21.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 285/35


L-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2009
Is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja

P7_TA(2009)0091

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-Tmien Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed – Brussell – id-9 ta' Diċembru 2009

2010/C 285 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata matul l-ewwel Konferenza Ministerjali tas-27 u tat-28 ta' Novembru 1995 li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran (SEMCs),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003, bit-titlu “It-Tkabbir tal-Ewropa – Viċinanza: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna” (COM(2003)0104), id-dokument ta' strateġija tagħha dwar Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tat-12 ta' Mejju 2004 (COM(2004)0373), il-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-proposti tagħha għal pjanijiet ta' azzjoni taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (COM(2004)0795), il-pjanijiet ta' azzjoni għall-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Libanu, u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (1),

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u t-Tuneżija (2), l-Iżrael (3), il-Marokk (4), il-Ġordan (5), l-Eġittu (6), il-Libanu (7) u l-Alġerija (8), min-naħa l-oħra, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Organiżżazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana) (9),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (10),

wara li kkunsidra l-ftehim ta' kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta' Agadir, iffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta' Frar 2004,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Ministerjali Ewro-Mediterranji u tal-Konferenzi Ministerjali Settorjali li saru wara t-tnedija tal-Proċess ta' Barċellona, speċjalment il-konklużjonijiet tas-Sitt Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Kummerċ li saret f'Lisbona fil-21 ta' Ottubru 2007 u s-Seba' Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Kummerċ li saret f'Marsilja fit-2 ta' Lulju 2008,

wara li kkunsidra l-Laqgħa Għolja ta' Pariġi għall-Mediterran tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewro-Mediterranji tat-13 ta' Lulju 2008, li ħoloq l-Unjoni għall-Mediterran (UfM),

wara li kkunsidra l-istudju dwar l-impatt ta' sostenibiltà(SIA) taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (FTA) imħejji mill-Istitut għall-Politika u għat-Tmexxija tal-Iżvilupp tal-Università ta' Manchester,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-Samit tal-Euromed tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili li saret f'Alessandrija fit-18 u d-19 ta' Ottubru 2009,

wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji tal-11 ta' Novembru 2009 fi Brussell,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja tal-UE, b'mod partikoalri dik tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-bini ta' żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles (11) u dik tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Konferenza ta' Barċellona tal-1995 tat bidu għal proġett ambizzjuż ħafna, jiġifieri l-ħolqien ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ġodda u aktar mill-qrib bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u billi l-proġett għadu 'l bogħod milli jkun komplut,

B.

billi l-proċess tat-twaqqif tal-UfM, li huwa maħsub biex jerġa' jagħti ħajja ġdida lill-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranju permezz ta' proġetti konkreti u viżibbli, għadu għaddej;billi ma kienx hemm laqgħat tal-Euromed skedati bejn Jannar u Lulju 2009 minħabba l-kunflitt fil-medda ta' Gaża,

C.

billi l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ewromed li kellha ssir f'Istanbul fl-24 u l-25 ta' Novembru 2009 kellha tiġi posposta minħabba bojkott mill-istati Għarab, li pprotestaw kontra l-pożizzjoni tal-Iżrael fil-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,

D.

billi l-UE ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' sħabha kollha tan-Nofsinhar tal-Mediterran, bl-eċċezzjoni tas-Sirja u l-Libja; billi n-negozjati mas-Sirja għal ftehim ta' assoċjazzjoni ġew konklużi, iżda l-iffirmar tiegħu ġie pospost mis-Sirja, u billi l-Kummissjoni bdiet negozjati mal-Libja,

E.

billi l-approċċ bilaterali, li hu komponent ta' proċessi bħal dawn u konsegwenza tad-differenzi kulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi speċifiċi bejn il-pajjiżi involuti, għandu jitmexxa u jkun appoġġat b'viżjoni aktar globali u bi pjan għar-relazzjonijiet fost is-sħab differenti u għaldaqstant għandu jkollu miegħu approċċ reġjonali,

F.

billi ż-żewġ xtut tal-Mediterran għadhom jippreżentaw stampa tabilħaqq asimmetrika f'termini ekonomiċi, soċjali u demografiċi, b'tali mod li juru l-qabża fl-għana li tinsab fl-għerq tal-instabbiltà u l-pressjonijiet migratorji u ambjentali fir-reġjun; billi hemm differenzi sinifikanti f'termini ta' żvilupp bejn il-pajjiżi Mediterranji; billi aktar minn 30 % tal-popolazzjoni fil- SEMCs jgħixu b'anqas minn USD 2 kuljum,

G.

billi l-ekonomiji tal-SEMCs jiddependu ħafna mill-kummerċ barrani; billi madwar 50 % tal- flussi kummerċjali tagħhom huma lejn l-UE, minkejja li dawn jirrappreżentaw biss 8 % tal-kummerċ barrani tal-UE, b'bilanċ pożittiv għall-UE; billi l-istrutturi ta' esportazzjoni tal-SEMCs għandhom diversifikazzjoni dgħajfa u dawn il-pajjiżi jibqgħu speċjalizzati f'setturi li ma tantx iwasslu għat-tkabbir,

H.

billi l-UE hija investitur barrani maġġuri fir-reġjun, imma l-investimenti diretti barranin (FDIs) għadhom baxxi ħafna meta mqabbla ma' partijiet oħra tad-dinja, u billi hemm differenzi kbar bejn pajjiż u ieħor f'dak li jirrigwarda l-kapaċità li tattira l-FDIs,

I.

billi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali Nofsinhar-Nofsinhar għadha 'l bogħod milli tintlaħaq u l-flussi kummerċjali huma sottożviluppati u jirrapreżentaw biss 6 % tal-kummerċ globali tal-SEMCs,

J.

billi din is-sitwazzjoni jista' jkollha effetti ta' ħsara kbira fuq il-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranju, u fuq is-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-SEMCs b'mod partikulari, billi tkabbar l-effetti tal-konċentrazzjoni kummerċjali, bħad-dipendenza minn esportazzjoni fl-UE ta' ftit prodotti - fil-biċċa l-kbira tagħhom agrikoli - filwaqt li żżid il-ħtieġa tal-importazzjoni ta' prodotti tal-ikel bażiċi, u għalhekk dis-sitwazzjoni mhijiex ta' benefiċċju għall-SEMCs u l-impriżi tagħhom,

K.

billi l-SEMCs għandhom ineħħu kull ostaklu politiku u ekonomiku li bħalissa qiegħed ifixkel il-proċess ta' integrazzjoni fiz-zona kollha sabiex ikun hemm kollaborazzjoni aktar fejjieda bejniethom,

L.

billi l-produtturi tat-tessuti, ħwejjeġ u żraben fiż-żewġ xtut tal-Mediterran qegħdin jitilfu ħafna mis-sehem tas-suq tagħhom minħabba l-fatt li s-swieq saru globalizzati u minħabba l-kompetizzjoni qawwija mill-Asja,

M.

billi l-FTA, jekk se jkollha effetti pożittivi veri, għandha tagħti spinta lill-integrazzjoni tal-SEMCs fil-kummerċ internazzjonali u tiżgura d-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom, bi qsim ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw, sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tas-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja, partikolarment it-tnaqqis tad-differenza fl-iżvilupp bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran,

N.

billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja aggravaw l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà jeżistu fil-pajjiżi sħab, b'mod partikulari fir-rigward tal-problema tal-qgħad; billi huwa fl-interess ta' dawk il-pajjizi u tal-UE li jnaqqsu r-rati tal-qgħad fir-reġjun, u li joffru prospettivi deċenti lill-popolazzjonijiet konċernati, b'mod partikulari lin-nisa, iż-żgħażagħ u lill-popolazzjoni rurali,

1.

Filwaqt li jagħraf li sar ċertu titjib, jiddeplora l-fatt li l-miri ewlenin tas-sħubija Ewro-Mediterranja għadhom 'il bogħod milli jintlaħqu; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-proċess, u tal-FTA b'mod partikolari, li jista' jikkontribwixxi għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà fir-reġjun kollu kemm hu, jesiġi sforz sostnut u konverġenti mill-partijiet kollha, flimkien ma' aktar involviment tas-soċjetà ċivili u tan-nies fiż-żewġ xtut tal-Mediterran;

2.

Jikkunsidra li bosta diffikultajiet, mhux biss ta' natura ekonomika iżda anke ta' natura politika, bħall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, kellhom impatt negattiv konsiderevoli fuq il-progress u l-iżvilupp ta' dan il-proċess u tal-FTA b'mod partikolari; jiddeplora l-fatt li, minħabba dawn l-istess raġunijiet politiċi, kienet posposta l-laqgħa ministerjali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Euromed, li kellha ssir f'Istanbul fl-24 u l-25 ta' Novembru 2009, u l-UfM mhix qed tagħmel progress;

3.

Ifakkar fid-definizzjoni fl-UfM ta' proġetti sinifikanti f'setturi strateġiċi, bħall-bini ta' infrastrutturi ġodda, il-kooperazzjoni bejn l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), il-komunikazzjonijiet u l-isfruttar ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investiment Ewro-Mediterranju; iħeġġeġ biex jibqgħu jsiru l-laqgħat skedati fil-qafas tal-UfM u li jiġi stabbilit segretarjat permanenti f'Barċellona;

4.

Jikkunsidra li l-ostakli attwali huma sinjal li l-approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi jeħtieġlu jimxi id f'id mal-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi; jemmen li integrazzjoni ekonomika u reġjonali ġenwina tista' tintlaħaq biss jekk isir progress konkret fis-soluzzjoni ta' kunflitti eżistenti fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

5.

Jistieden lill-Kummisjoni, lill-Istati Membri u lill-SEMCs sabiex jikkunsidraw l-effetti tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u ambjentali billi jinkorporaw dejjem aktar kwistjonijiet soċjali u ambjentali fis-sħubija ekonomika u kummerċjali; jistieden lill-gvernijiet tal-SEMCs sabiex jimplimentaw politiki ta' protezzjoni soċjali u tal-impjiegi li jkunu konsistenti u effikaċi sabiex itaffu l-effetti tal-kriżi;

6.

Ifakkar f'dan ir-rigward li l-mira tal-FTA ma tistax titkejjel biss f'termini tal-iżvilupp ekonomiku, imma wkoll u fuq kollox, f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi; jirrimarka li l-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa huwa l-kwistjoni soċjali l-aktar urġenti fil-pajjiżi Mediterranji;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali tal-SEMCs u taż-żieda tal-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar; jiddispjaċih li l-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar għadha sottożviluppata;

8.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-SEMCs biex jiżviluppaw il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar, billi jimxu fuq il-Ftehim ta' Agadir iffirmat mill-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija; jikkunsidra li din il-miżura hija essenzjali għall-integrazzjoni reġjonali; jistieden lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun biex jingħaqdu f'dak il-ftehim biex jiżviluppaw aktar l-inizjattivi ta' żvilupp li l-SEMCs huma mdaħħlin fihom u biex jisfruttaw sinerġiji mal-approfondiment tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn l-SEMCs u l-UE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iwieġbu pożittivament għal talbiet ta' appoġġ tekniku u finanzjarju biex it-tali integrazzjoni ekonomika Nofsinhar-Nofsinhar tiġi promossa;

9.

Jikkunsidra li s-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini għandha tissaħħaħ, minħabba li hija għodda doganali siewja biex il-kummerċ fiż-żona jerġa' jieħu l-ħajja, u li r-regoli tal-oriġini għandhom jiġu aġġornati u simplifikati biex jitqiesu l-interessi tas-sħab tal-Euromed;; jistieden lill-ministri tal-kummerċ Ewro-Mediterranji biex japprovaw il-Konvenzjoni reġjonali dwar is-sistema pan-Ewro-Mediterranja tar-regoli tal-oriġini, li twitti t-triq għas-simplifikazzjoni tar-regoli tal-oriġini, kif ukoll biex jieħdu passi oħra lejn l-implimentazzjoni tas-sistema pan-Ewro-Mediterranja tal-kumulazzjoni tal-oriġini;

10.

Jinnota li l-Ministri tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji għandhom jiddiskutu miżuri biex jindirizzaw id-dgħjufija attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tal-Euromed, Pjan Direzzjonali ġdid għall-Kummerċ Ewro-Mediterranju u mekkaniżmu ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment fir-reġjun; jilqa' kull inizjattiva komuni biex il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni eżistenti jerġgħu jiġu eżaminati fid-dawl ta' ħtieġijiet u sfidi ekonomiċi ġodda;

11.

Jenfasizza li dawn id-diskussjonijiet għandhom isiru f'kuntest ta' fiduċja u rispett reċiproċi bejn is-sħab kollha biex ikun żgurat li l-SEMCs ikollhom id-dritt jikkontrollaw il-ħeffa li biha jiftħu l-kummerċ tagħhom, u li jikkontrollaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; ifakkar li n-negozjati dwar l-FTA għandhom ikunu ppjanati fuq bażi komuni u gradwali fil-kuntest ta' sħubija razzjonali u prevedibbli li tirrifletti r-realtajiet soċjoekonomiċi tal-SEMCs;

12.

Jenfasizza li kwalunkwe liberalizzazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd għandha tieħu kont tal-ħtieġa li jitħarsu l-prodotti sensittivi, filwaqt li tivvaluta sistematikament l-impatt soċjali tal-proċessi ta' liberalizzazzjoni u tal-istandards tas-saħħa tal-pjanti; jistieden lill-ministri tal-kummerċ tal-Euromed biex jiżguraw li dan il-proċess ikun gradwali, fid-dawl taż-żmien neċessarju biex jimplimentaw riformi ekwi tat-taxxa li jkunu mfassla biex ipattu għat-tnaqqis fid-dħul fiskali relatat mad-dwana; jistieden lis-sħab Ewro-Mediterranji biex jikkunsidraw il-kunċett ta' politika agrikola Ewro-Mediterranja integrata, imsejsa fuq il-komplementarjetà tal-katina tal-forniment u fuq politika tal-ilma vijabbli, filwaqt li l-ħtiġijiet ta' ikel tagħtihom prijorità fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali;

13.

Jikkunsidra li s-settur tas-servizzi huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-SEMCs; jemmen li kull liberalizzazzjoni tas-servizzi għandha ssir fuq bażi maqbula mal-SEMCs, li biha jkollhom id-dritt li jintroduċu gradwalment u jikkontrollaw il-ftuħ tas-setturi sensittivi u vulnerabbli tal-ekonomiji tagħhom; jikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi kummerċjali u s-servizzi pubbliċi;

14.

Jitlob li l-pjan għal-liberalizzazzjoni tas-settur industrijali jkun aġġustat abbażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'kull pajjiż, inkluż il-livell tal-qgħad, u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent; jenfasizza li s-sħubija ekonomika u kummerċjali għandha tippromwovi diversifikazzjoni akbar fil-produzzjoni ta' oġġetti industrijali kif ukoll valur miżjud ogħla; jistieden lill-SEMCs biex jistabbilixxu politiki reġjonali li jikkunsidrau r-rwol ta' impriżi żgħar ħafna u SMEs;

15.

Jinnota li l-produtturi Ewro-Mediterranji tat-tessuti jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-kuntest tal-kompetizzjoni globali li qed tiżdied; Ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sħubija Tramuntana-Nofsinhar, biex il-produzzjoni u l-kummerċ Ewro-Mediterranju tat-tessuti u l-ħwejjeġ jibqgħu kompetittivi, u biex ikunu promossi l-attivitajiet tal-SEMCs li jkollhom valur miżjud aktar għoli, imsejjes fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, u mhux biss fuq l-outsourcing tan-negozju;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li titrawwem is-sigurtà tal-investiment fir-reġjun tal-Mediterran, permezz ta' sistema li tikkoordina strateġiji mmirati lejn l-SMEs li tkopri diversi oqsma: is-salvagwardja, il-finanzjament, l-informazzjoni u n-networking tal-SMEs;

17.

Jikkunsidra li l-proposta l-ġdida biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-faċilitazzjoni tal-investiment Ewro-Mediterranju hija pass sinifikanti lejn iċ-ċentralizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni permezz ta' netwerk uniku, li lill-operaturi ekonomiċi għandu jippermettilhom li jkollhom stampa komprensiva tal-kundizzjonijiet għall-kummerċ u l-investiment fir-reġjun; jenfasizza li l-istrument għandu jikkomplementa n-netwerks eżistenti;

18.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħoloq Bank Ewro-Mediterranju għall-Investiment u l-Iżvilupp, li jiġbor fih donaturi miż-żewġ xtut tal-Mediterran u li jkun jista' jiġbed l-investimenti barranin diretti li minnhom huwa nieqes ir-reġjun Ewro-Mediterranju;

19.

Jilqa' l-ħolqien ta' fond 'Inframed', li tħabbar fil-kuntest tal-UfM, bħala fond ta' investiment fit-tul biex jiffinanzja l-proġetti tal-infrastruttura;

20.

Huwa tal-fehma li l-UfM għandu jintensifika l-forom eżistenti ta' kooperazzjoni fil-kuntest tal-Euromed biex joffri lill-pajjiżi sħab kollha l-possibilità li jipparteċipaw fil-programmi u fil-politiki korrispondenti tal-UE fuq il-bażi tal-prijoritajiet u l-miri definiti bi qbil komuni; ifakkar li huwa importanti li jkompli jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi Komunitarji għal aktar parteċipazzjoni ta' pajjiżi sħab, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kooperazzjoni transkonfinali (InterReg), l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali (l-iskambju ta' studenti, eċċ.);

21.

Iħeġġeġ l-użu tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fir-reġjun tal-Mediterran; jilqa' inizjattivi riċenti bħall-'Plan Solaire' u l-indeat inizjali skont l-Inizjatttiva Industrijali Desertec biex niżviluppaw il-potenzjal vast tal-enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, imma jiddispjaċieh li l-azzjonijiet għadhom jiġu maħsuba fuq bażi wisq nazzjonali; jenfasizza li l-azzjoni tal-UE rigward il-proġett Desertec trid tkun koerenti u tagħti kontribut attiv għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani, u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-isforzi tal-UE b'mod proattiv;

22.

Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tal- SIA; jistieden lill-Kummissjoni biex sistematikament issegwi r-rakkomandazzjonijiet ta' dik l-SIA fir-rigward l-impatt soċjali u ambjentali tal-proċess ta' liberalizzazzjoni, bil-għan li jitqiesu kunsiderazzjonijiet tad-dimensjoni tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli; barra minn hekk jisħaq li dan l-impatt jista' jvarja b'mod sinifikanti minn settur għall-ieħor u minn pajjiż għall-ieħor; jenfasizza, bil-għan li jilħaq progress soċjali reali, l-importanza tal-promozzjoni, fis-sħubija ekonomika u kummerċjai tagħna, kodiċi ta' kondotta deċenti dwar ix-xogħol innegozjati ma' multinazzjonali, li jkunu jinkorporaw il-miri talprovvista ta' impjiegi deċenti;

23.

Huwa tal-fehma li l-FTA għandha tkun ikkomplementata bl-introduzzjoni gradwali, suġġetta għal kundizzjonijiet, tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew u r-riflessjonijiet attwali tal-komunità internazzjonali dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jikkunsidra li hemm urġenza fir-rigward tal-ħolqien ta' proċeduri ġuridiċi u amministrattivi li jiffaċilitaw l-għoti ta' viżi, partikolarment għall-partijiet interessati fis-sħubija Ewro-Mediterranja, l-istudenti, l-istaff tal-universitajiet u lill-partijiet soċjoekonomiċi; jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti ta' flus li l-ħaddiema migranti jibagħtu lura f'pajjiżhom, sabiex l-użu tagħhom ikun massimizzat fl-ekonomija lokali;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni biex iżommu informat għalkollox dwar il-progress li jsir rigward ftehim ta' assoċjazzjoni mas-Sirja, li s-Sirja reċentement ipposponiet l-iffirmar tiegħu; jikkunsidra li hemm xi tħassib dwar jekk il-Libja għandhiex terġa' tidħol f'negozjati dwar ftehim ta' assoċjazzjoni u, b'mod aktar ġenerali, fil-UfM; jitlob lill-Kummissjoni biex tinformah sewwa, tinvolvih u tikkonsultah fil-fażijiet kollha tan-negozjati;

25.

Jinnota wkoll li diversi pajjiżi tal-Mediterran esprimew interess fl-approfondiment u/jew fit-twessigħ tal-ftehimiet kummerċjali tagħhom mal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-setgħat il-ġodda rigward il-kummerċ mogħtija lill-PE bit-Trattat ta’ Lisbona, tieħu kont ta' riżoluzzjoni preċedenti tal-Parlament waqt li tkun qed tinnegozja dawn il-ftehimiet il-ġodda;

26.

Jenfasizza li approċċi bilaterali m'għandhomx jittieħdu askapitu ta' approċċ reġjonali multilaterali; jemmen li, filwaqt li jiffavorixxi kooperazzjoni msaħħa mas-sħab l-aktar avvanzati, u bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-karatteristiċi politiċi, kulturali, u soċjali tagħhom, li l-Kummissjoni għandha żżomm il-prinċipju ta' negozjati bejn reġjun u ieħor;

27.

Jenfasizza li, fid-dawl tal-qagħda fil-Palestina, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi u speċjali biex jgħinu lill-populazzjoni, bil-għan li din iż-żona tiġi integrata fil-flussi kummerċjali tal-Mediterran; f'dak ir-rigward, jikkunsidra li għandha tinstab soluzzjoni biex tindirizza l-kwistjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini u t-trattament preferenzjali sussegwenti skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Iżrael applikabbli għall-oġġetti ġejjin mill-Medda ta' Gaza u mix-Xatt tal-Punent;

28.

Jikkunsidra li l-Pjan Direzzjonali bbilanċjat ibbażat fuq kunsens wiesa' u, fost l-oħrajn, valutazzjoni pożittiva tal-impatt soċjali u ambjentali, tista' tkun strument siewi biex terġa' tiġi varata l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali fis-snin li ġejjin; għaldaqstant jistieden lill-Ministri tal-kummerċ Ewro-Mediterranji biex japprovawha fil-laqgħa ministerjali tagħhom f'Diċembru 2009; jistieden lill-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji biex fis-snin li ġejjin jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u jipproponu kwalunkwe adattament meħtieġ, u jitlob li jinżamm infurmat dwar miżuri ta' dan it-tip;

29.

Jisħaq fuq il-fatt li l-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja jeħtieġlu jsir, għal darb'oħra, prijorità politika għall-UE;

30.

Jenfasizza r-rwol tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) fis-sħubija, bħala l-korp demokratiku li lill-parlamentari miż-żewġ xtut tal-Mediterran ilaqqagħhom flimkien madwar it-tliet pilastri tal-Proċess ta' Barċellona; fl-aħħar nett, jitlob kooperazzjoni akbar rigward kwistjonijiet ekonomiċi bejn l-EMPA, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-SEMCs u lill-EMPA.


(1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2

(3)  ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3

(4)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(5)  ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3

(6)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39

(7)  ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2

(8)  ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.

(9)  ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3

(10)  ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.

(11)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 210.

(12)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0077.