8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/75


Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009
Il-Governanza fil-PKS: il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u atturi oħra

P6_TA(2009)0317

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-Governanza fil-Politika Komuni dwar is-Sajd: il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u atturi oħra (2008/2223(INI))

2010/C 184 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 657/2000 tas-27 ta' Marzu 2000 dwar djalogu eqreb mas-settur tas-sajd u ma' gruppi milquta mill-politika komuni tas-sajd (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 71/128/KEE, 1999/478/KE u 2004/864/KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/619/KE, imġedda fl-2005 mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 74/441/KEE u 98/500/KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE tad-19 ta' Lulju 2004 li tistabbilixxi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (3) kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/409/KE tal-11 ta' Ġunju 2007 (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-17 ta' Ġunju 2008 bl-isem “Analiżi ta' l-operat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali” (COM(2008)0364 finali),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0187/2009),

A.

billi l-governanza istituzzjonali tal-Politika Komuni dwar is-Sajd tinvolvi l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akwalkultura (ACFA), il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF), il-Kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar (SSDC) u l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs),

B.

billi l-governanza tal-Politika Komuni dwar is-Sajd tinvolvi wkoll l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri,

C.

billi l-Komunità tipparteċipa f'diversi Organizzazzjonijiet għas-Sajd Reġjonali u qed jiġu konklużi wkoll Ftehimiet ta' Sħubija għas-Sajd ma' pajjiżi terzi,

D.

billi, skont it-Trattat ta' Liżbona, il-Parlament Ewropew se jibqa' jkun eskluż mill-istabbiliment tal-Qabdiet Totali Permessa(TAC) u l-kwoti,

E.

billi l-attendenza ta' Membri tal-Parlament waqt il-laqgħat tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għas-Sajd huma attwalment fuq bażi ad hoc,

F.

billi l-komunikazzjoni li tikkonċerna l-operat reali tal-ftehimiet ta' Sħubija għas-Sajd, inklużi l-attivitajiet tal-Kumitati ta' Monitoraġġ Konġunt, tista' tkun aktar sodisfaċenti,

G.

billi l-STECF ġie stabbilit fl-1993, il-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd ġie stabbilit fl-1971, u ngħata l-isem ġdid ta' Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (AFCA) fl-1999, u l-Kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar ġie stabbilit fl-1999, meta ssostitwixxa Kumitat Konġunt li kien ilu jeżisti mill-1974,

H.

billi s-seba' RACs bħalissa kollha qegħdin jaħdmu,

I.

billi ġie stabbilit Kumitat Inter-RAC u dan iwettaq laqgħat ta' koordinazzjoni mal-Kummissjoni,

J.

billi l-Kummissjoni dan l-aħħar wettqet evalwazzjonijiet tal-AFCA u tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, imma s'issa ma wettqet l-ebda evalwazzjoni tal-ħidma tal-STECF,

K.

billi l-evalwazzjoni tal-AFCA għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet operazzjonali u ssuġġeriet diversi għażliet għall-futur fit-tul tiegħu,

L.

billi l-evalwazzjoni tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali kienet pożittiva, imma l-Kummissjoni identifikat għadd ta' azzjonijiet, li ma jirrikjedux leġiżlazzjoni ġdida, biex jittejjeb l-operat tagħhom,

M.

billi l-partijiet kollha qablu li hemm bżonn ta' djalogu aktar b'saħħtu bejn ix-xjenzjati u s-sajjieda u l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali wkoll talbu li jkun hemm input soċjoekonomiku aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet,

N.

billi ċerti Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u Membri tal-Parlament esprimew ix-xewqa li jkun hemm relazzjoni aktar formali,

O.

billi l-attività li qed tiżdied min-naħa tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali qed tkun mxekkla minn fondi limitati u mill-approċċ burokratiku u inflessibbli wisq tal-Kummissjoni għall-immaniġġjar u l-kontroll finanzjarju fir-rigward tal-fondi allokati lilhom,

P.

billi l-Kummissjoni qalet li se tisma' l-fehmiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u ta' dawk li għandhom interess fil-qasam qabel ma tintroduċi regoli legali ġodda,

Q.

billi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni sikwit jonqsu milli jattendu l-laqgħat tal-grupp tal-ħidma tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali,

R.

billi, madankollu, diġà hemm evidenza li jkun hemm aktar konformità mar-regoli tal-Politika Komuni dwar is-Sajd meta dawk li għandhom sehem fil-qasam ikunu involuti fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tagħhom,

S.

billi hemm kwantità kbira ta' żoni Komunitarji fejn isir sajd kummerċjali, u kull waħda minnhom għandha l-karatteristiċi tagħha,

T.

billi diġà qed iseħħu konsultazzjonijiet dwar ir-riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd,

U.

billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali mhux dejjem jingħataw attenzjoni xierqa, b'mod speċjali meta ma jkunux ġew approvati b'mod unanimu mill-kumitati eżekuttivi,

1.

Jitlob biex il-membri tal-Kumitat għas-Sajd tiegħu jingħataw l-istatus ta' osservaturi waqt il-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri għas-Sajd;

2.

Jitlob li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament biex iwettqu x-xogħol meħtieġ biex jintlaħaq ftehim ġenwin li jistipula l-forom standard ta' parteċipazzjoni għall-membri tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament fl-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar tas-sajd reġjonali (regional fisheries management organisations -RFMOs) u korpi internazzjonali oħra li l-laqgħat tagħhom huma ddedikati għal diskussjoni ta' suġġetti li jaffettwaw il-Politika tas-Sajd Komuni, bl-intiża li dan m'għandu bl-ebda mod ixekkel l-istatus preżenti tagħhom ta' osservaturi f'laqgħat li għalihom ikun ġie miftiehem dan l-arranġament;

3.

Jitlob ukoll lill-Kunsill, bi qbil mal-Kummissjoni u l-Parlament, sabiex jippermetti l-membri tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament biex iservu fil-Kumitati Konġunti mwaqqfa fil-qafas tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd, biex ikun possibbli li jitwettaq segwitu adegwat ta' dawn il-ftehimiet; b'żieda ma' dan isemmi li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona iġib miegħu responsabilitajiet akbar għall-Parlament, minħabba li l-ftehimiet ta' sħubija jkollhom jiġu approvati permezz tal-proċedura ta' kunsens;

4.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jkun żgurat li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jattendu l-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati eżekuttivi tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali b'mod aktar regolari;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tavża lill-Parlament dwar il-konsultazzjonijiet kollha li qed iseħħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-Politika Komuni dwar is-Sajd u l-politika marittima;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tal-STECF;

7.

Jinnota r-riżultat tal-evalwazzjoni tal-AFCA u li l-Kummissjoni qed tistenna r-rakkomandazzjonijiet tal-AFCA innifsu dwar:

definizzjoni aktar ċara tal-irwol u l-objettivi tiegħu, b'kompożizzjoni rappreżentattiva li tirriflettihom b'mod xieraq u li tkun verament rappreżentattiva, u parteċipazzjoni aħjar mill-Istati Membri aktar ġodda;

il-metodi ta' ħidma tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqassim tal-attivitajiet bejn il-laqgħat plenarji u l-gruppi ta' ħidma, l-għadd u l-mandati tagħhom, u l-proċeduri tagħhom;

formulazzjoni aħjar tal-mistoqsijiet indirizzati lilu;

titjib tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni permezz tal-midja elettroniċi, ta' aċċess aktar dirett għad-data u faċilitajiet imtejba ta' traduzzjoni u interpretazzjoni;

livell xieraq ta' fondi u l-aħjar mezzi biex jiġu sostnuti l-funzjonijiet ta' appoġġ;

8.

Jenfasizza l-importanza li jkun evitat l-irdoppjar, b'mod partikulari mal-ħidma tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali;

9.

Jinnota li s-settur tas-sajd għadu ma jitqisx li għandu vuċi suffiċjenti fid-deċiżjonijiet li jaffettwawh; jinnota d-differenzi f'termini ta' rwoli u ħidma, bejn l-ACFA u l-RACs, minħabba li l-ACFA għandu rwol konsultattiv li jinkludi s-CFP kollha u jkopri ż-żona Komunitarja kollha, filwaqt li l-irwol tal-RACs huwa li jagħtu parir speċjalizzat fi ħdan il-kamp ta' influwenza tagħhom; għaldaqstant iqis li l-koeżistenza tal-korpi konsultattivi differenti tgħin biex tiġi żgurata kompatibilità mal-politika marittima u tal-baħar, u l-immaniġġjar integrat taż-żoni kostali;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali:

iżżid il-viżibilità tagħhom u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni minn firxa usa' ta' persuni li għandhom interess fil-qasam;

ittejjeb l-aċċess tagħhom għal evidenza u data xjentifika u r-relazzjoni mal-STECF;

tinvolvihom kemm jista' jkun minn kmieni fil-proċess ta' konsultazzjoni;

tipprovdi punti ta' referenza (benchmarks) li jippermettu evalwazzjoni tal-konsistenza tal-pariri tagħhom mal-objettivi tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jkun informati dwar l-użu li jsir minnhom;

11.

Jikkunsidra li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali attwalment mhumiex iffinanzjati biżżejjed għal-livell ta' xogħol li qed iwettqu; jinnota li l-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar l-immaniġġjar finanzjarju imma jemmen li hemm bżonn ta' djalogu ulterjuri f'dan ir-rigward u li għandhom jiġu esplorati l-alternattivi għas-sistema attwali;

12.

Jemmen li aktar parteċipazzjoni fil-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali tirrikjedi reviżjoni tal-kompożizzjoni tagħhom imma li l-bilanċ attwali bejn l-industrija tas-sajd u organizzazzjonijiet oħra m'għandhiex tiġi mfixkla;

13.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi organizzazzjonijiet li fl-RACs iservu bħala “gruppi ta” interess oħrajn' repetutament jieħdu vantaġġ mill-preżenza tagħhom, anke jekk ikunu fil-minoranza, biex iwaqqfu deċiżjonijiet appoġġjati minn maġġoranza ta' rappreżentanti tas-settur tas-sajd u jostakolaw it-teħid ta' deċiżjonijiet b'konsensus;

14.

Jappella biex ikun hemm rabtiet eqreb bejn il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u l-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

15.

Jappella sabiex id-deċiżjonijiet tekniċi u politiċi jkunu separati; Id-deċiżjonijiet politiċi għandhom jiġu adottati b'approċċ reġjonali u d-deċiżjonijiet tekniċi b'approċċ xjentifiku;

16.

Jitlob lill-Kumitat għas-Sajd sabiex, bla ħssara għall-proċeduri ta' approvazzjoni statutorja:

jaħtar membru/i tal-Kumitat bħala persuna(i) ta' kuntatt għal kull Kunsill Konsultattiv Reġjonali u biex jirrapporta/jirrappurtaw dwar l-attivajiet tiegħu,

jiżgura li l-RACs ikunu mistiedna sabiex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat b'ċerta regolarità u, partikolarment, meta l-aġenda tkun tkopri kwistjonijiet li fihom ikunu involuti, sabiex ikunu jistgħu jagħtu pariri jew rakkomandazzjonijiet,

jistabbilixxi proċedura biex jiġi żgurat li s-segretarjat tiegħu u s-segretarjati tar-RACs, u tal-Kumitat Inter-RAC jibqgħu f'kuntatt regolari bl-iskop li jagħmlu skambju u ġbir ta' informazzjoni relatata mal-attivitajiet, il-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom,

jospita konferenza annwali li tinvolvi lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u lill-Kummissjoni;

17.

Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji biex jallokaw fondi adegwati għal dan t'hawn fuq;

18.

Jitlob lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali biex iżommu lill-membri tal-Kumitat għas-Sajd informati dwar l-attivitajiet, il-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom u biex jistidnuhom biex jattendu waqt il-laqgħat;

19.

Jitlob biex kull leġiżlazzjoni futura dwar ir-RAC tagħti lill-membri tal-Parlament l-istatus formali ta' osservaturi attivi waqt il-laqgħat tagħhom;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Inter-RAC biex jagħtu l-kunsens tagħhom biex il-membri tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament ikunu jistgħu jattendu għal-laqgħat ta' koordinazzjoni tagħhom;

21.

Jenfasizza l-importanza tal-Politika Komuni dwar is-Sajd bħala mezz biex tiġi żgurata l-eżistenza ta' standards, prinċipji u regoli li huma applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji kollha u għall-bastimenti Komunitarji kollha;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex taċċetta u tirrispetta bis-sħiħ l-irwol konsultattiv tal-RACs u sabiex, fid-dawl tar-riforma tal-PKS, tipproponi li l-involviment tagħhom fir-responsabilitajiet ta' tmexxija jiżdiedu;

23.

Jemmen ukoll li r-riforma li ġejja tal-PKS għandha tieħu l-opportunità li l-konsolidazzjoni tal-RACs qed tipprovdilha sabiex tiżdied id-deċentralizzazzjoni tal-PKS, sabiex il-miżuri komuni adottati jistgħu jiġu applikati fiż-żoni differenti b'konformità mal-karatteristiċi speċifiċi ta' sajd u ta' kundizzjonijiet ta' sajd differenti;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akwalkultura, lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonmiku dwar is-Sajd, lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat ta' Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar u lill-gvernijiet u lill-parlamenti fl-Istati Membri.


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(2)  ĠU L 80, 31.3.2000, p. 7.

(3)  ĠU L 256, 3.8.2004, p. 17.

(4)  ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68.