istess organizzazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, li ltaqgħu għal darb' oħra f'Addis-Abeba fil-21 ta' Novembru 2008 wara l-iskadenza taż-żmien ta' riflessjoni mogħti lill-Mawritanja fil-qafas tal-konsultazzjonijiet tal-Artikolu 96 ta' Cotonou, ikkonfermaw ir-rifjut tagħhom tal-proposti ta' soluzzjoni tal-kriżi tal-ġunta. Fil-Komunikazzjoni finali ta' din il-laqgħa, b'assoċjazzjoni mal-Membri permanenti tal-Kunsill ta' Sigurtà, li din id-darba kien jinkludi ċ-Ċina, u l-Membri mhux permanenti Afrikani, l-imsieħba :

1. innutaw li l-ġunta ma ppreżentat l-ebda element ġdid mill-aħħar laqgħa tal-10 ta' Novembru.

2. ikkonfermaw għal darb' oħra l-elementi, diġà preżenti fil-Komunikazzjoni tal-10 ta' Novembru dwar il-kundizzjonijiet tas-soluzzjoni tal-kriżi.

3. indikaw li s-soluzzjoni tal-kriżi setgħet tinkludi l-possibbiltà li jsiru l-elezzjonijiet fuq il-bażi tar-rispett tal-elementi indikati fl-10 ta' Novembru.

4. sostnu l-"possibbiltà" ta' riferiment lill-KSNU " jekk l-isforzi jfallu".

5. ikkonfermaw għal darb' oħra li l-organizzazzjonijiet ser jaslu għall-konklużjonijiet ta' dan l-intop u "meta jkun il-waqt" ser jieħdu l-miżuri xierqa, inkluż miżuri individwali.

6. iddeċidew li jibagħtu delegazzjoni tal-imsieħba fuq il-post sabiex jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom u jikkunsidraw soluzzjoni kunsenswali għaż-żewġ naħat.

Il-President Sidi Ould Cheick Abdallahi, li kien miżmum f'villa mis-6 ta' Awissu 2008, ġie trasferut fit-13 ta' Novembru fil-villaġġ fejn twieled (Lemden), li jinsab 250 km fin-Nofsinhar ta' Nouakchott. Hu seta' jilqa' żjarat u jiltaqa' mal-ġurnalisti taħt sorveljanza militari. Madankollu, kull kopertura mill-midja ta' diskors għall-festa tal-Indipendenza fit-28 ta' Novembru kienet ipprojbita. Fis-sebħ tal-21 ta' Diċembru, il-President kien meħud, kontra r-rieda tiegħu, f'Nouakchott u meħlus fir-residenza privata tiegħu. Hu minnufih mar lura bil-mezzi tiegħu stess f'Lemden sabiex jikkunsidra għal ritorn skont il-kalendarju proprju tiegħu. Il-passaport tiegħu ġie rtirat. Il-ħelsien progressiv tal-President Abdallahi għad ma kellux bħala riżultat il-konsultazzjonijiet dwar is-soluzzjoni kunsenswali tal-kriżi. Sfortunatament il-ġunta militari ma setgħetx, jew ma riditx, terġa' tikkapitalizza fuq din l-opportunità u baqgħet, bl-appoġġ tal-maġġoranza tal-parlamentari u s-senaturi, issaħħaħ il-poter tagħha billi tillimita u trażżan il-movimenti tal-protesta.

Waqt il-missjoni tagħhom fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2008 taħt il-protezzjoni tal-Unjoni Afrikana, l-"imsieħba internazzjonali" kisbu wegħda mill-Ġeneral Abdel Aziz tal-ħelsien mingħajr kundizzjoni tal-President leġittimu, u minkejja li l-ħelsien sar, l-imsieħba nnutaw ukoll li l-Ġeneral ma kienx lest li jaċċetta l-elementi ewlenin l-oħra tas-soluzzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-President Abdallahi ma xtaqx jinnegozja soluzzjoni qabel it-tluq tal-ġunta u l-istabbiliment mill-ġdid proprju tiegħu fil-poter. F'laqgħa ġdida tal-"imsieħba" fi Brussell fit-12 ta' Diċembru 2008, huma nnutaw l-intop u li l-ħelsien ser ikun l-ewwel pass pożittiv u kkonfermaw il-ħtieġa ta' miżuri xierqa jekk ma jkunx irreġistrat progress pożittiv. Il-President Abdallahi, li ġie meħlus b'mod formali, baqa' fil-villaġġ ta' oriġini tiegħu u ma jipparteċipax b'mod attiv fil-ħajja politika tal-pajjiż iżda jsejjaħ għad-drittijiet u l-funzjonijiet sħaħ tiegħu bħala president leġittimu wieħed.

L-Istati Ġenerali tad-Demokrazija, organizzati mil-ġunta, saru mis-26 ta' Diċembru 2008 sas-6 ta' Jannar 2009 flimkien mal-parteċipazzjoni ta' maġġoranza eletta, l-iktar dawk "indipendenti" favur il-kolp, u numru kbir ta' organizzazzjonijiet. Minkejja li kienu kemxejn konfużi, huma rreġistraw l-interventi ta' numru kbir ta' parteċipanti. Ir-rakkomandazzjoni prinċipali ta' dan il-forum hi l-elezzjoni presidenzjali li ser issir fit-30 ta' Mejju li ġej. Fir-rigward ta' kandidatura eventwali tal-militari fil-poter, il-konklużjonijiet ta' dawn il-konsultazzjonijiet jinkludu ċerti argumenti favur u kontra, iżda jirriżulta li b'mod globali, il-Ġeneral Aziz kellu l-appoġġ tal-maġġoranza u ma kienx hemm dubju dwar l-eġibbiltà tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali, jekk hu jċedi l-istatus militari tiegħu.

Il-Koordinazzjoni tal-Forzi tad-Difiża tad-Demokrazija (KFDD) li tinkorpora tlettax-il partit membru tal-Front Nazzjonali tad-Difiża tad-Demokrazija (militanti għall-falliment tal-kolp ta' Stat), sitt sindakati u tletin organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili żammet id-deċiżjoni tagħha ta' bojkott tal-Istati Ġenerali. Ahmed Ould Daddah u l-partit tiegħu, l-RFD, li inizjalment ipparteċipaw għall-Istati Ġenerali, ikkritikaw l-organizzazzjoni ħażina u l-konfużjoni tal-laqgħat u ddisoċjaw ruħhom mill-konklużjonijiet li pjuttost jirriflettu dak li ġie akkwistat mill-kolp u mhux soluzzjoni kunsenswali għal ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali.

L-Istati Ġenerali għalhekk ma ħarġux b'soluzzjoni kunsenswali u ma rċevux l-appoġġ politiku tal-partiti importanti bħal l-"oppożizzjoni" tal-RFD jew, naturalment, ta' dawk li jsostnu l-President leġittimu. Huma pjuttost jirriflettu l-opinjoni tad-deputati u senaturi indipendenti mmexxija mir-rivoluzzjonisti u l-massa tas-soltu li jfaħħru l-poter. Is-soluzzjonijiet proposti mill-Istati Ġenerali jirrappreżentaw essenzjalment appoġġ għall-kolp biex isir leġittimu. Is-soluzzjonijiet mhumiex differenti sostanzjalment minn dawk irrifjutati mill-Unjoni Afrikana u l-imsieħba internazzjonali u, preċedentement, mill-Unjoni Ewropea fil-laqgħa ta' konsultazzjoni tal-Artikolu 96 f'Pariġi f'Ottubru. L-Unjoni Afrikana, flogħla livell, stabbilixxit id-data tal-għeluq tal-5 ta' Frar qabel ma timponi sanzjonijiet jekk ir-ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali ma jerġax ikun stabbilit.

Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet u l-analiżi ta' hawn fuq, l-Unjoni tista' biss tesprimi id-diżaprovazzjoni tagħha u ma tistax issostni l-inizjattivi tar-reġim militari tal-Mawritanja. Għalhekk għandha twaqqaf il-konsultazzjonijiet formali miftuħa fil-qafas tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou. L-Unjoni ser tibqa' tosserva l-avvenimenti fil-Mawritanja bit-tama li s-sitwazzjoni titjieb.

Sabiex iżidu l-possibbiltà ta' ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali u d-demokratiku, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-qafas tal-kompetenzi differenti tagħhom, għandhom jieħdu sensiela ta' miżuri xierqa li jinkludu, min-naħa, sanzjonijiet individwali maħsuba għall-atturi tal-kolp ta' Istat, il-kollaboraturi l-iktar qrib u l-familji tagħhom, u min-naħa oħra, sanzjonijiet ta' natura ekonomika li jnaqqsu b'mod drastiku l-ammont tal-għajnuna direttament mogħtija lill-gvern, kif ukoll lill-aġenziji u s-soċjetajiet tal-Istat jew mmexxija minn dawn l-istess entitajiet.

Il-miżuri restrittivi tal-kooperazzjoni, deskritti fid-dettal fl-ittra annessa mad-Deċiżjoni, m'għandhomx jaffettwaw l-għajnuna umanitarja, l-appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet u għas-soċejtà ċivili b'kunsiderazzjoni tal-problemi ewlenin bħas-sigurtà tal-ikel, ir-ritorn tar-refuġjati, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, il-promozzjoni tal-kultura demokratika kif ukoll il-preparazzjoni meħtieġa għall-irkupru eventwali gradwali tal-kooperazzjoni meta jkun il-waqt.

Il-ġejjieni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd attwali ser ikun eventwallment ikkunsidrat fid-dawl tal-implimentazzjoni mill-Mawritanja tal-komponent ta' appoġġ settorjali, tal-prijoritajiet kummerċjali tal-flotta Ewropea, tal-istat tar-riżorsi u tas-sitwazzjoni politika u ekonomika tal-pajjiż.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u b’konformità mal-Artikoli 9 u 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u biex jadotta d-deċiżjoni mehmuża.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Cotonou"), kif emendat mill-ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[2] u b'mod speċjali l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou[3], u b'mod speċjali l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, imsemmija fl-Artikolu 9 tiegħu kienu miksura;

(2) Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, bdew konsultazzjonijiet fl-20 ta' Ottubru 2008 mal-pajjiżi tal-AKP u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja fejn ir-rappreżentanti tal-ġunta militari fil-poter ma ppreżentawx proposti u impenji sodisfaċenti. Minkejja żmien adizzjonali ta' xahar, ebda element ġdid ma kien innutat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-konsultazzjonijiet li bdew mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou huma konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri stipulati fl-ittra li tinsab fl-Anness huma adottati bħala miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Cotonou.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Il-validità tagħha hi ta’ erbgħa u għoxrin xahar li jibdew jingħaddu mid-data tal-adozzjoni mill-Kunsill. Hi ser terġa tkun eżaminata b'mod regolari tal-anqas kull 6 xhur fuq il-bażi tal-missjonijiet ta' sorveljanza konġunta tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Abbozz ta’ ittra

Sur Ġeneral,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou. Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-Istat tad-dritt, li fuqhom hi bbażata l-Isħubija tal-AKP-UE, jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim imsemmi u, konsegwentement, il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Għalhekk, wara l-kolp ta' Istat militari tas-6 ta' Awwissu 2008, l-Unjoni Ewropea kkundanat minnufih il-kolp u, f'bosta okkażjonijiet, sejħet għar-rispett tad-demokrazija u l-qafas istituzzjonali legali stabbilit mill-2007 u talbet għall-ħelsien u r-ritorn tal-funzjonijiet tal-President elett b'mod leġittimu.

Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, u b'kunsiderazzjoni li l-kolp ta' Stat jikkostitwixxi ksur serju tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha fi djalogu politiku mar-reġim attwali li wassal għall-ftuħ ta' konsultazzjonijiet sabiex tkun eżaminata s-sitwazzjoni kif ukoll is-soluzzjonijiet possibbli għal ritorn rapidu tal-ordni kostituzzjonali.

Wara l-laqgħa ta' ftuħ ta' dawn il-konsultazzjonijiet li seħħet f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2008, l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tinnota proposti sodisfaċenti mill-Mawritanja. Fi spirtu ta' fetħa għad-djalogu u f'konoxxenza sħiħa tal-kumplessità tas-sitwazzjoni politika tal-Mawritanja, l-Unjoni Ewropea proponiet li l-konsultazzjonijiet jibqgħu miftuħa matul perjodu ta' xahar u indikat li l-preżentazzjoni tal-Mawritanja ta' soluzzjoni sodisfaċenti tista' tippermetti laqgħa ta' konsultazzjoni oħra. Hi infurmat ukoll lill-AKP u lill-Mawritanja li fin-nuqqas ta' elementi ġodda f'dak iż-żmien ta' xahar, il-konsultazzjonijiet ser jingħalqu u ser ikunu deċiżi miżuri xierqa.

Għall-okkażżjoni ta' laqgħa f'Addis-Abeba mmexxija mill-Unjoni Afrikana fl-10 ta' Novembru 2008, l-Unjoni Ewropea, bħal l-ħames organizzazzjonijiet internazzjonali ppreżentati, kienet infurmata bi proposti ta' soluzzjoni li kienu trasmessi diversi ġranet qabel lill-Unjoni Afrikana mill-ġunta tal-Mawritanja. Dawn il-proposti, qrib ħafna ta' dawk ippreżentati fil-laqgħa ta' konsultazzjoni tal-20 ta' Ottubru, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala sodisfaċenti. Fil-fatt, il-proposti ma inkludewx il-ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tal-President leġittimu, u baqgħu fil-qafas fundamentalment mhux kostituzzjonali u illeġittimu mingħajr perspettivi ta' ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali fil-futur immedjat. Wara din il-laqgħa tal-10 ta' Novembru, is-sitt organizzazzjonijiet reġjonali ħarġu komunikazzjoni fejn fakkru, fost affarijiet oħra, l-elementi essenzjali ta' soluzzjoni politika kunsenswali għal din il-kriżi:

- il-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tal-President Sidi Ould Cheikh Abdallahi;

- Il-kontribuzzjoni inerenti fl-istatus tiegħu ta' President elett b'mod leġittimu, għad-definizzjoni tas-soluzzjoni tal-kriżi;

- l-implikazzjoni tal-atturi kollha kkonċernati;

- ir-rispett tal-Kostituzzjoni tal-Mawritanja u tal-liġi internazzjonali.

L-istess organizzazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, iltaqgħu għal darb' oħra f'Addis-Abeba fil-21 ta' Novembru 2008 wara l-iskadenza taż-żmien ta' riflessjoni mogħti lill-Mawritanja fil-qafas tal-konsultazzjonijiet tal-Artikolu 96 ta' Cotonou, ikkonfermaw ir-rifjut tagħhom tal-proposti ta' soluzzjoni tal-kriżi tal-ġunta. Fil-Komunikazzjoni finali ta' din il-laqgħa, b'assoċjazzjoni mal-Membri permanenti u l-Membri mhux permanenti Afrikani tal-Kunsill ta' Sigurtà tal-ONU, l-imsieħba:

(1) innutaw li l-ġunta ma ġabet l-ebda element ġdid mill-aħħar laqgħa tal-10 ta' Novembru.

(2) ikkonfermaw għal darb' oħra l-elementi, diġà preżenti fil-Komunikazzjoni tal-10 ta' Novembru dwar il-kundizzjonijiet tas-soluzzjoni tal-kriżi.

(3) indikaw li s-soluzzjoni tal-kriżi setgħet tinkludu l-possibbiltà li l-elezzjonijiet isiru fuq il-bażi tar-rispett tal-elementi indikati fl-10 ta' Novembru.

(4) sostnu l-"possibbiltà" ta' riferiment lill-KSNU " jekk l-isforzi jfallu".

(5) ikkonfermaw għal darb' oħra li l-organizzazzjonijiet ser jaslu għall-konklużjonijiet ta' dan l-intop u ser jieħdu l-miżuri xierqa, inkluż miżuri individwali "meta jkun il-waqt".

Kuntatti u missjonijiet oħrajn maħsuba biex isibu soluzzjoni konformi mar-rispett tal-obbligi u l-impenji nazzjonali u internazzjonali tal-Mawritanja sfortunatament ma kisbux riżultati, anke jekk inħeles il-President leġittimu, li kien wieħed mill-elementi fundamentali msemmija aktar 'il fuq.

Fuq il-bażi ta' dak li għadu kif intqal, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li twaqqaf il-perjodu ta' konsultazzjonijiet u ddeċidiet li twaqqaf il-miżuri xierqa li ġejjin skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou:

- B'addizzjoni mas-sanzjonijiet individwali li għandhom jittieħdu minn kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea maħsuba għall-atturi tal-kolp ta' Stat u l-kollaboraturi l-iktar qrib tagħhom, ser jittieħdu sanzjonijiet ta' natura ekonomika sabiex jitnaqqas b'mod drastiku l-ammont tal-għajnuna tal-Komunità mogħtija direttament lill-gvern, aġenziji u soċjetajiet tal-Istat. Dawn il-miżuri restrittivi tal-kooperazzjoni mhux ser jaffettwaw l-għajnuna umanitarja, lanqas l-appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet u s-soċjetà civili tal-Mawritanja.

- Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li terġa tieħu minnufih id-dmirijiet ta' Uffiċjal Nazzjonali li jawtorizza tal-FEŻ.

- Safejn is-sorveljanza tal-iżviluppi u d-deċiżjonijiet tal-politiki settorjali implimentati mill-awtoritajiet fil-poter, de facto iżda mhux de iure , jaffettwaw il-kooperazzjoni li qiegħda ghaddejja bħalissa, u fit-tama ta' rkupru eventwali tal-kooperazzjoni wara soluzzjoni tal-kriżi aċċetabbli mill-Komunità internazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni ser jibqgħu jipparteċipaw għad-djalogu politiku u settorjali fil-Mawritanja, immexxi fuq livell tekniku, mingħajr ma dan id-djalogu jkun jista' jiġi kkunsidrat bħala rikonoxxenza tal-legalità tal-poter stabbilit wara l-kolp tal-Istat tas-6 ta' Awwissu 2008.

- Il-ħlasijiet relatati mal-kuntratti li huma diġà ghaddejjin ser ikunu onorati skont id-deċiżjonijiet ta' finanzjament rilevanti. Dan jinkludi dawn il-proġetti:

- It-toroq Rosso – Boghé et Kaedi – Gouaraye kif ukoll l-għajnuna teknika għal Ministeru tat-Trasport.

- Il-Proġett "Rijabilitazzjoni tal-Oażi ta' Adrar" (l-għeluq tal-impenji li għaddejjin bħalissa).

- Il-Proġett "Ilma tat-tama (l-għeluq tal-proġett).

- Faċilità tal-Ilma: kontinwazzjoni ta' tliet kuntratti li għaddejjin bħalissa.

- Programm ta' appoġġ lill-Uffiċjal Nazzjonali li jawtorizza: miżuri meħtieġa għall-għeluq tal-programm.

- Programm Reġjonali Solari: kontinwazzjoni tal-kuntratti li għaddejjin bħalissa fil-Mawritanja.

- Programm ta' appoġġ għas-Soċjetà ċivili. Kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-gvernanza fil-qafas ta' sejħiet għall-proposti mmexxija b'mod dirett mill-Kummissjoni Ewropea.

- Programm ta' appoġġ għall-istabbiliment nazzjonali tal-manteniment tat-toroq (ENER): Kontinwazzjoni limitata għall-impenji kuntrattwali li għaddejjin bħalissa.

- Kuntratt ta' għotja fil-qafas tal-pakkett B reġjonali għall-rijabilitazzjoni ta' żoni mgħargħra fiż-żona tax-Xmara tas-Senegal.

- Apoġġ lill-awtoritajiet lokali (mhux EDF): Proġett ta' titjib tal-ġestjoni komunali tal-ilma ta' Nouakchott u l-Isħubija għall-appoġġ għas-sistema tal-iskola tal-Muniċipalità ta' Boustilla.

- Kuntratti ġodda jistgħu jkunu ffirmati, f'konformità mal-konvenzjonijiet tal-finanzjament, għall-programmi li ġejjin:

- Tnedija ta' sejħiet lokali għall-proposti fil-qasam "Atturi mhux Statali u Demokrazija u drittijiet tal-bniedem (mhux EDF). Is-sejħiet għall-proposti favur l-awtoritajiet lokali ser jibqgħu sospiżi.

- L-implimentazzjoni tal-Proġett ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni dwar il-fondi reġjonali AKP 9 EDF.

- Klawsola addizzjonali għall-"proġett ta' sanità ta' Zazou" (mhux EDF, kofinanzjament għall-NGOs).

- L-implimentazzjoni tal-proġett "Appoġġ għar-ritorn tar-refuġjati" f'koordinazzjoni u armonizzazzjoni mal-appoġġ li għaddej bħalissa tas-Servizz ta' Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea (ECHO), min-naħa, li l-kundizzjonijiet fil-Mawritanja permezz tal-implimentazzjoni u, min-naħa oħra, ir-rispett tal-kundizzjonijiet kuntrattwali previsti.

- Proġetti ġodda jistgħu jkunu evalwati fl-oqsma li ġejjin:

- Fil-qafas tar-rispons għall-kriżi tal-ikel propost permezz tal-mobilizzazzjoni tal-pakkett B reġjonali tal-10 EDF, intervent mmirat lejn il-popolazzjoni jista' jkun ipprogramat għall-ammont ta' 2.08M€ li jrid ikun eżegwit minn organizzazzjoni internazzjonali u/jew NGO, mingħajr ma l-attività tinkludi appoġġi diretti għall-amministrazzjoni jew għall-Istat jew l-aġenziji tiegħu.

- l-Ipprogrammar tal-pakkett allokat lill-Mawritanja fil-qafas tal-"Faċilità tal-Ikel" ġdida u tal-linja tematika "Sigurtà tal-Ikel", permezz tal-proġetti ta' appoġġ għall-agrikultura li jistgħu jkunu implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew organizzazzjonijiet mhux governamentali.

L-implimentazzjoni ta' proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa u l-programm indikattiv tal-10 EDF, flimkien mal-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq, jibqgħu sospiżi għal irkupru eventwali gradwali tal-kooperazzjoni fuq bażi tal-kundizzjonijiet stipulati hawn taħt.

Il-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-10 EDF kien jistipula ammont indikattiv ta' EUR 40 miljun għal appoġġ tal-baġit ġenerali fil-Qafas Strateġiku tal-Ġlieda Kontra l-Faqar. Dan il-proġett ma jistax ikun evalwat qabel irkupru totali tal-kooperazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt, soġġetti għar-rispett tal-kundizzjonijiet ġenerali ta' eliġibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan it-tip ta' programm.

Mil-lum 'il quddiem, l-ammont indikattiv ta' dan il-programm hu madankollu mnaqqas għal EUR 25 miljun. Mill-EUR15-il miljun impenjati, EUR 10 miljun ser ikunu riżervati għall-appoġġ eventwali għall-elezzjonijiet fil-qafas ta' soluzzjoni kostituzzjonali tal-kriżi konformi għat-talbiet tal-Komunità internazzjonali. L-EUR 5 miljun l-oħra ser ikunu riżervati għal każ ta' kriżi umanitarji serji b'konsegwenza tal-kriżi pprovokata mill-kolp ta' Istat tas-6 ta' Awwissu 2008.

Il-programm ta' Appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni, previst mill-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-ammont ta' EUR 8 miljuni, ser ikun b'mod eċċezzjonali implimentat qabel irkupru eventwali tal-kooperazzjoni fuq il-bażi ta' għanijiet u prijoritajiet li għandhom ikunu ddefiniti.

- Hekk kif soluzzjoni għall-kriżi konformi mal-elementi essenzjali proposti mill-Komunità internazzjonali u b'mod speċjali l-istabbiliment, fil-qafas ta' djalogu politiku inklużiv u miftuħ, ta' qafas elettorali li jippermetti elezzjonijiet liberi, trasparenti u rappreżentattivi, ser tkun aċċettata mill-partiti kollha f'kunflitt, dawn il-proġetti ser ikunu disponibbli:

- Il-Port tal-Minerali ta' Nouadhibou. In-negozjar u l-iffirmar tal-kuntratt għat-tiġdid tal-port sakemm ir-Regolament fis-seħħ u r-riżultati tas-sejħa tal-offerta jippermettuh. Jekk il-kuntratt ma jkunx iffirmat sa' Marzu 2009, il-kontribuzzjoni tal-EFD għax-xogħlijiet (EUR 45 miljun) ma tkunx iktar disponibbli għall-Mawritanja.

- L-ipprogrammar mill-ġdid ta' proġett ta' tneħħija ta' tifrik tal-port ta' Nouadhibou wara t-trasferiment, mill-31/12/2008 lejn l-10 EDF, tal-fondi ta' STABEX previsti għal dan l-għan (EUR 23 miljun). Fin-nuqqas tal-kolp ta' Istat kuntratt għal din l-azzjoni kellu jkun iffirmat qabel it-tmiem tal-2008.

- It-tnedija tal-sejħiet lokali għall-proposti favur l-awtoritajiet lokali li preċedentement kienu sospiżi.

- Mill-implimentazzjoni fattwali u irriversibbli tas-soluzzjoni msemmija hawn fuq (nomina ta' gvern ġdid ta' transazzjoni kunsenswali, adozzjoni ta' pjan kunsenswali, u tluq tal-poter tal-militari), irkupru komplimentari tal-kooperazzjoni ser ikun effettwat. Dan jista' jinkludi:

- L-appoġġ eventwali ta' elezzjonijiet ġodda leġiżlattivi jew presidenzjali.

- Il-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġramm ta' appoġġ għall-ġustizzja.

- L-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-kollettivitajiet lokali u tas-servizzi tagħhom.

- L-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti kolla ffirmati jew previsti taħt it-8 jew 9 EDF iżda li mhumiex kuntrattwali.

- Ir-ritorn sħiħ tal-Mawritanja lejn l-ordni kostituzzjonali ser jippermetti t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha elenkati hawn fuq f'konformità mal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 96(2)(a) tal-Ftehim rivedut ta' Cotnou. Din is-sitwazzjoni hi nnutata meta kap ta' Stat u ta' Assemblea eletti b'mod leġittimu ser ikunu stabbiliti u l-kostituzzjoni ser tkun fis-seħħ. Dan ser jipppermetti b'mod speċjali l-implimentazzjoni tal-integralità tal-programm indikkativ tal-10 EDF (EUR 156 miljun), b'kunsiderazzjoni ta' ħtiġijiet eventwali ta' reviżjoni ta' dan il-programm minħabba impatti negattivi soċjali, ekonomiċi u politiċi kkawżati mill-Kolp ta' Istat tas-6 ta' Awwissu 2008.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Mawritanja u ser tkun tista' ssostni, fejn hu xieraq, l-istabbiliment ta' soluzzjoni politika kunsenswali għall-kriżi, meta din is-soluzzjoni ser tkun ibbażata fuq elementi essenzjali msemmija hawn fuq, skont it-talbiet tal-Komunità internazzjonali. L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li terġa tara u tirrevedi l-miżuri msemmija hawn fuq fil-każ ta' żviluppi tas-sitwazzjoni tal-Mawritanja.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni | Għall-Kunsill |

[1] ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.

[2] ĠU L 287, 28.10.2005, p.4.

[3] ĠU L 317 15.12.2000, p.376, emendat mill-ftehim intern tal-10 ta' April 2006, ĠU L 247 09.09.2006, p.48