52009PC0051

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar projbizzjoni provviżorja tal-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja T25) skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* KUMM/2009/0051 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.2.2009

KUMM(2009) 51 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar projbizzjoni provviżorja tal-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja T25) skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. It-tqegħid fuq is-suq ta’ varjetà ġenetikament modifikata ta’ Zea mays L. Linja T25 ġie awtorizzat skont id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Parti C tad-Direttiva 90/220/KEE[1] u l-awtoritajiet Franċiżi taw il-kunsens għat-tqegħid fuq is-suq ta’ dan l-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM). Dan il-kunsens ikopri l-użi kollha tal-prodott, jiġifieri l-importazzjoni, l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf, kif ukoll il-kultivazzjoni.

2. B’konformità mal-Artikolu 16 (klawżola ta’ salvagwardja) tad-Direttiva 90/220/KEE, l-Awstrija sussegwentement għarrfet lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi jew tirrestrinġi provviżjorjament it-tqegħid fuq is-suq taż- Zea mays L. linja T25 għall-użi kollha tiegħu koperti bil-kunsens mogħti skont id-Direttiva 90/200/KE u tat ir-raġunijiet tagħha għal din id-deċiżjoni.

3. Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti ġie kkonsultat u fl-opinjonijiet tiegħu kkonkluda li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tokkostitwixxix prova xjentifika ġdida rilevanti li ma tqisitx matul il-valutazzjonijiet tar-riskju oriġinali għal dawn l-OĠM u li tista’ tiġġustifika l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-opinjoni xjentifika oriġinali dwar is-sikurezza taż- Zea mays L. linja T25.

4. Id-Direttiva 90/220/KEE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament[2].

5. Il-prodotti dderivati miż- Zea mays L. linja T25 (il-lamtu u d-derivattivi kollha tiegħu, żejt mhux ipproċessat u rfinut, il-prodotti kollha pproċessati bis-sħana jew fermentati miksuba miż- Zea mays L. linja T25, kif ukoll għalf magħmul minn u/jew li fih jew prodott miż- Zea mays L. linja T25) ġew awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97[3] u ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003[4]. Dawn l-użi ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2001/18/KE u għalhekk m’humiex suġġetti għall-klawżola ta’ salvagwardja nnotifikata mill-Awstrija.

6. F'Jannar 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija biex tqis mill-ġdid il-klawżola ta’ salvagwardja tagħha fid-dawl tal-qafas regolatorju ġdid u jekk xieraq, biex tinnotifikaha mill-ġdid skont id-Direttiva 2001/18/KE.

7. B’konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Awstrija ressqet aktar informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-miżura tal-klawżola ta’ salvagwardja li għandha fis-seħħ.

8. L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE jesiġi li l-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva li għandhom japplikaw għaliha l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li tikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

9. B’konformità mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) ġiet ikkonsultata, hekk kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], li bih issostiwixxiet il-kumitati xjentifiċi rilevanti u kkonkludiet, fl-opinjonijiet tagħha tat-8 ta’ Lulju 2004[6], li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tikkostitwixxix prova xjentifika ġdida li tinvalida l-valutazzjoni ta’ riskju ambjentali taż- Zea mays L. linja T25 u tkun tiġġustifika projbizzjoni ta’ dan l-OĠM fl-Awstrija.

10. Għaldaqstant, tressaq għal opinjoni abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li titlob lill-Awstrija tirrevoka l-klawżola ta’ salvagwardja nazzjonali tagħha, skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE.

11. Il-Kumitat ġie kkonsultat fid-29 ta’ Novembru 2004 iżda ma ta ebda opinjoni dwar il-miżura tal-klawżola ta’ salvagwardja li tesiġi li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposti rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.

12. B’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kunsill "Ambjent", fl-24 ta’ Ġunju 2005, indika l-oppożizzjoni tiegħu b’maġġoranza kwalifikata, għall-proposta li titlob lill-Awstrija tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja tagħha, u li tesiġi li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-proposti tagħha.

13. Il-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tiegħu, stqarr li 'għad hemm xi grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ salvagwardja fis-suq tavarjetà ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament T25', u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex 'tiġbor evidenza oħra dwar l-OĠM kkonċernat u tivvaluta ulterjorment jekk il-miżura meħuda mill-Awstrijammirata biex tissospendi bħala miżura temporanja ta’ prekawzjoni t-tqegħid fis-suq tiegħu hijiex ġustifikata u, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ organiżmu bħal dan għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza tad-Direttiva 2001/18/KE'.

14. F’Novembru tal-2005, l-EFSA ġiet ikkonsultata dwar jekk kienx hemm xi raġuni xjentifika biex wieħed jemmen li l-issuktar tat-tqegħid fis-suq taż- Zea mays L. linja T25 jista’ jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsens u partikolarment, intalbet tqis kull informazzjoni xjentifika ulterjuri li tkun ħarġet wara l-opinjoni xjentifika preċedenti li vvalutat is-sikurezza ta’ dan l-OĠM.

15. Fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2006 (ippubblikata fil-11 ta’ April 2006)[7], l-EFSA, wara investigazzjoni tal-provi mressqa fis-sottomissjoni Awstrijaka, qieset li l-provi xjentifiċi disponibbli attwalment ma jreġux l-argumenti mogħtija mill-Awstrija u kkonkludiet li m’hemm l-ebda raġuni għalfejn l-issuktar tat-tqegħid fis-suq taż- Zea mays L. linja T25 jista’ jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-kunsensi tagħha.

16. B’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill bit-talba li l-Awstrija tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja tagħha.

17. Fit-18 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tal-Ambjent indika l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta b’maġġoranza kwalifikata.

18. Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu rrefera għall-valutazzjoni tar-riskju ambjentali kif ipprovdut fid-Direttiva 2001/18/KE u indika li ‘jeħtieġ li l-istrutturi agrikoli u l-karatteristiċi reġjonali ekoloġiċi differenti fl-Unjoni Ewropea jitqiesu b’mod aktar sistematiku fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali’.

19. B'konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE il-Kummissjoni ressqet proposta emendata li titlob lill-Awstrija tirrevoka biss il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf.

20. Fit-30 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill ressaq il-proposta għall-votazzjoni iżda la nkisbet maġġoranza kwalifikata favoriha u lanqas kontriha. Għalhekk, fis-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/470/KE li titlob lill-Awstrija biex tieħu l-passi neċessarji kollha biex ittemm il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf taż- Zea mays L. linja T25, sa mhux aktar tard minn 20 jum min-notifika tagħha. Fis-27 ta’ Mejju 2008, l-Awstrija kkonformat ma’ din id-Deċiżjoni u adottat ir-Regolament rispettiv.

21. Rigward l-aspetti tal-miżura ta’ salvagwardja li jikkonċernaw il-bejgħ u l-użu taż-żrieragħ (kultivazzjoni), l-Awstrija bdiet ħidma biex tiġbor kwalunkwe prova xjentifika rilevanti li fil-fehma tagħha tkun tiġġustifika provviżjorjament iż-żamma tal-miżura ta’ salvagwardja, b’mod partikolari b’referenza “għall-istrutturi agrikoli u l-karatteristiċi reġjonali ekoloġiċi differenti” kif indikati fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru. F’Novembru 2007, l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni l-informazzjoni xjentifika li ħarġet minn din il-ħidma tagħha.

22. Fit-18 ta’ April 2008 l-Kummissjoni talbet lill-EFSA, skont l-Artikolu 29(1) u b’konformità mal-Artikolu 22(2) u (22)(5)(c) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, biex tivvaluta jekk l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija tikkostitwixxix informazzjoni li taffetwa l-valutazzjoni ta’ riskju ambjentali tal-informazzjoni eżistenti abbażi ta’ għarfien xjentifiku ġdid tant li jeżistu raġunijiet biżżejjed biex il-qamħirrum T25 jitqies li, għall-użi stabbiliti fil-kunsens korrispondenti, jikkostitwixxi riskju ambjentali.

23. Fl-4 ta’ Diċembru 2008, l-EFSA adottat l-opinjoni tagħha (pubblikata fil-11 ta’ Diċembru 2008) li tikkonkludi li l-qamħirrum T25 mhuwiex probabbli li jikkawża effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent fil-kuntest tal-użi li huma proposti għalih u reġgħet affermat il-konklużjonijiet preċedenti tagħha dwar is-sikurezza tal-qamħirrum T25. Barra minn hekk, wara li kkunsidrat l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija flimkien ma’ għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, l-EFSA hija tal-fehma li ma hemm l-ebda prova xjentifika, f’termini ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, li tiġġustifika l-invokazzjoni ta’ klawżola ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 għall-użi intenzjonati għalih fl-Awstrija. Fl-aħħarnett, l-EFSA kkonkludiet li l-provi xjentifiċi disponibbli attwalment ma jreġux l-argumenti mogħtija mill-Awstrija u li l-kultivazzjoni tal-qamħirrum T25 mhijiex probabbli li tikkawża effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent fl-Awstrija.

24. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Awstrija għandha tirrevoka l-miżura tagħha ta’ salvagwardja fir-rigward tal-użu u l-bejgħ taż-żrieragħ Zea mays L. Linja T25.

25. Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, u skont l-Artikolu 5(6)(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni reġgħat ippreżentat il-proposta tagħha dwar il-miżuri li jridu jittieħdu filwaqt li nfurmat lill-Parlament Ewropew.

26. L-Artikolu 5(6)(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE jipprevedi li l-Kunsill jista’, jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fi żmien perjodu stabbilit ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/18/KE.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar projbizzjoni provviżorja tal-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta' qamħirrum modifikat ġenetikament ( Zea mays L. linja T25) skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[8], u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/293/KE tat-22 ta’ April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament ( Zea mays L. linja T25), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[9] ġie deċiż li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott.

(2) Fit-3 ta’ Awissu 1998 l-awtoritajiet Franċiżi taw dan il-kunsens. Dan il-kunsens ikopri l-użi kollha tal-prodott, jiġifieri l-importazzjoni, l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf, kif ukoll il-kultivazzjoni.

(3) Skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2001/18/KE li ssostitwixxiet id-Direttiva 90/220/KEE[10], proċeduri rigward notifiki dwar it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi ġenetikament modifikati li għadhom ma ġewx kompletati sas-17 ta’ Ottubru 2002 huma suġġetti għad-Direttiva 2001/18/KE.

(4) Fit-8 ta’ Mejju 2000 l-Awstrija għarrfet il-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi provviżorjament l-użu u l-bejgħ taż- Zea mays L. linja T25 għall-użi tiegħu kollha u tat raġunijiet għal dik id-deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 90/220/KEE.

(5) Il-prodotti dderivati miż- Zea mays L. linja T25 (il-lamtu u d-derivattivi kollha tiegħu, żejt mhux ipproċessat u rfinut, il-prodotti kollha pproċessati bis-sħana jew fermentati miksuba miż- Zea mays L. linja T25, kif ukoll għalf magħmul minn u/jew li fih jew prodott miż- Zea mays L. linja T25) ġew awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97[11] u ġew sussegwentement innotifikati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003[12]. Dawn l-użi mhumiex suġġetti għall-klawżola ta’ salvagwardja nnotifikata mill-Awstrija peress li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 2001/18/KE.

(6) Fl-20 ta’ Lulju 2001, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti kkonkluda li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tikkostitwixxix prova xjentifika ġdida rilevanti li ma tqisitx waqt il-valutazzjoni oriġinali tal-fajl u li tagħti lok għal reviżjoni tal-opinjoni oriġinali ta’ dak il-Kumitat dwar dan il-prodott.

(7) Fid-9 ta’ Jannar 2004, kif ukoll fid-9 u s-17 ta’ Frar 2004, l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali biex issostni l-miżuri nazzjonali dwar il-linja tal-qamħirrum T25.

(8) Skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA), kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13], li bih issostitwixxa l-kumitati xjentifiċi rilevanti.

(9) Fit-8 ta’ Lulju 2004[14], l-EFSA kkonkludiet li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tikkostitwixxix prova xjentifika ġdida suffiċjenti biex tinvalida l-valutazzjoni tar-riskji ambjentali tal-linja tal-qamħirrum T25 u li għalhekk tiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu u l-bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Awstrija.

(10) Billi, taħt iċ-ċirkostanzi, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex il-prodott jitqies bħala riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Novembru 2004, ressqet abbozz ta’ Deċiżjoni, li titlob lill-Awstrija biex tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja provviżorja, sabiex titqies mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) ta’ dik id-Direttiva.

(11) Madankollu, dak il-Kumitat ma tax opinjoni u, skont l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[15], il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

(12) Fl-24 ta’ Ġunju 2005, skont l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, ma laqax din il-proposta.

(13) Il-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tiegħu, stqarr li 'għad hemm xi grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ salvagwardja fis-suq tal-varjetà ...ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament T25', u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex 'tiġbor evidenza oħra dwar l-OĠM ikkonċernat u tivvaluta ulterjorment jekk il-miżura meħuda mill-Awstrija mmirata biex tissospendi bħala miżura temporanja ta’ prekawzjoni t-tqegħid fis-suq tiegħu hijiex ġustifikata u, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ organiżmu bħal dan għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza tad-Direttiva 2001/18/KE'.

(14) F'Novembru 2005, l-EFSA ġiet ikkonsultata għal darb’oħra mill-Kummissjoni dwar jekk hemmx xi raġuni xjentifika għala l-issuktar tat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 kien probabbli li jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-kunsens. B’mod partikolari, L-EFSA ntalbet tqis kwalunkwe informazzjoni xjentifika oħra li ħarġet sussegwentement għall-opinjonijiet xjentifiċi preċendenti dwar is-sikurezza ta’ dan l-OĠM.

(15) Fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2006[16], l-EFSA kkonkludiet li mhemm l-ebda raġuni għala l-issuktar tat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 huwa probabbli li jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-kunsens tagħha.

(16) B’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill bit-talba li l-Awstrija tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja tagħha.

(17) Skont l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kunsill tal-Ambjent, fit-18 ta’ Diċembru 2006, indika l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta, b’maġġoranza kwalifikata.

(18) Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu rrefera għall-valutazzjoni tar-riskju ambjentali kif ipprovdut fid-Direttiva 2001/18/KE, u indika li ‘jeħtieġ li l-istrutturi agrikoli u l-karatteristiċi reġjonali ekoloġiċi differenti fl-Unjoni Ewropea jitqiesu b’mod aktar sistematiku fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali’.

(19) B'konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE il-Kummissjoni ressqet proposta emendata li titlob lill-Awstrija tirrevoka biss il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf.

(20) Fit-30 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill ressaq il-proposta għall-votazzjoni iżda la nkisbet maġġoranza kwalifikata favoriha u lanqas kontriha. Għalhekk, fis-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/470/KE li titlob lill-Awstrija biex tieħu l-passi neċessarji kollha biex ittemm il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti tal-ikel u tal-għalf taż- Zea mays L. linja T25, sa mhux aktar tard minn 20 jum min-notifika tagħha. Fis-27 ta’ Mejju 2008, l-Awstrija kkonformat ma’ din id-Deċiżjoni u emendat il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha kif xieraq.

(21) Rigward l-aspetti tal-miżura ta’ salvagwardja li jikkonċernaw il-bejgħ u l-użu taż-żrieragħ (kultivazzjoni), l-Awstrija bdiet ħidma biex tiġbor prova xjentifika rilevanti li fil-fehma tagħha tkun tiġġustifika provviżjorjament iż-żamma tal-miżura ta’ salvagwardja, b’mod partikolari b’referenza “għall-istrutturi agrikoli u l-karatteristiċi reġjonali ekoloġiċi differenti” kif indikati fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru. F’Novembru 2007, l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni l-informazzjoni xjentifika li ħarġet minn din il-ħidma tagħha.

(22) Fit-18 ta’ April 2008 l-Kummissjoni talbet lill-EFSA, skont l-Artikolu 29(1) u b’konformità mal-Artikolu 22(2) u (22)(5)(c) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, biex tivvaluta jekk l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija tikkostitwixxix informazzjoni li taffetwa l-valutazzjoni ta’ riskju ambjentali tal-informazzjoni eżistenti abbażi ta’ għarfien xjentifiku ġdid tant li jeżistu raġunijiet biżżejjed biex il-qamħirrum T25 jitqies li, għall-użi stabbiliti fil-kunsens korrispondenti, jikkostitwixxi riskju ambjentali.

(23) Fl-4 ta’ Diċembru 2008, l-EFSA adottat l-opinjoni tagħha (pubblikata fil-11 ta’ Diċembru 2008) li tikkonkludi li l-qamħirrum T25 mhuwiex probabbli li jikkawża effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent fil-kuntest tal-użi li huma proposti għalih u reġgħet affermat il-konklużjonijiet preċedenti tagħha dwar is-sikurezza tal-qamħirrum T25. Barra minn hekk, wara li kkunsidrat l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija flimkien ma’ għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, l-EFSA hija tal-fehma li ma hemm l-ebda prova xjentifika, f’termini ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, li tiġġustifika l-invokazzjoni ta’ klawżola ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 għall-użi intenzjonati għalih fl-Awstrija. Fl-aħħarnett, l-EFSA kkonkludiet li l-provi xjentifiċi disponibbli attwalment ma jreġux l-argumenti mogħtija mill-Awstrija u li l-kultivazzjoni tal-qamħirrum T25 mhijiex probabbli li tikkawża effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent fl-Awstrija.

(24) F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Awstrija għandha tirrevoka l-miżura tagħha ta’ salvagwardja fir-rigward tal-użu u l-bejgħ taż-żrieragħ Zea mays L. Linja T25.

(25) Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, u skont l-Artikolu 5(6)(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni reġgħat ippreżentat il-proposta tagħha dwar il-miżuri li jridu jittieħdu filwaqt li nfurmat lill-Parlament Ewropew.

(26) L-Artikolu 5(6)(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE jipprevedi li l-Kunsill jista’ jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fi żmien perjodu stabbilit ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/18/KE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-Awstrija biex jipprojbixxu l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ taż- Zea mays L. linja T25, awtorizzati għat-tqegħid fuq is-suq mid-Deċiżjoni 98/293/KE mhumiex ġustifikati skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE.

Artikolu 2

L-Awstrija għandha tieħu l-passi neċessarji biex ittemm il-projbizzjoni tal-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ taż- Zea mays L. linja T25, fit-territorju tagħha, u għandha tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn 20 jum min-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, […] 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15

[2] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1

[3] ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1

[4] ĠU L 106, 18.10.2003, p. 1

[5] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

[6] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward l-invokazzjoni Awstrijaka tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, Il-Ġurnal tal-EFSA (2004) 78, 1-13.

[7] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward għelejjel modifikati ġenetikament (Bt176 qamħirrum, MON810 qamħirrum, T25 qamħirrum, Topas 19/2 żrieragħ tal-lift u Ms1xRf1 żrieragħ tal-lift) suġġetta għall-klawżoli ta’ salvagwardja invokati skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, il-Ġurnal tal-EFSA (2006) 338, 1-15.

[8] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1

[9] ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32

[10] ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15

[11] ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1

[12] ĠU L 106, 18.10.2003, p. 1

[13] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

[14] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward l-invokazzjoni Awstrijaka tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, Il-Ġurnal tal-EFSA (2004) 78, 1-13.

[15] ĠU L 184, 17.7. 1999, p. 23.

[16] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward għelejjel modifikati ġenetikament (Bt176 qamħirrum, MON810 qamħirrum, T25 qamħirrum, Topas 19/2 żrieragħ tal-lift u Ms1xRf1 żrieragħ tal-lift) suġġetta għall-klawżoli ta’ salvagwardja invokati skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, il-Ġurnal tal-EFSA (2006) 338, 1-15.