25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/54


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Rapport Annwali (2007) dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK

P6_TA(2009)0074

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti l-ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà (CFSP) fl-2007, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b’applikazzjoni tal-punt G, paragrafu 43 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 (2008/2241 (INI))

2010/C 76 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat tal-UE,

wara li kkunsidra r-rapport annwali (2007) mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti l-ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà (CFSP) fl-2007, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b’applikazzjoni tal-punt G, paragrafu 43 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (1),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2003,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ April 2005 (2), tat-2 ta’ Frar 2006 (3), tat-23 ta’ Mejju 2007 (4) u tal-5 ta’ Ġunju 2008 (5) dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill għall-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tas-CFSP,

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Baġits (A6–0019/2009),

A.

billi definizzjoni ċara tal-interessi komuni tal-Unjoni hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-UE u b’mod partikolari dawk tal-PESK,

B.

billi kull meta l-UE tkellmet b’vuċi waħda gawdiet minn awtorità sostanzjali, kisbet riżultati tanġibbli u kellha influwenza mhux żgħira fuq il-kors tal-ġrajjiet, influwenza proporzjonata mal-qawwa ekonomika tagħha,

C.

billi s-CFSP, li issa tistrieħ fuq medda wiesgħa ta’ għodod operattivi konsolidati, dieħla fi stadju ġdid, immarkat minn enfasi akbar fuq it-tfassil strateġiku u azzjoni bi prijoritizzazzjoni ċara,

D.

billi, biex ittejjeb l-effikaċja u l-konsistenza tal-azzjoni tagħha fix-xena dinjija, l-UE l-ewwel nett għandha bżonn l-għodod ta’ politika barranija stipulati fit-Trattat ta’ Liżbona; billi madankollu, il-possibilitajiet prattiċi kollha offruti mit-trattati attwali, flimkien ma’ rieda politika komuni b’saħħitha, għandhom jintużaw biex isaħħu l-koerenza istituzzjonali tal-azzjoni esterna tal-UE,

E.

billi l-Kunsill u Kummissjoni diġà nedew inizjattivi għall-promozzjoni ta’ sinerġija akbar u aktar konsistenti bejnithom stess; billi għalhekk il-Parlament għandu jagħmel sforzi simili sabiex jevita l-frammentazzjoni interna fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni,

Il-prinċipji

1.

Itenni li s-CFSP għandha tintrifed u tkun immexxija mill-valuri li l-UE u l-Istati Membri tagħha jħaddnu, b’mod partikulari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana, lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-promozzjoni tal-paċi u l-multilateraliżmu effettiv;

2.

Jenfasizza li l-UE għandha tuża s-CFSP biex tiġġieled għall-interessi komuni taċ-ċittadini tagħha, inklużi d-drittijiet tagħhom li jgħixu fil-paċi u s-sigurtà f’ambjent nadif u li jkollhom aċċess iddiversifikat għar-riżorsi vitali bħall-enerġija;

3.

Jemmen ħafna li l-UE tista’ tagħmel impatt biss jekk titkellem b’vuċi waħda, jekk tkun mgħammra b’tagħmir xieraq jekk tkompli ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha man-NU, u jekk tingħata l-leġittimità demokratika soda li tiġi mill-iskrutinju informat kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali li jaħdmu fil-livelli rispettivi tagħhom u skont il-mandati tagħhom; jemmen f’dan ir-rigward li l-membri tal-kumitati għall-affarijiet barranin u d-difiża tal-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu mistiedna mill-Parlament Ewropew biex jiltaqgħu miegħu b’mod regolari sabiex jeżaminaw bir-reqqa, fuq bażi ta’ għodda u metodoloġiji analitiċi xierqa l-iżviluppi ewlenin fis-CFSP; hu tal-fehma li għandhom isiru sforzi ġodda biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-CFSP;

4.

Huwa wkoll tal-fehma li l-istrutturi u l-organizzazzjoni tal-Parlament għandhom jiġu riveduti sabiex ikun jista’ jiġbor flimkien u juża aħjar l-esperjenzi miksuba kollha fi kwistjonijiet li jirrigwardaw is-CFSP sabiex jipprovdi kontribuzzjoni aktar effettiva u konsistenti għall-iżvilupp ta’ CSSP aktar strateġiku u demokratiku;

Aspetti baġitarji

5.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-baġit tas-CFSP huwa nieqes sew mill-fondi u jfakkar li, sabiex tkun kredibbli u tirrispondi għall-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE, is-CFSP għandu jkollha allokati r-riżorsi paragunabbli mal-objettivi u l-miri speċifiċi tagħha;

6.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-laqgħat ta’ konsultazzjoni regolari dwar il-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP) bejn il-Parlament u l-Presidenza tal-Kunsill kif stipulat mill-Ftehima Interistituzzjonali; jenfasizza madankollu li dawn il-laqgħat għandhom jitqiesu bħala opportunità ta’ skambju ta’ opinjonijiet dwar il-bżonnijiet potenzjali, l-azzjonijiet intenzjonati fil-qasam tas-CFSP u dwar l-istrateġiji fuq medda ta’ żmien medju u twil tal-UE f’pajjiżi terzi;

7.

Jixtieq jirċievi aktar informazzjoni mill-Kunsill dwar l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-Kunsill jew permezz tal-mekkaniżmu ATHENA, u b’mod partikulari dwar kif dawk l-approprjazzjonijiet ikkonċernati jagħmlu tajjeb għall-fondi tal-azzjonijiet CFSP skont il-baġit tal-UE;

8.

Jitlob li l-baġit tas-CFSP jkun kompletament trasparenti għall-awtorità baġitarja u ta’ kwittanza; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-prattika li l-approprjazzjonijiet li ma ntefqux jiġu ttrasferiti għall-baġit li jmiss skont il-kapitolu CFSP, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament fi żmien xieraq dwar trasferimenti interni, speċjalment minħabba li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-missjonijiet tal-PESK ikkonċernati, biex ma nsemmux il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE (l-EUMM) fil-Ġeorġja jew il-Missjoni tal-Istat tad-Dritt tal-UE (il-EULEX) fil-Kosovo, huma ta’ natura politikament sensittiva u jindirizzaw kriżijiet li huma ppubbliċizzati sewwa;

Ir-Rapport Annwali tal-Kunsill tal-2007 dwar is-CFSP

9.

Jinnota b’sodisfazzjon li, għall-ewwel darba, ir-rapport tal-Kunsill jirreferi b’mod sistematiku għar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament; jiddispjaċih, iżda, li l-Kunsill ma jidħolx fi djalogu sostanzjali dwar il-ftehimiet mressqin mill-Parlament, u lanqas ma jirreferi għal dawk ir-riżoluzzjonijiet f’dokumenti operattivi bħalma huma l-azzjonijiet konġunti jew il-pożizzjonijiet komuni;

10.

Huwa tal-fehma li, aktar milli jikkuntenta ruħu billi jagħti katalgu eżawrjenti tal-attivitajiet imwettqin, ir-rapport annwali tal-Kunsill għandu jagħti l-opportunità li jsir djalogu mal-Parlament immirat lejn l-iżvilupp ta’ approċċ aktar strateġiku lejn is-CFSP, imsejjes fuq l-identifikazzjoni tal-isfidi ewlenin, u jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-objettivi għall-azzjoni futura;

11.

Għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkunsidra mill-ġdid il-bażi loġika ġenerali u l-format speċifiku tar-rapport sabiex jiżgura li jkun jinkludi evalwazzjoni bir-reqqa tal-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi jew blokok reġjonali u r-reazzjoni tal-UE għall-kriżijiet umanitarji u ta’ sigurtà, kif ukoll proposti speċifiċi għal azzjoni futura;

Aġenda transatlantika ġdida

12.

Jemmen illi x-xhur li ġejjin se jipprovdu opportunità unika għall-UE biex tfassal aġenda transatlantika ġdida flimkien mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, li tkopri materji strateġiċi ta’ interess komuni, bħal governanza globali ġdida li tkun aktar inklużiva u aktar effettiva bbażata fuq organizzazzjonijiet multilaterali aktar b’saħħithom, il-kriżi finanzjarja, l-istabbiliment ta’ sett ġdid ta’ istituzzjonijiet Ewro-Atlantiċi u ta’ suq transatlantiku wiesa’ u komprensiv, miżuri biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni fl-Iran u fl-Afganistan, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

L-aspetti orizzontali tas-CFSP

13.

Jemmen li s-CFSP għandha tkompli tiffoka fuq id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, fuq il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Ewropa u fil-livell globali, fuq l-appoġġ għal multilateraliżmu effettiv u li l-liġi internazzjonali tiġi rispettata, fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u d-diżarm, u fuq il-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija, peress li dawn il-kwistjonijiet jikkostitwixxu l-akbar sfida għall-pjaneta tagħna u għalhekk huma direttament marbutin mat-tħassib taċ-ċittadini Ewropej;

14.

Fir-rigward tal-ħtif u l-qtil ta’ ostaġġi minn terroristi Islamiċi, jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ fil-koperazzjoni u fil-koordinazzjoni tal-politika kontra t-terroriżmu bejn l-Istati Membri tal-UE, l-Istati Uniti u n-NATO, li għandu jkollu l-għan, b’mod partikulari, li jtejjeb l-effettività ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ imnedija bil-għan li jiġu salvati l-ħajjiet tal-ostaġġi;

15.

Jitlob lill-Kunsill jibqa’ jsegwi bid-determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Parlament għall-iżvilupp ta’ politika komuni esterna Ewropea għall-enerġija, b’mod partikolari billi jippromwovi l-koeżjoni tal-UE fin-negozjati mal-fornituri tal-enerġija u l-pajjiżi ta’ tranżitu u billi jiddefendi l-interessi komuni tal-UE, u jiżviluppa diplomazija enerġetika effikaċi u aktar mekkaniżmi effiċjenti biex jirrispondi għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u, fl-aħħar nett, billi jiżgura d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u l-użu sostenibbli tagħhom u l-promozzjoni tal-enerġija li tiġġedded;

16.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-reviżjoni attwali tal-ESS tqis l-isfidi l-ġodda għas-sigurtà, bħalma huma s-sigurtà enerġetika, il-bidla fil-klima u ċ-ċibersigurtà, u hi mmirata lejn it-titjib tal-kwalità tal-implimentazzjoni tal-istrateġija nnifisha; jinnota f’dan il-kuntest id-dibattitu mniedi mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-futur tas-sigurtà Ewropea; jenfasizza li, minflok ma jipprovaw jibnu arkitettura radikalment ġdida, dawn id-diskussjonijiet, li jinvolvu l-UE, ir-Russja, l-Istati Uniti u l-istati membri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li mhumiex membri tal-UE, għandhom jibnu fuq il-kisbiet u l-valuri tal-Unjoni Ewropea, kif tfissru fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u kif inkorporati mill-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-Karta ta’ Pariġi;

17.

Jemmen ukoll li l-gwerra fil-Ġeorġja tikkonferma l-ħtieġa li tkompli tiġi żviluppata, fil-qafas tar-reviżjoni tal-ESS, diplomazija preventiva tal-UE, imżewġa ma’ għodod adegwati għall-prevenzjoni tal-kriżijiet, inkluż l-Istrument għall-Istabilità, l-ippjanar għall-kontinġenzi u finanzjament fit-tul affidabbli, u l-ħtieġa biex isir użu sħiħ mill-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-UE fil-ġestjoni tad-diżastri u tal-kriżijiet;

It-tħassib ewlieni tal-UE dwar is-sigurtà

Il-Balkani tal-Punent

18.

Ifakkar li l-konsolidazzjoni tal-Kosovo post-status hija essenzjali għall-ksib tal-istabilità fil-Balkani tal-Punent; jilqa’ għalhekk, il-kunsens li nkiseb fil-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU fis-26 ta’ Novembru 2008 biex il-EULEX tintbagħat fil-Kosovo kollu, u jħeġġeġ lill-Kunsill, f’koperazzjoni mal-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Interim tan-NU fil-Kosovo (UNMIK) biex tikseb relazzjoni ta’ ħidma ċara u passaġġ bla intoppi minn missjoni għall-oħra fil-qasam tal-istat tad-dritt; jistieden lill-EULEX biex tipprovdi riżultati malajr fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-prosekuzzjoni ta’ dawk akkużati b’reati tal-gwerra; barra minn hekk, juri l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Kosovo u jħeġġu biex ikompli jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jippromwovi spirtu ta’ koperazzjoni prammatika bejn l-awtoritajiet fi Priština u dawk f’Belgrad, għall-benefiċċju tal-komunitajiet Serbi li qed jgħixu fil-Kosovo;

19.

Jerġa’ jafferma li l-objettiv tal-UE fil-Bożnja u Ħerżegovina (BiH) jibqa’ li jiġi garantit pajjiż stabbli, paċifiku u multietniku fit-triq irriversibbli lejn sħubija fl-UE; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi tal-Bożnja u l-Ħerżegovina biex jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq fit-8 ta’ Novembru 2008 sabiex jiġu indirizzati malajr l-objettivi u l-kundizzjonijiet li fadal li kienu ġew stipulati mill-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi għat-tranżizzjoni mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għall-uffiċju tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE sa nofs l-2009; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità li t-truppi tal-komunità internazzjonali jiġu rtirati mill-Bożnja u l-Ħerżegovina; jemmen fil-fatt li t-tmiem tal-involviment internazzjonali jista’ jseħħ bi qbil sħiħ mal-awtoritajiet tal-BiH u la darba l-Bożnja u l-Ħerżegovina fl-aħħar issir stat stabbli b’istituzzjonijiet funzjonabbli għal kollox;

Is-Sħubija tal-Lvant

20.

Itenni l-konvinzjoni tiegħu li hemm bżonn li jissaħħu l-inċentivi għall-pajjiżi sħab tal-Politika tal-Ewropa għall-Viċinat u huwa tal-fehma li l-kriżi reċenti fil-Kawkażu t’Isfel uriet biċ-ċar il-ħtieġa għal preżenza aktar b’saħħitha tal-UE fit-territorji ġirien tagħha fil-lvant; għalhekk jappoġġja l-istrateġija li qed tipprova tasal għaliha l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2008 dwar Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823), li hi mmirata biex tistabbilixxi zona ta’ kummerċ ħieles wiesgħa u komprensiva, biex progressivament jitneħħew l-ostakli kollha għall-moviment ħieles tal-persuni (anke, eventwalment l-ivvjaġġar bla ħtieġa ta’ viża) u l-koperazzjoni f’kull aspett tas-sigurtà, b’mod speċjali s-sigurtà tal-enerġija; huwa tal-opinjoni li s-Sħubija tal-Lvant u l-Koperazzjoni tal-Baħar l-Iswed għandhom isostnu lil xulxin, biex hekk joħolqu żona ta’ paċi, sikurezza, stabilità u rispett għall-integrità territorjali; huwa tal-fehma li din is-sħubija għandha tiżżewweġ mal-irduppjar tal-assistenza finanzjarja tal-UE u dimensjoni politika f’saħħitha li għandhom jiffurmaw parti integrali minnha l-EURONEST, l-assemblea parlamentari konġunta proposta komposta minn Membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti tal-viċinat;

21.

Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jidħol mill-ġdid f’taħditiet mal-awtoritajiet tal-Belarus, filwaqt li jissokta bid-djalogu mal-forzi demokratiċi kollha tal-pajjiż, sakemm l-awtoritajiet tal-Belarus jirrispondu pożittivament għal din l-offerta billi jagħmlu progress tanġibbli f’termini ta’ rispett lejn il-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; huwa tal-fehma li, fuq dan is-sies, għandha tiġi żviluppata, pass pass, il-koperazzjoni msejsa fuq kondizzjonalità stretta, biex b’hekk tkun imdaħħla l-Belarus fis-Sħubija tal-Lvant; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi effikaċi mingħajr aktar dewmien biex jiffaċilitaw il-proċeduri tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus, inkluż it-tnaqqis fl-ispejjeż għad-dħul tagħhom fiz-Zona Schengen;

Il-Ġeorġja

22.

Ifaħħar lill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill talli żgurat li l-Unjoni Ewropea kellha rwol ta’ importanza primarja biex tintemm il-gwerra fil-Ġeorġja; jitlob lill-Unjoni, u b’mod partikolari lir-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-kriżi fil-Ġeorġja, timxi mal-prinċipju tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja u r-rispett għall-minoranzi, filwaqt li tipprova tilħaq ftehim li jipprovdi mekkaniżmi effiċjenti għar-ritorn qawwi u sħiħ tal-persuni spustjati internament u tar-refuġjati u l-monitoraġġ effettiv tas-sigurtà tar-reġjuni;

23.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinsisti fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u biex jiżgura li dawk li qed jimmonitorjaw f’isem l-UE jingħataw aċċess sħiħ għal kull fejn hu affettwat mill-kunflitt, bi qbil mal-Mandat tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE (l-EUMM); iqis li hu importanti ħafna li jkun regolarment u kompletament infurmat dwar ir-rapporti li jsiru mill-EUMM;

24.

Hu tal-opinjoni li l-UE għandha timmonitorja mill-qrib kunflitti potenzjali oħrajn f’din il-parti tat-territorji ġirien tal-UE, u timpenja ruħha li tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tagħhom, anke billi jiġu stabbiliti l-kuntatti u jinfetħu kanali ta’ komunikazzjoni mal-atturi kollha relevanti tar-reġjun; jenfasizza f’dan ir-rigward li għandha tiġi stabbilita koperazzjoni mill-qrib mat-Turkija;

Ir-Russja

25.

Jemmen li s-sħubija tal-UE mar-Russja għandha tkun imsejsa fuq strateġija koerenti u impenn ċar miż-żewġ naħiet li jaġixxu b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-Dritt Internazzjonali u l-ftehimiet bilaterali u multilaterali tagħhom; skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Settembru u tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 2008, jenfasizza li r-Russja għandha tosserva l-impenji li ħadet skont il-ftehmiet tat-12 ta’ Awwissu u tat-8 ta’ Settembru 2008; huwa konvint, għalhekk, li l-qbil tar-Russja li tippermetti li l-osservaturi internazzjonali jimmonitorjaw il-qagħda fl-Ossezja t’Isfel u fl-Abkazja u l-konformità sħiħa tagħha mat-termini tal-pjan tas-6 punti huma neċessarji għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet UE-Russja; hu tal-fehma wkoll li mhi possibbli l-ebda sħubija strateġika sakemm ma jkunux maqsuma u rrispettati l-valuri ta’ demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kunsill biex dawn il-valuri jqegħedhom fil-qalba tan-negozjati li attwalment għaddejjin għal Ftehima ġdida ta’ Sħubija u Koperazzjoni mal-Russja;

Il-Lvant Nofsani

26.

Jiddispjaċih għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u n-numru kbir ta’ mwiet ta’ persuni ċivili kkawżati mill-konflitt armat fil-Medda ta’ Gaża, mkabbra bin-nuqqas ta’ progress sostanzjali fil-proċess tal-paċi; iwissi l-iskadenza tat-terminu miftiehem fil-Konferenza ta’ Annapolis u jinsab konvint mill-valur miżjud li koperazzjoni tranżatlantika msaħħa tista’ ġġib magħha għall-proċess ta’ Annapolis; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu rwol b’saħħtu u viżibbli fir-reġjun, paragunabbli mar-riżorsi finanzjarji li għamlet disponibbli, biex tindirizza b’mod partikulari l-kriżi umanitarji drammatika fil-Medda ta’ Gaża; jistieden lill-Kunsill biex jissokta fl-isforzi tiegħu biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied permanenti fil-Medda ta’ Gaża, in konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1860 (2009), sabiex jibdew in-negozjati ta’ paċi bejn il-poplu Iżraeljan u dak Palestinjan, b’koordinazzjoni mal-parteċipanti reġjonali l-oħrajn; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkunsidra l-mezzi kollha biex jippromwovi paċi dejjiema fir-reġjun, anke li tintbagħat missjoni tal-ESPD (Politika Ewropea għad-Difiża u s-Sigurtà);

27.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intervent tal-Kunsill biex jiġġedded il-mandat tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fit-Territorji Palestinjani, u jemmen li għadu meħtieġ appoġġ iktar b’saħħtu għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt u l-kapaċità tal-pulizija; barra minn hekk, jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Missjoni ta’ Assistenza fil-Fruntiera tal-UE f’Rafaħ u d-determinazzjoni u d-dispożizzjoni tiegħu li jerġa’ jattiva dik il-missjoni; jemmen li din id-determinazzjoni għandha twassal għal inizjattivi konkreti biex tinġieb mill-ġdid il-libertà tal-moviment fit-territorji Palestinjani;

L-Unjoni għall-Mediterran

28.

Huwa sodisfatt bil-progress miksub fis-Samit Ministerjali Ewro-Mediterran li sar f’Marsilja fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008 biex jiġi definit aħjar il-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran; huwa tal-opinjoni li kwestjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun tal-Mediterran ma jistgħux jitqiesu għalihom; jenfasizza li d-djalogu politiku u kulturali, r-relazzjonijiet ekonomiċi, l-immaniġġar tal-fluss ta’ migrazzjoni, il-politiki dwar l-ambjent u s-sigurtà – inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu – kollha għandhom jifformaw parti sostanzjali mill-aġenda Ewro-Mediterranja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu rwol sinifikanti u xieraq lit-Turkija fl-Unjoni għall-Mediterran; jikkunsidra li hu essenzjali għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja li tkun integrata fl-istruttura tal-Unjoni għall-Mediterran sabiex tipprovdi d-dimensjoni parlamentari tagħha;

Il-Lvant Nofsani aktar wiesa’

29.

Jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ l-involviment tagħha fl-Iraq u, f’koperazzjoni mal-Gvern Iraqi u man-NU, għandha tappoġġja l-proċess ta’ żvilupp tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tinkoraġġixxi l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, mhux biss fl-Iraq innifsu imma wkoll bejn l-Iraq u l-ġirien tiegħu; jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-Missjoni Integrata ta’ Stat tad-Dritt tal-UE (EUJUST LEX) u l-progress li sar fit-tħejjija tal-ewwel ftehima ta’ kummerċ u koperazzjoni li qatt kien hemm bejn l-UE u l-Iraq;

30.

Jitlob lill-UE tiżviluppa relazzjoni aktar effikaċi u komprensiva mal-Iran li, barra milli tittratta l-kwisjoni nukleari, għandha tkopri wkoll il-koperazzjoni fil-kummerċ u fl-enerġija, l-istabilità reġjonali u, l-aħħar imma mhux l-anqas, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

31.

Jikkunsidra li l-UE għandha tippromwovi approċċ ġdid lejn l-Afganistan u għandha tikkoordina mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti bil-ħsieb li jinfetħu l-bibien għan-negozjati bejn il-Gvern Afgan u dawk l-elementi li huma lesti li jaċċettaw il-kostituzzjoni u jabbandunaw il-vjolenza; jinnota li l-assistenza għandha tiffoka aktar fuq l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-għoti ta’ servizzi bażiċi (b’attenzjoni partikulari għas-saħħa) u l-iżvilupp ekonomiku u rurali, anke permezz tal-promozzjoni ta’ alternattivi reali għall-produzzjoni tal-oppju;

32.

Huwa mħasseb dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan; itenni l-ħtieġa urġenti li jingħelbu l-ostakli istituzzjonali u li titjieb il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO biex tkun iffaċilitata l-ħidma tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL); jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw aħjar l-inizjattivi rispettivi fil-qasam tar-riformi fil-pulizija; jilqa’ l-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jiżdied il-għadd tal-persunal tal-EUPOL u jitlob li jintbagħtu malajr; jinsab konvint li s-suċċess tal-operazzjoni hu ta’ importanza kbira għall-ġejjieni tal-alleanza trans-Atlantika u li, b’dan f’moħħhom, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jimpenjaw ruħhom aktar għall-istabilità fl-Afganistan;

L-Afrika

33.

Jistieden lill-Kunsill biex iwessa’ l-aġenda mal-Afrika, biex tkopri firxa usa’ ta’ politiki milli attwalment hu l-każ, u biex tagħmilha prijorità għall-azzjoni esterna tal-UE;

34.

Jemmen li l-appoġġ tal-UE għan-NU fiċ-Ċad tal-Lvant jibqa’ importanti, bħala parti mis-soluzzjoni reġjonali għad-Darfur; jinnota li l-Forza Chad tal-Unjoni Ewropea (EUFOR) Ċad se jiżżarma kif ippjanat u se jgħaddi l-operazzjonijiet tiegħu lil missjoni mmexxija min-NU; jistieden lill-Kunsill jiffaċilita t-tranżizzjoni mingħajr intoppi u li jikkunsidra, b’mod ikkoordinat, kif l-UE tista’ tassisti lid-Dipartiment tan-NU tal-Operazzjoni taż-Żamma tal-Paċi li bħalissa jinsab mifni bix-xogħol biex tibda l-ħidma tal-missjoni tan-NU;

35.

Hu mħasseb serjament bis-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fis-Somalja; jitlob lill-UE tikkunsidra kif tista’ tassisti lin-NU, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Afrikana, biex tiġi ttrattata malajr din l-isfida politika, umanitarja u tas-sigurtà; jiġbed l-attenzjoni għat-theddid dejjem jikber tal-piraterija mal-kosta tas-Somalja u jilqa’ f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-UE li tvara operazzjoni marittima ESDP;

36.

Huwa mħasseb biż-żieda fil-vjolenza u l-kunflitt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) li jista’ jwassal għal kriżi umantarja kbira; jitlob lill-partijiet kollha, inklużi t-truppi governattivi, biex itemmu l-vjolenza indiskriminata u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-popolazzjoni ċivili, biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom fin-negozjati għall-paċi mnedija f’Goma u Nairobi u japprovaw il-programm adottat mill-Assemblea Nazzjonali tad-DRC; jemmen li l-impenn tal-UE fid-DRC jrid imur lil hinn mill-assistenza teknika pprovduta mill-Missjoni ta’ Riforma tas-Settur ta’ Sigurtà tal-UE (EUSEC RD Congo) u l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE (EUPOL RD Congo) u mill-RD tal-Kongo u jrid jirriżulta fl-għoti ta’ appoġġ tanġibbli għall-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-NU, li s’issa wriet li mhix kapaċi twaqqaf il-vjolenza;

L-Ażja

37.

Jilqa’ it-tnaqqis sinifikanti tat-tensjoni fl-inħawi tal-Istrett ta’ Tajwan u d-djalogu li għaddej bejn Beijing u Tajpej dwar l-interazzjonijiet bilaterali u l-parteċipazzjoni sinifikanti ta’ Tajwan fl-organizzazzjonijiet internazzjonali; jappoġġja bis-saħħa d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Settembru 2008 li ttenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni ta’ Taiwan f’forums multilaterali speċjalizzati, inkluż l-għoti tal-istatus ta’ osservatur jekk is-sħubija ta’ Tajwan ma tkunx possibbli;

38.

Jinnota l-fatt li r-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u ċ-Ċina għaddew minn tkabbir kostanti u li l-kuntatti bejn il-popli kibru kemm fl-iskop kif ukoll fid-daqs; fl-istess waqt għadu mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta’ rieda tal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jindirizzaw l-għadd numeruż ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex jiżguraw li l-poplu jista’ jgawdi minn drittijiet u libertajiet bażiċi; f’dan il-kuntest, jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar ir-raġunijiet mogħtija għad-deċiżjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi li jipposponu l-11-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina; jinnota li hemm ippjanat samit ġdid bejn l-UE u ċ-Ċina għall-ewwel nofs tal-2009, u jittama li f’din l-okkażjoni jkun jista’ jsir progress fl-oqsma kollha tal-koperazzjoni;

39.

Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi li jwaqqfu t-taħdidiet mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama u jfakkarhom f l-impenji li ngħataw wara l-ġrajjiet traġiċi ta’ Marzu 2008 qabel il-Logħob Olimpiku; għal darb’oħra jitlob lill-Kunsill sabiex jaħtar mibgħut speċjali dwar kwistjonijiet tat-Tibet sabiex isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u jiffaċilità l-bidu mill-ġdid tad-djalogu bejn il-partijiet;

L-Amerika Latina

40.

Ifakkar fil-proposta magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar is-sħubija globali u l-istrateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina (6), sussegwentement imtennija fir-riżoluzzjonijiet tas-27 ta’ April 2006 (7) u l-24 ta’ April 2008 (8) rispettivament adottati fl-isfond tas-Samits tal-UE-LAC (Amerika Latina u Karribew) li saru rispettivament fi Vjenna u f’Lima, EU-LAC, biex issir Karta għall-Paċi u s-Sigurtà Ewro-LatinoAmerikana li, fuq il-bażi tal-Karta tan-NU, tippermetti azzjonijiet u inizjattivi konġunti politiċi, strateġiċi u marbutin mas-sigurtà; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu passi attivi biex jitwettaq dan il-għan ambizzjuż;

41.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li wasslu għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bireġjonali mal-Amerika Latina, l-ewwel ftehimiet ta’ dan it-tip konklużi mill-UE;

*

* *

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, liċ-Chairman fil-kariga tal-OSCE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 573.

(3)  ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 59.

(4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 309.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0254.

(6)  ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569.

(7)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0177.