29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/5


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010

2010/C 141/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jafferma li din il-kwalità għolja tal-ħajja għandha tinkiseb fil-limiti tas-sostenibbiltà definiti minn pjaneta finita  (1), u li għandha tkun ibbażata fuq il-ksib ta’ soċjetà li tkun koeżiva fil-livell soċjali u ġusta, li tippermetti l-aħjar użu tal-valur u l-kontribut tal-individwi u l-gruppi kollha u li l-inċentivi u l-miżuri ta’ appoġġ jindirizzaw l-ewwel u qabel kollox il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-bini ta’ ekonomija sostenibbli;

jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ koeżjoni mifruxa mal-UE kollha ffinanzjata b’mod adatt, li tinvolvi r-reġjuni kollha tal-Ewropa, bħala fattur essenzjali biex jiġi appoġġjat it-twettiq tal-Istrateġija l-ġdida, u jirrifjuta kull azzjoni li twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-fondi strutturali jew li titneħħa d-dimensjoni reġjonali mill-politika tal-koeżjoni fl-analiżi tal-baġit futur tal-UE;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE stabbilixxiet struttura ta’ governanza f’diversi livelli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali, u jafferma li l-Istrateġija l-ġdida għandha tuża dawn l-istrutturi ta’ sħubija eżistenti biex tindirizza d-dgħufijiet attwali fl-istrutturi ta’ governanza. Mezz aktar effettiv biex jiġi żgurat tfassil ta’ politika kkoordinat huwa li l-istrutturi ta’ governanza jiġu adattati b’mod espliċitu għall-Programmi Reġjonali fil-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE;

jitlob li l-mexxejja tal-UE jistabbilixxu, bħala prijorità ċentrali, l-iżvilupp tal-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika, biex l-UE tkun tista’ taqdi rwol prinċipali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija dinjija f’bażi soda u sostenibbli. B’mod partikolari, dan ifisser li permezz tat-tmexxija tagħhom jagħtu eżempju tajjeb, li jagħtu prijorità lill-investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi, ir-riċerka u l-iżvilupp, inklużi l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, metodi sostenibbli tal-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura tal-ICT u l-broadband f’komunitajiet imbiegħda, kif ukoll il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ekoloġika. L-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-SMEs tal-Ewropa għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex dan il-pjan jimxi ’l quddiem (2) Dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-ekonomija Ewropea, fosthom il-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tiġi appoġġjata l-bidla għal ekonomija ekoloġika;

Relatur

:

is-Sinjura Christine Chapman (UK/PSE), Membru tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Wales

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi ewlenin

1.

jappoġġja l-fatt li tiġi żviluppata strateġija bil-għan li tissostitwixxi l-Istrateġija attwali ta’ Lisbona wara l-2010, iżda jemmen li hemm bżonn li l-Istrateġija ssib bilanċ ġdid u li l-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jingħaqdu; filwaqt li jilqa’ l-impenn biex in-nies jingħataw is-setgħa f’soċjetajiet inklużivi u li tinħoloq ekonomija kompetittiva, konnessa u iktar ekoloġika skont il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-istrateġija li ġiet ippubblikata fl-24 ta’ Novembru, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tipproponix viżjoni iktar ambizzjuża u kompluta, sabiex jerġa’ jinstab bilanċ u tingħata direzzjoni ġdida lill-istrateġija għal Ewropea iktar sostenibbli u ġusta u koeżiva fil-livell soċjali;

2.

jenfasizza li l-Istrateġija attwali ta’ Lisbona ma tirrikonoxxix biżżejjed ir-rwol essenzjali li kellhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali Komunitarji fl-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni tal-Istrateġija fost iċ-ċittadini u jtenni t-talba tal-“White Paper dwar il-Gvernanza f’Diversi Livelli” biex dan in-nuqqas jiġi indirizzat fl-Istrateġija l-ġdida;

3.

jinnota l-firxa tal-inċertezza fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iskop ġenerali tal-Istrateġija attwali ta’ Lisbona, inċertezza li tista’ tiġi indirizzata billi jiġu stabbiliti objettivi ċari fl-Istrateġija l-ġdida, u billi dawn jiġu kkomunikati b’mod effettiv liċ-ċittadini;

4.

jiddispjaċih li l-Istrateġija ta’ Lisbona, li kellha tagħti kontribut lill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), ma kellhiex l-impatt mixtieq fir-rigward ta’ governanza ekonomika konġunta mtejba fil-livell tal-UE jew koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri; u jiddispjaċih li bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika attwali, ħafna Stati Membri adottaw politiki ekonomiċi bbażati fuq konsiderazzjonijiet nazzjonali biss, minflok ma pprovaw jikkoordinaw azzjonijiet fil-qafas tas-suq uniku Ewropew;

5.

jitlob li l-Istrateġija l-ġdida jkollha objettiv ġenerali ċar iffokat fuq kwalità għolja tal-ħajja u l-benesseri għaċ-ċittadini kollha tal-UE. L-impjieg huwa element prinċipali hawnhekk daqskemm huwa l-ġid materjali iżda hemm fatturi oħrajn li għandhom jitqiesu sabiex ikollna stampa sħiħa tal-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, inklużi l-kuntesti usa’ tas-soċjetà u l-ambjent fejn jgħixu n-nies (3);

6.

jafferma li din il-kwalità għolja tal-ħajja għandha tinkiseb fil-limiti tas-sostenibbiltà definiti minn pjaneta finita  (4), u li għandha tkun ibbażata fuq il-ksib ta’ soċjetà li tkun ġusta u koeżiva fil-livell soċjali, li tippermetti l-aħjar użu tal-valur u l-kontribut tal-individwi u l-gruppi kollha u li l-inċentivi u l-miżuri ta’ appoġġ jindirizzaw l-ewwel u qabel kollox il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-bini ta’ ekonomija sostenibbli;

7.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u l-iżvilupp tat-talent kreattiv u intraprenditorjali taċ-ċittadini tal-Ewropa, u l-ħtieġa li tinbena kultura tat-tagħlim tul il-ħajja;

8.

jipproponi li l-Istrateġija l-ġdida tingħata isem ġdid biex ma jkunx hemm konfużjoni mat-Trattat ta’ Lisbona u biex jiġi enfasizzat l-approċċ il-ġdid tal-Istrateġija: pereżempju “Kwalità ta’ Ħajja għal Kulħadd: Nibnu Futur Sostenibbli għall-Ewropa fid-Dinja” jew verżjoni mqassra “Strateġija għal Ewropa Sostenibbli”;

9.

isejjaħ għal strateġija ta’ komunikazzjoni iktar effettiva, li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-messaġġ ewlieni tal-Istrateġija l-ġdida;

Sfidi attwali u ġodda

10.

jafferma li l-kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali u ambjentali ta’ bħalissa bidlet radikalment il-kuntest li fih qed isir id-dibattitu dwar il-futur tal-Istrateġija ta’ Lisbona, għalhekk mhux possibbli nkomplu fl-istess triq li qbadna: jeħtieġ li l-affarijiet jinbidlu. Il-kriżi qajmet għadd ta’ sfidi immedjati, b’mod partikolari l-livelli dejjem ogħla ta’ qgħad fl-Ewropa, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u l-periklu gravi tal-protezzjoniżmu. Kixfet id-dgħufijiet strutturali fil-mudell dinji ekonomiku u enfasizzat il-bżonn għal approċċ ġdid u sostenibbli, kemm f’termini ekoloġiċi kif ukoll dawk soċjali u ekonomiċi, u għal regolamentazzjoni iktar stretta tas-settur bankarju u finanzjarju;

11.

itenni li qabel ma l-kriżi ekonomika laqtet lill-Ewropa, u fi żmien meta l-ekonomija kienet meqjusa bħala waħda bi prestazzjoni relattivament tajba, il-livelli għolja tal-faqar fl-Ewropa ma taffew xejn u l-inugwaljanza fid-dħul kompliet tiżdied. Skont il-figuri li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2008, 16 % tal-popolazzjoni Ewropea jgħixu taħt il-livell tal-faqar, waħda minn kull għaxar persuni tgħix f’dar fejn ħadd ma jaħdem, u 19 % tat-tfal jgħixu fil-periklu tal-faqar (5). Il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskrepanzi dejjem ikbar tal-ġid fl-Ewropa għandha tkun wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Istrateġija futura;

12.

jinnota li l-Ewropa qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi iktar fit-tul li jinkludu l-bidla demografika, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-globalizzazzjoni (6), u l-ksib ta’ koeżjoni territorjali fl-UE, li għandhom jiġu indirizzati fl-istrateġija l-ġdida. Jiddispjaċih li l-koeżjoni territorjali ma tingħatax iktar viżibbiltà bħala prinċipju ta’ gwida fid-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-2020; jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b’konformità mal-ħtiġijiet dwar il-Koeżjoni Territorjali, stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona, timpenja ruħha li tressaq evalwazzjoni dwar l-impatt territorjali ta’ kull proposta leġiżlattiva ġdida li tolqot lill-kompetenza tal-awtoritajiet lokali jew reġjonali;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba l-kriżi soċjali, finanzjarja u ekonomika, fis-snin li ġejjin ser ikun hemm pressjoni konsiderevoli fuq il-finanzi pubbliċi u b’hekk huwa essenzjali li jkun hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u l-fondi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex jiġi żgurat li jsiru l-investimenti adatti li jwettqu l-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija l-ġdida. Sabiex il-muniċipalitajiet u r-reġjuni jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona, huwa essenzjali li jkun żgurat li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tal-Karta għall-Awtonomija tal-Muniċipalitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet lokali (Artikolu 9);

14.

iqis li, biex tinkiseb koeżjoni soċjali ġenwina u biex jingħelbu l-isfidi fuq perijodu fit-tul, huwa indispensabbli li jkun hemm approċċ territorjali komuni għall-politiki kollha li jqis il-karatteristiċi speċifiċi li jeżistu fil-livell lokali u reġjonali fl-Ewropa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu allokati biżżejjed riżorsi Komunitarji sabiex jiġi promoss żvilupp bilanċjat tat-territorju tal-Unjoni;

15.

jipproponi li l-Istrateġija l-ġdida tagħti prijorità lill-investiment f’ekonomija ekoloġika, tindirizza l-koeżjoni soċjali, tiżgura approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, kif ukoll tfittex mod ġdid kif jitkejjel l-impatt tal-Istrateġija l-ġdida;

Investiment fl-ekonomija ekoloġika

16.

jitlob li l-miri u l-impenji tal-UE għat-tibdil fil-klima jiġu inkorporati fl-Istrateġija l-ġdida, biex tinħoloq ekonomija b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet fl-Ewropa;

17.

jitlob li l-mexxejja tal-UE jistabbilixxu, bħala prijorità ċentrali, l-iżvilupp tal-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika, biex l-UE tkun tista’ taqdi rwol prinċipali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija dinjija f’bażi soda u sostenibbli. B’mod partikolari, dan ifisser li permezz tat-tmexxija tagħhom jagħtu eżempju tajjeb, li jagħtu prijorità lill-investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi, ir-riċerka u l-iżvilupp, inklużi l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, metodi sostenibbli tal-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura tal-ICT u l-broadband f’komunitajiet imbiegħda, kif ukoll il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ekoloġika. L-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-SMEs tal-Ewropa għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex dan il-pjan jimxi ’l quddiem (7). Dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-ekonomija Ewropea, fosthom il-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tiġi appoġġjata l-bidla għal ekonomija ekoloġika;

18.

isejjaħ għal Strateġija Ewropea għall-Ħiliet Ekoloġiċi u l-Impjiegi Ekoloġiċi, biex tipprovdi qafas għall-investiment fil-ħiliet u l-għarfien bħala appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli. Il-programmi finanzjarji futuri tal-UE, inklużi l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), għandhom jappoġġjaw l-ewwel u qabel kollox l-investiment f’“impjiegi ekoloġiċi” u “ħiliet ekoloġiċi”, b’enfasi partikolari fuq SMEs ġodda, dinamiċi u innovattivi (8);

19.

jitlob li l-UE tadotta qafas konsistenti ta’ inċentivi u mekkaniżmi ta’ appoġġ (Regolamentazzjoni Ekoloġika Aħjar) bħala appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli fl-Ewropa;

20.

jitlob li tingħata prijorità lill-iskambju tal-aħjar prattika fil-qasam tal-approċċi innovattivi li joħolqu inċentivi fl-Istati Membri individwali li jħeġġu u jippremjaw liċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE biex jagħmlu għażliet ekoloġiċi u jippenalizzaw l-imgiba “mhux sostenibbli”;

21.

itenni li approċċ ekoloġiku jista’ joħloq ċirku virtuż, li jindirizza l-problemi ekonomiċi u soċjali. Pereżempju, il-bidliet reċenti fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali jagħmluha possibbli li jiġu ffinanzjati miżuri marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fi djar bi dħul baxx;

22.

jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up) mill-komunitajiet lokali biex iwettqu l-bidla fil-prattika fost iċ-ċittadini (9);

Il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali

23.

jenfasizza l-valur u l-importanza tal-assigurazzjoni soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jipproteġu l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, u l-bżonn li jiġi ppreservat il-Mudell Soċjali Ewropew (10);

24.

jirrikonoxxi, b’konformità mal-Protokoll dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali mehmuż mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-rwol essenzjali li għandhom is-servizzi ta’ interess ġenerali – u b’mod partikolari tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali – u li l-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħhom għandhom isiru aktar siguri; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tas-servizzi pubbliċi lokali għaċ-ċittadini;

25.

jitlob li tittieħed azzjoni kontra l-faqar tat-tfal u l-faqar transġenerazzjonali fil-familji, u jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-miri ta’ Barċellona marbuta mas-servizzi tal-kura tat-tfal (11);

26.

jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ koeżjoni mifruxa mal-UE kollha ffinanzjata b’mod adatt, li tinvolvi r-reġjuni kollha tal-Ewropa, bħala fattur essenzjali biex jiġi appoġġjat it-twettiq tal-Istrateġija l-ġdida, u jirrifjuta kull azzjoni li twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-fondi strutturali jew li titneħħa d-dimensjoni reġjonali mill-politika tal-koeżjoni fl-analiżi tal-baġit futur tal-UE;

27.

isejjaħ għal impenn sabiex isir użu iktar effettiv tal-għarfien eżistenti u l-aħjar prattika fil-programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-benefiċċju ta’ kull reġjun fl-UE;

28.

jitlob lill-mexxejja tal-UE jużaw is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) biex jimpenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, bil-għan li jiġu indirizzati ż-żieda fil-qgħad, id-diskrepanzi fil-prestazzjoni reġjonali ekonomika, l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta’ impjiegi u n-nuqqas ta’ attività ekonomika. Il-KtR jaqbel mar-Rapport ta’ Barca li l-Programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE huma strument prinċipali biex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali;

29.

jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat il-periklu dejjem ikbar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, billi tingħata prijorità lill-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi l-iskemi li jħeġġu l-mobilità taż-żgħażagħ. Nilqgħu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Il-Mobilità tal-Voluntiera Żgħażagħ” adottata f’Novembru 2008, u nappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex l-2011 tingħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

30.

jitlob għal rikonoxximent ikbar tal-kontribut fundamentali tan-nisa fil-forza tax-xogħol u n-nisa bħala intraprendituri u innovaturi. L-Ewropa għad fadlilha ħafna x’tagħmel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif juri rapport reċenti mill-Kummissjoni Ewropea li jidentifika b’mod partikolari d-differenza fil-paga tal-irġiel u n-nisa bħala problema li għadha magħna, kif ukoll diffikultajiet biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali u l-istereotipi fuq il-bażi tas-sess (12)  (13); għalhekk, jittama li r-rakkomandazzjonijiet u l-inċentivi jkunu maħsuba biex iżommu n-nisa jaħdmu u biex idaħħluhom fis-suq tax-xogħol;

31.

isejjaħ għal rikonoxximent ikbar tal-valur u l-kontribut tal-membri kollha tas-soċjetà. L-Istrateġija l-ġdida għandha tenfasizza l-importanza tas-“soċjetà ċivili”, b’mod partikolari l-kontribut tat-tielet settur, il-persuni li jipprovdu l-kura u l-voluntiera għall-benesseri ta’ oħrajn, li ħafna drabi ma jiġux rikonoxxuti. Bl-istess mod, l-Istrateġija l-ġdida għandha tħeġġeġ il-politiki dwar it-tixjiħ attiv u l-inizjattivi interġenerazzjonali;

32.

iressaq l-argument li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE għandha tinkludi l-appoġġ għall-inizjattivi tal-iżvilupp lokali, immirati lejn komunitajiet speċifiċi urbani u rurali li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi partikolari. Dan l-approċċ intuża b’suċċess fil-passat permezz ta’ inizjattivi bħal EQUAL, LEADER, URBAN u fil-programmi prinċipali tal-Objettiv 1 u 2;

33.

jilqa’ b’sodisfazzjon approċċ li permezz tiegħu r-regoli tal-għajnuna tal-istat jagħmluha possibbli li tiġi appoġġjata l-produzzjoni ekonomika mwettqa minn komunitajiet lokali b’mezzi sostenibbli (pereżempju billi tingħata prijorità lill-akkwist pubbliku ekoloġiku, l-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband f’komunitajiet imbiegħda u rurali);

Il-governanza f’diversi livelli

34.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tfassil, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida;

35.

jisħaq fuq kemm huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu fuq quddiem nett fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja u ekonomika fil-prattika, biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati u dawk għal perijodu qasir (14);

36.

jitlob għal koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar effettivi bejn id-diversi livelli tal-gvern fl-Ewropa, u għal dimensjoni reġjonali ħafna iktar b’saħħitha fl-Istrateġija l-ġdida;

37.

jitlob lill-mexxejja tal-UE biex jiżguraw li l-infiq futur tal-UE jkun iddedikat għat-twettiq tal-objettivi prinċipali tal-Istrateġija l-ġdida, billi jiġi applikat is-suċċess tal-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali maħsuba għall-Istrateġija ta’ Lisbona fl-oqsma rilevanti kollha tal-baġit tal-UE;

38.

jitlob għal inċentivi iktar b’saħħithom biex il-gvernijiet nazzjonali jimpenjaw ruħhom fit-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija l-ġdida, billi jiġu stabbiliti miri adatti vinkolanti, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva fil-prattika;

39.

jilqa’ l-ħsieb li l-Istrateġija tintrabat mal-perijodu tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Fl-Istrateġija l-ġdida għandu jkun hemm rwol iktar ċar għall-Parlament Ewropew bħala l-korp Ewropew elett b’mod demokratiku li jaħdem bi sħab mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

40.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE stabbilixxiet struttura ta’ governanza f’diversi livelli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali, u jafferma li l-Istrateġija l-ġdida għandha tuża dawn l-istrutturi ta’ sħubija eżistenti biex tindirizza d-dgħufijiet attwali fl-istrutturi ta’ governanza. Mezz aktar effettiv biex jiġi żgurat tfassil ta’ politika kkoordinat huwa li l-istrutturi ta’ governanza jiġu adattati b’mod espliċitu għall-Programmi Reġjonali fil-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE;

41.

jipproponi li dawn is-sħubijiet eżistenti jaqdu rwol attiv fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), u l-Programmi tal-Fondi Strutturali għandhom jipprovdu kapitolu reġjonali għat-twettiq tal-għanijiet ġenerali tal-PNR; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ suġġerimenti konkreti fid-dokument ta’ konsultazzjoni dwar kif l-istrateġija għall-2020 ser tinvolvi l-gvernijiet lokali u reġjonali, u lill-parlamenti u l-assembleji reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-PNR;

Inkejlu l-impatt tal-Istrateġija

42.

jiġbed l-attenzjoni għal-livell dejjem ogħla ta’ skuntentizza rigward l-użu tal-PDG bħala l-indikatur ewlieni biex titkejjel il-prestazzjoni ekonomika, u jitlob li jiġu żviluppati indikaturi ġodda li jipprovdu mezz iktar sinifikattiv għall-kejl tal-prosperità, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa (15);

43.

jitlob li miżuri bħal dawn iqisu l-isfidi usa’ tas-soċjetà u l-ambjent, inklużi l-indikaturi tal-faqar tat-tfal, id-distribuzzjoni tad-dħul, il-livelli tas-CO2 u emissjonijiet oħrajn, l-impatt fuq il-bijodiversità, u elementi oħra li jagħmlu parti minn definizzjoni ġenerali tal-benesseri u li jirriflettu d-differenzi fil-livell sottonazzjonali fl-Ewropa (16);

44.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti direttament fl-identifikazzjoni tal-miri u l-indikaturi għall-Istrateġija l-ġdida. Il-Patt tas-Sindki, iffirmat f’Jannar 2009, juri kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jmexxu ’l quddiem il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenin, u kif, fl-impenji tagħhom, jistgħu jkunu iktar ambizzjużi mill-gvern fil-livell nazzjonali u Ewropew;

Approċċ imsejjes fuq l-evidenza

45.

jenfasizza li din l-opinjoni tibni fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-KtR dwar il-futur tal-Istrateġija, li tnediet fi Praga f’Marzu 2009. Din l-opinjoni hija msejsa wkoll fuq riċerka attiva li saret fi Brussell, Wales u r-Renju Unit. Il-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona kkontribwixxiet analiżi globali tar-riżultati tal-konsultazzjoni fi żmien adatt;

46.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-KtR ikompli l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida fil-prattika permezz tan-netwerks tiegħu, b’mod partikolari l-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Ara r-rapport “Prosperity without Growth: the transition to a sustainable economy” tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-Renju Unit, ippubblikat f’Marzu 2009. http://www.sd-commission.org.uk/pages/redefining-prosperity.html

(2)  Eżempju ta’ dan huwa l-“Wave Hub” li ser jinbena ftit ’il bogħod mill-kosta ta’ Cornwall fl-2010. Permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), dan ser joħloq l-ewwel faċilità offshore li turi fuq il-post stess il-firxa ta’ strumenti li jiġġeneraw l-enerġija mill-mewġ. Il-proġett huwa kollaborazzjoni bis-sehem tas-settur pubbliku u privat u s-settur tar-riċerka.

(3)  In-New Economics Foundation (http://www.neweconomics.org/gen/) żviluppat “kontabilità nazzjonali tal-benesseri” (National Accounts of Well-being) msejsa fuq il-fatturi li jiffurmaw il-benesseri personali u l-benesseri soċjali.

(4)  Ara r-rapport “Prosperity without Growth: the transition to a sustainable economy” tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-Renju Unit, ippubblikat f’Marzu 2009. http://www.sd-commission.org.uk/pages/redefining-prosperity.html

(5)  DĠ Impjieg MEMO/08/625 Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2008. Ara: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=637

(6)  Ara r-rapport Reġjuni 2020, li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2008.

(7)  Eżempju ta’ dan huwa l-“Wave Hub” li ser jinbena ftit ’il bogħod mill-kosta ta’ Cornwall fl-2010. Permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), dan ser joħloq l-ewwel faċilità offshore li turi fuq il-post stess il-firxa ta’ strumenti li jiġġeneraw l-enerġija mill-mewġ. Il-proġett huwa kollaborazzjoni bis-sehem tas-settur pubbliku u privat u s-settur tar-riċerka.

(8)  Fost dawn insibu dawn iż-żewġ strateġiji: “Capturing the Potential - A Green Jobs Strategy for Wales”, ippubblikata mill-Gvern tal-Assemblea ta’ Wales fid-9 ta’ Lulju 2009 u “Going for green growth: a green jobs strategy for Scotland”, ippubblikata mill-Gvern Skoċċiż f’Ġunju 2005.

(9)  Il-Muniċipalità ta’ Thisted fid-Danimarka hija eżempju tajjeb tal-azzjoni li ħadet il-komunità biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Permezz ta’ din l-azzjoni, iktar minn 100 % tal-konsum tal-elettriku u iktar minn 80 % tal-konsum tas-sħana sar mingħajr l-użu tal-karburanti fossili. Ara www.climate.thisted.dk

(10)  Insibu diskussjoni tajba dwar dan is-suġġett f’“The Spirit Level: Why More Equal Societies Almost Always Do Better” tal-Professur Richard Wilkinson u Dr Kate Pickett, (Allen Lane, Marzu 2009). Il-Pjattaforma Soċjali qed titlob għal sistema Ewropea tal-paga minima, u saru talbiet ukoll biex l-UE timpenja ruħha li tirrispetta l-istandards tal-ILO dwar ix-xogħol dinjituż.

(11)  “… li sal-2010 jingħataw servizzi tal-kura tat-tfal lil mill-anqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja, u lil mill-anqas 33 % tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin.” Ara http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/71025.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  COM(2009) 77: L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009.

(13)  Il-Global Economics Paper Nru 164 “Women Hold Up Half the Sky” ta’ Goldman Sachs, li ħarġet fl-2007, tressaq l-argument li t-tnaqqis fl-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel isaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. Il-Gvern Norveġiż daħħal kwota biex jiżgura li mill-inqas 40 % tal-membri tal-bord ta’ kull kumpanija privata għandhom ikunu nisa, fuq il-bażi li l-kwoti huma iktar effettivi mil-lat ekonomiku. Il-Bank Dinji, fl-Issues Brief “The World Bank and Gender Equality”(April 2009) iressaq l-argument li l-faqar ma jistax jinqered sakemm ma tinkisibx l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jikkunsidra r-restrizzjoni tal-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa bħala “ekonomija ħażina”.

(14)  Pereżempju, f’Wales saru sitt Summits Ekonomiċi minn Ottubru 2008 ’l hawn. Dawn laqqgħu l-partijiet interessati kollha biex ifittxu soluzzjonijiet għall-kriżi. Il-gvern ta’ Wales uża wkoll l-FSE biex jiffinanzja taħlita ta’ sussidji għall-pagi u sussidji għat-taħriġ għal dawk li jimpjegaw ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja reċentement (REACT) u li jżommu ħaddiema mhedda bis-sensja (PROACT). Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi u Marittimi adottat manifest, “Emerging stronger from the crisis: a European Territorial Pact”, li jirrikonoxxi r-reazzjonijiet reġjonali għall-kriżi fl-Ewropa, u jitlob li tissejjaħ laqgħa speċjali tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali (inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni) biex jiddiskutu r-reazzjonijiet fit-tul għall-kriżi.

(15)  Il-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali, stabbilita mill-President Franċiż, Nicolas Sarkozy biex tistabbilixxi indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku u soċjali li jmorru lil hinn mill-PGD, hija ta’ interess partikolari f’dan ir-rigward.

(16)  L-Istrateġija l-ġdida għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Gvern ta’ Wales, One Planet: One Wales, tistabbilixxi ħames indikaturi ta’ livell għoli biex il-pajjiż ikun jista’ jindirizza l-elementi ewlenin tal-istrateġija: (i) l-impatt ekoloġiku (carbon footprint) (ii) il-bijodiversità (iii) il-Valur Gross Miżjud (ekwivalenti għall-miżura tal-PGD) (iv) id-djar bi dħul baxx (v) il-benesseri.