1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/135


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Ir-rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar il-Kroazja

P6_TA(2009)0133

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar ir-rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar il-Kroazja

2010/C 87 E/27

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fit-3 ta’ Ottubru 2005, sabiex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008, dwar ir-rapport ta’ progress tal-Kroazja għall-2007 (1),

wara li kkunsidra r-rapport ta’ Progress tal-Kroazja għall-2008, ippubblikat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Novembru 2008 (SEC(2008)2694),

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kroazja għamlet progress sostanzjali f’kull livell fit-tliet oqsma koperti mill-kriterji ta’ Kopenħagen,

B.

billi jeħtieġ li dawn il-kisbiet konsiderevoli jiġu kkonsolidati u segwiti bi sforzi serji sabiex jiġu adottati u implimentati r-riformi indirizzati fir-rapport tal-Kummissjoni u f’din ir-riżoluzzjoni,

C.

billi l-UE ħadet passi sabiex ittejjeb il-kwalità tal-proċess tat-tkabbir,

D.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2007 bit-titolu “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2007-2008” (COM(2007)0663) jagħmel enfasi kbira – sa mill-istadji bikrin tan-negozjati għall-adeżjoni – fuq l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, b’referenza partikulari għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, għar-riforma amministrattiva u ġudizzjarja kif ukoll għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili,

E.

billi l-konklużjoni tan-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja sal-2009 għandha tibqa’ l-objettiv komuni tal-partijiet kollha involuti,

F.

billi l-qtil u l-attakki li seħħew fl-2008 enfasizzaw il-ħtieġa li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-Kroazja jiġu indirizzati b’mod serju u fil-pront,

G.

billi nħatru Ministru tal-Intern, Ministru tal-Ġustizzja u Kap tal-Pulizija ġodda, u ġew inkarigati bil-kompitu li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet,

Rimarki ġenerali

1.

Ifaħħar lill-Kroazja għar-riżultati tajbin li kisbet tul l-2008 fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u fit-twettiq tar-riformi meħtieġa biex tikkwalifika għas-sħubija fl-UE;

2.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-ħidma leġiżlattiva u regolatorja fl-aħħar ġiet akkumpanjata bi sforzi biex tissaħħaħ u titjieb il-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex jiġu implimentati dawn ir-riformi;

3.

Jinsab fiduċjuż li jista’ jintlaħaq l-għan li jiġu konklużi n-negozjati fl-2009, b’konformità mal-pjan direzzjonali indikattiv ippubblikat mill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li l-Gvern tal-Kroazja jżid l-isforzi tiegħu biex jindirizza b’mod partikolari l-kwistjonijiet l-aktar sensittivi marbuta mal-proċess ta’ adeżjoni, fosthom il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u finalment jilħaq ukoll il-kriterji ta’ referenza f’dawn l-oqsma kif ukoll bil-kundizzjoni li l-Kunsill ikun lest u f’pożizzjoni li jiftaħ il-kapitoli tan-neguzjati kollha mingħajr aktar dewmien;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-Kunsill għandu jwaqqaf grupp ta’ ħidma tekniku ad hoc li jkun responsabbli għall-abbozzar tat-Trattat ta’ Adeżjoni; jirrakkomanda wkoll li dan il-grupp għandu jaħdem b’mod parallel man-negozjati u għalhekk għandu jibda x-xogħol tiegħu waqt l-ewwel nofs tas-sena 2009; barra minn hekk, jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta komunikazzjoni matul l-2009 li tagħti dettalji dwar l-impatt finanzjarju tal-adezjoni tal-Kroazja mal-UE;

Kriterji politiċi

5.

Jinsab sodisfatt bil-progress miksub fir-rigward tal-adozzjoni tad-dokumenti ewlenin u tal-leġiżlazzjoni ewlenija f’ċerti oqsma, l-aktar dawk relatati mal-antidiskriminazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-minoranzi u r-ritorn tar-refuġjati; jinnota li l-implimentazzjoni rapida u effettiva issa hija ta’ importanza kruċjali;

6.

Madankollu, jinnota l-ħtieġa li titkompla r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ salarji u reviżjoni komprensiva tal-proċeduri amministrattivi sabiex jiżdiedu t-trasparenza, ir-responsabilità u d-depolitiċizzazzjoni tas-servizzi ċivili tal-Kroati; jitlob biex tingħata attenzjoni speċifika fir-rigward tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali minħabba li l-kapaċità tagħhom li jerfgħu responsabilitajiet ġodda hija kruċjali għas-suċċess tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni;

7.

Jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta ugwaljanza u ċertezza legali quddiem il-liġi għall-investituri barranin u f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati biex jindirizzaw fil-pront il-każijiet pendenti dwar ir-restituzzjoni tal-proprjetà, f’konformità mas-sentenzi relevanti tal-Qorti Kostituzzjonali Kroata;

8.

Jemmen li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi serji fis-settur ġudizzjarju sabiex jiġu indirizzati l-għeruq tal-kawżi pendenti u tal-proċeduri ġudizzjarji eċċessivament twal, sabiex tingħata spinta għal razzjonalizzazzjoni serja u komprensiva tal-qrati, li tkopri kull tip ta’ qorti, sabiex tiġi introdotta proċedura ta’ għażla oġġettiva u trasparenti kif ukoll kriterji ta’ evalwazzjoni u promozzjoni għall-maġistrati sabiex jiġi żgurat li r-reati tal-gwerra jkunu ttrattati f’konformità ma’ standards komuni, irrispettivament mill-etniċità u finalment, sabiex jinstabu modi biex tkun indirizzata l-problema ta’ verdetti u proċessi in absentia, l-aktar permezz tat-tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali;

9.

Jieħu nota tal-istqarrija magħmula mill-Prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugożlavja quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-12 ta’ Diċembru 2008, fejn indika li l-Kroazja rrispondiet għall-maġġoranza tat-talbiet ta’ assistenza magħmula mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-waqt li nnota li ċerti dokumenti militari kruċjali relatati mal-każ ta’ Gotovina għadhom nieqsa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kroazja sabiex iżid l-isforzi tiegħu biex dawn id-dokumenti ewlenin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tat-Tribunal immedjatament;

10.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Kroat finalment ħa miżuri addizzjonali biex jindirizza l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li ż-żieda fl-attivitajiet investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tal-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (USKOK) għandha tkun akkumpanjata minn sforzi ugwali tal-pulizija u ġudizzjarji sabiex dawn l-attivitajiet iwasslu għal riżultati; huwa tal-fehma li m’għandha tintwera l-ebda tolleranza fil-livelli kollha u li l-verdetti għandhom ikunu konklużi u infurzati, inkluż it-teħid tal-assi; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal-iffriżar temporanju tal-assi ta’ dawk kollha akkużati b’korruzzjoni u bi kriminalità organizzata;

11.

Jinnota b’sodisfazzjon li f’erba’ qrati diversi uffiċjalment infetħu dipartimenti li qed jittrattaw speċifikament il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u li s-sittin imħallef nominati f’dawn id-dipartimenti ġew eżaminati bir-reqqa u se jirċievu inċentivi finanzjarji sostanzjali li jirriflettu l-kumplessità u s-sensittività tal-kompiti li se jwettqu;

12.

F’dan il-kuntest jitlob lill-Gvern tal-Kroazja sabiex jiżgura li l-pulizija u l-ġudikatura jingħatawlhom il-libertà u l-indipendenza ta’ azzjoni kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex iwettqu l-mandat tagħhom għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

13.

Jinsab sodisfatt bil-libertà tal-istampa fil-Kroazja iżda jiġbed l-attenzjoni għal każijiet reċenti ta’ intimidazzjoni u saħansitra qtil ta’ ġurnalisti li kienu qed jinvestigaw każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità organizzata; jistieden lill-pulizija u lill-ġudikatura biex jieħdu azzjoni deċiża ħalli jinvestigaw u jressqu dawn il-każijiet quddiem il-qorti sabiex terġa’ tiġi stabbilita klima pożittiva fil-pajjiż u sabiex tiġi żgurata konformità mal-kriterji politiċi għall-adeżjoni; f’dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa ta’ protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, li mhumiex politikament negozzjabbli;

14.

Huwa sodisfatt li l-Gvern tal-Kroazja adotta pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-liġi kostituzzjonali dwar il-minoranzi nazzjonali u biż-żieda fl-iffinanzjar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kroazja biex jimplimentaw il-pjan b’konsultazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jirrappreżentaw il-komunitajiet tal-minoranzi; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa ta’ konċentrazzjoni fuq id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tal-minoranzi, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, u l-ħtieġa li titfassal strateġija fuq perjodu ta’ żmien twil għall-impjiegi tal-minoranzi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura; barra minn hekk, jitlob li l-Kunsilli dwar il-Minoranzi Nazzjonali jgawdu minn awtonomija baġitarja mill-awtoritajiet lokali li lilhom mistennija jagħtu pariri, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat tagħhom b’indipendenza sħiħa;

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kisbiet li twettqu fil-qasam tal-politika għall-minoranzi fil-Kroazja, b’mod partikulari l-fatt li ġew żgurati kemm l-opportunitajiet edukattivi kif ukoll ir-rappreżentanza parlamentari għall-minoranzi fil-pajjiż;

16.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress kontinwu fir-rigward tal-edukazzjoni tal-minoritajiet; madankollu, jinsab imħasseb minħabba li l-istrutturi attwali jissoktaw is-segregazzjoni aktar milli jwasslu għall-integrazzjoni bejn il-gruppi etniċi differenti (eż. permezz tal-klassijiet komuni); jinsab imħasseb ukoll, partikolarment fil-każ tar-Roma, li dawn l-arranġamenti jistgħu jwasslu għal kwalità ta’ edukazzjoni inferjuri għal dik tal-klassijiet prinċipali;

17.

Jinnota li, filwaqt li nkisbu riżultati tanġibbli fl-għoti tal-kundizzjonijiet għar-ritorn tar-refuġjati, għad baqa’ ħafna xi jsir sabiex dan ir-ritorn ikun sostenibbli f’termini ta’ djar, b’mod partikulari għal dawk li kellhom id-dritt tal-kirja f’żoni urbani, ta’ integrazzjoni, u ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-programmi għar-ritorn b’mod li jkunu koerenti ma’ programmi soċjali u programmi għall-impjiegi oħrajn;

18.

Barra minn hekk, jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komprensiva antidiskriminatorja u jagħti importanza kbira lill-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha; jistieden lill-awtoritajiet, fil-livelli nazzjonali u lokali, biex ma juru l-ebda tolleranza lejn episodji ta’ mibgħeda razzjali kif ukoll lejn kwalunkwe forma oħra ta’ mibgħeda u biex jiżguraw li dawn l-episodji jiterssqu l-qorti; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipproteġu d-drittijiet tal-minoranzi sesswali;

Kriterji ekonomiċi

19.

Jinsab kuntent biż-żieda fl-impjiegi u bit-tkabbir ekonomiku sostnut li għamlet il-Kroazja. minkejja dan, jinnota r-rati għoljin persistenti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-minoranzi u jinnota wkoll l-impatt li qed ikollhom il-prezzijiet ogħla tal-ikel u, b’mod iktar ġenerali, l-inflazzjoni fuq l-għajxien taċ-ċittadini komuni;

20.

Jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-defiċit li qed jikber tal-kummerċ u tal-kont kurrenti kif ukoll id-dejn barrani li jagħmlu l-ekonomija Kroata iktar vulnerabbli u esposta għar-riskji; jenfasizza li, sabiex jinżamm il-livell ta’ tkabbir ekonomiku attwali u l-Kroazja tkun tista’ tleħħaq mal-Istati Membri tal-UE, se jkun neċessarju li jitħaffef il-pass tar-riformi strutturali;

21.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi promossa, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, politika li tirrikonċilja s-sigurtà tal-enerġija mal-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jikkonformaw mal-għanijiet stipulati fil-pakkett dwar il-klima tal-UE u jagħtu prijorita lill-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, b’mod partikulari fiż-żoni kostali; ifakkar lill-Kroazja dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament offerti mill-UE għall-Mediterran f’dan ir-rigward; jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto u jistieden lil-awtoritajiet sabiex jieħdu l-passi xierqa kollha b’mod effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet industrijali;

Il-kapaċità li jintrefgħu l-obbligi tas-sħubija

22.

Jinsab sodisfatt b’mod globali dwar il-pass ġenerali tal-allinjament leġiżlattiv; minkejja dan, jemmen li għandha tingħata iktar attenzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Kroati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex jiġi implimentat l-acquis;

23.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress fil-proċess ta’ privatizzazzjoni li qed isir fl-industriji tal-azzar u tat-telekomunikazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni mill-awtoritajiet Kroati li jipproċedu bis-sejħiet għall-offerti għall-privatizzazzjoni tat-tarzni Kroati, li għandha titlesta fl-2009, u jenfasizza li l-bejgħ tat-tarzni għandu jsir fi trasparenza sħiħa u f’konformità mal-istandards tal-kompetizzjoni tal-UE; jistieden lill-Gvern Kroat, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jadotta miżuri speċifiċi biex jibbilanċja l-ispejjeż soċjali tar-ristrutturar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jikkunsidraw il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali meta jkunu qed jirrevedu l-progress tal-Kroazja fl-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji;

24.

Jinnota li l-progress fis-settur agrikolu ma kienx uniformi, u filwaqt li s-sitwazzjoni fl-oqsma tal-politika għall-kwalità u l-biedja organika huma avvanzati ħafna, jeħtieġ li titjieb il-kapaċità ta’ assorbiment tal-fondi għall-iżvilupp rurali; jenfasizza li hemm bżonn ta’ żieda fil-kapaċità amministrattiva kif ukoll riforma tas-sistemi ta’ appoġġ agrikolu biex tinkiseb tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE u sabiex jonqos l-impatt soċjali ta’ din it-tranżizzjoni;

25.

Jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex juru li kapaċi jassorbu sew il-fondi ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE u biex jippreparaw f’kull livell - ċentrali, reġjonali u lokali - l-istrutturi u l-kompetenza meħtieġa għall-Fondi Stutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE;

Koperazzjoni reġjonali

26.

Jiddispjaċih ħafna li n-negozjati għall-adeżjoni ġew effettivament imblukkati għal żmien konsiderevoli minħabba kwistjonijiet bilaterali;

27.

Jenfasizza li l-kwistjonijiet bilaterali m’għandhomx ikunu ostaklu għall-progress fin-negozjati għall-adeżjoni, sakemm dawn in-negozjati ma jintużawx biex tiġi ostakolata s-soluzzjoni finali ta’ dawn il-kwistjonijiet; madankollu, iħeġġeġ lill-Gvern Kroat u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien biex jirriżolvu malajr il-kwistjonijiet pendenti tagħhom;

28.

Jenfasizza li r-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien jibqgħu element kruċjali għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u jistieden b’mod attiv lill-Kroazja u lill-ġirien tagħha biex jippromwovu l-koperazzjoni fir-reġjun u jinvestu iktar fi proġetti ta’ koperazzjoni transkonfinali;

29.

Ifakkar fil-ftehim informali li ntlaħaq fil-26 ta’ Awwissu 2007, mill-Prim Ministri tal-Kroazja u tas-Slovenja dwar it-tressiq tal-kwistjoni tagħhom dwar il-fruntiera quddiem korp internazzjonali, jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kroazja u s-Slovenja li jaċċettaw l-offerta ta’ medjazzjoni li saret mill-Kummissjoni u hu tal-opinjoni li din il-medjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-liġi internazzjonali; f’dan il-kuntext jistenna bil-ħerqa l-progress malajr tan-negozjati tal-adezjoni;fl-Aja jilqa’ b’sodisfazzjon l-offerta ta’ medjazzjoni li saret mill-Kummissjoni u hu tal-opinjoni li din il-medjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-liġi internazzjonali u fuq il-prinċipju tal-ekwità;

*

* *

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u l-Parlament tal-Kroazja.


(1)  Testi adottati,P6_TA(2008)0120.