6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/157


L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009
Il-futur tal-industrija tal-karozzi

P6_TA(2009)0186

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi

2010/C 117 E/26

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2000,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-President Barroso tat-2 ta’ Frar 2005 bl-isem “Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi – bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona” (COM(2005)0024),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet fir-rappport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 tat-12 ta’ Diċembru 2005 u l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Livell Għoli CARS 21 ta’ reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tad-29 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (1),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008 bl-isem “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2008)0706),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2008 bl-isem “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu li ġiet adottata fl-ewwel qari fis-17 ta’ Diċembru 2008 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għall-użu ħafif (2),

wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2009 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-industrija tal-karozzi,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-5 u s-6 ta’ Marzu 2009 dwar l-industrija tal-karozzi,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 bl-isem “Inwieġbu għall-kriżi tal-industrija tal-karozzi Ewropea” (COM (2009)0104),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Industrija mal-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Günter Verheugen, dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-karozzi li saret fi Brussell fis-16 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidra l-istatistiċi ppubblikati fid-29 ta’ Jannar 2009 mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Karozzi Ewropej dwar il-bejgħ tal-vetturi li sar fl-2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Ewropa għaddejja minn kriżi finanzjarja u ekonomika profonda kif ukoll rati għoljin ta’ qgħad bit-telf ta’ eluf ta’ impjiegi fis-setturi industrijali rilevanti kollha,

B.

billi s-suq finanzjarju Ewropew attwalment mhux qed jiffunzjona sew, l-aktar fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ self,

C.

billi l-industrija tal-karozzi Ewropea u l-industrija tal-katina tal-provvista tagħha huma partikolarment milquta mill-impatt tal-kriżi attwali, billi huma settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea li jikkontribwixxi għall-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija kollha,

D.

billi fl-Unjoni Ewropea s-settur tal-karozzi għandu eċċess ta’ kapaċità strutturali, u billi l-2009 hi mistennija tara aktar tnaqqis sinifikanti fit-talba għall-vetturi u minħabba f’hekk tnaqqis fil-produzzjoni, li inevitabbilment toħloq pressjoni fuq il-livelli tal-impjiegi u tal-investiment fl-Unjoni Ewropea,

E.

billi s-settur Ewropew tal-karozzi hu l-akbar investitur privat fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) fl-Unjoni Ewropea u l-produtturi Ewropej tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali jridu jżommu livelli għolja ta’ investiment fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u tas-suq, partikolarment biex tkun garantita t-tranżizzjoni għal flotta b’emissjonijiet baxxi,

F.

billi l-pakketti leġiżlattivi dwar l-enerġiji li jiġġeddu u l-bidla fil-klima, adottati f’Diċembru 2008, se jkollhom rwol fundamentali biex jiġu mħeġġa l-investimenti ambjentali li għandhom l-għan li tiġi ffrankata l-enerġija fl-industrija tal-karozzi,

G.

billi l-industrija Ewropea tal-karozzi timpjega, direttament jew indirettament, 12-il miljun ħaddiem, li jammontaw għal 6 % tal-popolazzjoni tal-impjegati fl-Unjoni Ewropea, u miljuni minn dawn l-impjiegi llum jinsabu f’riskju, li ħafna minnhom huma impjiegi kkwalifikati ħafna u li m’għandhomx jintilfu,

H.

billi hemm potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ teknoloġiji li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent fl-industrija tal-karozzi,

I.

billi l-industrija Ewropea tal-karozzi hi importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE minħabba l-effett miltiplikatur tagħha għal setturi u industriji oħra, u b’mod partikolari għall-eżistenza ta’ mijiet ta’ eluf ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs),

J.

billi xi Stati Membri bdew jadottaw miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija tal-karozzi,

K.

billi r-responsabilità ewlenija biex tiġi ffaċċjata l-kriżi hija tal-industrija,

L.

billi l-Kummissjoni attwalment qed tinnegozja aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-qafas tar-Rawnd ta’ Doha u ftehima ta’ kummerċ ħieles mal-Korea t’Isfel,

1.

Jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali poġġiet lill-industrija tal-karozzi taħt pressjoni kbira, li hija riflessa b’mod partikolari fi tnaqqis kbir fid-domanda għall-vetturi bil-mutur, iżda wkoll fl-eċċess tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha, diffikultajiet ta’ aċċess għall-kreditu u problemi strutturali li kienu hemm qabel il-kriżi;

2.

Jenfasizza li l-kriżi hija f’livell Ewropew; jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, dwar l-importanza ta’ inizjattivi koerenti u kkoordinati bejn l-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-industrija Ewropea tal-karozzi, u jitlob li jkun hemm qafas ġenwin Ewropew għall-azzjoni li jipprovdi passi konkreti li jagħmluha possibbli li jittieħdu l-miżuri deċiżivi meħtieġa kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;

3.

Jinnota bi tħassib li kulma jmur qed jikber li l-miżuri maħsuba għal żmien qasir li l-Istati Membri ħadu fil-livell nazzjonali jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq waħdieni, u b’hekk jagħmlu ħsara fuq perjodu ta’ żmien twil lill-kompetittività, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li miżuri oħra li jittieħdu jkunu koerenti, effiċjenti u kkoordinati;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan il-kuntest il-qafas temporanju għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilit bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku;

5.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti tweġiba politika effettiva għad-diffikultajiet tal-kumpanija General Motors Europe u tal-fornituri tagħha billi tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri kkonċernati, inklużi l-organizzazzjoni -tal-laqgħa ministerjali li saret tat-13 ta’ Marzu 2009 u s-sejba ta’ soluzzjoni ekwa u ġusta għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

6.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu, jissimplifikaw u jżidu l-appoġġ finanzjarju għall-industrija tal-karozzi, l-aktar permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB), u billi jippermettu garanziji statali għal self b’imgħax baxx; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jitolbu simplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva għall-applikazzjonijiet għal self; iqis li dan l-appoġġ finanzjarju, l-aktar permezz ta’ self, għandu jgħin biex jistimula d-domanda għal vetturi ġodda, għall-benefiċċju tat-tkabbir ekonomiku, l-ambjent u s-sikurezza fit-toroq;

7.

Jinsisti li l-BEI jagħti attenzjoni suffiċjenti lill-SMEs konnessi mas-settur tal-karozzi biex jinżamm aċċess għall-kreditu u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità ta’ self tal-BEI biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet finanzjarji tal-industrija tal-karozzi fuq perjodu ta’ żmien medju;

8.

Jinsisti li l-miżuri finanzjarji jew fiskali kollha, inklużi l-iskemi ta’ skrappjar, għandhom jappoġġjaw u jaċċelleraw it-trasformazzjoni teknoloġika neċessarja tas-settur, b’mod partikolari fil-qasam tal-użu effiċjenti tal-enerġija mill-magni u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar;

9.

Itenni li l-politiki, kemm fil-livell tal-UE u kemm f’dak nazzjonali, għandhom jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-fażi ta’ ristrutturar u rikonverżjoni li qed jaffaċċjaw l-industrija tal-karozzi u l-industrija tal-katina tal-provvista tagħha, minħabba ambjent imprenditorjali kompetittiv ħafna, u jistieden lill-industrija biex tiżviluppa strateġija imprenditorjali koerenti u timplimenta aġġustamenti bħal dawn b’mod soċjalment responsabbli, f’koperazzjoni mill-qrib mal-għaqdiet tal-ħaddiema;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-għaqdiet tal-ħaddiema jkunu involuti b’mod sħiħ fid-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja djalogu soċjali Ewropew reali għal din l-industrija fil-kuntest tal-kriżijiet attwali;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-aħjar użu tal-Fondi Ewropej disponibbli biex jiġu appoġġjati l-impjiegi bħall-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fondi Strutturali, il-Fond Soċjali u il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni bbilanċjata tal-’prijoritajiet ta’ Liżbona’ kollha u biex tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef l-aċċess għal dawn il-Fondi; iqis li dawn il-Fondi għandhom jikkontribwixxu għal skemi ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema fi stadju bikri, kull fejn u kull meta għandhom japplikaw restrizzjonijiet għall-ammont ta’ ħin ta’ xogħol;

12.

Jafferma mill-ġdid li l-industrija tal-karozzi teħtieġ investimenti kontinwi fi programmi tal-R&D li jipprovdu l-aħjar soluzzjonijiet għall-kwalità, is-sikurezza u r-rendiment ambjentali, biex jinkiseb qafas kompetittiv sostenibbli u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni f’dak il-kuntest biex tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef l-aċċess għall-istrumenti ta’ appoġġ tal-UE għall-R&D u l-innovazzjoni, bħas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet għal miżuri li jinkoraġġixxu approċċ ikkoordinat rigward it-tiġdid tal-flotta, bħall-iskemi tal-iskrappjar u inċentivi oħra tas-suq, li jkollhom effetti pożittivi fuq perjodu ta’ żmien qasir fuq id-domanda tal-konsumaturi għal vetturi ġodda bil-mutur u li jkollhom l-għan li jerġgħu jqajmu fuq saqajh is-suq tal-kiri tal-karozzi; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-miżuri nazzjonali diġà implimentati f’dan il-kuntest biex jiġi evitat li jkun hemm distorsjonijiet fis-suq intern;

14.

Jikkonferma l-ħtieġa li jkunu approfonditi d-djalogu u d-diskussjonijiet li għaddejjin ma’ pajjiżi terzi u mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE dwar il-futur tas-settur tal-karozzi u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-aktar l-Istati Uniti u l-Ażja, biex ikunu garantiti kundizzjonijiet ugwali f’livell internazzjonali waqt li jkun evitat li jiġu adottati miżuri protezzjonisti u diskriminatorji fis-suq globali tal-karozzi;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikseb ftehim ibbilanċjat u ġust bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t’Isfel qabel ma tiġi konkluża l-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles;

16.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċess CARS 21 li jistabbilixxi politika industrijali għal perjodu twil fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta, tissorvelja u tirrevedi b’mod kontinwu din l-istrateġija għal perjodu twil ta’ żmien bil-ħsieb li tiżgura l-kompetittività futura tal-industrija Ewropea tal-karozzi u li l-impjiegi f’din l-industrija jibqgħu sostenibbli;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika b’mod sħiħ il-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u għaldaqstant biex twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-leġiżlazzjoni futura tal-Komunità dwar il-vetturi bil-mutur, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta’ CARS 21, biex b’hekk tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-prevedibilità fis-settur tal-karozzi;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p.1.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0614.