5.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 212/6 |
L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2009
L-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni
P6_TA(2009)0357
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni
2010/C 212 E/03
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz tal-ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 12 tagħha,
wara li kkunsidra l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni,
wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-30 ta' Marzu 2009 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/75/KEE,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2006 bl-isem Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: it-Twettiq tal-Potenzjal (COM(2006)0545),
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (COM(2008)0778),
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-5 ta' Mejju 2009 dwar id-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (tfassil mill-ġdid) (2),
wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (3),
wara li kkunsidra l-Artikolu 81(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. |
billi l-għan ewlieni tad-Direttiva 92/75/KEE (id-Direttiva Qafas) kif dikjarat fl-Artikolu 1 tagħha hu li ‘li jippermetti l-armonizzazzjoni ta' miżuri nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni, b'mod partikolari b'mezzi ta' ittikkettjar u b'informazzjoni dwar il-prodott, b'informazzjoni dwar il-konsum ta' enerġija u dwar riżorsi essenzjali oħra, u b'informazzjoni addizjonali dwar ċertu tip ta' apparat tad-dar, u b'hekk tħalli lill-konsumaturi jagħżlu apparat aktar effiċjenti fl-enerġija”, |
B. |
billi d-Direttiva Qafas tgħid ukoll li ‘l-provvediment ta' informazzjoni preċiża, relevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta' enerġija ta' apparat tad-dar tista' tinfluwenza l-għażla tal-pubbliku favur dak l-apparat li jikkonsma inqas enerġija”, |
C. |
billi, kif muri fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (SEC(2008)2862), it-tikketta oriġinali A-G, li kienet effettiva, serviet bħala mudell f'pajjiżi differenti madwar id-dinja, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Arġentina, iċ-Ċilì, l-Iran, Iżrael u l-Afrika t'Isfel, |
D. |
billi t-televiżjoni huma apparat li jikkonsma ħafna enerġija, l-inklużjoni ta' din il-kategorija mal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva Qafas, toffri potenzjal konsiderevoli biex tkun iffrankata l-enerġija, |
E. |
billi l-ittikkettar tal-enerġija ta' televiżjonijiet għandu jkun konsistenti kemm jista' jkun mal-iskemi tal-ittikkettar tal-enerġija stabbiliti għal apparat ieħor tad-dar, |
F. |
billi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq hemm li ‘Il-klassifikazzjonijiet tal-ittikkettar eżistenti se jkunu aġġornati u kklassifikati mill-ġdid kull ħames snin jew kull meta żviluppi teknoloġiċi ġodda jiġġustifikaw li jsir dan, fuq il-bażi ta' studji tal-ekodisinn, bil-għan li t-tikketta A tkun mogħtija lill-10-20 % fost l-apparat l-aktar effiċjenti”, |
G. |
billi, huwa essenzjali biex ikun hemm implimentazzjoni b'suċċess tal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija, li jiddaħħlu miżuri li jagħtu informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija ta' apparat tad-dar li tkun ċara, kompensiva, kumparabbli u faċli tiftiehem mill-konsumatur, |
H. |
billi l-fatt li l-konsumatur qed jagħżel li jixtri ammont akbar ta' apparat li jkun effiċjenti minflok apparat anqas effiċjenti se jżid id-dħul finanzjarju tal-produtturi tal-apparat, |
I. |
billi l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tad-disinn tat-tikketta tal-enerġija u tal-klassi tal-effiċjenza tal-enerġija, tintroduċi bidla oħra billi żżid klassi A ġdida (pereżempju, A-20 %, A-40 %, A-60 %) li għandha l-possibilità li tħawwad aktar lill-konsumaturi, tfixkilhom milli jifhmu sew l-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija u ddgħajjef il-kapaċità tagħhom li jagħżlu apparat li jkun aktar effiċjenti fl-enerġija, |
J. |
billi numru żgħir ta' bidliet tekniċi lit-tikketta jista' jwassal f'tikketta li tkun ferm aktar ċara u li tiftiehem aħjar mill-konsumaturi, |
K. |
billi l-evidenza turi li l-konsumaturi isibu l-iskala A-G ċara, imma l-Kummissjoni ma għamletx evalwazzjoni tal-impatt biex turi jekk il-klassi A-20 %, A-40 %, A-60 % flimkien mal-klassijiet inferjuri mingħajr klassifika jgħinux jew jiżgwidawx lill-konsumatur, |
L. |
billi r-riklassifikazzjoni tal-prodotti eżistenti fi skala magħluqa A-G partikolarment se tevita l-ħolqien ta' klassijiet inferjuri mingħajr klassifika li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi, |
M. |
billi l-introduzzjoni ta' klassijiet ta' effiċjenza addizzjonali fit-tikketti eżistenti A-G, anke fil-każ ta' prodotti oħra, x'aktarx iżid il-konfużjoni dwar jekk il-klassi ‘A” tirrapreżentax prodott effiċjenti jew ineffiċjenti, |
N. |
billi din il-miżura ma sservix biex jintlaħaq l-għan tal-istrument bażiku li tkun provduta informazzjoni preċiża, relevanti u kumparabbli lill-konsumaturi, |
O. |
billi l-Kummissjoni ressqet proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva Qafas li tista' tintroduċi aktar bidliet li jista' jkollhom effett fuq il-miżuri implimentattivi proposti, |
1. |
Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni; |
2. |
Jikkunsidra li din id-direttiva qafas tal-Kummissjoni mhijiex kumpatibbli mal-għan tal-istrument bażiku; |
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tad-direttiva u tressaq oħra ġdida, ibbażata fuq l-iskala A-G, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/75/KEE malajr kemm jista' jkun, u definittivament mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2009; |
4. |
Iqis id-disinn tat-tikketta bħala element essenzjali tad-direttiva tat-tikketta dwar l-enerġija, li għandu jkun deċiż bħala parti mir-reviżjoni u mir-riformulazzjoni attwali skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni; |
5. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0345.
(3) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.