52009PC0075

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat KE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna l-istatistika relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi mhux membri u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1172/95 /* KUMM/2009/0075 finali - COD 2007/0233 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.2.2009

KUMM(2009) 75 finali

2007/0233 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat KE dwar

il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna l-istatistika relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi mhux membri u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1172/95

2007/0233 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat KE dwar

il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna l-istatistika relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi mhux membri u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1172/95

1. SFOND

Data ta’ trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2007)653 finali – 2007/0233 (COD): | it-30 ta’ Ottubru 2007 |

Data tal-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew: | it-3 ta’ Marzu 2008 |

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | it-23 ta’ Settembru 2008 |

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni: | is-16 ta’ Frar 2009 |

2. L-GħAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

L-istatistika tal-kummerċ estern (Extrastat) tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija mill-Istati Membri ma’ pajjiżi li mhumiex membri. Dan it-tagħrif huwa ta’ importanza essenzjali għal-linji politiċi ekonomiċi u kummerċjali Ewropej u għall-analiżi tal-iżvilupp tas-suq għal kommoditajiet individwali. L-istatistika tal-kummerċ estern fiha r-rekords ta’ kull xahar dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet espressi f’valur u fi kwantità, mogħtija mill-Istat Membru li jkun qed jirrapporta u mill-pajjiż imsieħeb, għall-kommodità skont in-Nomenklatura Magħquda, għall-mezz ta’ trasport u għat-trattament tat-tariffi.

L-istatistika hi bbażata fuq informazzjoni miġbura mid-dikjarazzjonijiet tad-dwana. Il-ġbir tal-istatistika se jiġi affettwat bit-tibdiliet introdotti mill-Kodiċi Doganali Modernizzata[1]. Fil-ġejjien sabiex tiġi żgurata kwalità tajba fl-istatistika għandha tiġi aġġustata wkoll is-sistema tal-istatistika. Dan hu l-iskop prinċipali għat-tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 u għal proposta ta’ Regolament Extrastat ġdid.

- Ir-Regolament jipprovdi informazzjoni aktar preċiża dwar is-sorsi tad-dejta meta jiġu implimentati simplifikazzjonijiet doganali differenti.

- Ir-Regolament jipprevedi wkoll sistema ta’ skambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri, li hi meħtieġa taħt is-sistema doganali modernizzata.

- Ir-Regolament se jagħmilha possibbli li tinġabar u titqassam statistika skont l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u tal-esportazzjoni vera. Dan għandu jevita l-allokazzjoni ħażina ta’ kummerċ affettwat mill-Iżdoganar Ċentralizzat u l-hekk imsejjaħ effett ta’ Rotterdam[2].

- Ir-Regolament iwieġeb ukoll għal ħtiġijiet ġodda tal-utent billi jiġbor statistika addizzjonali dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tal-kummerċ, billi jipprovdi kummerċ imqassam skont il-valuta tal-invojs u skont in-natura tat-tranżizzjoni. Dan ma jinvolvi ebda jew biss ftit rekwiżiti limitati addizzjonali ta’ rapportar għal dawk li jwieġbu.

- Fl-aħħar nett, ir-Regolament jistabbilixxi sistema aħjar ta’ valutazzjoni tal-kwalità għall-istatistika tal-kummerċ estern.

3. KUMMENTI DWAR IL-POżIZZJONI KOMUNI

3.1. Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-23 ta’ Ottubru 2008, b’35 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, tmien emendi (Nru 1 - 4, 8, 16, 17 u 19) ma kinux jikkonċernaw il-verżjonijiet lingwistiċi kollha u għalhekk ma ntalabx vot dwarhom.

Il-Kummissjoni aċċettat, bis-sħiħ jew fil-prinċipju, 24 mis-27 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. Dawn l-emendi jirrinforzaw is-sistema tal-Komitoloġija jew jikkonċernaw it-terminoloġija, ir-referenzi legali u l-intenzjoni (premessi) tal-proposta tal-Kummissjoni mingħajr ma jinbidlu l-għanijiet bażiċi ta’ riforma. Huma jikkostitwixxu ostakolu kbir għall-Kummissjoni.

Rigward it-tliet emendi li baqa’, waħda hi parzjalment aċċettata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill (Nru 26 dwar l-iskambju tad-dejta), oħra hi inkorporata fil-Pożizzjoni Komuni (Nru 18 dwar it-tħassir tal-ġbir tal-“kwoti ta’ importazzjoni”, iżda l-“pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-PE fl-ewwel qari” tat-23 ta’ Settembru 2008 rrakkomandat li ma tiġix aċċettata. It-tielet emenda (Nru 27 dwar l-esklużjoni li tinġabar statistika jekk id-dwana tapplika valutazzjoni proprja) kienet irrifjutata miż-żewġ istituzzjonijiet: il-Kunsill u l-Kummissjoni.

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tintroduċi ċerti speċifikazzjonijiet addizzjonali dwar is-sorsi tad-dejta, is-sistema tal-iskambju tad-dejta u tan-natura teknika jew ta’ abbozzar. Għalhekk dawn l-emendi jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni.

Fuq kollox il-Kummissjoni tqis li l-Pożizzjoni Komuni ma tibdilx l-approċċ jew l-għanijiet tal-proposta u għaldaqstant tista’ tappoġġaha hekk kif inhi.

3.2. Kummenti dettaljati

3.2.1. Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fil-pożizzjoni komuni bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju

Minn 27 emenda adottata l -emendi numru 5, 6, 7, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 ġew inkorporati jew eżatt kif proposti mill-emendi Parlamentari jew bi kliem kemxejn differenti fil-Pożizzjoni Komuni. Għalhekk dawn l-emendi jistgħu jiġu b’mod sħiħ aċċettati mill-Kummissjoni. Huma jneħħu l-ambigwitajiet jew jispeċifikaw is-sistema tal-Komitoloġija.

L- emenda numru 26 hi parzjalment aċċettata, minħabba li l-Kummissjoni taqbel mal-għan ġenerali tal-emenda, li jiddikjara r-responsabilità tal-awtoritajiet tad-dwana fil-mekkaniżmu għall-iskambju tad-dejta tal-istatistika. Madankollu, il-Kummissjoni tippreferi l-mod ġenerali kif ippreżentat il-kliem kif inkorporat fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill.

3.2.2. Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni

L- emenda Parlamentari numru 18 tneħħi l-“kwoti ta’ importazzjoni” mis-sett tad-dejta. Il-Pożizzjoni Komuni lanqas ma tikkunsidra l-ġbir tagħha. Billi din id-dejta hi importanti ħafna biex isir monitoraġġ tal-kummerċ Komunitarju u tal-politiki tal-agrikultura fir-rigward tal-obbligi tagħha lejn id-WTO, b’mod partikolari safejn ikkonċernati n-notifiki tad-WTO tal-mili tal-kwota tal-kwoti marbutin tar-rati tat-tariffa tal-UE, il-Kummissjoni se jkollha tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ din l-informazzjoni biex din tkun disponibbli permezz ta’ dan ir-Regolament.

3.2.3. Emendi Parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni

Xejn

3.2.4. Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni

Il-Kummissjoni taqsam il-preokkupazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal- emenda numru 27 li teskludi t-trażmissjoni ta’ ċerta dejta ta’ importazzjoni u esportazzjoni lil Eurostat meta jiġu applikati simplifikazzjonijiet doganali speċifiċi. L-implimentazzjoni ta’ din l-emenda għandha twassal għal koperta parzjali tal-kummerċ u għalhekk għal deterjorament konsiderevoli tal-kwalità tad-dejta.

3.2.5. Bidliet li għamel il-Kunsill fil-Proposta

Il-Kunsill ippropona l-bidliet ewlenin li ġejjin fil-proposta tal-Kummissjoni:

- L-istatistika fil-każ ta’ formalitajiet u kontrolli doganali simplifikati: Il-Kunsill inserixxa premessa 3 ġdida li tispjega li statistika sħiħa se tinżamm ukoll għall-kummerċ affettwat mis-simplifikazzjonijiet doganali li jwasslu għan-nuqqas ta’ disponibilità ta’ dikjarazzjonijiet tad-dwana. L-Artikolu 4 dwar is-sorsi tad-dejta hu aġġustat għas-simplifikazzjonijiet iddikjarati fil-Kodiċi Doganali Modernizzata. B’mod partikolari l-Artikolu 4(2) il-ġdid jispeċifika li l-operaturi mogħtija simplifikazzjonijiet għandhom jipprovdu d-dejta għall-istatistika. L-Artikolu 4 (5) u 5 (4) jimmiraw biex jimminimizzaw il-piż amministrattiv dwar il-kummerċ relatat mal-proċess tal-ġbir tad-dejta.

- L-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri: Il-Kunsill inserixxa speċifikazzjonijiet biex sistema ta’ skambju ta’ dejta fil-ġejjieni tkun tista’ taħdem aħjar. Il-Premessa numru 4 tirreferi għad-deċiżjoni dwar “dwana elettronika” u l-implikazzjoni tagħha għall-istatistika. L-Artikolu 7(2) jgħid li l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiżguraw li l-iskambju tad-dejta bejn l-Istat Membru ta’ dikjarazzjoni u l-Istat Membru ta’ destinazzjoni / l-esportazzjoni vera. Id-data ta’ bidu għal sistema ta’ skambju ta’ din ix-xorta hi assoċjata mal-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sistema awtomatizzata tad-dwana tal-importazzjoni u l-esportazzjoni.

- Bidliet oħra: il-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu introduċa diversi emendi ta’ natura purament teknika jew ta’ abbozzar. Ċerti bidliet wasslu għal ristrutturazzjoni tal-proposta u numerazzjoni sussegwenti mill-ġdid tal-premessi u tal-paragrafi f’ċerti artikoli.

4. KONKLUżJONI

Il-bidliet introdotti mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill huma aċċettabbli għall-Kummissjoni, minbarra t-tneħħija tal-“kwoti ta’ importazzjoni”, li l-Kummissjoni se tinsisti dwar id-disponibilità tagħhom.

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1)

[2] L-‘effett ta’ Rotterdam’ ifisser li tranżazzjoni kummerċjali barranija hi rrapportata għall-istatistika tal-UE l-ewwel bħala l-importazzjonijiet minn pajjiż mhux fl-UE lejn Stat Membru tal-UE fejn il-merkanziji qasmu l-fruntiera tal-UE u tħallew joħorġu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Dan ir-rekord tal-istatistika jagħmel parti mill-Extrastat. Il-moviment segwenti tal-merkanziji minn dan l-Istat Membru tal-UE lejn l-Istat Membru tal-UE li hu l-pajjiż veru u finali tal-importazzjoni hu mbagħad irrikordjat bħala dispaċċ (esportazzjoni) u twassil (importazzjoni) bejn dawn iż-żewġ Stati Membri tal-UE fi ħdan l-Intrastat. L-‘effett ta’ Rotterdam’ jeżisti wkoll għall-esportazzjonijiet Komunitarji, iżda b’mod kemxejn anqas. L-‘effett ta’ Rotterdam’ jgħolli artifiċjalment l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE li huma esposti għal dan il-fenomenu.