6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/161


Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2009
White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

P6_TA(2009)0187

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper: Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2008/2154(INI))

2010/C 117 E/27

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 bit-titlu “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust” (COM(2008)0165) (White Paper),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar il-Green Paper dwar Azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013: Responsabbiltajiet akbar għall-konsumatur - titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom (COM(2007)0099),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar il-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (Regolament KE tal-Mergers) (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartell (5) kif ukoll Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta' Ġunju 2008 fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0123/2009),

A.

billi l-politika tal-kompetizzjoni żżid l-effikaċja kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona,

B.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ddeċidiet li, sabiex ikun żgurat li l-Artikolu 81 tat-Trattat KE ikun effettiv għal kollox, individwi u l-intrapriżi jkunu jistgħu jressqu proċeduri ta’ riżarċiment tad-danni li jkunu sarulhom minħabba xi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE,

C.

billi l-azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni huma element wieħed biss minn sistema effettiva ta’ infurzar privat, u billi l-mekkaniżmi alternattivi ta’ sejbien ta’ soluzzjoni għal tilwim, f’ċirkostanzi xierqa, joffru alternattiva effiċjenti għall-mekkaniżmi ta' dritt għall-kumpens kollettiv, huma soluzzjoni ġusta u rapida barra mill-qorti, u għandhom ikunu nkoraġġuti,

D.

billi l-kwistjonijiet indirizzati fil-White Paper jikkonċernaw il-kategoriji kollha ta’ vittmi, it-tipi kollha ta’ ksur tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE u s-setturi kollha tal-ekonomija,

E.

billi kwalunkwe proposta biex tintroduċi mekkaniżmi ta' dritt għall-kumpens kollettiv ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE għandha takkumpanja, u mhux tieħu post, il-forom alternattivi ta’ protezzjoni li diġà jeżistu f’xi Stati Membri (bħal azzjonijiet rappreżentattivi u każijiet ta' prova),

F.

billi l-għan tat-talbiet għar-riżarċiment tad-danni skont id-dritt privat hu l-kumpens sħiħ tal-vittma għad-danni mġarrba, u billi għandhom jiġu rispettati l-prinċipji ta’ responsabilità mhux kuntrattwali li jimpedixxu li wieħed jistagħna b’mod inġust kif ukoll il-gwadann multiplu tal-kumpens, kif ukoll il-prinċipju li jiġu evitati danni punittivi,

G.

billi l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jagħmel parti mid-dritt pubbliku u billi l-għadd ta’ każijiet privati li ttellgħu quddiem il-qrati nazzjonali huma relattivament żgħir, minkejja li diversi Stati Membri adottaw jew ser jadottaw miżuri sabiex jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni ta’ talbiet għad-danni minn individwi privati fil-każ ta' ksur tar-regoli tal-KE dwar il-kompetizzjoni,

H.

billi t-tressiq ta’ azzjonijiet privati għar-riżarċiment tad-danni għandu jikkumplementa u jsostni, iżda ma jistax jieħu post, l-infurzar tal-liġi tal-kartell min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-kapaċitajiet tal-istaff u dawk finanzjarji tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jingħataw spinta sabiex ikun hemm il-possibiltà ta’ prosekuzzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni aktar effettiva,

I.

billi irrispettivament minn kif tiġi riżolta kawża, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti proċeduri u salvagwardji biex ikun żgurat li l-partijiet kollha jirċievu trattament ġust filwaqt li jkun żgurat li ma jsirux abbużi mis-sistema, bħalma ġara f’sistemi legali oħra, u b’mod partikolari fl-Istati Uniti,

J.

billi għal kull proposta li ma tkunx fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità, il-Kummissjoni trid tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

1.

Jilqa b'sodisfazzjon il-White Paper u jenfasizza li r-regoli tal-KE dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-infurzar effettiv tagħhom, jesiġu li l-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għandu jkollhom dritt għal riżarċiment tad-danni mġarrba;

2.

Jinnota li l-Kummissjoni s'issa għadha ma speċifikatx bażi legali għall-miżuri proposti, u li għandu jingħata aktar kunsiderazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ bażi legali għall-interventi ppjanati fil-proċeduri nazzjonali dwar danni mhux kuntrattwali u l-liġi proċedurali nazzjonali;

3.

Huwa tal-fehma li diversi ostakli għal kumpens effettiv għall-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, bħal għadd kbir ta’ danni f’daqqa u danni mifruxa, l-iżbilanċi tal-informazzjoni u problemi oħra li jitfaċċaw fil-prosekuzzjoni tat-talbiet ta’ riżarċiment tad-danni, ma jseħħux biss fil-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni, imma wkoll f'oqsma oħra, bħal pereżempju fir-responsabbilizzazzjoni għal prodotti u kwistjonijiet oħra relatati mal-konsumaturi;

4.

Ifakkar li l-konsumaturi individwali imma anki n-negozji ż-żgħar, speċjalment dawk li sofrew minn danni mifruxa u ta’ valur relattivament baxx, ta’ spiss jiġu skoraġġuti milli jibdew azzjonijiet individwali ta’ riżarċiment tad-danni minħabba l-ispejjeż, id-dewmien, l-inċertezzi, ir-riskji u l-piżijiet involuti; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kumpens kollettiv, li jippermetti l-aggregazzjoni tat-talbiet individwali tal-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE u jtejjeb il-ħila tagħhom li jiksbu aċċess għall-ġustizzja, huwa deterrent importanti; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, il-proposti tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jittejjeb il-kumpens kollettiv filwaqt li tiġi evitata litigazzjoni eċċessiva;

5.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u għall-Konsumatur fl-aħħar tal-2008 ippubblika r-riżultati ta' żewġ studji dwar l-istrumenti kollettivi għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u l-ostakli possibbli għas-suq intern li jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet differenti fl-Istati Membri; jindika wkoll li l-Kummissjoni ppubblikat green paper dwar l-għażliet possibbli tal-Komunità għal azzjoni fil-qasam tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur u ħabbret il-pubblikazzjoni ta’ dokument tal-politika ieħor fl-2009; jenfasizza li l-miżuri fil-livell Komunitarju m'għandhomx iwasslu għall-frammentazzjoni tal-arbitrarja u mhux meħtieġa tal-liġijiet ta' proċedura nazzjonali, u għaldaqstant, għandu jitqies bir-reqqa, jekk għandux jintgħażel, u sa liema punt, aproċċ orizzontali jew integrat sabiex jiffaċilita soluzzjonijiet barra mill-qrati u l-prosekuzzjoni ta’ talbiet għal riżarċiment tad-danni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, li twettaq eżami tal-bażijiet legali possibbli u kif tipproċedi b’mod orizzontali jew integret għalkemm mhux neċessarjament permezz ta’ strument orizzontali wieħed, u biex jastjenu, fil-frattemp, milli jippreżentaw kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv għall-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE mingħajr ma tippermetti lill-Parlament biex jieħdu sehem fl-adozzjoni tagħhom bil-proċedura ta' kodeċiżjoni;

6.

Jinnota li t-talbiet għal danni li jirriżultaw minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għandhom jiġu ttrattati konsistentement ma’ talbiet oħra mhux kuntrattwali safejn ikun possibbli, huwa tal-fehma li approċċ orizzontali jew integrat jista' jkopri r-regoli proċedurali li huma komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv f’oqsma differenti tal-liġi, u jisħaq li dan l-approċċ m'għandux jittardja jew iwaqqaf l-iżvilupp ta' proposti u miżuri identifikati bħala neċessarji għall-infurzar sħiħ tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE; jinnota, madankollu, l-analiżi aktar avvanzata tal-kumpens f’ambitu ċivili marbuta mal-liġi tal-kompetizzjoni u l-qafas avvanzat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, inkluż in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, u jqis li, għallinqas rigward ċerti kwistjonijiet, dan jiġġustifika avvanz b’pass mexxej, filwaqt li jitqies li wħud mill-miżuri maħsuba jistgħu jiġu estiżi għal oqsma mhux relatati mal-kompetizzjoni; Hu tal-fehma li tali miżuri settorjali diġà jistgħu jiġu proposti fir-rigward tal-kumplessitajiet u d-diffikultajiet partikulari li jiffaċċjaw il-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE;

7.

Jinnota li l-kisba ta’ ftehim “darba għal dejjem” għall-konvenuti hija mixtieqa sabiex jitnaqqsu l-inċertezza u l-effetti ekonomiċi eżaġerati li jista’ jkollhom impatt fuq l-impjegati, il-fornituri, is-subkuntratturi u partijiet innoċenti oħrajn; jitlob għal evalwazzjoni u għall-introduzzjoni possibbli ta' proċedura ta’ ftehim għal għadd kbir ta’ talbiet li jirriżultaw minn azzjonijiet kollettivi li jistgħu jiġu inizjati jew mill-partijiet qabel ma jieħdu azzjoni legali jew li jistgħu jiġu ordnati mill-qorti li l-azzjoni tkun tressqet quddiemha; iqis li tali proċedura ta' ftehim għandu jkollhal-għan li jintlaħaq ftehim barra mill-qorti billi wieħed ifittex li jkun hemm approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ soluzzjoni li jkun jista’ jiġi ddikjarat vinkolanti għall-vittmi kollha li jkunu pparteċipaw fil-proċedura li permezz tagħha jintlaħaq ftehim; jenfasizza li obbligu bħal dan ma jridx jinvolvi ll l-proċeduri jitwalu żżejjed, u lanqas m’għandu jippromwovi l-ftehim inġust tat-talbiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi ta' kif tikseb aktar ċertezza inkluż valutazzjoni dwar jekk kwalunkwe persuna li sussegwentament tagħmel klejm għandhiex fil-prinċipju tkun mistennija li ma tibbenefikax aktar mir-riżultat ta' tali proċedura ta' ftehim;

8.

Huwa tal-opinjoni li xerrejja diretti jew indiretti għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-prosekuzzjoni tat-talbiet iżolati jew ta’ segwitu tagħhom, talbiet individwali, kollettivi jew rappreżentattivi, li jistgħu jitressqu wkoll fil-form ta’ każ “ta’ prova”, imma li biex jiġu evitati azzjonijiet multipli minn parti waħda għall-istess kawża ta’ azzjoni, l-għażla ta’ kawża ta’ azzjoni għandha tipprekludi lil xi parti milli tuża kawża oħra ta’ azzjoni, kemm simultanjament kif ukoll sussegwentement; fil-każ li partijiet differenti jniedu azzjonijiet separati, għandhom isiru tentattivi sabiex dawn jingħaqdu jew jitqiegħdu f’sekwenza;

9.

Huwa tal-opinjoni, li sabiex tiġi evitata litigazzjoni abbużiva, is-setgħa ta’ prosekuzzjoni f’azzjonijiet rappreżentattivi għandha tkun disponibbli fl-Istati Membri lil korpi statali bħall-Ombudsman jew lil entitajiet kwalifikati bħal assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar l-inġunzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur (7), u li l-għoti ta' awtorizzazzjoni ad hoc għat-twettiq ta’ tali azzjonijiet rappreżentattivi għandu jitqies prinċipalment għal assoċjazzjonijiet kummerċjali li jorganizzaw il-proċeduri għall-azzjonijiet għal riżarċiment tad-danni għall-intrapriżi;

10.

Jitlob li grupp ta' nies delimitat b'mod ċar biss ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fl-azzjonijiet kollettivi, u li l-identifikazzjoni tal-membri ta' dak il-grupp fil-każ ta' talba ta’ opt-in kollettiva u l-identifikazzjoni fil-każ ta' azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn entitajiet kwalifikati li jkunu nominati minn qabel jew awtorizzati fuq bażi ad hoc għandhom isiru f’perjodu ta' żmien ċar mingħajr dewmien żejjed filwaqt li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprevedi data aktar tard; jenfasizza li d-dannu li wieħed ikun ġarrab tassew biss jista' jiġi riżarċit; jinnota li fil-każ li talba tkun ta' suċċess, ir-riżarċiment tad-danni għandu jitħallas lill-grupp identifikat jew lil persuna nnominata minnhom u lill-entità kkwalifikata tista' tikseb biss ir-rimborż tal-ispejjeż li jkunu saru matul il-prosekuzzjoni tat-talba u ma tistax tkun, la direttament u lanqas indirettament, il-persuna nnominata biex tirċievi r-riżarċiment tad-danni;

11.

Jenfasizza li fil-każ ta' talba iżolata li tirnexxi, mhix eskluża proċedura sussegwenti mill-awtoritajiet għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE; itenni wkoll li biex l-impriżi jiġu nkoraġġuti jagħtu kumpens malajr u bl-aktar mod effettiv possibbli lill-vittmi ta’ aġir illeċitu, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma mitluba jqisu l-kumpens imħallas jew li għandu jitħallas meta jiddeterminaw il-multa li għandha tkun imposta fuq l-impriża konvenuta; jinnota li dan, madankollu, mgħandux jinterferixxi mad-dritt tal-vittmi għal kumpens sħiħ tad-danni mġarrba jew bil-ħtieġa li jżommu l-objettiv ta’ deterrent tal-multi, u m’għandux jirriżulta f’inċertezza twila fir-rigward tal-finalità tal-ftehim għall-kumpaniji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b’mod espliċitu jinkorporaw il-prinċipji tar-Regolament (KE) 1/2003 dawn il-prinċipji dwar il-multi u sabiex itejbu u jispeċifikaw aktar dawn il-prinċipji sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipji legali ġenerali;

12.

Josserva li g]andu jkun hemm stadju preliminari fejn issir xi valutazzjoni prima facie tal-merti ta' azzjoni kollettiva, u jenfasizza li min jagħmel talba b'mod kollettiv ma jridx ikun f'pożizzjoni aħjar jew agħar minn min jagħmilha individwalment; jitlob għall-applikazzjoni, fil-kuntest ta' mekkaniżmi kollettivi ta’ kumpens, tal-prinċipju li l-parti li tagħmel it-talba trid tipprovdi evidenza għat-talba tagħha, sakemm il-liġi nazzjonali applikabbli ma tipprevidix it-tħaffif tal-oneru tal-prova jew l-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni u għall-evidenza li jkollu f’idejh il-konvenut;

13.

Jitlob li l-Kummissjoni tkun meħtieġa, fis-segwitu ta’ investigazzjoni, li tippermetti aċċess għall-informazzjoni meħtieġa lill-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-prosekuzzjoni ta’ azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni, u jenfasizza li l-Artikolu 255 tat-Trattat KE u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprovdi d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, li jista' jkun miċħud biss skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament, u b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tiegħu; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni trid tinterpreta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’dan il-mod, jew inkella tipproponi emenda għalih; jenfasizza li, meta l-awtoritajiet jagħtu aċċess għad-dokumenti, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tal-kumpaniji tal-konvenut jew ta’ partijiet terzi, u jinnota li huma meħtieġa linji gwida dwar it-trattament ta’ applikazzjoni għal klemenza;

14.

Jemmen li qorti nazzjonali m’għandhiex tintrabat b'deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipprevedu l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet adottati minn membru tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u b’relazzjoni mal-istess kawża tal-azzjoni; josserva li l-programmi ta’ taħriġ u ta’ skambju għandhom iwasslu għal konverġenza ta’ deċiżjonijiet sabiex l-aċċettazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra ssir in-norma;

15.

Jenfasizza li att ta' ħtija dejjem għandu jkun prerekwiżit għal azzjoni għad-danni, u li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE jrid ikun sar, għall-inqas, b'negliġenza, sakemm ma jkunx hemm il-preżunzjoni, jew il-preżunzjoni konfutabbli ta’ ħtija fil-liġi nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE, li tiżgura infurzar konsistenti u koerenti tal-liġi tal-kompetizzjoni;

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-riżarċiment hu imfassal b'mod li jagħmel tajjeb għat-telf u għall-profitt mitluf, inklużi l-ammonti mħallsa żejda u l-interessi, u jitlob li din id-definizzjoni tad-danni tiġi stabbilita għall-mekkaniżmi kollettivi għall-infurzar tal-liġi fil-livell Komunitarju;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni fuq qafas ta' gwida mhux vinkolanti għall-kalkolu tad-danni, li jista’ jinkludi, b’mod li jkun siewi, gwida dwar l-informazzjoni meħtieġa sabiex isir il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ kalkoli bħal dawn għall-mekkaniżmi alternattivi ta’ riżoluzzjoni tal-kawżi, kull fejn ikun possibbli;

18.

Jinnota li l-iżvilupp ta’ appoċċ Komunitarju komuni dwar it-trasferiment tad-danii fih mertu, u japprova l-ammissibiltà tat-trasferiment tad-danni bħal difiża, li l-evidenza għal din id-difiża trid dejjem tkun pprovduta mill-konvenut, u li l-qrati għandhom l-għażla li jirrikorru għal regoli nazzjonali stabbiliti dwar ir-rabta bejn il-kawżalità u r-responsabilizzazzjoni sabiex jaslu għal deċiżjonijiet ġusti fil-każijiet individwali; jissuġġerixxi li jiġu suġġeriti linji gwida dwar il-punt safejn ix-xerrej indirett u b’mod partiluarli l-aħħar xerrej indirett jista’ jiddependi fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-ammont ta’ ħlas żejjed mitlub illegalment ikun ġie mgħoddi lilhom kollu kemm hu, sal-livell tax-xerrej indirett;

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fil-każ ta' ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodi ta' preskrizzjoni jibdew fil-ġurnata meta jieqaf il-ksur jew meta l-vittma tista’ tkun b'mod raġonevoli mistennija li tkun saret taf bil-ksur, skont liema tiġi wara; jenfasizza li r-regoli fuq il-perjodi ta' preskrizzjoni jservu wkoll biex joħolqu ċ-ċertezza legali u li fil-każ li ma titressaqx azzjoni pubblika jew privata, għandu japplika perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-perjodu ta' preskrizzjoni għal talbiet individwali għandu jkun ibbażat fuq il-liġi nazzjonali, u jitlob li dan għandu japplika għal kawżi mressqa b'referenza għal sentenzi preċedenti wkoll; jinnota li l-liġijiet tal-Istati Membri li jirregolaw is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni m’għandhomx ikunu affettwati;

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri se jiddeterminaw ir-regoli tagħhom dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż; iħalliha f’idejn l-Istati Membri sabiex jevalwaw jekk għandhomx jiżguraw li l-assimetrija tar-riżorsi bejn il-kwerelant u l-konvenut fi proċeduri logali ykunx deterrent għat-tressiq ta' azzjoniijiet fondati għad-danni, u josserva li l-aċċess għall-ġustizzja jrid ikun ukoll ibbilanċjat permezz ta' miżuri b'saħħithom sabiex ikun evitat l-abbuż permezz ta', fost l-oħrajn, azzjonijiet frivoli, vessatorji jew ta’ rikatt;

21.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-applikazzjoni tal-programm ta' klemenza hi ta' kontribut kbir biex jinkixfu l-kartelli, u b'hekk qabel xejn jippermetti l-possibilità li jsiru azzjonijiet privati għal danni, u jitlob biex ikunu eżaminati mezzi biex tkun sostnuta l-attrazzjoni tal-applikazzjoni għall-programmi ta' klemenza; jenfasizza li minkejja l-importanza tal-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza, l-eżenzjoni sħiħa ta’ xhieda li jikkoperaw minn responsabiltà konġunta u solidali tmur kontra s-sistema u tiċħad kategorikament eżenzjoni tali għaliex hi dannuża għal bosta vittmi ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex ma ddgħajjifx id-dritt tal-vittmi li jressqu azzjonijiet għad-danni, anzi li jiffaċilitawhom, bħala prijorità, biex jiġi evitat li proċeduri relatati ma’ kartelli u kompetizzjoni jiġu abbandunati, u biex dawk il-każijiet li huma sinifikanti jiġu konklużi permezz ta’ deċiżjoni ċara;

23.

Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-qafas tal-proċedura tal-kodeċiżjoni f'kull inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

24.

Jitlob li kull proposta leġiżlattiva tkun preċeduta minn analiżi indipendenti tal-benefiċċjimeta mqabbla mal-ispejjeż;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju.


(1)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 653.

(2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(4)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(5)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17.

(6)  ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3.

(7)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.