1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/127


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Sri Lanka

P6_TA(2009)0129

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fis-Sri lanka

2010/C 87 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi madwar 170 000 persuna ċivili jinsabu f'sitwazzjoni ta’ emerġenza, maqbuda fiz-zona ta’ kunflitt bejn l-armata tas-Sri Lanka u l-forzi tal-Liberation Tamil Tigers ta’ Ealam (LTTE) mingħajr aċċess għall-għajnuna l-aktar bażika,

B.

billi l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti ddokumentaw iktar minn 2 300 mewta ċivili u mill-inqas 6 500 każ ta' midruba sa minn tmiem Jannar 2009,

1.

Jitlob għal waqfien mill-ġlied immedjat mill-armata tas-Sri Lanka u l-LTTE sabiex iħallu lill-popolazzjoni ċivili titlaq miz-zona ta’ kunflitt; jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u intimidazzjoni li qed iżommu lin-nies ċivili milli jħallu z-zona ta’ kunflitt;

2.

Jikkundanna l-attakki fuq il-persuni ċivili kif dokumentati mill-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali;

3.

Jitlob liż-żewġ naħat jirrispettaw il-liġi umanitarja internazzjonali u biex jipproteġu u jassistu l-popolazzjoni ċivili fiz-zona ta’ kunflitt, kif ukoll fiz-zona fejn m'hemmx periklu;

4.

Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti ta' ffukkar u ta' kondizzjonijiet ħżiena fil-kampijiet tar-refuġjati stabbiliti mill-Gvern tas-Sri Lanka;

5.

Jitlob bil-qawwa li organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u nazzjonali, kif ukoll il-ġurnalisti, jingħataw aċċess sħiħ u mingħajr ostakoli għaz-zona ta’ kunflitt u għall-kampijiet tar-refuġjati;

6.

Jitlob lill-Gvern tas-Sri Lanka jikkoopera mal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna li jridu u li huma kapaċi jevakwaw in-nies ċivili;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Gvern tas-Sri Lanka, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.