1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/35


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Garanzija ta' Kwalità tal-Ikel, inkluż l-armonizzazzjoni jew ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards

P6_TA(2009)0098

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar garanzija ta’ kwalità għall-prodotti alimentari, inkluż l-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-istandards (2008/2220(INI))

2010/C 87 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2008 dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, il-ħtiġijiet tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità (COM(2008)0641),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 1998 dwar politika ta’ kwalita għall-prodotti agrikoli u agroalimentari (1),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, t’Ottubru 2008 dwar skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel,

wara li kkunsidra l-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni (PAK),

wara li kkunsidra l-mandat tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati fil-qasam tal-agrikoltura, kif definit fil-proposta tal-Kummissjoni dwar id-dettalji li għandhom x’jaqsmu man-negozjati tad-WTO dwar l-agrikoltura ta’ Jannar 2003 (2),

wara li kkunsidra l-konferenza li organizzat il-Kummissjoni fil-5 u s-6 ta’ Frar 2007 fi Brussell dwar “Iċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità tal-Ikel – Valur Miżjud għall-Prodotti tal-Biedja”,

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (COM(2008)0040),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel (A6-0088/2009),

A.

billi l-istandards tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza u l-kwalità tal-ikel huma l-iktar għoljin fid-dinja,

B.

billi dawn l-istandards għoljin huma reazzjoni għat-talba tal-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea u huma mod ta’ twettiq ta’ valur miżjud importanti,

C.

billi l-konsumaturi qed juru interess kbir mhux biss għas-sikurezza tal-ikel, iżda wkoll għall-oriġini u l-metodi ta’ produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel; billi l-Unjoni Ewropea diġà rreaġixxiet għal dawn it-tendenzi billi introduċiet erba' tikketti ta' kwalità u tal-oriġini tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri d-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DOP), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), speċjalità tradizzjonali garantita (GTS), u l-biedja organika,

D.

billi l-prodotti Ewropej ta' kwalità jikkostitwixxu wirt kulturali u gastronomiku “ħaj” għall-Unjoni Ewropea, u huma element importanti fil-ħajja ekonomika u soċjali ta’ bosta reġjuni tal-UE peress li jiggarantixxu t-tkomplija ta’ attivitajiet direttament marbutin mar-realtajiet lokali, l-aktar fiż-żoni rurali,

E.

billi l-konsumatur jassoċja s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni ma’ garanzija ta’ kwalità ogħla,

F.

billi s-sistemi speċifiċi ta' kwalità tal-Unjoni Ewropea joffru vantaġġ kompetittiv speċifiku għall-prodotti tal-UE,

G.

billi d-distributuri l-kbar issa qed jiddominaw is-suq tal-prodotti tal-ikel tal-UE u qed jimponu tariffi ta’ riferenza, tariffi biex wieħed jidħol fis-suq kummerċjali kif ukoll kontribuzzjonijiet kunsiderevoli u mhux ġustifikati għall-ispejjeż għall-promozzjoni, elementi li huma biżżejjed biex jitnaqqsu ċ-ċansijiet ta' produtturi żgħar li jilħqu l-pubbliku ġenerali,

H.

billi huwa possibbli li jkunu użati teknoloġiji ġodda biex tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-oriġini u l-karatteristiċi ta' prodotti tal-biedja u tal-ikel,

I.

billi l-iffalsifikar huwa ta’ ħsara kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi aħħarin,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess ta' riflessjoni mniedi mill-Kummissjoni fil-Green Paper u jappoġġja l-idea tal-promozzjoni tal-kwalità tal-prodotti agrikoli Ewropej mingħajr ma jkunu imposti la spejjeż u lanqas piżijiet żejda fuq il-produtturi;

2.

Jemmen li wieħed mill-għanijiet ewlenin Ewropej ta’ interess pubbliku għandu jkun li jkunu żgurati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għal prodotti strateġiċi bħall-prodotti tal-biedja u tal-ikel; iqis importanti ħafna li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għall-prodotti impurtati, li għandhom tendenza li ma jissodisfawx l-istess standards li jirregolaw il-prodotti Komunitarji; jemmen li l-istandards ta’ kwalità Ewropej applikabbli għall-prodotti minn pajjiżi terzi li għandhom aċċess għas-suq intern għandhom ukoll ikunu stipulati abbażi ta’ ftehim fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

3.

Iqis li huwa meħtieġ li jiżdiedu l-kontroll u l-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet biex ikun żgurat li l-prodotti tal-ikel impurtati jkunu konformi mal-istandards tal-UE dwar l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-annimali; jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Agrikoltura tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar is-sikurezza tal-prodotti agroalimentari impurtati u dwar il-konformità mal-istandards Komunitarji, madankollu, f’dawn il-konklużjonijiet jinnota nuqqas ta’ rieda politika soda biex jissaħħu l-kontrolli Komunitarji fil-pajjiżi terzi;

4.

Jenfasizza li l-politika relatata mal-kwalità ma tistax titqies b’mod separat mill-kwistjoni tal-ġejjieni tal-PAK u lanqas mill-isfidi bħall-bidla fil-klima, il-ħtieġa tal-ħarsien tal-bijodiversità, il-provvista tal-enerġija u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma;

5.

Jemmen li fil-kuntest tal-prezz ġeneralment għoli tal-materja prima, l-inċentivi biex tiżdied il-produzzjoni ma għandhomx iservu ta' skuża biex jonqsu l-istandards;

6.

Jafferma mill-ġdid li l-objettiv ta’ livell ogħla ta' sikurezza tal-ikel, standards ogħla ta’ benesseri tal-annimali u tal-ħarsien tal-ambjent għandu jkun li jintlaħaq livell ogħli ta' kwalità għall-prodotti li jagħtu vantaġġ kompettiv konsiderevoli lill-produtturi agrikoli, u li l-produtturi agrikoli għandhom ikunu jistgħu jaqilgħu biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż li jinvolvu r-rekwiżiti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, dwar il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent; huwa tal-opinjoni li, jekk il-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-produtturi agrikoli ma jkunx biżżejjed biex ikopru dawn l-ispejjeż, il-fondi tal-PAK f'dan ir-rigward għandu jkollhom rwol importanti li l-bdiewa Ewropej għandhom jużaw biex jiggarantixxu s-sikurezza, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent fil-biedja;

7.

Iqis li l-politika tal-UE fil-qasam tal-kwalità għandha tkun marbuta mill-qrib mar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013; huwa tal-fehma li l-irwol tal-Unjoni Ewropea f’din il-politika għandu jkun wieħed ta’ appoġġ (inkluż għajnuna finanzjarja) bil-għan li tinkiseb produzzjoni tal-biedja u tal-ikel ta’ kwalità għolja fl-Ewropa; jenfasizza li għandha tingħata aktar għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-aktar sabiex il-produttur iż-żgħir ma jkunx żvantaġġjat;

8.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea, bl-iffirmar tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, intrabtet li timplimenta miżuri għall-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi; Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex twaqqaf programmi speċifiċi ta’ promozzjoni tal-bejgħ li jħeġġu l-użu ta’ varjetajiet ta’ pjanti li huma mhedda mill-erożjoni ġenetika; jenfasizza li dan huwa maħsub sabiex ikun aktar attraenti għall-bdiewa u l-ġardinara li jkabbru varjetajiet li jinsabu elenkati bħala riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, u li għandhom jitwaqqfu programmi ta’ promozzjoni tal-bejgħ simili għal razez ta’ annimali tal-irzizet li qegħdin fil-periklu tal-estinzjoni;

9.

Ifakkar li l-proċess kontinwu tal-liberalizzazzjoni tas-swieq agrikoli dinjin qed iwassal biex il-produtturi tal-UE ikunu esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali diretta, u li kull miżura supplimentari li huma jridu jikkonformaw magħha tista’ ma tagħmilx ġid lill-kompetizzjoni iżda tista’ wkoll tkun ta’ vantaġġ għall-bdiewa tal-UE jekk huma jkunu effettivament kapaċi jiddistingwu l-prodotti tagħhom fis-suq u jiksbu lura vantaġġi; ifakkar ukoll li l-bdiewa tal-UE jistgħu jdawru d-domanda tal-konsumatur favur tagħhom billi jipprovdu lill-konsumaturi bi prodotti ta’ kwalità li jipproduċu lokalment, standards ogħla ta’ benesseri tal-annimali u tal-ambjent, fost affarijiet oħra;

10.

Jenfasizza li, fin-negozjati fid-WTO, il-Kummissjoni għandha taħdem biex tilħaq ftehim dwar il-“kwistjonijiet mhux kummerċjali” li jiggarantixxi li l-akbar ammont possibbli ta’ prodotti impurtati jkunu jissodisfaw l-istess rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa Ewropej, sabiex il-kwalità tal-prodotti agrikoli li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent, tipprovdi vantaġġ kompetittiv ċar għall-produtturi tal-biedja;

11.

Jinsab imħasseb dwar l-influwenza tal-katini kbar tal-ħwienet fuq il-livell ġenerali tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel Ewropej; kif ukoll dwar il-fatt li s-swieq karatterizzati minn distribuzzjoni kkonċentrata ħafna, għandhom it-tendenza li jkollhom uniformità u inqas varjetà ta’ prodotti tal-biedja u tal-ikel, li twassal għal anqas disponibilità ta' prodotti tradizzjonali u għal aktar enfasi fuq il-prodotti pproċessati; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tirregola l-prattiki ta’ “reverse tendering” imposti minn numru żgħir ta’ xerrejja kbar Ewropej minħabba l- konsegwenzi diżastrużi għall-prodotti ta’ kwalità;

Rekwiżiti dwar l-istandards tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni

12.

Jinsab imħasseb dwar il-kumplessità tas-sistema tal-UE ta’ standards bażiċi u dwar in-numru kbir ta' regoli li jridu jikkonformaw magħhom il-bdiewa fl-Unjoni Ewropea; huwa favur sistema simplifikata u jappella sabiex kull regola ġdida tkun evalwata skont il-kriterji tal-adegwatezza, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

13.

Jappella biex ikun hemm simplifikazzjoni ulterjuri tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni billi jiġu ċċarati l-kriterji ewlenin li għandhom jiġu applikati; jappella għall-iżvilupp ta' linji gwida tal-UE dwar l-użu ta' termini riservati ġenerali, bħalma huma “baxx fiz-zokkor”, “baxx fil-karbonju”, “tad-dieta” u “naturali”, bl-iskop li jiġu evitati prattiki li jiżvijjaw;

14.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-parti l-kbira tal-konsumaturi tal-UE mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-katina tal-ikel, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-oriġini tal-prodotti u tal-materja prima; huwa favur l-indikazzjoni obbligatorja tal-post tal-produzzjoni tal-prodotti primarji bbażata fuq it-tikketta tal-pajjiż tal-oriġini, li tirrifletti x-xewqa tal-konsumatur li jkun jaf iktar dwar l-oriġini tal-prodott li qiegħed jixtri; jemmen li din is-sistema għandha tapplika wkoll għall-prodotti pproċessati tal-ikel u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini tal-ingredjenti ewlenin u tal-materja prima, u tispeċifika il-post ta' oriġini tagħhom u dak tal-aħħar ipproċessar tal-prodott;

15.

Iqis li l-mudell Awstraljan huwa eżempju tajjeb ta’ sistema tal-ittikkettar tal-pajjiż tal-oriġini, filwaqt li tqis, f’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-setturi produttivi differenti tal-Unjoni Ewropea, bil-mod kif tindika l-livelli differenti bħal “prodott fi” (għall-prodotti tal-ikel maħduma lokalment b’ingredjenti lokali), “magħmul fi” (għall-prodotti tal-ikel li għaddew minn proċess sostanzjali lokalment), jew “maħdum f'pajjiż X bl-użu ta’ ingredjenti lokali jew importati”; ifakkar li sħab kummerċjali importanti oħra bħall-Istati Uniti jew in-New Zealand jużaw ukoll sistemi ta' ttikkettar tal-istess tip;

16.

Iqis li sakemm ikunu rispettati l-istandards tas-sigurtà tal-ikel, l-istandards ta' kummerċjalizzazzjoni ma għandhomx ixekklu l-aċċess tal-prodotti għas-suq fuq il-bażi tal-estetika, il-forma jew id-daqs tagħhom;

17.

Huwa tal-fehma li t-tikketti ta’ kwalità tal-UE inġenerali, bit-test “immanifatturat fl-Unjoni Ewropea” għandhom iwasslu biex il-prodotti tal-UE jispikkaw fis-suq minħabba l-istandards għoljin ta' kwalita' li jirregolaw il-produzzjoni tagħhom;

18.

Iqis li jinħtieġ li jkunu promossi t-termini riservati fakultattivi bħala alternattiva għall-istandards obbligatorji ta' kummerċjalizzazzjoni; madankollu huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet uniformi li jissodisfaw lill-partijiet kollha interessati jista’ jkollha diffikultajiet minħabba d-drawwiet u t-tradizzjonijiet differenti ta’ dieta nutrizzjoni, kif ukoll iżżid l-ammont ta’ tagħrif għall-konsumaturi u l-ħtieġa tal-ħolqien ta' sistema ta’ monitoraġġ li teżamina l-użu ta’ dawn it-termini;

19.

Huwa favur miżuri maħsuba biex jissimplifikaw ir-regolamenti tal-UE mingħajr ma jżarmawhom, u biex jillimitaw l-oqsma fejn tiġi pprattikata l-awtoregolamentazzjoni; iqis li l-istandards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni huma neċessarji u jistgħu jkunu stabbiliti b'mod iktar effikaċi; iqis, f'dan ir-rigward, li għandha tkun promossa r- regolamentazzjoni konġunta bħala l-mezz normali għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Komunita' f'dan il-qasam; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u r-rappreżentanti tas-settur tal-ikel u tal-bdiewa jkunu involuti f'dan il-proċess;

Is-sistemi ta' kwalità speċifiċi għall-Unjoni Ewropea

20.

Jenfasizza li s-sistemi ta' kwalità tal-ikel għandhom jipprovdu tagħrif u joffru garanzija għall-konsumaturi dwar il-ġenwinità tal-ingredjenti lokali u t-tekniki tal-produzzjoni; jikkunsidra għalhekk li dawn l-iskemi jeħtieġ ikunu implimentati u mħaddma b'kontrolli msaħħa u sistemi ta' rintraċċabilità;

21.

Jemmen li hemm bżonn ta' sistemi ta' ttikkettar iktar trasparenti u rikonoxxuti aktar mill-konsumaturi, u li għall-finijiet tal-ittikkettar trasparenti tal-oriġini, kemm għall-prodotti tal-UE kif ukoll għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għandha tkun identifikata l-oriġini tal-ingredjenti agrikoli essenzjali li huma speċifiċi għall-prodott;

22.

Huwa tal-fehma li għandu jkun żgurat l-użu esklussiv ta’ prodotti oriġinali mmarkati “DOP” bħala materja prima biss f’dawk il-każijiet fejn id-denominazzjoni protetta tkun indikata fuq it-tikketta u fir-reklamar tal-prodott ipproċessat; jenfasizza li b’dan il-mod, fuq in-naħa l-waħda, ikun evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa u fuq in-naħa l-oħra tiġi promossa d-domanda għal prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta;

23.

Iqis li jkun xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar l-użu tat-termini “tal-muntanji” u “tal-ġżejjer” peress li dawn jagħtu vantaġġ addizzjonali sostanzjali lill-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel mir-reġjuni żvantaġġjati kkonċernati; huwa tal-opinjoni li meta jintużaw it-termini “tal-muntanji” u “tal-ġżejjer”, għandu jkun obbligatorju li jkun indikat il-pajjiż tal-oriġini tal-prodott;

24.

Jirrimarka li, minħabba l-fatt li għall-konsumatur medju, id-differenza bejn id-DOP u l-IĠP mhix ċara, għandha ssir kampanja ta' informazzjoni biex il-konsumaturi jagħrfu din id-differenza;

25.

Huwa kontra l-iffissar ta’ kriterji ta’ valutazzjoni iktar stretti bħalma huma l-kriterji rigward l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni u s-sostenibiltà; jirrimarka dwar il-fatt li jeżistu eżempji ta’ prodotti li effettivament ma jiġux esportati iżda li madankollu huma importanti ħafna għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u għall-preservazzjoni tal-koeżjoni soċjali;

26.

Jafferma li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jikkostitwixxu wirt Ewropew importanti li għandu jkun ippreservat kemm għad-dinamiżmu ekonomiku kruċjali tiegħu, kif ukoll għall-impatt soċjoekonomiku determinanti tiegħu għal diversi reġjuni tal-UE; iqis li t-tikketti jippreżentaw garanzija ta' kwalità li għandha tkun ikkonsolidata partikolarment billi jissaħħħaħ il-kontroll tal-amministrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mill-gruppi applikanti li jirrappreżentawhom; iqis li dawn l-indikazzjonijiet jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu bejn il-prodotti disponibbli;

27.

Iqis li jeħtieġ li jkunu spjegati aħjar id-differenzi bejn il-marki kummerċjali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi u li jittieħdu miżuri li jippermettu l-implimentazzjoni konkreta ta’ regoli komunitarji eżistenti li ma jippermettux li tiġi rreġistrata marka li jkun fiha jew li tagħmel referenza għad-DPO/ IĠP minn operaturi li ma jirrappreżentawx l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi ta’ dawk id-DPOs/IĠPs; jikkunsidra ta’ importanza kruċjali li jitniedu kampanji promozzjonali, li jkollhom baġit speċifiku, sabiex jingħata tagħrif lill-konsumaturi dwar il-vantaġġi ta’ dawn is-sistemi pubbliċi ta’ ċertifikazzjoni;

28.

Jemmen li sabiex tiġi preservata l-kwalita' u mħarsa r-reputazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, produtturi ta' prodotti b'indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiddisponu minn għodda biex jamministraw il-volum ta’ produzzjoni tagħhom b'mod xieraq;

29.

Iqis li fil-każ tal-użu ta' prodott b’IĠP, fi prodott finali kompost, fejn il-karatteristiċi tal-prodott b’IĠP ġew immodifikati, l-entità ta’ protezzjoni jew l-awtorità kompetenti għandu jkollha l-possibiltà li twettaq kontrolli speċifiċi bil-għan li tivverifika li l-karatteristiċi tal-prodott b’IĠP ma ġewx immodifikati ż-żejjed;

30.

Jappella biex ikun hemm protezzjoni aħjar tal-marki rreġistrati, partikolament f’ċerti fażijiet tal-ippakkettar u l-promozzjoni ta’ dawn il-prodotti barra miż-żona ta’ produzzjoni, fejn jeżisti r-riskju li jsir abbuż minn dawn il-marki; Jappella sabiex tkun applikata r-regolamentazzjoni Komunitarja li ma tippermettix ir-reġistrazzjoni ta’ marki li għandhom denominazzjoni simili għal denominazzjoni DOP jew IĠP diġà rreġistrata;

31.

Japprova l-iżvilupp ta’ regoli komuni għall-produtturi tal-prodotti b’informazzjoni ġeografika, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet rigward ir-restrizzjonijiet marbuta ma’ informazzjoni ġeografika, kif ukoll rigward l-użu tad-denominazzjoni tal-prodotti pproċessati;

32.

Jesprimi ruħu favur simplifikazzjoni tal-proċedura ta' reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u favur it-tnaqqis taż-żmien neċessarju biex dawn jinkisbu;

33.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-livell ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi jvarja minn Stat Membru għall-ieħor; huwa favur l-armonizzazzjoni leġiżlattiva u proċedurali f'dan il-qasam, l-aktar fir-rigward tar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-protezzjoni ex ufficio;

34.

Jawgura li l-protezzjoni internazzjonali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tkun imsaħħa; jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha, partikolarment fuq livell politiku, biex jinkiseb titjib fil-protezzjoni tal-IĠP fil-qasam tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kemm fuq livell tal-estensjoni tal-protezzjoni tal-Artikolu 23 tal-Ftehim fuq Aspetti marbuta mal-Kummerċ dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali għall-prodotti kollha, kif ukoll rigward l-istabbiliment ta’ reġistru multilaterali tal-IĠP), iżda wkoll fil-qafas tan-negozjati tal-adeżjoni fil-WTO tal-Istati l-ġodda u ta’ ftehimiet bilaterali li qegħdin jiġu nnegozjati;

35.

Huwa tal-opinjoni li l-prodotti esportati, kif ukoll dawk li ma jiġux esportati, għandhom ikunu suġġetti għal din il-protezzjoni internazzjonali min-naħa tal-UE, u fejn meħtieġ, din il-protezzjoni tista’ tkun differenti skont ir-riskju ta’ użu mhux awtorizzat reali tal-prodotti fl-UE, biex prodotti b’riskju ogħla ta’ użu mhux awtorizzat, li jiġu esportati, ikunu suġġetti għall-protezzjoni internazzjonali fil-qafas tad-WTO, filwaqt li għall-prodotti b'inqas riskju ta' użu mhux awtorizzat fis-swieq fuq livell lokali, tista' tiġi proposta proċedura simplifikata, li ladarba rikonoxxuta mill-Istati Membri għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni (li jista’ jitqabbel mal-protezzjoni temporanja attwali) u tgawdi protezzjoni legali Komunitarja;

36.

Jirrimarka li ċerti marki qegħdin jintużaw illegalment u b’mod sistematiku, minn pajjiżi terzi u dan qiegħed iwassal biex il-konsumaturi jiġu mqarrqa u r-reputazzjoni tal-prodotti oriġinali titpoġġa f’periklu; jirrimarka li l-protezzjoni ta’ marka f’pajjiż terz hija proċedura li tieħu wisq fit-tul, u huwa diffiċli li tiġi implimentata minn organizzazzjoni tal-produturi waħda peress li kull pajjiż għandu sistema u proċeduri ta’ protezzjoni partikolari; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi pariri u għarfien lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew anki appoġġ legali billi tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi;

37.

Iqis neċessarju li l-użu tal-indikazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jkunu suġġetti għal kontroll komunitarju u nazzjonali u jkunu stipulati sanzjonijiet ħorox li jiskoraġġixxu l-użu mhux awtorizzat ta' dawn l-istrumenti, b’tali mod li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jaġixxu fl-awtorità tagħhom f’każijiet ta’ użu mhux awtorizzat jew imitazzjoni ta’ informazzjoni ġeografika; jissuġġerixxi li, f’dan ir-rigward, tiddaħħal klawsola speċifika fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru. 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tal-indikazzjonijiet tal-oriġini għal prodotti tal-biedja u tal-ikel (3); huwa favur is-simplifikazzjoni tal-kisba tad-DOP u l-istipular ta' kontrolli stretti mill-awtoritajiet ta' kull Stat Membru li għandhom jiggarantixxu t-twettiq tal-istadji kollha tal-proċess ta' produzzjoni fir-reġjun ġeografiku kkonċernat;

38.

Huwa tal-fehma li l-kontrolli tas-suq bil-għan li jiġu rrispettati r-regolamenti għall-prodotti kollha b'DOP u IĠP, għalkemm ifissru spiża amministrattiva għall-Istati Membri, jikkontribwixxu, b’mod sostanzjali, għall-protezzjoni effettiva ta’ dawn il-prodotti; jaqbel mal-għoti ta' assistenza teknika Komunitarja għat-twettiq ta’ kontrolli mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li jkun hemm implimentazzjoni uniformi kemm jista’ jkun, tal-protezzjoni tal-prodotti b’DOP u IĠP fl-UE;

39.

Huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li jkunu intensifikati l-attivitajiet ta' informazzjoni u ta' popularizzazzjoni relatati ma' dawn is-sistemi, għal għajnuna finanzjarja Komunitarja kemm fis-suq intern u kemm għal pajjiżi terzi; iqis ukoll li hemm lok għat-tkabbir tal-parti kofinanzjata tal-Komunita' favur programmi tal-UE li jagħtu informazzjoni dwar il-prodotti tal-UE ta’ kwalità u jippromwovuhom; jixtieq li l-Kummissjoni tfittex li tippromwovi l-kunċett tal-IĠP fil-pajjiżi terzi, partikolarment billi żżid il-missjonijiet ta’ assitenza teknika f’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-IĠP;

40.

Jaqbel mal-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għall-kwalità tal-prodotti li tikkollabora mill-qrib mal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel u mas-servizzi tal-Kummissjoni inkarigati mill-protezzjoni tal-kwalità tal-prodotti tal-ikel; din l-Aġenzija tkun kompetenti wkoll għall-għadd dejjem jikber ta’ talbiet minn pajjiżi terzi għal DOPs, IĠPs u prodotti ta' speċjalità tradizzjonali garantita;

41.

Jenfasizza l-importanza tar-Regolament (KE) Nru. 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament għal-libertà tal-għażla tal-konsumaturi (4); jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament għall-ittikkettar obligatorju anki għall-prodotti tal-annimali bħall-ħalib, laħam u bajd, li huma prodotti ta’ annimali li ngħataw għalf ġenetikament immodifikat;

42.

Huwa favur iż-żamma u s-simplifikazzjoni tas-sistema ta' speċjalità tradizzjonali garantita; juri d-diżappunt tiegħu għar-riżultati ta' dan l-istrument, li s’issa wassal biss għar-reġistrazzjoni ta' numru żgħir ħafna ta' GTS (20 rreġistrati u 30 talba fil-proċess ta' reġistrazzjoni); jinnota li fl-Artikolu 3 (2) tar-Regolament (KE) Nru. 509/2006 tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel li huma speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (5), it-tieni lista msemmija fir-reġistru ta’ GTS (speċjalità tradizzjonali garantita) – li permezz tagħha, l-użu tal-ismijiet tal-prodotti jew prodotti tal-ikel ma jitħalliex f’idejn il-produtturi – għandha titneħħa peress li din iddgħajjef il-protezzjoni tal-GTS; itenni li s-sistema GTS għadha strument adegwat għall-protezzjoni tar-riċetti, u li toffri spazju sostanzjali għal żvilupp meti ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfati;

43.

Iqis li d-definizzjoni tal-kunċett prodott “tradizzjonali”, kif tinsab fir-Regolament (KE) Nru 509/2006, mhix adegwata; huwa tal-opinjoni li r-relazzjoni bejn il-prodotti tradizzjonali u l-pajjiż, li fih għadha tinżamm it-tradizzjoni rilevanti, jew fejn il-produttur, li jirrispetta r-regoli tradizzjonali, għandu l-użu esklussiv ta’ dawn id-denominazzjonijiet, għandha ssaħħaħ l-istejtus tal-IĠP;

44.

Iqis li l-produzzjoni bijoloġika tippreżenta wieħed mill-aktar potenzjali qawwija ta' tkabbir tal-agrikoltura tal-UE u li għandha tissaħħaħ il-fiduċja fil-logo tal-UE permezz tal-programmi ta’ promozzjoni tagħhom; jgħid li, għalkemm ir-regolament Komunitarju adottat f'dan il-qasam jinkludi standards uniċi, l-Istati Membri japplikaw proċedura ta’ ċertifikazzjoni differenti, fejn uħud jagħżlu li jittrasferixxu l-operazzjonijiet ta’ kontroll, li jiswew il-flus, lill-awtoritajiet tal-kontroll, u oħrajn lil korpi tal-kontroll awtorizzati mill-Istat; jinnota li l-proċedura ta' ċertifikazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor u tiswa ħafna flus; jappella għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-limiti massimi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti pprojbiti fi prodotti minn produzzjoni bijoloġika; jappoġġja, fil-prinċipju, il-proposta għal tikketta li tindika prodott organiku tal-UE;

45.

iqis li huwa meħtieġ li jkunu armonizzati t-tipoloġija tal-organiżmi u tal-proċeduri għall-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti bijoloġiċi sabiex titrawwem sigurtà u fiduċja fil-konsumaturi permezz ta' logo ġdid tal-UE għall-prodotti tal-agrikoltura bijoloġika, li tissodisfa kriterji uniformi dwar il-produzzjoni, il-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni fl-UE kollha, u li jikkontribwixxi biex jissolvew problemi u biex ikun promoss aktar is-suq intern fi prodotti bijoloġiċi;

46.

Huwa tal-opinjoni li l-ittikkettar ta' prodotti miksuba minn agrikoltura konvenzjonali b’tali mod li jagħti l-impressjoni li l-prodotti inkisbu minn agrikoltura bijoloġika, jista' jxekkel l-iżvilupp tas-suq intern għal prodotti alimentari bijoloġiċi fl-UE; għalhekk, jesprimi t-tħassib tiegħu fid-dawl tal-isforzi biex jiġi estiż l-użu tal-marka Bijoloġika anki fuq il-prodotti tal-ikel li mhumiex prodotti b’mod konformi mal-prinċipji tal-agrikoltura bijoloġika;

47.

Huwa favur l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini fuq prodotti bijoloġiċi mhux ipproċessati u prodotti bijoloġiċi pproċessati ġejjin minn pajjiżi terzi, anke meta jkun applikat il-logo tal-UE għall-prodotti bijoloġiċi;

48.

Huwa tal-opinjoni li sabiex ikun żgurat funzjonament aħjar tas-suq intern għall-prodotti bijoloġiċi, jeħtieġ li

fuq il-prodotti bijoloġiċi, kemm dawk mhux ipproċessati kif ukoll dawk ipproċessati, li qegħdin jintroduċu pajjiżi terzi, għandu jkun indikat il-pajjiż tal-oriġini indipendentement mill-użu tal-lowgow tal-Komunità għall-prodotti bijoloġiċi,

għandha tissaħħaħ il-kredibiltà tal-logo tal-UE permezz ta’ programmi ta’ promozzjoni ta’ prodotti bijoloġiċi,

jiġu ffissati l-limiti massimi għall-użu ta’ pestiċidi pprojbiti fi prodotti miksuba minn agrikoltura bijoloġika,

tiġi eżaminata l-problema taċ-ċertifikazzjoni doppja, li f’ħafna każijiet tintalab mill-bejjiegħa bl-imnut, peress li xxekkel il-provvista suffiċjenti ta’ prodotti bijoloġiċi fis-suq tal-UE,

issir differenza ċara bejn l-ittikkettar tal-prodotti mhux agrikoli li jirreferu għall-metodi ta’ produzzjoni bijoloġika u l-prodotti li ġejjin mill-agrikoltura bijoloġika;

49.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif fuq livell tal-Istati Membri ta' uffiċċji ta' prodotti tradizzjonali u ekoloġiċi; iqis neċessarju li kull Stat Membru juża istituzzjonijiet pubbliċi jew privati rikonoxxuti unaniment mill-produtturi u l-konsumaturi li jkunu inkarigati biex jiċċekkjaw il-produzzjoni nazzjonali ta' prodotti ekoloġiċi u ta' kwalità u biex jassiguraw il-promozzjoni tagħhom;

50.

Jagħraf li l-konsumaturi għandhom talbiet dejjem akbar fuq il-kwalità tal-ikel u tal-prodotti tal-ikel, mhux biss f'termini ta' sikurezza, imma wkoll f'termini ta' preokkupazzjonijiet etiċi, bħalma huma s-sostenibilità ambjentali, il-ħarsien tal-benessri tal-annimali u t-teknoloġiji tal-organiżmi ġenetikament immodifikati (GMO); jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti kriterji għall-inizjattivi ta' kwalità bħalma huma l-iskemi volontarji ta' tikkettar ta' prodotti li ma fihomx GMO li għandhom jagħtu lill-konsumaturi għażla ċara;

51.

Iqis li huwa meħtieġ li jkunu inkoraġġiti sistemi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent; jiddispajċih għan-nuqqas ta’ regolament Komunitarju dwar il-produzzjoni integrata li jippermetti li jingħataw provi tal-isforzi li wettqu l-produtturi tal-UE, permezz ta’ kampanji xierqa ta’ promozzjoni bil-għan li jiġbdu l-attenzjoni fuq il-valur miżjud ta’ dawn il-produzzjonijiet;

Is-sistemi ta' ċertifikazzjoni

52.

Huwa tal-opinjoni li l-metodi tal-UE għall-armonizzazzjoni ta’ standards mhumiex meħtieġa; iqis li m’hemmx ħtieġa li jitwaqqfu aktar sistemi ta’ ċertifikazzjoni għall-ittikettar tal-prodotti alimentari fuq livell Komunitarju peress li dan inaqqas il-valur tas-sistemi eżistenti u jista’ jiżgwida lill-konsumatur;

53.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ tikketti ta’ kwalità, inkluż dak li hu assoċjat magħhom, m’għandux iwassal għal restrizzjonijiet amministrativi iktar stretti għall-produtturi; għalhekk jixtieq, li fid-dawl ta’ dawn il-marki, il-produtturi jiddisponu minn dritt tal-inizjattiva, u jkunu limitati l-interventi għall-protezzjoni ta’ dawn il-marki mill-awtoritajiet Komunitarji sabiex ikun żgurat li l-produtturi jingħataw kumpens xieraq għall-ispejjeż tagħhom u l-konsumaturi jkunu protetti minn iffalsifikar jew kull xorta oħra ta’ frodi;

54.

Jenfasizza li s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti, minbarra r-rispett tar-regoli legali, jiggarantixxu wkoll elementi oħra importanti għas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, bħal pereżempju t-traċċabiltà, permezz ta’ monitoraġġ strett; jenfasizza li r-regolamenti taċ-ċertifikazzjoni jirriflettu d-domanda tas-soċjetà u għalhekk jeħtieġ tingħata għajnuna statali għall-ispejjeż li jkollhom il-bdiewa; iħeġġeġ il-promozzjoni ta' koperazzjoni iktar attiva fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi peress li bidwi waħdu ma jistax jieħu azzjoni biex ikopri r-regolamenti eċċessivi ta’ ċertifikazzjoni tal-kummerċ;

55.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni privati, attwalment, ma jissodisfawx l-iskop li jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar il-kwalitajiet tal-prodotti kkonċernati, iżda jservu biss bħala mezz ta’ aċċess għas-suq li jżid l-ispiża burokratika tal-produtturi, u bħala ħanut tajjeb għall-intrapriżi żgħar li jinnegozjaw f’tip wieħed ta’ prodott alimentari; iqis li jeħtieġ li l-proliferazzjoni ta’ sistemi ma tiġix imħeġġa, għax dawn is-sistemi jirrestrinġu l-aċċess għas-suq ta’ sezzjoni mis-settur tal-produzzjoni;

56.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-proliferazzjoni attwali ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni privati xxekkel l-aċċess ta’ parti mis-settur għas-suq, u li dawn is-sistemi mhumiex qegħdin jikkontribwixxu biex jipprovdu lill-konsumaturi bi prodotti ta’ kwalità mtejba; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem favur rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni privati sabiex ikunu kkontrollati l-proliferazzjoni tagħhom u l-esklużjoni tal-prodotti ta’ kwalità mis-suq; iqis li jeħtieġ ikunu żviluppati linji gwida Komunitarji li jkopru l-aspetti li dawn is-sistemi ma jistgħux jirregolaw, bħal pereżempju, kunċetti u informazzjoni li “jivvalorizzaw”, li għandhom ikunu stabbiliti bl-għajnuna ta’ livelli u dejta oġġettivi;

57.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-prodotti reġjonali huma ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-post u għall-komunitajiet lokali, u għaldaqstant għandhom jiġu rrifjutati suġġerimenti li għandhom l-għan li jillimitaw l-għadd ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati;

58.

Huwa tal-opinjoni li m’għandhom ikunu fformulati l-ebda forom ġodda tal-promozzjoni tal-prodotti tradizzjonali li jistgħu jwasslu biex idgħajfu s-sistema GTS;

59.

Jappella għal tisħiħ tal-kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni u l-implimentazzjoni fuq l-aktar skala wiesgħa possibbli ta' sistemi alternattivi bħall-HACCP (sistema tal-analiżi tar-riskju u tal-punti kritiċi ta' kontroll);

60.

Jirrimarka li f'dak li jirrigwarda d-dimensjoni internazzjonali, l-Unjoni Ewropea ltaqgħet ma' problemi ta' kompetittività mal-imsieħba kummerċjali prinċipali tagħha; jinsab imħasseb dwar il-pressjoni li qed jagħmlu l-pajjiżi emerġenti, li ma għandhomx l-istess livell ta' sigurtà u ta' kwalità daqs il-prodotti Ewropej u għalhekk il-kontroll ħafna drabi hu suġġett għal attenzjoni; Itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun implimentat il-kunċett ta' “aċċess kundizzjonali għas-swieq”, li l-Parlament ħeġġeġ f'diversi riżoluzzjonijiet tiegħu;

61.

Jitlob li jkunu konklużi aktar ftehimiet bilaterali mas-swieq prinċipali u ftehimiet dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kontribut għas-soluzzjoni tal-problema tal-protezzjoni internazzjonali tat-trejdmarks, inkluża l-protezzjoni tal-IGP, l-AOP u l-STG;

Aspetti oħra

62.

Iqis neċessarju li tkun żgurata publiċità ħafna akbar tal-vantaġġi tal-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar il-garanzija tal-kwalità u tas-sigurtà tal-ikel; jiddispjaċih li ċ-ċittadini Ewropej m’għandhomx aċċess faċli għal informazzjoni komprensiva dwar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu iktar l-isforzi tagħhom biex ixerrdu l-informazzjoni u l-promozzjoni dwar l-istandards tal-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti alimentari li japplikaw għall-prodotti tal-UE;

63.

Jenfasizza l-irwol li jista' jkollu l-finanzjament Ewropew f'dan il-qasam; iqis li l-parteċipazzjoni Komunitarja ta' 75 % għall-programmi għat-titjib tal-kwalità fil-pajjiżi ta' konverġenza mhux biżżejjed; minkejja dan, jiġbed l-attenzjoni dwar l-intensifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' kreditu għall-produtturi ż-żgħar, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija, fatt li se jillimita ħafna l-aċċess tal-dawn il-produtturi għall-kofinanzjamenti;

64.

Iqis li l-esperjenza tas-swieq tal-bdiewa (“Farmer Market”), ħwienet tal-bejgħ minn fejn isir bejgħ ta’ prodotti reġjonali u tal-istaġun immexija direttament mill-azjendi agrikoli, għandha tkun inkoraġġita peress li tiżgura prezz ġust għall-prodotti ta' kwalità għolja, issaħħaħ ir-relazzjoni tal-prodott mar-reġjun u tissensibilizza lill-konsumatur biex jagħmel għażla infurmata fir-rigward tal-aspetti tal-kwalità; huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ postijiet tal-bejgħ fejn il-produtturi jkunu jistgħu joffru l-prodotti tagħhom lill-konsumaturi b'mod dirett;

65.

Iħeġġeġ it-twaqqif ta’ programmi ta’ promozzjoni għas-swieq lokali sabiex ikunu promossi inizjattivi tal-ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni lokali u reġjonali; huwa tal-opinjoni li dan jista’ jsir pereżempju, permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jistgħu jżidu l-valur taż-żoni rurali u li, billi jevitaw toroq twal għat-trasportazzjoni, ikunu qegħdin jagħtu eżempju tajjeb li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

*

* *

66.

Jitlob lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 328, 26.10.1998, p. 232.

(2)  Dokument tal-Kummissjoni 625/02.

(3)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(4)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(5)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.