6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/46


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
Il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali

P6_TA(2009)0157

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali (2008/2100(INI))

2010/C 117 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat tal-KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (1), b'referenza partikolari għall-Artikolu 9 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji ta' gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE tal-20 ta' Frar 2006 dwar il-linji ta' gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007 sal-2013) (4),

wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008 dwar il-Koeżjoni Territorjali - Nibdlu d-diversita' territorjali f'vantaġġi (COM(2008)0616),

wara li kkunsidra r-rapport min-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji (ESPON) intitolat “Futuri territorjali: Xenarji tal-ispazju għall-Ewropa”,

wara li kkunsidra r-Regolament 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0042/2009),

A.

billi t-tifsira ta’ zona rurali ġiet iddefinita mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, bid-definizzjoni tagħha tinkorpora karatteristiċi bħalma huma densità baxxa tal-popolazzjoni u nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi, u billi din id-definizzjoni hija użata mill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tfassal għanijiet ta' żvilupp għal dawn iz-zoni,

B.

billi z-zoni rurali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u billi, filwaqt li zoni rurali f'xi reġjuni u Stati Membri esperjenzaw tkabbir demografiku u ekonomiku, l-abitanti ta' ħafna minn dawn iz-zoni qed jemigraw lejn zoni urbani jew qed jippruvaw jiksbu kwalifiki ġodda, u b'hekk qed joħolqu sfidi kbar ħafna għaz-zoni rurali,

C.

billi z-zoni rurali jirrapreżentaw 80 % tat-territorju tal-UE,

D.

billi l-ħtiġijiet taz-zoni rurali intermedjarji, li huma kkaratterizzati minn struttura ekonomika simili għal dik taz-zoni urbani qrib tagħhom, huma differenti minn dawk ta’ zoni li fil-biċċa l-kbira huma rurali, periferali jew iżolati,

E.

billi wieħed mill-obbjettivi tal-Unjoni huwa li jħeġġeġ il-progress ekonomiku u soċjali u livell għoli ta’ impjiegi u li jikseb żvilupp bilanċjat u sostenibbli,

F.

billi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE tista' tkun imsaħħa permezz tal-iżvilupp ekonomiku, it-tħeġġiġ tal-opportunitajiet tal-impjiegi f'zoni rurali u urbani u l-assigurazzjoni ta' aċċess indaqs għas-servizzi pubbliċi,

G.

billi r-riforma tal-politika strutturali għas-snin 2007-2013 wasslet għal tibdil fl-istruttura tal-Fondi u tal-bażi għall-allokazzjoni tal-għajnuna skont din il-politika, kif ukoll għall-ħolqien ta' Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) ġdid marbut mal-Politika Agrikola Komuni (CAP) u mhux konness mill-politika ta' koeżjoni,

H.

billi fil-passat, il-programmi LEADER diġà urew kif l-iżvilupp rurali jista’ jkun imħeġġeġ b'suċċess permezz ta' strumenti tal-politika reġjonali,

I.

billi huwa ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-EAFRD li tkun żgurata komplementarjetà reċiproka bejn l-attivitajiet kofinanzjati taħt l-EAFRD u dawk kofinanzjati taħt il-fondi strutturali, u biex b'hekk l-għajnuna mill-fondi differenti, b'mod partikolari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), mill-Fond ta' Koeżjoni (CF) u mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF), ikunu koordinati b'mod xieraq u tkun assigurata l-komplementarjetà ta' dawk il-fondi,

J.

billi m'għandux jitħalla li l-ħolqien tal-EAFRD, is-separazzjoni tal-iffinanzjar għall-iżvilupp rurali mill-ambitu tal-politika ta' koeżjoni u l-adozzjoni ta' perspettiva iktar wiesgħa tal-iżvilupp reġjonali jirriżultaw fid-duplikazzjoni ta' xi obbjettivi (pereżempju, l-ħarsien tal-ambjent, it-trasport u l-edukazzjoni) jew li dawn l-obbjettivi jitħallew barra kompletament,

K.

billi t-trasferiment permanenti ta’ fondi bejn il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (EAGF) u l-EAFRD jwassal għal nuqqas ta’ sigurtà fl-ippjanar kemm għall-bdiewa kif ukoll għal min iħeġġeġ il-proġetti dwar l-iżvilupp rurali,

L.

billi minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji, jeżisti riskju li tiġi użata parti kbira mill-iffinanzjar disponibbli skont l-ERDF biex issaħħaħ l-kompettitività ekonomika f'ċentri urbani ikbar jew fl-iktar reġjunijiet dinamiċi, filwaqt li l-iffinanzjar tal-EAFRD ikun priċipalment iffukat fuq it-titjib tal-kompetittività tal-agrikultura, li għadha l-mutur taz-zoni rurali, u jkun mmirat wkoll lejn l-appoġġ għal attivitajiet mhux agrikoli u l-iżvilupp tal-SMEs fiz-zoni rurali, li joħloq ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni iktar mill-qrib biex ikun żgurat li l-ebda zona ma titħalla barra,

M.

billi l-SMEs, partikolarment il-mikrointrapriżi (microbusinesses) u l-intrapriżi tas-snajja', għandhom irwol ewlieni fil-preservazzjoni tal-attività soċjali u ekonomika fil-kampanja u fl-assigurazzjoni tal-istabilità tagħha,

N.

billi l-obbjettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali ma jridux ikunu kuntrarji għall-għanijiet ta' Liżbona, dment li dan l-iżvilupp huwa bbażat fuq l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kompetittività relattiva (effikaċja meta mqabbla mal-ispiża), b'mod partikolari fl-industrija lokali tal-ipproċessar tal-ikel u f'relazzjoni mal-iżvilupp tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u tal-infrastruttura u s-servizzi, bħalma huma t-turiżmu, l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent,

O.

billi r-relazzjoni naturali u l-komplementarjetà bejn il-politika agrikola u l-politika għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu rikonoxxuti,

1.

Iqis li l-kriterji użati tradizzjonalment biex jingħarfu z-zoni rurali minn dawk urbani (densità ta' popolazzjoni iżjed baxxa u livell ta' urbanizzazzjoni) jistgħu ma jkunux dejjem suffiċjenti biex jipprovdu “l-istampa kompluta”; iqis għaldaqstant, li l-possibilità li jiżdiedu kriterji oħra għandha tiġi esplorata u jitlob lill-Kummissjoni biex tipproduċi analiżi u proposti konkreti f'dan il-qasam;

2.

Iqis li, minħabba d-differenzi kbar bejn iz-zoni rurali minn Stat Membru għal ieħor u minħabba li dawn iz-zoni jistgħu jirrappreżentaw sa madwar 80 % tat-territorju tal-UE, huwa neċessarju li jiġi adottat u implimentat approċċ b'obbjettivi xierqa u integrat li jaħdem favur l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iz-zoni, u li jkollu l-għan li jispiċċaw l-inugwaljanzi eżistenti u li jħeġġeġ id-dinamiżmu ekonomiku fiz-zoni urbani u rurali; jenfasizza l-bżonn li jiġi allokat finanzjar adegwat għall-azzjonijiet korrispondenti;

3.

Ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-reġjuni kollha tal-Unjoni, fit-totalità tagħha, inklużi z-zoni rurali u dawk imbiegħda, bħala regola ġenerali għandhom jibbenefikaw mill-istess possibilitajiet ta' żvilupp sabiex tkun evitata aktar esklużjoni territorjali taz-zoni l-aktar żvantaġġati;

4.

Jisħaq li f'numru kbir ta' zoni rurali, il-possibilitajiet għall-iżvilupp, speċjalment għaż-żgħażagħ u għan-nisa, huma mnaqqsa minħabba diffikultajiet biex jiġu aċċessati s-servizzi pubbliċi, in-nuqqas ta' impjiegi u l-piramida tal-etajiet;

5.

Jisħaq li, f'ċerti zoni, m'hemmx alternattivi għal ċerti forom determinati ta' produzzjoni agrikola li ta' spiss ikollhom jinżammu, ikunu xi jkunu l-iżvantaġġi, għal raġunijiet ta' politika ambjentali u reġjonali, b'mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-reġjuni rurali mbiegħda u muntanjużi, li qed jġarrbu d-deżertifikazzjoni;

6.

Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 wessa’ l-obbjettivi ta’ Liżbona fir-rigward tal-ideat ta’ sostenibilità u ta’ koeżjoni u li l-politika ta’ żvilupp rurali hi mmirata proprju lejn l-agrikoltura sostenibbli, iż-żamma tal-attivitajiet rurali mhux agrikoli, il-valutazzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp lokali, il-ħarsien tal-ambjent, l-ippjanar bilanċjat tal-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

7.

Jemmen li l-implimentazzjoni xierqa tal-politika għall-iżvilupp rurali, minħabba l-iżvilupp sostenibbli fuq terminu ta' żmien twil ta' zoni rurali, jirrikjedi li jitqiesu b'mod xieraq ir-riżorsi naturali u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull zona, inklużi l-ħarsien, it-titjib u l-ġestjoni tal-wirt rurali, u tal-iżvilupp ta' kollegamenti u interazzjonijiet maz-zoni urbani;

8.

Jenfasizza wkoll l-importanza li jkunu evalwati zoni b’attività ekonomika alternattiva u l-opportunitajiet li jinħolqu minn dawk iz-zoni għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-popolazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi;

9.

Jemmen li l-kwistjonijiet li l-ambjent rurali se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fil-futur jeħtieġu politika ta' żvilupp ibbilanċjata li tkopri l-parteċipanti soċjali u ekonomiċi kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi fis-setturi tal-produzzjoni u tas-servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-irwol tagħhom fl-iżvilupp integrat tat-territorji;

10.

Iqis li, fil-każ tal-Istati Membri l-ġodda, il-politika għall-iżvilupp rurali għandha timmira li ttejjeb l-effiċjenza tal-agrikoltura u li tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku li jeżistu bejn iz-zoni rurali u z-zoni urbani, anke billi tappoġġja l-attivitajiet mhux agrikoli, li hu obbjettiv li jista' jintlaħaq b'mod partikolari bl-użu tal-Fondi Strutturali;

11.

Jilqa’ l-ambizzjonijiet stipulati fit-Tieni Konferenza Ewropea dwar l-Iżvilupp Rurali li saret f’Salzburg fl-2003, iżda jiddispjaċih mill-fatt li l-iffinanzjar mogħti skont it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni mill-aħħar prospettivi finanzjarji tant kellu tnaqqis sinifikanti li qed jirriskja li tinħoloq l-ineffiċjenza u diviżjoni bejn il-bdiewa u n-nies li jgħixu fiz-zoni rurali;

12.

Jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija koerenti għall-iżvilupp rurali fit-tul, sabiex ikun iffaċilitat l-użu l-aktar effettiv u effiċjenti tal-finanzjamenti kollha disponibbli;

13.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jifformulaw, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u fi sħubija mal-awtoritajiet u l-korpi kompetenti kollha li jirrapreżentaw lis-soċjetà ċivili, strateġija ta' żvilupp rurali sostenibbli fil-livell nazzjonali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar il-prijoritajiet u l-obbjettivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali u biex jiġu żgurati l-adattament, il-koordinazzjoni u l-komplementarità li l-għajnuna li tiġi minn sorsi varji ta' finanzjamenti;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jiżguraw il-parteċipazzjoni diretta tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi tas-snajja', sabiex jidentifikaw dawk il-prijoritajiet bl-għan li jindirizzaw bl-aħjar mod possibbli l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta' dawk l-intrapriżi;

15.

Jirrikonoxxi li l-politika għall-iżvilupp rurali għandha rwol ferm importanti biex jiġu identifikati u indirizzati problemi speċifiċi f'zoni rurali u jemmen li t-twaqqif tal-EARDF għat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni jirrappreżenta tentattiv biex ikun hemm approċċ strateġiku, tematiku u integrat li jkun jista' jirrispondi għad-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-iskala tal-isfidi li jolqtu liz-zoni rurali tal-UE, u biex jissimplifikaw proċeduri finanzjarji u jiżguraw li l-fondi huma ffokati fuq dawk iz-zoni;

16.

Ifakkar li l-Istati Membri ntalbu jħejju, għall-perjodu attwali ta' pprogrammar, żewġ dokumenti strateġiċi: Pjan Nazzjonali ta’ Strateġija għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u Qafas Strateġiku Nazzjonali ta’ Referenza għall-Politika Reġjonali (Fondi Strutturali); ifakkar li l-Istati Membri ntalbu jimmobilizzaw is-sinerġiji u jwaqqfu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-operat bejn id-diversi fondi; jiddispjaċih madankollu, li f’dan il-proċess saret enfasi partikolarment fuq li tiġi żgurata d-demarkazzjoni tad-diversi fondi u programmi, iktar milli fuq li jinħolqu sinerġiji minnhom;

17.

Iqis li l-effiċjenza tal-politika għall-iżvilupp rurali tista' tinkiseb biss jekk il-miżuri implimentati skont l-EARDF u l-politika għall-iżvilupp reġjonali huma koordinati u komplementarji, biex jiġu evitati l-iffinanzjar doppju u l-lakuni; jinnota bi tħassib l-koordinazzjoni insuffiċjenti bejn dawk l-azzjonijiet fil-perijodu ta' programmazzjoni attwali fl-Istati Membri individwali; jitlob lill-Kummissjoni għaldaqstant biex tipproponi riformi bl-għan li jiżguraw koordinazzjoni mtejba fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati skont il-politika ta’ koeżjoni u l-CAP; tirrikonoxxi li r-riforma ta' wara l-2013 tal-CAP u tal-Fondi Strutturali tal-UE se jipprovdu opportunità biex tiġi evalwata mill-ġdid ir-relazzjoni bejn l-iżvilupp rurali fuq naħa waħda u l-politika agrikola u l-politika ta' koeżjoni fuq in-naħa l-oħra;

18.

Jirrikonoxxi li l-irwol primarju tal-politika għall-iżvilupp rurali hu li għandha tkompli żżomm il-popolazzjoni tal-kampanja u tiżgura standard diċenti ta’ għajxien għaliha;

19.

Iqis li dan l-approċċ li jissepara l-iżvilupp rurali mill-politika ta’ koeżjoni bil-ħolqien tal-EAFRD jeħtieġ li jkun immonitorjat mill-qrib ħafna sabiex ikun evalwat l-impatt reali tiegħu fuq l-iżvilupp ta’ zoni rurali; jinnota li s-sistema l-ġdida twaqqfet fl-2007 u li għalhekk huwa kmieni wisq biex jintlaħqu kwalunkwe konklużjonijiet rigward il-ġejjieni ta' din il-politika tal-Komunità;

20.

Jenfasizza li waħda mill-prijoritajiet tal-politika għall-iżvilupp rurali hija li tipproponi miżuri li ma jwasslux biex il-popolazzjoni rurali jkollha tabbanduna l-agrikultura u li jgħinu wkoll, fost affarijiet oħra, il-promozzjoni ta' azjendi kompetittivi, il-produzzjoni ta' prodotti organiċi, ikel u xorb tradizzjonali ta' kwalità għolja pereżempju;

21.

Jinnota b’interess li l-Assi 3 u l-Assi 4 (LEADER) tat-tieni pilastru tal-CAP (il-politika għall-iżvilupp rurali), li jirrapreżentaw 15 % tat-total tan-nefqa tal-EAFRD, jikkonċernaw attivitajiet mhux agrikoli li jiffokaw l-iktar fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji rurali; jemmen li, minħabba n-natura tal-interventi ffinanzjati skont dawn l-Assi, li jixbħu lil uħud mill-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, hemm riskju li l-politiki jidħlu fuq xulxin;

22.

Jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jitqiesu l-prospetti primarjament tal-popolazzjoni impjegata fl-agrikultura, li għandu jibqa’ l-għan ewlieni tal-miżuri ta’ appoġġ taħt il-politika għall-iżvilupp rurali;

23.

Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ sabiex jibqgħu jaħdmu artijiethom, anki jekk huma mhumiex impenjati biss fil-produzzjoni agrikola, billi jingħatawlhom inċentivi għall-iżvilupp u attivitajiet oħra, bħalma hu t-turiżmu rurali, u t-tisħiħ tal-SMEs fil-kampajna;

24.

Iqis li l-obbjettivi prinċipali tal-politika għall-iżvilupp rurali jistgħu jinkisbu biss jekk din il-politika tirċievi fondi adegwati li jintużaw skont il-prijoritajiet stipulati għaz-zoni rurali u li l-fondi mwarrba permezz tal-modulazzjoni dejjem għandhom jitqassmu lura lill-komunitajiet agrikoli attivi;

25.

Huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni tal-politika strutturali u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali tippermetti li jitwettqu proġetti b’valur miżjud Ewropew ikbar; jara f'dan opportunità għal tisħiħ fuq terminu ta' żmien twil taz-zoni rurali, pereżempju permezz ta' miżuri infrastrutturali jew miżuri għall-ħarsien tal-ambjent;

26.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta figuri dettaljati u previżjonijiet fir-rigward tal-użu tal-EAFRD u l-fondi strutturali fiz-zoni rurali u biex tistudja s-sinerġiji li jistgħu jinħolqu permezz tal-EAFRD u l-Fondi Strutturali f’termini tal-fondi disponibbli fiz-zoni rurali;

27.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk il-programmi tal-politika reġjonali jistgħux jikkontribwixxu biex jiġi offrut dħul ta' min jorbot fuqu lill-bdiewa, pereżempju billi jitwettqu attivitajiet marbuta mal-ħarsien tal-ambjent, il-konservazzjoni tan-natura u l-immaniġġjar tal-pajsaġġi;

28.

Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli, il-livelli ta' dħul per capita, l-aċċessibilità, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi u d-depopolazzjoni rurali huma fost l-ikbar sfidi għall-politika ta' koeżjoni u jistgħu jittejbu bl-iżjed mod effettiv, fost miżuri oħrajn, permezz ta' appoġġ għal attivitajiet mhux agrikoli fil-komunitajiet rurali;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu b'mod sistematiku l-kampanja fil-politiki tal-UE u biex jipprovdu appoġġ xieraq għall-proġetti mmirati li jiżviluppaw il-kapital uman b'mod partikolari permezz tal-forniment ta' opportunitajiet ta' taħriġ għall-imprendituri agrikoli u nonagrikoli f'zoni rurali, b'attenzjoni speċjali fuq in-nisa żgħażagħ, bl-għan li jitħeġġu l-impjiegi u l-ħolqien tagħhom;

30.

Jenfasizza li l-iżvilupp fiz-zoni rurali jeħtieġ iktar attenzjoni u appoġġ għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ naturali u dak maħdum, l-ekoturiżmu, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija li tiġġedded u l-inizjattivi lokali bħalma huma l-iskemi ta’ akkwist ta’ ikel lokali ta’ kwalità u swieq lokali għall-bdiewa;

31.

Jiġbed l-attenzjoni fuq l-irwol tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-iżvilupp rurali u l-kontribut li jagħtu għall-konverġenza fil-livelli reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ipoġġu enfasi fuq it-tisħiħ tal-kompetittività billi jassistu wkoll setturi oħra produttivi u biex iħeġġu l-ispirtu intraprenditorjali fiz-zoni rurali, b'mod partikolari billi jiġu eliminati l-ostakli amministrattivi, legali u dawk li għandhom x'jaqsmu mal-ippjanar, u b'hekk jipprovdu infrastruttura adegwata tal-informatika u jżidu l-inċentivi biex jitnedew attivitajiet intraprenditorjali ġodda kif ukoll biex joffru iktar appoġġ għal attivitajiet nonagrikoli filwaqt li jħeġġu d-diversifikazzjoni ekonomika f'dawn iz-zoni;

32.

Għal darb’oħra jerġa’ jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għall-isfida enormi li qiegħed joħloq l-għejbien li kien ġie previst ta’ diversi miljuni ta’ negozji rurali żgħar, li se jkollu impatt kbir fuq l-impjiegi u għalhekk fuq l-istabilità tal-kampanja; jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u fuq kull livell, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali;

33.

Jinnota li d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-politika għall-iżvilupp rurali tirriżulta mill-interferenzi bejn il-politiki settorjali u l-politika tal-koeżjoni territorjali, kif ukoll l-interferenzi bejn l-aspetti ekonomiċi u soċjali taż-żewġ tipi ta' politika, u mill-varjetà wiesgħa ta' sistemi ta' allokazzjoni tar-responsabilità u tal-koordinazzjoni tal-politika użati fl-Istati Membri, f'dan ir-rigward jenfasizza għal darb'oħra n-neċessità li jinħolqu sinerġiji bejn l-EAFRD u l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u jitlob lill-Kummissjoni biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jifhmu sew il-possibilitajiet offruti minn dawn l-istrumenti finanzjarji; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm djalogu bejn l-awtoritajiet amministrattivi sabiex joħolqu sinerġiji bejn l-interventi tal-fondi differenti u jittejbu l-effikaċja tagħhom;

34.

Huwa tal-opinjoni li, qabel ma ssir riforma tal-iffinanzjar tal-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni dettaljata tal-politiki settorjali kollha li jħallu impatt fuq zoni rurali, u notevolment fuq il-CAP u l-politika reġjonali, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni u li għandu jitfassal sett tal-aħjar prattiki għall-politika għall-iżvilupp rurali fit-totalità tagħha;

35.

Jitlob lill-Kunsill biex isejjaħ laqgħa konġunta informali tal-Ministri responsabbli għall-agrikoltura u l-politika reġjonali biex jiddiskutu l-aħjar mod ta' kif jikkoordinaw politika ta' koeżjoni u miżuri ta' żvilupp rurali, u biex jistieden f'din il-laqgħa lill-korpi konsultattivi tal-UE (Kumitat tar-Reġjunijiet u Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew), kif ukoll rappreżentattivi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

36.

Jitlob li sal-2011 il-Kummissjoni, toħloq grupp ta' ħidma ta' livell għoli fil-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni, li jkollu jħejji proposti mmirati biex jiżguraw il-futur tal-ekonomija rurali u tal-popolazzjonijiet kollha taz-zoni rurali wara l-2013;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tintroduċi jew issaħħaħ governanza ġenwina jew arranġamenti ta' sħubija fil-livelli kollha, bl-involviment dirett tal-partijiet kollha involuti, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, kif ukoll l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, bl-għan li jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-aħjar azzjoni adattata għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp taz-zoni rurali;

38.

Jinnota li l-proċess tal-iżvilupp rurali għandu jkun irrikonċiljat mal-interessi taz-zoni suburbani u għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mal-promozzjoni tal-iżvilupp urban, u jenfasizza li s-sinerġiji bejn il-politiki għall-iżvilupp rurali u għall-iżvilupp urban la huma suffiċjenti u lanqas effettivi;

39.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-komunità rurali biex tagħti kontribut pożittiv għall-ambjent permezz tal-impenn tagħha f'attivitajiet li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent u l-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi ta' enerġija bħalma huma l-bijokarburanti, speċjalment billi jitqiesu l-erba' sfidi ġodda deskritti fil-politika għall-iżvilupp rurali tal-Ispezzjoni tas-Saħħa, bħalma huma l-bijodiversità u l-enerġiji li jiġġeddu;

40.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.

(4)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.