6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/166


Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2009
Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

P6_TA(2009)0189

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja (2008/2135(INI))

2010/C 117 E/28

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE tas-7 ta' Settembru 2005 u b'mod partikulari s-sezzjoni dwar l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment, u l-verżjoni riveduta tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tad-29 ta’ Novembru 2003 tar-Raba' Samit Kummerċjali bejn l-UE u l-Indja u speċjalment l-Inizjattiva Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja sabiex jittejjeb il-kummerċ u l-investiment,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-Disa' Laqgħa Round Table bejn l-Indja u l-UE f'Hyderabad bejn it-18 u l-20 ta' Settembru 2005,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kummerċ bejn l-UE u l-Indja ppreżentat lis-Seba' Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Ħelsinki fit-13 ta' Ottubru 2006,

wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tad-29 ta' Settembru 2008 tad-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Marsilja,

wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tat-30 ta' Settembru 2008 tad-Disa' Samit Kummerċjali bejn l-UE u l-Indja li sar f'Pariġi,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-Ftehima dwar Aspetti Kummerċjali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u dwar is-Saħħa Pubblika adottata fid-29 ta’ Novembru 2005,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-proposta għal-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligu tal-liċenzjar tal-privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta' saħħa pubblika (1),

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Fehim dwar il-koperazzjoni bilaterali bejn l- Office of the Controller General of Patents, Designs and Trade Marks (l-Uffiċċju tal-Kontroll Ġenerali tal-Privattivi, Disinni u Trade Marks) u l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, iffirmat fis-29 ta’ Novembru 2006,

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar Intrapriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartita tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-22 ta' Marzu 2006 tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza fir-rigward tar-Responsabilità Soċjali tal-Intrapriżi” (COM(2006)0136),

wara li kkunsidra l-Istatistika tal-Impjiegi tal-OECD tal-2008/2007,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-5 ta' Frar 2008 tal-Kummissjoni bit-titolu “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE” (COM(2008)0055),

wara li kkunsidra l-Ftehima tal-2004 bit-titolu “Il-Pass li jmiss lejn Sħubija Strateġika”, milħuqa bejn l-Indja u l-Istati Uniti, u l-Ftehima dwar l-Użu Ċivili għall-Enerġija Nukleari, negozjata waqt iż-żjara statali tal-President George W. Bush fl-Indja fit-2 ta’ Marzu 2006,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta’ Doħa wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Hong Kong (2),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novemberu 2001 f'Doħa u b'mod partikulari l-paragrafu 44 tagħha rigward Trattament Speċjali u Differenzjali (SDT),

wara li kkunsidra s-Samit dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja li sar f' New Delhi fis-6 ta' April 2006,

wara li kkunsidra t-Tielet Laqgħa dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja tal-20 ta’ Ġunju 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika (3),

wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Klawsoli tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija fil-Ftehimiet tal-UE kkummissjonati mis-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2006 bit-titolu “Ewropa Globali li tikkompeti fid-dinja - Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-qabdiet mid-Dwana ta’ oġġetti ffalsifikati fil-fruntieri esterni tal-UE fl-2007 ppubblikat fid-19 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-analiżi kwalitattiva ta’ Ftehima potenzjali ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Indja miċ-Ċentru għall-Analiżi ta’ Integrazzjoni Reġjonali f’Sussex,

wara li kkunsidra l-Analiżi Ekonomika tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar l-impatt ekonomiku ta’ ftehima potenzjali ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja kkummissjonata mis-Centre d'études prospectives et d'informations internationales (CEPII) u mis-Centre d'initiatives et de recherches européennes en Méditerrannée (CIREM),

wara li kkunsidra ir-rapport dwar l-Analiżi Globali u l-Abbozz tar-Rapport Interim dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibilità Kummerċjali tal-FTA bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indja, imwettqa minn ECORYS,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar “Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Indja” (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar “Il-Ftehima TRIPS u l-aċċess għall-mediċini” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-klawsola tad-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar “Ewropa Globali - aspetti esterni tal-kompetittività” (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-Kummerċ tas-Servizzi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar l-allegazzjoni ta’ oqbra tal-massa fl-inħawi tal-Kashmir amministrati mill-Indja (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-24 ta’ Settembru 2008 dwar il-preparazzjoni għas-Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta' Settembru 2008) (12),

wara li kkunsidra d-Dokument ta Strateġija tal-Pajjiż li jikkonċerna l-Indja (2007-2013),

wara li kkunsidra ż-żjara f’New Delhi mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0131/2009),

A.

billi l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti prijorità lil sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tad-WTO, li toffri l-aħjar prospetti għal kummerċ internazzjonali ġust u ekwu billi tistabbilixxi regoli xierqa u tassigura konformità magħhom,

B.

billi konklużjoni ta' suċċess u bilanċjata tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doħa (DDA) hija ta’ importanza kruċjali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Indja, u billi tali ftehima ma tipprekludix ftehim bilaterali WTO+ li jista' jkun kumplimentari għar-regoli multilaterali,

C.

billi r-relazzjonijiet politiċi mal-Indja huma bbażati fuq is-Sħubija Strateġika tal-2004, fuq il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt tal-2005 adottat fis-Samit bejn l-UE u l-Indja f’Settembru 2005 u rivedut fid-9 Samit bejn l-UE u l-Indja f’Marsilja u fuq il-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1994; billi l-FTA għandha tibni u tespandi fuq il-koperazzjoni diġà prevista fl-Artikolu 24 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni,

D.

billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sors ta’ Investiment Barrani Dirett (FDI) għall-Indja, b' EUR 10.9 biljun (10 900 000 000) investiti fl-2007; billi l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta 65 % tal-flussi kollha tal-FDI fl-Indja fl-2007; billi l-FDI tal-Indja fl-Unjoni Ewropea żdied minn 500 miljun fl-2006 għal EUR 9.5 biljun fl-2007,

E.

billi l-Indja kienet is-17-il sieħba kummerċjali l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea fl-2000 u telgħat fid-disa' post fl-2007; billi bejn l-2000 u l-2006, il-kummerċ fi prodotti bejn l-UE u l-Indja kiber b’madwar 80 %,

F.

billi l-ambjent tal-kummerċ u regolatorju jibqa' restrittiv; billi fl-2008 l-Bank Dinji kklassifika lill-Indja fil-122 post (minn 178 ekonomiji) f’termini ta’ “faċilità sabiex isir il-kummerċ”,

G.

billi kif iddikjarat fir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2007/2008 tal-programm taż-Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Indja tikklassifika fil-128 post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (minn 177 pajjiż), 35 % tal-popolazzjoni Indjana tgħix b’anqas minn dollaru (US) kuljum u 80 % b'inqas minn żewġ dollari (US) kuljum; billi l-Indja tikklassifika fit-62 post fl-indiċi tal-faqar tal-bniedem għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fost il-108 pajjiżi li qed jiżviluppaw li għalihom kien ikkalkulat l-indiċi; u billi l-Indja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ tfal li jaħdmu,

H.

billi l-iżbilanċi ekonomiċi bejn l-Istati tal-Indja, u għalhekk id-distribuzzjoni żbilanċjata tal-ġid u tad-dħul nazzjonali jeħtieġu l-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi kumplamentari u sodi, fosthom l-armonizzazzjoni tat-taxxa u l-iffukar tal-isforzi biex tinbena l-kapaċità fuq l-ifqar Stati, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-fondi,

I.

billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tal-iskema tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi; billi l-importazzjonijiet preferenzjali tal-Unjoni Ewropea mill-Indja żdiedu fil-valur ta’ EUR 11.3 biljun fl-2007 meta mqabbla mad-EUR 9.7 biljun fl-2006,

J.

billi ż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għat-tnaqqis tat-tariffi, għal aktar liberalizzazzjoni ta’ stabbiliment u għall-kummerċ fis-servizzi,

K.

billi l-aċċess għas-suq għandu bżonn ikun akkumpanjat b’regoli u standards trasparenti u xierqa li jassiguraw li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tkun ta’ benefiċċju,

L.

billi l-aċċess għas-suq qed jiġi mfixkel minn ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ (NTBs) bħal rekwiżiti tas-saħħa u tas-sigurta' u ostakoli tekniċi, restrizzjonijiet kwantitattivi, proċeduri ta' konformita', mekkaniżmi ta' difiża tal-kummerċ, proċeduri tad-dwana, tassazzjoni interna, u nuqqas ta' adozzjoni ta' normi u standards internazzjonali; billi l-FTA għandha tinkludi impenji dwar standards soċjali u amjentali u żvilupp sostenibbli u implimentazzjoni effettiva ta' standards miftiehma fuq livell nazzjonali fil-qasam soċjali u ambjentali bħala kondizzjoni meħtieġa biex tiġi appoġġata l-promozzjoni ta' xogħol deċenti permezz ta' implimentazzjoni domestika effettiva ta' standards ċentrali ta' xogħol tal-ILO,

M.

billi għandhom jitqiesu aktar u kif xieraq l-elementi dwar għarfien, protezzjoni xierqa u effettiva, implimentazzjoi u infurzar tad-Drittitjiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRs), inklużi privattivi, trade marks jew service marks, id-dritt tal-awtur u drittijiet simili, indikazzjonijiet ġeografiċi (inklużi tikketti ta’ oriġini), disinn industrijali u topografija taċ-ċirkwiti integrati,

N.

billi l-Indja hija waħda mill-akbar għejun ta’ mediċini ffalsifikati li jinqabdu mis-servizzi tad-dwana tal-Istati Membri (madwar 30 % tat-total); billi mediċini ffalsifikati u ta’ standards baxxi jiffavorixxu r-reżistenza għall-mediċini, u jżidu l-morbożità u l-mortalità,

O.

billi l-Artikolu 1(1) tal-Ftehima ta’ Koperazzjoni jipprevedi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; billi dan jikkonstitwixxi element essenzjali tal-ftehima,

P.

billi skont l-Indiċi tal-Ġuħ Globali tal-2008, l-Indja tinsab fis-66 post minn 88 pajjiż (pajjiżi li għadhom jiżviluppaw u pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni), billi skont l-Indiċi tal-Ġuħ tal-Indja l-ebda Stat Indjan ma jidħol fil-kategoriji ta’ “ftit ġuħ” jew “ġuħ moderat”; tnax-il Stat jidħol fil-kategorija “allarmanti” u erba’ Stati – il-Punjab, Kerala, Haryana u Assam – jidħlu fil-kategorija ta’ “ġuħ serju”,

Q.

billi l-FTA għandha tinkludi impenji li jorbtu u li jista' jiġu infurzati dwar standards soċjali u ambjentali u dwar żvilupp sostenibbli u implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali miftehma fil-qasam soċjali u ambjentali bħala kundizzjoni neċessarja biex tkun appoġġjata l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti permezz ta’ implimentazzjoni domestika effettiva tal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO,

R.

billi l-Indja ma ffirmatx it-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni (NPT); billi l-Grupp tal-Fornituri Nukleari neħħa l-embargo fuq il-kummerċ nukleari tal-Indja u billi l-Kungress tal-Istati Uniti approva l-Ftehima ta’ Koperazzjoni Nukleari bejn l-Istati Uniti u l-Indja,

S.

billi waqt id-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja f’Marsilja ġiet iffirmata Ftehima Orizzontali dwar l-Avjazzjoni u billi l-Indja kklassifikat fil-ħdax-il post f’termini ta’ traffiku ta’ passiġġieri bejn il-pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi; Billi l-Unjoni Ewropea u l-Indja adottaw Pjan ta’ Azzjoni rivedut li estenda s-sħubija strateġika tal-2005 sabiex tkopri setturi oħra, u billi ġie stabbilit Ċentru Ewropew għan-Negozju u t-Teknoloġija fl-Indja,

Kwistjonijiet Ġenerali

1.

Jemmen li l-FTA għandha tkun bilanċjata u kumpatibbli mar-regoli u l-obbligi tad-WTO; iqis li l-prijorità kummerċjali tal-Unjoni Ewropea għadha s-suċċess tal-Aġenda ta’ Doħa għall-Iżvilupp, u li n-negozjati mal-Indja dwar l-FTA għandhom għalhekk ikunu kumplamentari għar-regoli multilaterali;

2.

Ifakkar li s-Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE hija bbażata fuq prinċipji komuni u valuri maqsuma, kif riflessa fil-Ftehima ta’ Koperazzjoni tal-1994 bejn il-KE u l-Indja u fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-2005; l-FTA l-ġdida bbażata fuq il-kompetittività għandha tikkumplimenta l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1994 li magħha għandha tiġi marbuta legalment u istituzzjonalment;

3.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tad-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt rivedut; jinkoraġġixxi l-partijiet tan-negozjati biex ikomplu jikkonsultaw mal-partijiet interessati ewlenin; ifakkar fl-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Indja sabiex iħaffu t-taħdidiet tal-FTA u biex jagħmlu progress sostantiv u effiċjenti lejn il-konklużjoni bikrija ta' ftehima wiesgħa ta' kummerċ u investiment ambizzjuża u bilanċjata; huwa diżappuntat li n-negozjati qed jimxu bil-mod; jitlob liż-żewġ partijiet jikkonkludu FTA komprensiv, ambizzjuż u bilanċjat sal-aħħar tal-2010;

4.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet statali u federali tal-Indja sabiex jissinkronizzaw politiki u proċeduri sabiex jippermettu li jkun massimizzat il-gwadann kollu li jista’ jkun hemm;

5.

Jirrimarka, filwaqt li jibbaża fuq il-komplimentarjetajiet taż-żewġ ekonomiji, dwar il-potenzjal fil-ġejjieni ta’ żieda fil-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Indja u ta’ opportunijiet enormi ta’ kummerċ li joħorġu mill-FTA; iqis li l-FTA bejn l-UE u l-Indja huwa ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat iżda jirrakkomanda li titwettaq evalwazzjoni tad-diffikultajiet eżistenti speċifiċi għas-settur; jenfasizza, barra minn hekk, li l-FTA għandha tiżgura li din iż-żieda fil-kummerċ bilaterali ġġib magħha benefiċċji lill-akbar numru ta’ nies u tikkontribwixxi sabiex l-Indja tilħaq l-Għanijiet tagħha taż-Żvilupp għall-Millennju (MDGs), inkluża l-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali;

6.

Iħeġġeġ lill-partitjiet biex jindirizzaw ukoll l-iżvantaġġi potenzjali tal-FTA u l-modi kif l-iżvilupp tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jintlaqtu ħażin minħabba l-ftuħ imgħaġġel tas-swieq;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi kapitlu dwar żvilupp sostenibbli ambizzjuż bħala parti essenzjali tal-FTA u suġġetta għall-mekkaniżmu standard tas-soluzzjoni tat-tilwim;

Kummerċ tal-Prodotti

8.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati ta’ ħafna simulazzjonijiet ta’ kummerċ ħieles li juru li l-FTA twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet globali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Indja; jenfasizza li bir-rata medja attwali ta’ tkabbir, il-kummerċ bilaterali huwa mistenni li jaqbeż EUR 70.7 biljun sal-2010 u EUR 160.6 biljun sal-2015;

9.

Jinnota li l-Indja naqqset it-tariffi medji applikati għal livelli li issa jistgħu jitqabblu ma’ ta’ pajjiżi oħra fl-Ażja, b’mod partikulari t-tariffa medja applikata tal-Indja li issa hija ta’ 14.5 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 4.1 %;

10.

Iqis li huwa importanti li l-FTA tikkonferma d-dispożizzjonijiet tal-Ftehima dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ u tal-Ftehima dwar is-Sanità u il-Fitosanità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex f’dan ir-rigward tindirizza kwistjonijiet pendenti bħall-benesseri tal-annimali;

11.

Jinnota li l-Indja hija mħassba dwar in-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-istandards mikro-bijoloġiċi fl-Unjoni Ewropea, tal-implikazzjonijiet tar-REACH, ta' ċertifikati li jiswew il-flus biex jiġi esportat il-frott lejn l-Unjoni Ewropea, u ta' proċeduri ta' konformità għall-marka CE li jiswew il-flus, u jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu solvuti fl-FTA; jistieden liż-żewġ partijiet biex jiżguraw li r-regolamentazzjoni u l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ (NTBs) jitmexxew b’mod li l-kummerċ globali ma jkunx imxekkel; jistieden kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Indja biex jaħdmu aktar mill-qrib fil-gruppi differenti ta’ ħidma tagħhom lejn qafas aktar trasparenti għal regolamenti u standards tekniċi; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna teknika biex tappoġġja produtturi Indjani fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-istandards tal-UE, b’mod partikolari fejn jidħlu d-dimensjonijiet ta’ saħħa, dawk ambjentali u soċjali tal-produzzjoni, u b’hekk jinħolqu sitwazzjonijiet fejn minnhom jiggwadanja kulħadd;

12.

Jirrikonoxxi li l-iskema tal-istandards tal-Indja għadha qed tiżviluppa; jistieden lill-Bureau tal-Istandards Indjani u l-Organizzazzjoni Ċentrali ta’ Kontroll Standard tal-Mediċini (CDSCO) biex jgħolli l-istandards tagħhom b'konformità mal-istandards internazzjonali u biex iżidu t-trasparenza billi jtejbu l-proċeduri tagħhom ta' testing u ta’ ċertifikazzjoni; huwa mħasseb dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri u l-istandards sanitarji u fitosanitarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ xieraq biex issaħħaħ il-kapaċità u r-riżorsi umani kwalifikati fi ħdan l-entitajiet regolatorji Indjani;

13.

Jenfasizza li l-FTA għandha tinkludi mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet bejn żewġ stati, dispożizzjonijiet ta' medjazzjoni dwar NTBs u dwar anti-dumping u miżuri dwar dazji tas-sisa protettivi u klawsola ta' eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq l-Artikoli XX u XXI tal-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT);

Il-Kummerċ tas-Servizzi, u l-Istabiliment

14.

Jirrikonoxxi li s-servizzi huma l-iktar parti tal-ekonomija Indjana li qed tikber b'rata mgħaġġla; jinnota li l-Indja għandha interessi offensivi fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-Mode 1 u l-Mode 4 tal-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jinnota li l-Unjoni Ewropea tixtieq tikkonkludi l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali f'Mode 3 f'ħafna mis-servizzi;

15.

Jiġbed l-attenzjoni li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bl-ebda mod m’għandha tfixkel id-dritt biex jiġu regolati s-servizzi, u speċjalment biex jinżammu u jiġu żviluppati servizzi pubbliċi sodi, element essenzjali għall-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija;

16.

Jiġbed l-attenzjoni li skont il-Federazzjoni Indjana tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija sal-2015 il-kummerċ tas-servizzi huwa mistenni li jaqbeż l-EUR 246.8 biljun sa meta l-FTA fis-Servizzi tiġi implimentata;

17.

Jinnota li l-kummerċ fis-servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja huwa relattivament żbilanċjat; l-UE tesporta 1.5 % tas-servizzi tagħha lejn l-Indja, filwaqt li l-Indja tesporta 9.2 % tal-esportazzjoni totali tagħha lejn l-Unjoni Ewropea;

18.

Iħeġġeġ lill-Indja sabiex tiżviluppa leġiżlazzjoni xierqa dwar il-protezzjoni tad-data li tippermetti li l-Indja tilħaq l-istejtus ta’ pajjiż b’livell adegwat ta’ protezzjoni u b'hekk tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, u f’konformità magħha;

19.

Jinnota li l-Indja hija l-ħames l-akbar suq fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fid-dinja u li s-suq tat-telekomunikazzjoni kiber b’rata ta' madwar 25 % fis-sena fl-aħħar 5 snin; fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, jilqa’ r-rilassament tar-restrizzjonijiet dwar is-sjieda barranija iżda jiddispjaċih li għad baqa' restrizzjonijiet għall-politika domestika; jappella għalhekk li jkun hemm tnaqqis tar-restrizzjonijiet tal-liċenzji fuq il-fornituri tas-servizzi; u li titneħħa l-inċertezza politika fis-sistemi ta’ tariffi u interkonnessjonijiet u jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu l-liġijiet antiki li jirregolaw is-settur b’leġiżlazzjoni ġdida li tħares 'il quddiem u li tinkorpora liġijiet dwar iċ-ċibernetika u sistema ġdida ta’ licenzjar; jikkunsidra li t-telekomunikazzjoni u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni huwa setturi ewlenin fl-ekonomija Indjana u li l-Indja għandha tkun il-post ideali għall-manifatturar tat-telekomunikazzjoni billi tiffaċilita Żoni Ekonomiċi Speċjali speċifiċi għat-telekomunikazzjoni; jisħaw li hemm opportunitajiet kbar fis-settur tal-manifatturar;

20.

Fir-rigward is-settur tas-satelliti, jistieden lill-Indja biex twettaq djalogu u tiftaħ is-suq tagħha għal kumpaniji tal-UE sabiex:

(a)

tappoġġja aħjar l-għanijiet ta’ żvilupp nazzjonali u biex tlaħħaq mad-domanda domestika li dejjem qed tikber għal Televiżjoni Direct-To-Home u servizzi tal-broadband, u

(b)

tegħleb it-tħassib dwar sigurtà rigward servizzi bis-satellita fil-qasam tal-mowbajls b’soluzzjonijiet tekniċi ġodda li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali b’kontroll ferm xieraq tal-komunikazzjonijiet tal-mowbajl bis-satellita;

21.

Jilqa'l-impenn tal-Indja sabiex tippermetti kumpaniji legali barranin joperaw fl-Indja billi dan se jkollu benefiċċji sinifikanti fuq l-ekonomika Indjana u l-professjoni legali, kif ukoll għal kumpaniji tal-liġi Ewropea li jaħdmu fil-qasam tal-liġi internazzjonali, u għall-klijenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora mal-awtoritajiet Indjani l-opportunità u l-ambitu tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi legali fl-FTA;

22.

Jinnota li l-ambizzjoni sħiħa tal-FTA ma tistax tintlaħaq mingħajr impenji f’Mode 4; jenfasizza li hemm benefiċċji kbar ħafna konnessi mal-akkreditazzjoni nazzjonali u fl-UE kollha tal-kwalifiki professjonali u ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku u r-rekwiżiti tal-liċenzjar fi ħdan is-servizzi professjonali kemm fl-UE kif ukoll fl-Indja, li jistgħu jkunu koperti faċilment mill-FTA; minkejja dan jitlob li ssir analiżi bir-reqqa tal-qagħda li tikkonċerna l-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea;

23.

Jinkuraġġixxi lill-Indja biex tilliberalizza s-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni;

24.

Jinkuraġġixxi lill-Indja biex tiżgura li l-abbozz postali rivedut li ġej mhux se jnaqqas l-opportunitajiet attwali ta' aċċess għas-suq għall-produtturi tas-servizzi express, u jistieden lill-Kummissjoni tilħaq impenji sħaħ mill-Indja dwar servizzi express kif ukoll dwar self-handling għal trasportaturi tal-merkanzija express fl-ajruporti, bil-ħsieb li jiġu salvagwardjati l-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq ukoll fil-futur;

25.

Jitlob lill-Indja biex tadotta approċċ aktar miftuħ fl-għoti ta’ viżi lil ċittadini u professjonisti tan-negozju u politiċi mill-Istati Membri tal-UE, bi dħul multiplu u b’tul taż-żjara ta’ mill-inqas sena;

Investiment

26

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora kapitolu dwar l-investiment fl-FTA li jista’ jipprevedi sistema ta’ punt uniku għall-informazzjoni għall-investituri;

27.

Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju u t-Teknoloġija fi New Delhi li għandu l-għan li jtejjeb il-koperazzjoni bejn in-negozji u fit-teknoloġija bejn l-Indja u l-Istati Membri;

28.

Ifakkar li l-investimenti jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b’regoli u regolamenti mfassla tajjeb; jafferma mill-ġdid, f’dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar “ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: sħubija ġdida” (13) u jitlob lill-Kummissjoni tassigura li l-kumpaniji transnazzjonali bbażati fl-UE u li għandhom faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-Indja jirrispettaw l-istandards ewlenin tal-ILO, il-patti soċjali u ambjentali u ftehimiet internazzjonali biex jinkiseb bilanċ dinji bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali ogħla;

29.

Jirrikonoxxi li waqt li l-kapitoli ta’ investiment tal-FTA ta’ spiss jiġu akkumpanjati b’impenji biex jiġu liberalizzati l-movimenti ta’ kapital u jiġi rrinunzjat il-kontroll fuq il-kapital, tali klawżoli għandhom jintużaw b'kawtela kbira, minħabba l-importanza tal-kontrolli tal-kapital - b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw - fit-tnaqqis tal-impatt tal-kriżi finanzjarja; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tippromwovi f'fora internazzjonali responsabbilta' korporattiva akbar fost impriżi barranin stabbiliti fl-Indja, u fl-istess ħin iħeġġeġ li jintlaħaq ftehim mal-Gvern Indjan biex tiġi stabbilita sistema effettiva għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema f'kumpanniji domestiċi u barranin stabbiliti fl-Indja;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora fil-FTA kapitolu dwar l-investiment, bħala parti sinifikanti, u b'hekk il-proċess ta' investiment fis-swieq ta' xulxin ikun iktar faċli billi jiġi promoss u protett l-investiment waqt li jiġu esplorati opportunitajiet immedjati; jipproponi li tali ftehima tista' tipprovdi għall-istabbiliment ta' sistema ta' punt wieħed ta' informazzjoni għal investituri fiż-żewġ ekonomiji, waqt li jiġi spegat lilhom id-differenzi fir-regoli u l-prattiki tal-investiment u tiġi provduta informazzjoni dwar l-aspetti legali kollha;

L-akkwist pubbliku

31.

Jiddispjaċih li l-Indja m'hijiex lesta tinkludi l-akkwist pubbliku fil-FTA; jitlob lill-Kummissjoni biex tinnegozja sistemi ta' akkwist effettivi u trasparenti; jitlob lill-Indja tapplika proċeduri trasparenti u ġusti meta tagħti kuntratti pubbliċi u biex tagħti aċċess lis-sistemi ta' akkwist pubbliku għan-negozji Ewropej;

Kummerċ u kompetizzjoni

32.

Jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni Indjana ġdida; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tinkorpora l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fil-FTA sabiex tassigura impenji dwar il-politika ta' kompetizzjoni;

Il-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali, l-Industrija u l-Kummerċ

33.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn li jkun hemm skema IPR b'saħħitha u favur l-użu ta’ flessibiltajiet tal-ftehima TRIPS biex ilaħħqu mal-obbligi pubbliċi tas-saħħa, l-aktar fir-rigward tal-aċċess għall-mediċini; jenfasizza li dawn in-negozjati għandhom ikunu kompatibbli mal-ħarsien tal-bijodiversità u l-għarfien tradizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Indjani kkonċernati biex jikkoordinaw azzjonjiet li jindirizzaw b’mod effettiv il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u, b’mod partikolari, kontra l-iffalsifikar tal-mediċini;

34.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex jiżguraw li l-impenji skont l-FTA ma jeskludux l-aċċess għal mediċini essenzjali waqt li l-Indja qed tiżviluppa l-kapaċità tagħha minn industrija ġenerika għal waħda bbażata fuq ir-riċerka;

35.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex flimkien jiffinanzjaw u jappoġġjaw miżuri u inizjattivi bħal fondi bi premju, l-użu ta’ privattivi minn iktar minn kumpanija waħda u mekkaniżmi alternattivi oħra, sabiex jappoġġjaw l-aċċess u l-innovazzjoni fil-mediċini, partikolarment għal mard li jiġi traskurat;

Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

36.

Jirrikonoxxi li kapitolu dwar l-iżvilupp sostanzjali huwa parti essenzjali ta’ kull FTA u suġġett għall-mekkaniżmu standard dwar it-tilwim;

37.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex jiżguraw li l-kummerċ u l-FDI ma jitħeġġux billi jiddgħajfu l-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent, tal-ħaddiema u dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; filwaqt li jqis li huwa indispensabbli li jiġu ggarantiti l-mezzi adegwati biex jiġu mmoniterjati s-suq tax-xogħol u l-iżviluppi ambjentali, inkluża l-osservanza ta’ dawn l-istandards;

38.

Jappella biex jiġu rratifikati u applikati b’mod effettiv il-konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO;

39.

Huwa mħasseb dwar l-użu tax-xogħol mit-tfal fl-Indja, li ħafna drabi huma sfruttati f’kundizzjonijiet mhux sikuri u ħżiena għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni matul in-negozjati dwar l-FTA u jitlob lill-gvern Indjan biex jimmassimizza l-isforzi tiegħu biex ineħħi dak li l-kawżi fundamentali, sabiex dan il-fenomenu jintemm;

40.

Jirrikonoxxi l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida Indjana dwar ix-xogħol mit-tfal implimentata fl-2006 li tipprojbixxi li tfal taħt l-14-il sena jaħdmu bħala sefturi domestiċi jew fi “stands” tal-ikel, u jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tkompli tħeġġeġ lill-Indja sabiex tirratifika l-Konvenzjoni 182 tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal u l-Konvenzjoni 138 dwar l-età minima biex wieħed jibda jaħdem u l-Konvenzjoni 98 dwar id-dritt li l-ħaddiema jorganizzaw ruħhom u jinnegozjaw b’mod kollettiv, li jkun ifisser pass pożittiv lejn l-abolizzjoni eventwali tax-xogħol tat-tfal;

41.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza l-kwistjoni tax-xogħol li jsir biex jitħallas id-dejn (“bonded labour”), li jaffettwa miljuni ta' persuni – il-biċċa l-kbira mill-komunitajiet tad-Dalit u tal-Adivasi (tribujiet u popli indiġeni) – fl-Indja; jinnota li huwa mifhum li din il-kwistjoni mhux qed tiġi indirizzata kif jixraq minħabba nuqqas ta’ rieda amministrattiva u politika;

42.

Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tinkludi dispożizzjoni fil-FTA tagħha mal-Indja li tiżgura li l-kumpaniji tal-UE li jagħmlu użu minn Żoni Ekonomiċi Speċjali ma jkunux jistgħu jiġu eżentati milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tax-xogħol jew drittijiet oħra tax-xogħol ibbażati fuq il-Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew ratifikati mill-Indja;

43.

Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-klawsoli tad-demokrazija jikkostitwixxu element essenzjali tal-FTA; jinsab imħasseb dwar il-persekuzzjoni li qed titkompla ta' minoranzi reliġjużi, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja, u d-drittijiet tal-bniedem attwali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-inħawi tal-Kashmir amministrati mill-Indja;

44.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-Indja biex jiżguraw li l-FTA ma tkunx ta’ ħsara għal gruppi żvantaġġjati bħad-Dalits u l-Adivasis u li l-benefiċċji potenzjali tal-FTA jilħqu l-membri kollha tas-soċjetà;

45.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji magħmula mill-Unjoni Ewropea u mill-Indja biex jikkoperaw fir-riċerka nukleari ċivili; jinnota li l-Indja mhix firmatarja tat-Trattat dwar in-Non Proliferazzjoni (NPT) u ngħtat deroga mill-Grupp tal-Fornituri Nukleari; jistieden lill-Indja biex tiffirma t-Trattat dwar in-Non Proliferazzjoni;

L-irwol tal-Parlament Ewropew

46.

Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jippreżentaw FTA biex tkun approvata mill-Parlament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 300(3) tat-Trattat KE;

47.

Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jikkonfermaw l-impenn tal-Indja biex tinnegozja FTA bejn l-UE u l-Gvern il-ġdid Indjan wara l-Elezzjonijiet Ġenerali li jmiss;

Kunsiderazzjonijiet oħra

48.

Jinnota ż-żieda mgħaġġla tal-inflazzjoni fl-Indja; jirrikonoxxi li, sabiex l-Indja tibqa' kompetittiva bħala sieħba dejjem tikber tan-negozju mal-Unjoni Ewropea, hija teħtieġ investiment sostanzjali fl-infrastruttura u żieda kbira ħafna fil-kapaċità li tiġġenera l-enerġija; jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-gvern li jonfoq 500 biljun Dollaru Amerikan f'dan il-qasam fil-ħames snin li ġejjin, u jitlob lill-entitajiet privati u pubbliċi biex jikkooperaw bis-sħiħ f'dan il-proġett kbir;

49.

Jilqa' b'sodisfazzjoni il-ftuħ, mill-Prim Ministru Indjan, tal-linja ġdida tal-ferrovija Srinagar bejn Baramulla u Qazigund, li tipprovdi ħafna eluf ta' impjiegi ġodda għan-nies tal-lokal; jemmen li inizjattivi ekonomiċi bħal din ikabbru l-prospettivi ta' ġejjieni iktar prosperu u paċifiku għan-nies Kashmiri;

50.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress ta' kif l-Indja qed issir donatur kif ukoll benefiċjarju tal-għajnuna għall-iżvilupp;

51.

Jgħożż il-progress fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż dak li jsir permezz tal-Programm tal-Qafas iffinanzjat mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon in-numri kbar ta' studenti Indjani li qed jistudjaw f'universitajiet Ewropej permezz tal-programm Erasmus Mundus;

52.

Jinnota li, jekk il-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja hija bbażata fuq is-sistema tal-Unjoni ta' valuri universali, tista' toħloq standard għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn;

53.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-azzjoni speċjali għall-koperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-Indja għall-perjodu 2007-2009, b’mod speċjali fil-qasam tal-edukazzjoni, l-iskambji tal-istudenti, it-taħriġ u d-djalogu interkulturali;

54.

Jesprimi tħassib dwar iż-żieda dinjija fil-prezzijiet tal-materja prima u dwar l-effett ta’ din iż-żieda fuq l-ifqar popolazzjonijiet, anke fl-Indja, li tippreżenta sfida għat-tkabbir stabbli u żżid l-inugwaljanzi dinjin; tistieden lill-UE u lill-Indja sabiex jikkoordinaw strateġija komprensiva biex jindirizzae din il-kwistjoni b’mod integrat;

55.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Indja għamlet progress konsiderevoli lejn l-edukazzjoni primarja universali, filwaqt li tejbet l-eradikazzjoni tal-faqar u żiedet l-aċċess għall-ilma li hu tajjeb għax-xorb; jinnota, madankollu, li l-Indja għadha ’l bogħod milli tilħaq ħafna mill-MDGs li huma relatati mas-saħħa, bħall-mortalità tat-tfal, is-saħħa materna, in-nutrizzjoni tat-tfal u t-tnaqqis tal-malarja, it-tuberkolożi u l-HIV/AIDS; huwa mħasseb dwar il-fatt li d-Dalit u l-Adivasi jesperjenzaw l-inqas progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, u għadhom qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u servizzi oħra;

56.

Jinnota li minkejja tkabbir ekonomiku kontinwu, għadhom jeżistu inugwaljanzi kbar, u aktar minn 800 miljun persuna jgħixu b’inqas minn żewġ dollari (US) kuljum; jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal, il-gruppi marġinalizzati u l-vittmi ta’ diskriminazzjoni bħad-Dalit u l-Adivasi, u l-popolazzjoni rurali: jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-FTA ma tillimitax is-setgħat meħtieġa mill-Gvern Indjan biex jindirizza l-faqar u l-inugwaljanza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jikkunsidraw il-koperazzjoni ġejjiena fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom biex tintemm id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneri u tal-kasti b’referenza għar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-Dalit fl-Indja;

57.

Jenfasizza li l-qerda ambjentali li qed tiżdied fl-Indja hija problema li qed tikber kontinwament b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mhux immaġinabbli, partikolarment għan-numru kbir ta’ Indjani li jgħixu fil-faqar, u għalhekk jenfasizza l-bżonn partikolari li titkompla l-koperazzjoni tal-UE mal-Indja f’dan il-qasam;

58.

Huwa impressjonat bl-effetti tat-tkabbir ekonomiku fuq l-iżvilupp f'xi reġjuni tal-Indja, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka u x-xejriet ewlenin u l-politiki nazzjonali u subnazzjonali bażiċi li huma responsabbli għal effetti bħal dawn, sabiex jiġu ffaċilitati it-tagħlim u l-aħjar prattiki transreġjonali;

59.

Jilqa' l-impenn tal-Indja li żżid is-sehem tagħha ta' infiq pubbliku fuq is-saħħa, u jinkuraġġixxi din it-tendenza bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess adegwat għal kura tas-saħħa effettiva, b'mod partikolari f'żoni rurali;

60.

Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fl-Indja, u għalhekk jissuġġerixxi li fil-programmi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja, l-SMEs jistgħu jiġu msaħħa permezz ta' miżuri li jgħinu sabiex jiġu ffinanzjati proġetti lokali mmexxija mis-suq proposti miċ-ċittadini;

61.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li madwar l-Indja kollha qed tinxtered is-sistema tal-mikrokreditu, sistema li rebħet rikonoxximent bħala mezz effettiv ta' kif jinħoloq żvilupp immexxi mill-poplu;

*

* *

62.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Indja.


(1)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 79.

(2)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(3)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 589.

(4)  DGExP/B/PolDep/Study/2005/06.

(5)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 400.

(6)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 591.

(7)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.

(8)  ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 87.

(9)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0407.

(11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0366.

(12)  Testi adottati, P6_TA(2008)0455.

(13)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.