25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/69


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
L-irwol tan-NATO fl-istruttura ta' sigurtà tal-UE

P6_TA(2009)0076

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-irwol tan-NATO fl-istruttura ta' sigurtà tal-UE (2008/2197(INI))

2010/C 76 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO tas-16 ta’ Diċembru 2002,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f’Washington fl-4 ta’ April 1949,

wara li kkunsidra t-Titlu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 u rratifika permezz tal-maġġoranza kbira tal-Istati Membri tal-UE,

wara li kkunsidra l-qafas komprensiv għal rabtiet permanenti bejn l-UE u n-NATO, konkluż mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-UE/Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO fis-17 ta' Marzu 2003,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana maħruġa f'Bukarest fit-3 ta' April 2008,

wara li kkunsidra r-rapporti dwar il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (PESD) maħruġa mill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tal-11 ta' Diċembru 2007 u tas-16 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ April 2005 dwar l-ESS (1), tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-ESS fil-kuntest tal-PESD (2), tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi (3), tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u l-PESD (4) u tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit li se jsir bejn l-UE u l-Istati Uniti (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0033/2009),

A.

billi l-UE u n-NATO huma msejsa fuq valuri komuni bħall-ħelsien, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u kemm ilhom jeżistu qdew biex ikunu evitati gwerer fit-territorju Ewropew, billi, wara l-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-Istati Unit, hemm kunsens li dejjem qed jiżdied fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku dwar il-bżonn dejjem jonqos tal-armi nukleari fil-każ ta’ theddid kurrenti u sens ġdid ta urġenza dwar il-bżonn ta’ tnaqqis fid-daqs ta’ ħażniet nukleari skont l-impenji meħuda skont l-Artikolu VI tat-Trattat għan-Nonproliferazzjoni Nukleari,

B.

billi skond il-Karta tan-NU r-responsabbiltà ġenerali għall-paċi u sigurtà internazzjonali hija f’idejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-Karta tipprovdi l-bażi legali għall-ħolqien ta’ NATO; billi, permezz tal-iffirmar tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, l-istati membri tan-NATO affermaw il-fiduċja tagħhom fl-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta, filwaqt li jobbligaw ruħhom li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jużawx theddid jew użu ta’ forza f’kwalunkwe mod mhux konsisteni mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti,

C.

billi l-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu fis-sistema tan-NU il-qafas fundamentali għal relazzjonijiet internazzjonali; billi huma jibqgħu dedikati għaż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ ta’ sigurtà internazzjonali,skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-prinċipji tal-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-għanijiet tal-Karta ta’ Pariġi, u għall-iżvilupp u konsolidazzjoni ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-Istati Membri tal-UE stabbilixxew bħala prijorità ta’ miżuri għal riforma u tisħiħ tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jagħmluha kapaċi li twettaq r-responsabbiltajiet tagħha u li taġixxi effettivament billi tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi globali u tirrispondi għal theddid ewlenin,

D.

billi n-NATO tifforma ċ-ċentru tas-sigurtà militari Ewropea u l-UE għandha potenzjal suffiċjenti biex tappoġġja dawn l-attivitajiet, sabiex it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ difiża Ewropea u t-tkabbir tal-kooperazzjoni jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet,

E.

billi l-arkitettura Ewropea għas-sigurtà tinkludi wkoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropea u strumenti internazzjonali bħat-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa

F.

billi n-NATO hija organizzazzjoni intergovernattiva ta' nazzjonijiet demokratiċi, li fihom jeżisti l-prinċipju fejn iċ-ċittadini jiddeċiedu u l-qawwiet militari jwettqu,

G.

billi 94 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE huma ċittadini ta’ stati membri tan-NATO, u 21 mis-27 Stat Membru tal-UE huma alleati tan-NATO, u 21 mis-26 allejat tan-NATO huma Stati Membri tal-UE, u t-Turkija, alleat antik tan-NATO, hija kandidat għall-adeżjoni fl-UE,

H.

billi fl-2007 u l-2008 il-Kunsill Ewropew ħa deċiżjonijiet importanti fil-qasam tal-PESD bl-għan li jkompli jtejjeb l-kapaċitajiet operazzjonali tiegħu; billi d-dħul fis-seħħ mistenni tat-Trattat ta’ Liżbona għandu jintroduċi innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-PESD, filwaqt li jagħmel il-kooperazzjoni Ewropea iktar koerenti u effiċjenti f’dak il-qasam,

I.

billi l-UE u n-NATO għandhom itejbu l-koperazzjoni tagħhom u għandhom jippermettu massimizazzjoni ikbar tal-assi taż-żewġ organizzazzjonijiet u jiżguraw li jkun hemm koperazzjoni effettiva billi jintemmu l-argumenti istituzzjonali,

J.

billi għalkemm in-NATO hija forum għad-diskussjoni u hija l-għażla naturali f'każ ta' operazzjoni militari li tinvolvi l-alleati Ewropej u Amerikani, ir-responsabbiltà finali għall-paċi u s-sigurtà hija f’idejn in-Nazzjonijiet Uniti,

K.

billi t-truppi u t-tagħmir impenjati fil-missjonijiet tal-PESD huma xi ftit jew wisq l-istess bħal dawk impenjati f’operazzjonijiet tan-NATO,

L.

billi n-NATO, bħala entità sħiħa, mhix involuta fl-operazzjonijiet tal-PESD; billi l-UE, meta tidħol għal operazzjonijiet bħal dawn, tagħżel jekk tużax jew le l-mezzi u l-kapaċitajiet tan-NATO, permezz tal-hekk imsejħa arranġamenti “Berlin plus”,

M.

billi l-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, li tagħmel parti mill-qafas tal-arranġament “Berlin plus”, s'issa ma ħadmitx b'mod sodisfaċenti, minħabba l-problemi mhux solvuti konnessi mal-fatt li xi pajjiżi huma membri tan-NATO iżda mhux tal-UE,

N.

billi barra mill-arranġamenti “Berlin plus”, in-NATO u l-UE għandhom jiżguraw li jkun hemm immaniġġjar effiċjenti tal-kriżijiet u għandhom jaħdmu flimkien aħjar sabiex isibu l-aħjar mod biex jirrispondu għal kriżijiet, bħal dawk tal-Afghanistan u tal-Kosovo,

O.

billi r-relazzjonijiet bejn in-NATO u l-UE għandhom jittejbu aktar min-naħa taż-żewġ organizzazzjonijiet, billi l-UE tinvolvi aktar fl-PESD lill-alleati tan-NATO li mhumiex fl-UE, u n-NATO tinvolvi aktar lill-Istati Membri tal-UE li mhumiex fin-NATO fit-taħditiet bejn l-UE u n-NATO; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom jissaħħu,

P.

billi l-proċessi ta' tkabbir tan-NATO u tal-UE, għalkemm huma differenti, għandhom isaħħu ‘l xulxin sabiex jiżguraw l-istabilità u l-prosperità fil-kontinent Ewropew,

Q.

billi element importanti tar-relazzjoni bejn l-UE u n-NATO huwa l-appoġġ għall-isforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati u pprovduti kapaċitajiet militari għall-immaniġġjar ta' kriżijiet b'mod li jsaħħu 'l xulxin, li fih innifisu jsaħħaħ l-irwol primarju tal-ħarsien tal-interessi ta' difiża territorjali u ta' sigurtà tal-pajjiżi membri,

R.

billi s-sinerġija bejn l-UE u n-NATO f'ċerti oqsma ta' kapaċitajiet militari tista' tittejjeb bis-saħħa ta' proġetti pilota konġunti,

S.

billi d-difiża kollettiva tal-Ewropa hija bbażata fuq għaqda ta’ forzi konvenzjonali u nukleari li kellha tkun adattata iktar fid-dettall għas-sitwazzjoni tas-sigurtà li dejjem tinbidel,

T.

billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO qedin preżentament iwettqu valutazzjoni mill-ġdid tal-istrateġiji ta’ sigurtà rispettivi tagħhom (l- ESS u d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Alleanza),

U.

billi t-Trattat ta’ Liżbona jikkommetti kapaċitajiet ċivili u militari tal-Istati Membri kollha lill-PESD, jipprovdi għal kooperazzjoni strutturata b’mod permanenti fid-difiża bejn grupp pijunier ta’ stati, jikkommetti stati lit-titjib progressiv ta’ kapaċitajiet militari, jespandi r-rwol tal-Aġenzija ta’ Difiża Ewropea, jobbliga lill-istati biex jgħinu stat ieħor li qed ikun attakkat (bla ħsara għan-newtralità ta’ ċertu stati jew għall-isħubija man-NATO ta’ oħrajn), jaġġorna l-għanijiet tal-UE (ix-xogħlijiet ta’ Petersberg) biex jinkludu l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u, fl-aħħarnett, jinsisti fuq is-solidarjetà reċproka f’każ ta’ attakk terroristiku jew diżastru naturali,

Ħarsa strateġika ġenerali

1.

Jenfasizza li l-politiki kollha tal-UE għandhom ikunu konsistenti b’mod sħiħ mal-liġi internazzjonali;

2.

Jenfasizza li r-raison d'être tal-Unjoni Ewropea hija li tinbena l-paċi; jinnota li stratġeija siġurtà effettiva jsostni d-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jinnota, għall-kuntrarju, li stratġeija ta' siġurtà li ma tkunx effettiva twassal għal tbatija umana bla bżonn; huwa tal-fehma li l-kapaċità tal-UE biex tibni l-paċi tiddependi fuq l-iżvilupp tal-istratġija ta' siġurtà jew il-politika ta’ sigurtà t-tajba, inkluża l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma u fuq relazzjoni effiċjenti u komplementarja man-NATO;

3.

Għaldaqstant jistieden lill-UE sabiex tkompli timplimenta l-missjonijiet filwaqt li tiżgura sostenibilità ikbar tal-PESD b'mod li ma tħallix li jkun hemm kunflitti, filwaqt li tippromwovi l-istabilità u tagħti għajnuna fejn tkun meħtieġa, bil-kundizzjoni li jkun hemm kunsens komuni bejn l-Istati Membri tal-UE jew fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata; jemmen f’iktar neċessità ulterjuri li l-UE u n-NATO jiżviluppaw approċċ komprensiv għall-ġestjoni ta’ kriżi;

4.

Jirrikonoxxi li d-differenza fl-interessi li hija naturali f'Unjoni ta' 27 Stat Membru jew aktar - fi kliem ieħor, il-mużajk li minnu hija magħmula l-UE - tagħtiha karattru uniku u l-potenzjal li tintervjeni, tgħin jew tkun ta' medjatur f'diversi nħawi fid-dinja, għal kuntrarju ta' kull potenza ewlenija oħra; jitlob li l-istrumenti tal-ġestjoni ta’ kriżi eżistenti tal-UE jkunu żviluppati iktar u jispera li l-kapaċità militari eżistenti tal-Istati Membri t al-UE ssir iktar integrata, effettiva f’sens ta’ spejjeż u effiċjenti f’sens militari, minħabba li l-Unjoni hekk biss tista’ tiġbor forzi suffiċjenti sabiex tisfrutta l-kapaċitajiet uniċi tagħha fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tas-soluzzjoni tal-kunflitti u tikkomplementa l-varjetà kbira ta' mekkaniżmi ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet ċivili tagħha;

5.

Jirrakkomanda bil-qawwi solidarjetà ikbar bejn l-Istati Membri tal-UE fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ sigurtà komuni u difiża;

6.

Huwa konvint li sħubija Ewro-Atlantika b’saħħitha u vibranti tibqa’ l-aħjar garanzija għas-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa kollha u għar-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba;

7.

Huwa konvint li l-libertajiet demokratiċi u l-istat tad-dritt huma s-soluzzjoni għall-aspirazzjonijiet tal-popli madwar id-dinja; jemmen li l-ebda pajjiż jew nazzjon m'għandu jkun eskluż minn din il-perspettiva, għaliex kull bniedem għandu dritt li jgħix fi stat demokratiku rregolat mill-istat tad-dritt;

8.

Jilqa' l-aġġornament tal-ESS bħala parti mill-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tiddefinixxi u tipproteġi l-interessi ta' sigurtà Ewropej u ssaħħaħ l-multilateraliżmu effettiv, sabiex b'hekk l-Unjoni jkollha strateġija sabiex tindirizza t-theddidiet għas-seklu 21; jinnota li kunsens ġenwin, komprensiv u demokrartiku bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO huwa element essenzjali tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, fuq il-bażi ta’ kunsens komuni ta' sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li jirrifletti l-valuri, l-għanijiet u l-prijoritajiet komuni tagħahom, jiġifieri l-primat tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali;

9.

Jenfasizza li dan għadu ferm importanti, fid-dawl tal-ġrajjiet riċenti fil-Kawkasu, żviluppi ġodda fl-Ewropa fl-istrateġija lejn in-NATO, il-bidla fit-tmexxija fl-Istati Uniti tal-Amerika u l-bidu tal-ħidma ta' reviżjoni tal-kunċett strateġiku tan-NATO;

10.

Iħeġġeġ li r-reviżjoni konkorrenti tal-istrateġiji ta’ sigurtà tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu mhux biss kumplimentarji iżda wkoll konverġenti, kull waħda tagħti piż xieraq lill-potenzjal ta’ l-oħra;

11.

Huwa tal-fehma li kemm in-NATO kif ukoll l-UE għandhom jadottaw, bħala l-objettiv tagħhom komuni u għall-ġejjieni fit-tul, impenn biex joħolqu dinja aktar sikura skond il-kliem u s-sens tal-Karta tan-NU, għaċ-ċittadini tal-istati membri tagħhom u tad-dinja b'mod ġenerali, u għandhom ukoll b'mod attiv ma jħallux li jkun hemm atroċitajiet tal-massa u kunflitti reġjonali, li għadhom ikunu l-kawża ta' bosta tbatija umana, u jieħdu azzjoni meta dawn jinqalgħu;

12.

Jinsisti li d-demokraziji kollha għandhom ikunu magħquda fl-isforzi tagħhom biex jibnu stabilità u paċi taħt l-awtorità tan-Nazzjonijiet Uniti;

13.

Jirrikonoxxi li s-sigurtà u l-iżvilupp huma dipendenti b’mod reċiproku u li m’hemmx sekwenza ċara ta’ avvenimenti biex ikun miksub żvilupp sostenibbli f’żoni ta’ kunflitt, jiddikjara li, fil-prattika, l-istrumenti kollha huma implimentati b’mod parallel; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq iktar riċerka dwar l-importanza tas-sekwenza ta’ interventi militari u ċivili f’żoni ta’ kunflitt u biex tintegra s-sejbiet tagħhom fil-politiki tagħha tas-sigurtà u ta’ l-iżvilupp;

Ir-relazzjoni bejn in-NATO u l-istruttura ta' sigurtà tal-UE

14.

Jagħraf l-irwol importanti tan-NATO, kemm tal-passat kif ukoll tal-lum, fl-istruttura ta' sigurtà tal-Ewropa; jinnota li għall-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, li huma wkoll alleati tan-NATO, l-Alleanza għadha l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom, u li s-sigurtà tal-Ewropa in ġenerali, indipendentement mill-pożizzjonijiet individwali adottati mill-istati tagħha, tkompli tibbenefika mill-manteniment tal-alleanza transatlantika; għaldaqstant huwa tal-fehma li d-difiża kollettiva tal-ġejjieni tal-UE għandha sa fejn hu possibbli tkun organizzata b’kooperazzjoni man-NATO; huwa tal-fehma li l-Istati Uniti tal-Amerka u l-UE għandhom bżonn jintensifikaw r-relazzjoni bilaterali tagħhom u jestenduha għal kwistjonijiet li jappartjenu lill-paċi u s-sigurtà;

15.

Jinnota li r-riskji tas-sigurtà fid-dinja moderna qed ikunu dejjem iktar ikkaratterizzati minn fenomini bħat-terroriżmu internazzjonali, il-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa, l-istati falluti, il-kunflitti li diffiċli jintegħlbu, il-kriminalità organizzata, it-theddid ċibernetiku, id-deterjorazzjoni ambjentali u r-riskji tas-sigurtà assoċjati, id-diżastri naturali u diżastri oħra u jinnota wkoll li dawn għadhom jirrikjedu sħubija iktar mill-viċin u konċentrazzjoni fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ewlenin tal-UE u tan-NATO, u koordinazzjoni iktar mill-viċin fl-oqsma tal-ippjanar, it-teknoloġija, t-tagħmir u t-taħriġ;

16.

Jenfasizza l-importanza li qed tiżdied tal-PESD li se tgħin sabiex tittejjeb l-kapaċità tal-UE li taffronta it-theddidiet għas-sigurtà tal-21 seklu, l-aktar permezz ta' operazzjonijiet konġunti ċivili-militari u miżuri ta' immaniġġjar ta' kriżijiet li jvarjaw minn azzjonijiet ta' prevenzjoni ta' kriżijiet immexxija mill-intelliġenza, għal riforma fis-settur tas-sigurtà, riforma tal-pulizija u tal-ġudikatura u azzjoni militari;

17.

Huwa tal-fehma li l-UE u n-NATO jistgħu jsaħħu lil xulxin billi jevitaw il-kompetizzjoni bejniethom u jiżviluppaw koperazzjoni ikbar fl-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-kriżi fuq il-bażi ta’ diviżjoni prattika tax-xogħol; jikkunsidra li deċiżjoni li fuqha organizzazzjoni għandha timplimenta l-forzi għandha tkun ibbażata fuq il-volontà politika espressa miż-żewġ organizzazzjonijiet, fuq bżonnijiet operazzjonali u leġittimazija politika fuq l-art, u fuq l-abbiltà tagħhom li jwasslu paċi u sigurtà; jinnota li kooperazzjoni fl-elaborazzjoni tal-ESS il-ġdid u l-Kunċett Strateġiku l-ġdid tan-NATO huwa kruċjali għall-kisba ta’ dak l-għan;

18.

Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tagħha stess, li jippermettu qsim aħjar tal-piż ma’ alleati mhux Ewropej u rispons approprjat għal dawk l-isfidi u theddid ta’ sigurtà li jikkonċernaw l-Istati Membri tal-UE biss;

19.

Jitlob lill-UE biex tiżviluppa l-istrumenti tal-istrateġija tas-sigurtà tagħha, li jvarjaw minn prevenzjoni ta’ kriżi diplomatika u assistenza ekonomika u ta’ żvilupp lil kapaċitajiet ċivili fil-qasam ta’ stabilizzazzjoni u rikostruzzjoni, kif ukoll mezzi militari; barra minn hekk, jikkunsidra li għandu jkun magħmul użu strateġiku tal-istrumenti ta’ “ftit poter” fil-viċinat tal-UE;

20.

Jinnota li l-arranġamenti “Berlin plus”, li jippermettu li l-UE tirrikorri għall-mezzi u l-kapaċitajiet tan-NATO, jeħtieġu li jittejbu sabiex iż-żewġ organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jintervjenu u jagħtu għajnuna effettiva fil-kriżijiet attwali li jeħtieġu azzjoni ċivili-militari b'ħidmiet simultanji; għaldaqstant, iqis meħtieġ li tiġi żviluppata aktar ir-relazzjoni bejn in-NATO u l-UE, billi jinħolqu strutturi ta’ koperazzjoni permanenti ta' koperazzjoni, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura indipendenti u awtonoma taż-żewġ organizzazzjonijiet u bla ma tkunx eskluża l-parteċipazzjoni tal-membri kollha tan-NATO u tal-Istati Membri kollha tal-UE li jixtiequ jkunu involuti;

21.

Jitlob lit-Turkija biex tieqaf tostakola din il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;

22.

Jitlob lill-UE, fil-proċess ta’ żvilupp ta’ White Book dwar is-sigurtà u difiża Ewropea, biex tevalwa wkoll l-koerenza tal-operazzjonijiet esterni tal-Ewropa, speċjalment rigward kooperazzjoni ma’ sieħba internazzjonali oħra f’żoni ta’ kriżi;

Il-Koperazzjoni bejn in-NATO u l-UE fi kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża

23.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-inizjattiva Franċiża għal ritorn formali għall-istrutturi militari tan-NATO, u l-isforzi tal-Presidenza Franċiża fi ħdan il-Kunsill tal-UE sabiex in-NATO u l-UE jitqarrbu lejn xulxin bħala reazzjoni għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà; jilqa' l-isforzi tal-Presidenza Franċiża bil-għan li jiġu adottati inizjattivi konkreti għall-ġbir flimkien ta' kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jilqa' wkoll l-approċċ pożittiv ġdid tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE;

24.

Iħeġġeġ lill-istati membri taż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex ikunu aktar flessibbli, aktar iffukati fuq l-ilħuq ta' objettivi, u prammatiċi fl-implimentazzjoni tas-sħubija bejn l-UE u n-NATO; għaldaqstant, jappoġġja l-proposta tal-Gvern Franċiż għall-istabbilimnet ta’ kuntatti sistematiċi bejn is-segretarji ġenerali tan-NATO u tal-Kunsill tal-UE, b’mod partikolari sabiex tkun evitata l-konfużjoni fejn huma joperaw id f'id f'missjonijiet differenti u bil-għan li jintlaħaq objettiv komuni u fl-istess nħawi, bħal fil-Kosovo u fl-Afghanistan;

25.

Jenfasizza li l-UE hija sieħeb kruċjali tan-NATO, minħabba l-kombinazzjoni speċifiċi tagħha ta’ strumenti disponibbli: operazzjonijiet ċivili, sanzjonijiet, għajnuna umanitarja, politiki ta’ żvilupp u kummerċ, u djalogu politiku; għaldaqstant jitlob lill-UE u lin-NATO biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom lejn l-istabbiliment ta’ qafas għal kooperazzjoni integrata, b’antiċipazzjoni tar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona;

26.

Jirrikonoxxi l-importanza vitali ta’ titjib tal-ġbir ta’ intelliġenza fost l-alleati tan-NATO u l-imsieħba tal-UE;

27.

Jinnota li ċ-ċittadini tal-UE jappoġġjaw missjonijiet bl-objettiv li tittaffa t-tbatija umana f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċittadini mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-missjonijiet tal-UE u tan-NATO u dwar l-għan tagħhom; għaldaqstant jistieden lill-UE u lin-NATO sabiex jinformaw aħjar liċ-ċittadini dwar il-missjonijiet tagħhom u dwar ir-rwol ta’ dawn il-missjonijiet fil-ħolqien ta’ sigurtà u stabbiltà madwar id-dinja;

28.

Jinnota li, sabiex jikkonsolidaw il-kooperazzjoni tagħhom, kemm in-NATO kif ukoll l-Unjoni Ewropea għandhom jikkonċentraw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet bażiċi tagħhom, it-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni tad-dottrini tagħhom, metodi ta’ ppjanar, teknoloġiji, tagħmir u taħriġ;

Il-Kwartier Operazzjonali tal-UE

29.

Jappoġġja t-twaqqif ta' Kwartier Operazzjonali tal-UE permanenti, taħt l-awtorità tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli, li jkollu l-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet militari tal-PESD bħala parti mill-mandat tiegħu;

30.

Jenfasizza li l-esperjenza tal-operazzjonijiet tal-UE turi li abilità ta' ppjanar permanenti u ta' kmand għall-operazzjonijiet tal-UE żżid l-effettività u l-kredibilità tal-operazzjonijiet tal-UE;; ifakkar li, minħabba l-fokus ċivili-militari tal-UE, din l-istruttura ma tkun qed tiddupplika ebda ħaġa li teżisti xi mkien ieħor; ifakkar ukoll li l-Kwartier tan-NATO huwa maħsub primarjament għall-ippjanar militari filwaqt li l-UE għandha kompetenza speċjalizzata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' operazzjonijiet ċivili, militari u ċivili-militari, li fil-mument l-ebda attur dinji m'hu kapaċi jwettaq b'suċċess;

31.

Jenfasizza li Kwartier Operazzjonali tal-UE għandujikkumplimenta l-istrutturi attwali ta' kmand tan-NATO u ma jdgħajjifx l-integrità transatlantika tan-NATO;

32.

Jipproponi li, bi qbil man-NATO, kull Stat Membru tal-UE li huwa membru tan-NATO għandu jindika dawk il-forzi li jistgħu jkunu implimentati biss għal operazzjonijiet tal-UE, sabiex jipprevjenu li din l-implimentazzjoni tkun bblokkata mill-membri tan-NATO li mhumiex Stati Membri tal-UE; jikkunsidra li dupplikazzjoni fl-użu ta’ dawn il-forzi għandha tkun evitata;

Kapaċitajiet u nfiq militari

33.

Huwa tal-fehma li l-isfida komuni għall-UE u għan-NATO hija li jagħmlu użu mill-istess ġabra ta' riżorsi nazzjonali f'termini ta' persunal u kapaċitajiet; jistieden lill-UE u lin-NATO sabiex jiżguraw li dawn ir-riżorsi limitati jintefqu fuq il-kapaċitajiet li huma l-aktar xierqa biex jiffaċċjaw l-isfidi diffiċli tal-lum, li jevitaw id-duplikazzjoni tal-ħidma u li jippromwovu l-koerenza; huwa tal-fehma li t-trasport strateġiku bl-ajru, li huwa eżempju partikulari ta' kwalità operazzjonali li hija relattivament skarsa u ta' prezz għoli, għandu jirrappreżenta opportunità ta' koperazzjoni bejn stati membri tal-UE u tan-NATO; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jiġbru, jaqsmu u jiżviluppaw konġuntament kapaċitajiet militari sabiex jevitaw ħela, joħolqu ekonomiji ta’ skala u jsaħħu l-bażi tekonoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea;

34.

Huwa tal-fehma li, flimkien mal-ħtieġa għall-użu ħafna aktar effiċjenti tar-riżorsi militari, koordinazzjoni aħjar u iktar effiċjenti tal-investimenti fid-difiża, fl-interess tas-sinerġija, min-naħa tal-Istati Membri tal-UE hija essenzjali fl-interessi tas-sigurtà Ewropea; jitlob żieda sinifikanti fil-proporzjon tal-ispejjeż komuni f’kull operazzjoni militari tan–NATO u tal-UE; jinnota d-differenza sinifikanti fl-iskala kif ukoll effettività bejn in-nefqa ta’ difiża tal-membri Ewropej tan-NATO, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra; jistieden lill-UE sabiex timpenja ruħha għal qsim globali tal-piż li jkun aktar ġust; jitlob ukoll lill-Istati Uniti tal-Amerka biex juru volontà ikbar biex jikkonsultaw lill-alleati Ewropej tagħhom dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-paċi u s-sigurtà;

35.

Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni potenzjali importanti tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, imsaħħa mit-Trattat ta’ Liżbona, lejn akkwist ekonomikament effikaċi u interoperabbiltà miżjuda tal-armamenti;

Il-kompatibilità bejn in-NATO u l-Isħubija tal-UE

36.

Jinsisti li l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom ikunu preżenti fil-laqgħat konġunti bejn l-UE u n-NATO mingħajr diskriminazzjoni; jenfasizza li l-għaqda ta' valuri u arranġamenti ta' sigurtà hija fattur kruċjali li jiggarantixxi l-paċi, l-istabilità u l-prosperità Ewropea;

37.

Jipproponi li dawk l-alleati tan-NATO li huma kandidati għas-sħubija mal-UE għandhom ikunu iktar involuti mill-viċin fix-xogħol tal-PESD u tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea;

38.

Jinnota li huwa essenzjali li l-problema tal-kompatibilità bejn in-non-sħubija mal-UE u s-sħubija man-NATO, kif ukoll tan-non-sħubija man-NATO u s-sħubija mal-UE, tkun indirizzata sabiex ma ssirx ħsara għall-mod kif taħdem il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO;

39.

Jiddeplora,b’mod partikolari, l-fatt li t-tilwim bejn it-Torok u ċ-Ċiprijotti għadu jostakola ħafna l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, peress li min-naħa l-waħda, it-Turkija qed tirrifjuta li tippermetti li Ċipru jipparteċipa fil-missjonijiet tal-PESD li jinvolvu l-intelliġenza u r-riżorsi tan-NATO u li, min-naħa l-oħra, Ċipru jirrifjuta li jippermetti lit-Turkija li tinvolvi ruħha fl-iżvilupp ġenerali tal-PESD sal-estent proporzjonat mal-piż militari u l-importanza strateġika tat-Turkija fir-rigward tal-Ewropa u l-Alleanza Atlantika;

40.

Jinkoraġixxi lil Ċipru, bħala Stat Membru tal-UE, biex tirrevedi l-pożizzjoni politika tagħha dwar l-isħubija tagħha fl-Isħubija għall-Paċi, u jitlob lill-istati membri tan-NATO biex joqogħdu lura milli jużaw il-veto biex ma jħallux li Stati Membri tal-UE jsiru membri tan-NATO;

41.

Jilqa' l-fatt li, fis-Samit tan-NATO f'Bukarest, l-Alleati għarfu l-kontribuzzjoni magħmula minn Ewropa aktar b'saħħitha u aktar kapaċi, u li l-Alleanza għada miftuħa għal tkabbir futur; jinnota li għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-Lvant, kif ukoll bil-għan li jiżviluppaw demokratiku u l-iżvilupp tal-istat tad-dritt tagħhom, il-politika ta’ perspettiva Ewropea u għalhekk tal-proġett ta’ Sħubija tal-Lvant hija ta' importanza kbira ħafna;

42.

Huwa tal-opinjoni li, rigward it-tkabbir futur tan-NATO, kull każ għandu jkun aġġudikat skond il-merti tiegħu; madankollu, għall-iskopijiet tal-interessi tas-sigurtà Ewropea, jopponi għat-tkabbir tal-organizzazzjoni biex tinkludi kwalunkwe pajjiż li fih l-isħubija m’għandhiex l-appoġġ tal-popolazzjoni jew fejn hemm argumenti territorjali serji li ma kinux riżolti mal-ġirien tiegħu;

43.

Jinnota li, għal ħafna mill-ġirien tal-UE, l-isħubija kemm tan-NATO kif ukoll tal-UE huma għanijiet realistiċi u kumpatibbli, anke jekk għal terminu fit-tul biss;

44.

Iqis li l-UE u n-NATO għandhom iżommu djalogu realistiku u ħieles mar-Russja, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, is-sigurtà reġjonali, l-enerġija, id-difiża bil-missili, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-limitazzjoni tal-politika dwar il-forzi armati u l-ispazju; huwa tal-fehma li, jekk u meta r-Russja ssir demokratika b’mod ġenwin u tiċħad theddid militari bħala mezz ta' pressjoni politika mal-ġirien tagħha, il-profondità tal-koperazzjoni bejnha u l-istrutturi kollha Ewropej, Ewro-Atlantiċi u globali tilħaq livelli bla precedenti, inkluż il-prospett tas-sħubija tar-Russja fl-istrutturi Ewro-Atlantiċi;

45.

Jinsab ħerqan rigward l-opportunitajiet mogħtija mis-Samit għall-għeluq tas-60 sena tan-NATO fi Strasburg u f'Kehl għat-tixtil tal-Alleanza u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropea;

*

* *

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Istati Membri tal-UE tal-Pajjiżi tan-NATO, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tan-NATO u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 334.

(3)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 670.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0255.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0256.