5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/106


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni dwar REACH, fir-rigward tal-Anness XVII

P6_TA(2009)0390

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH), fir-rigward tal-Anness XVII

2010/C 212 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH), u li jistabilixxi Aġenzija tal-Kimiki Ewropea (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE tad-19 ta' Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE tas-16 ta' Settembru 1996 dwar ir-rimi tal-polychlorinated biphenyls u l-polychlorinated terphenyls (PCB/PCT) (3),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru… li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH)), fir-rigward tal-Anness XVII (“l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni”),

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jirrevoka u jbiddel id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri marbuta mar-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi b'effett mill-1 ta' Ġunju 2009,

B.

billi l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif emendat mill-anness tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni, għandu jieħu post l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE li tistabbilixxi restrizzjonijiet għal ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi,

C.

billi l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprovdi li sustanzi, taħlitiet jew prodotti ma jistgħux jiġu mmanifatturati, jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ta' restrizzjonijiet stabbiliti fir-rigward tagħhom fl-Anness XVII,

D.

billi l-punt 2, numru 6 tal-anness tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni għandu l-għan li jestendi l-projbizzjoni attwali rigward it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-fibri tal-asbestos u ta' prodotti li fihom dawk il-fibri għall-manifattura ta' dawk il-fibri u l-prodotti li jkun fihom il-fibri tal-asbestos,

E.

billi l-punt 2, numru 6 tal-anness imsemmi hawn fuq tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni jżomm l-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni tal-fibri tal-asbestos

għall-prodotti li jkun fihom il-fibri tal-asbestos li diġà jkunu ġew installati jew użati qabel l-1 ta' Jannar 2005 skont kundizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; u

u għal dijaframmi li jkun fihom il-chrysolite f'installazzjonijiet tal-elettroliżi eżistenti,

F.

billi ebda asbestos ġdid ma jista' jitqiegħed fis-suq tal-Komunità, bl-eċċezzjoni ta' dijaframmi għall-elettroliżi, u billi m'hemm ebda dispożizzjoni speċifika tal-Komunità għall-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol meta jitneħħa l-asbestos, u sfortunatament m'hemm ebda dispożizzjoni tal-Komunità għad-dekontaminazzjoni ta' prodotti li fihom l-asbestos, li jħalli dan kollu f'idejn il-kompetenza tal-Istati Membri,

G.

billi l-asbestos jibqa' responsabbli għal għadd sostanzjali ta' mardiet minħabba l-espożizzjoni għall-fibri tal-asbestos,

H.

billi d-Direttiva 96/59/KE stabbiliet obbligi fuq l-Istati Membri għad-dekontaminazzjoni jew ir-rimi ta' tagħmir li jkun fih il-PCBs u/jew ir-rimi ta' PCBs użati sabiex jiġu eliminati għalkollox; billi l-Komunità għandha tieħu azzjonijiet simili dwar il-fibri tal-asbestos,

I.

billi l-leġiżlazzjoni tal-Komunità tkopri sitt minerali tal-asbestos (crocidolite, amosite, anthophyllite, actinolite, tremolite u chrysolite) iżda għadha ma tkoprix il-minerali bl-istruttura tal-asbestos, bħar-richterite u l-winchite, anki jekk jistgħu jitqiesu bħala anqas ta' ħsara mit-tremolite, amosite jew crocidolite u jistgħu jintużaw bl-istess mod f'materjali ta' iżolament,

J.

billi wara l-wasla tar-rapporti tal-Istati Membri li qed jagħmlu użu mill-eżenzjoni tad-dijaframmi, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-eżenzjoni u titlob lill-Aġenzija biex tħejji dossier skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 bil-għan li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tad-dijaframmi li jkun fihom il-chrysolite,

K.

billi xi partijiet interessati jsostnu li d-deroga trid tintemm minnufih, għaliex diġà jeżistu tekonoloġiji sostitutivi (membrani ħielsa mill-asbestos) li qegħdin jintużaw mill-biċċa l-kbira tal-manifatturi Ewropej tal-kimiki,

L.

billi l-aktar mod effikaċi biex titħares is-saħħa tal-bniedem tabilħaqq ikun li jiġi pprojbit l-użu tal-fibri tal-asbestos chrysolite u l-prodotti li jkollhom minnhom mingħajr ebda eżenzjoni,

M.

billi llum jeżistu sostituti jew alternattivi għal bosta użi li jifdal għall-asbestos chrysolite li mhumiex ikklassifikati bħala karċinoġeni u li jitqiesu bħala inqas perikolużi,

N.

billi fir-reviżjoni dwar id-deroga tad-dijaframmi tal-asbestos chrysolite (5) imwettqa skont id-Direttiva 76/769/KEE, ġew eżaminati u tqiesu kemm l-impatti fuq is-saħħa kif ukoll l-impatti ekonomiċi meta l-Kummissjoni ressqet l-istrateġija differenzjata tagħha kif stabbilit mill-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni appoġġjat mill-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri,

1.

Fid-dawl ta'

l-istrateġija meħuda mill-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni biex jiġu eliminati gradwalment il-fibri tal-asbestos fi żmien medju,

ir-reviżjoni tad-deroga tad-dijaframmi tal-asbestos chrysolite imwettqa skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/77/KE, u

l-istqarrija li saret mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fl-20 ta' Frar 2008,

iżomm milli jmur kontra l-adozzjoni tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni;

2.

Jinnota r-reviżjoni li tikkonċerna d-deroga tad-dijaframmi tal-asbestos chrysolite u jenfasizza li l-installazzjonijiet b'vultaġġ għoli jistgħu jitħaddmu b'suċċess b'materjali alternattivi, u li xi installazzjonijiet ta' dan it-tip fl-UE diġà nbidlu;

3.

Jenfasizza li attwalment erba' Stati Membri għadhom qegħdin jużaw id-dijaframmi tal-asbestos fl-installazzjonijiet li huma tat-tip li jużaw vultaġġ baxx li għalihom ebda materjal tad-dijaframma alternattiv mhuwa disponibbli minkejja programm ta' riċerka konsiderevoli li sar mill-kumpaniji kkonċernati;

4.

Jenfasizza li, skont ir-reviżjoni tad-deroga tad-dijaframmi tal-asbestos chrysolite, l-espożizzjoni potenzjali għall-ħaddiema teżisti biss meta d-dijaframmi jkollhom jinbidlu (il-ħajja tagħhom ma taqbiżx l-għaxar snin) minħabba li ċ-ċelloli tal-elettroliżi jingħalqu b'mod ermetiku matul l-operazzjoni biex il-gass kloru ma joħroġx u l-industrija tirrapporta li l-limiti ta' espożizzjoni tal-ħaddiema għall-chrysolite qegħdin jiġu osservati bis-sħiħ;

5.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni stretta tad-Direttiva 83/477/KEE;

6.

Jiddispjaċih li s'issa ma kienx possibbli li tiġi stabbilita lista Ewropea ta' prodotti eżentati mill-projbizzjoni skont il-punt 2, numru 6, tal-anness tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi minnufih lista bħal din wara l-komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali rilevanti, iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2012;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2009 dwar ir-rimi kkontrollat tal-fibri tal-asbestos u d-dekontaminazzjoni jew ir-rimi ta' tagħmir li jkun fih il-fibri tal-asbestos sabiex jiġu eliminati għalkollox;

9.

Barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strateġija għall-projbizzjoni tal-forom kollha ta' asbestos u ta' kull tip ta' użu marbut mal-fibri tal-asbestos sal-2015, fosthom rekwiżiti ta' esportazzjoni xierqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar il-vjeġġi ta' skart, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-prossimità kif stabbilit fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart, billi l-asbestos għadu jaħti għal għadd sostanzjali ta' mardiet marbuta mal-espożizzjoni għall-fibri tal-asbestos;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 263, 24.9.1983, p. 25.

(3)  ĠU L 243, 24.9.1996, p. 31.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/markrestr/index_en.htm