5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/111


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Il-qagħda fil-Madagaskar

P6_TA(2009)0392

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-qagħda fil-Madagaskar

2010/C 212 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Presidenza tas-17 u l-20 ta' Marzu 2009, f'isem l-UE,

wara li kkunsidra l-kolpi ta' stat militari f'dawn l-aħħar xhur fil-Mawritanja u fil-Ginea-Conakry u s-sanzjonijiet sussegwenti imposti mill-komunità internazzjonali,

wara li kkunsidra l-laqgħa konsultattiva inawgurali tal-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar li saret f'Addis Ababa fit-30 ta' April 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi wara xahrejn ta' taqbid qalil, fis-17 ta' Marzu 2009, Andry Rajoelina, ex-Sindku tal-belt kapitali tal-Madagaskar (Antananarivo), wettaq kolp ta' stat fil-Madagaskar bl-għajnuna tal-armata,

B.

billi dik li pproklamat lilha nnifisha bħala l-Awtorità Għolja ta' Tranżizzjoni, ippreseduta minn Andry Rajoelina, issospendiet l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat u, wara pressjoni mir-ribelli, il-President elett demokratikament Marc Ravalomanana kien imġiegħel jitlaq mill-Madagaskar,

C.

billi Andry Rajoelina, li kien elett f'Diċembru 2007 bħala s-sindku tal-belt kapitali Antananarivo, kien tneħħa bil-forza mill-gvern preċedenti fi Frar 2009,

D.

billi l-għadab pubbliku kien ġie aggravat mill-pjan tal-gvern preċedenti li jagħti b'kera tal-anqas miljun ejker ta' art fin-nofsinhar tal-pajjiż lil kumpanija Koreana għal biedja intensiva,

E.

billi din il-bidla mhux kostituzzjonali fil-gvern hija pass serju ieħor lura fil-proċessi ta' demokratizzazzjoni li qed iseħħu fil-kontinent, li jsaħħaħ it-tħassib dwar il-feġġien mill-ġdid tal-flaġell tal-kolpi ta' stat fl-Afrika, kif ġie ddikjarat fit-12-il Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana li saret f'Addis Ababa bejn l-1 u l-4 ta' Frar 2009,

F.

billi wara li kkunsidra l-arrest arbitrarju tal-Prim Ministru Manandafy Rakotonirina, li kien inħatar mill-President il-ġdid, u ta' membru ieħor tal-gvern tiegħu,

G.

billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali li tagħhom huwa membru l-Madagaskar ma jirrikonoxxux dan ir-reġim de facto u qegħdin jitolbu biex jerġa' jkun hemm gvern kostituzzjonali,

H.

billi l-Madagaskar jinsab sospiż mill-gruppi reġjonali li tagħhom huwa membru – l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) – kif ukoll mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pajjiżi li Jitkellmu bil-Franċiż u mill-Unjoni Interparlamentari; billi l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tal-Amerika, in-Norveġja u Franza kkundannaw il-ksur tal-istat tad-dritt u l-ordni kostituzzjonali rrappreżentat mill-kolp ta' stat u ssospendew kull għajnuna,

I.

billi, fil-qafas tad-Djalogu bejn l-Afrika u l-UE, it-12-il Laqgħa Ministerjali tat-Trojki Afrikani u tal-UE li saret fil-Lussemburgu fit-28 ta' April 2009 talbet li jsiru elezzjonijiet nazzjonali bikrin u biex il-Madagaskar terġa' lura għall-ordni kostituzzjonali,

J.

billi minn dakinhar li Andry Rajoelina nħatar bħala Kap ta' Stat de facto, baqa' jkun hemm dimostrazzjonijiet paċifiċi minn għaxriet ta' eluf ta' nies fil-belt kapitali, li trażżnu bil-forza mill-forzi militari tal-Madagaskar,

K.

billi r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali għandu jkun ibbażat fuq l-għanijiet u l-prinċipji li ġejjin: skeda ċara li twassal għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti; l-involviment tal-parteċipanti interessati politiċi u soċjali kollha tal-pajjiż, fosthom il-President Marc Ravalomanana u persuni importanti oħrajn; it-tħeġġiġ ta' konsensus fost il-partiti tal-Madagaskar; ir-rispett għall-Kostituzzjoni tal-Madagaskar; u l-konformità mal-istrumenti rilevanti tal-UA u mal-impenji internazzjonali tal-Madagaskar,

L.

billi l-laqgħa konsultattiva inawgurali tal-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar imsemmija hawn fuq attendew għaliha rappreżentanti tan-NU, l-UA u l-UE kif ukoll ta' ħafna organizzazzjonijiet reġjonali u pajjiżi bil-għan li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-komunità internazzjonali sabiex jerġa' lura mill-aktar fis l-ordni kostituzzjonali fil-Madgaskar,

M.

billi n-NU talbet USD 35.7 miljun f'għajnuna umanitarja għall-pajjiż, għax stenniet skarsezza ta' ikel imħabbra għal aktar tard dis-sena minħabba t-taqlib li ġie kkawżat mill-kriżi politika,

N.

billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni li qed jgħixu b'anqas minn USD 1 kuljum u d-dħul limitat naqqsu l-kapaċità ta' ħafna familji li jkollhom aċċess għall-ikel, għall-ilma u għas-servizzi sanitarji, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni,

O.

billi l-pajjiż intlaqat minn tliet snin konsekuttivi ta' nixfa u ħsad dgħajjef, prezzijiet tal-ikel li għolew ħafna, nuqqas ta' sigurtà kronika fl-ikel, kif ukoll minn ċikluni,

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat u t-tentattivi kollha sabiex jinħataf il-poter permezz ta' mezzi mhux demokratiċi;

2.

Jitlob biex il-pajjiż minnufih jerġa' lura għall-ordni legali u kostituzzjonali u jħeġġeġ il-partiti tal-Madagaskar sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tal-Madagaskar għas-soluzzjoni tal-kriżi;

3.

Jiddispjaċih għas-sospensjoni tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat u jitlob li dawn jerġgħu jiġu istitwiti minnufih, u jħeġġeġ biex il-mandati u l-immunitajiet tal-Membri Parlamentari jkunu rispettati sakemm isiru elezzjonijiet Parlamentari demokratiċi ġodda;

4.

Jistieden lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tintemm il-vjolenza politika fil-Madagaskar;

5.

Hu tal-fehma li l-istabilità, il-prosperità u l-libertajiet demokratiċi jistgħu jkunu ggarantiti biss permezz ta' proċess ta' djalogu konsenswali u inklużiv li jindirizza l-għeruq tal-kawżi ta' bosta problemi tal-pajjiż – ekonomiċi, soċjali, politiċi u ambjentali – u li jkun aċċettat mill-partiti kollha u jwassal għal konsultazzjoni diretta mal-poplu tal-Madagaskar;

6.

Jistieden lill-parteċipanti politiċi kollha biex ipoġġu l-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-faqar fuq nett fl-aġenda tagħhom, bil-għan li jtejbu t-tqassim tal-ġid u l-istandard tal-għajxien tal-popolazzjoni billi jimplimentaw politika ta' żvilupp sostenibbli soda li tkopri s-servizz bażiku tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, eċċ.;

7.

Jappoġġja l-inizjattivi li ttieħdu mill-organizzazzjonijiet reġjonali u d-deċiżjoni tal-UA li tistabbilixxi driegħ operattiv tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Madagaskar f'Antananarivo, bil-presidenza tal-Mibgħut Speċjali tal-President tal-Kummissjoni tal-UA, Ablassé Ouedraogo;

8.

Jistieden lill-Mibgħut Speċjali tal-UA għall-Madagaskar sabiex, b'koperazzjoni mar-rappreżentanti tal-komunità internazzjonali f'Antananarivo u fid-dawl tad-diskussjonijiet li diġà bdew taħt il-patroċinju tal-UA u n-NU, jagħmel kuntatt mal-partiti tal-Madagaskar sabiex jintlaħaq ftehim magħhom dwar il-modi u l-mezzi biex ikun hemm ritorn malajr għall-ordni kostituzzjonali;

9.

Jiġbed l-attenzjoni għall-qagħda umanitarja li marret għall-agħar fil-pajjiż, li kompliet teħżien minħabba l-iżviluppi politiċi attwali, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE, biex tipprovdi aktar għajnuna umanitarja sabiex tittaffa t-tbatija tal-poplu tal-Madagaskar;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet leġittimi tar-Repubblika tal-Madagaskar, lill-Awtorità Għolja ta' Tranżizzjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-UA, lill-SADC, lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Fond Ċentrali tan-NU għar-Rispons f'Emerġenza u lill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji.