25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/51


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
L-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri

P6_TA(2009)0073

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri

2010/C 76 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966 u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta’ Diċembru 1984, u l-protokolli relevanti tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri (1), kif ukoll rapporti oħra u riżoluzzjonijiet li jqajmu l-kwistjoni, inkluż ix-xogħol tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo (2),

wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-parlamenti nazzjonali dwar is-segwitu mogħti mill-Istati Membri għar- mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri indirizza sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dettaljati lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill,

B.

billi, mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007, seħħew għadd ta’ żviluppi fl-Istati Membri, inklużi:

l-istqarrijiet tas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit dwar żewġ titjiriet ta’ konsenja straordinarji mill-Istati Uniti li kellhom fuqhom żewġ priġunieri li llandjaw fit-territorju tar-Renju Unit fl-2002, kif ukoll it-tfassil ta’ lista ta’ titjiriet suspettużi li kellha tintbagħat lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jintalbu garanziji speċifiċi li dawn ma ntużawx għall-konsenja, kif ukoll l-istqarrijiet tal-Prim Ministru f’dan ir-rigward; ir-riferenza tas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit lill-Avukat Ġenerali tar-Renju Unit tal-kwistjoni tal-possibilià ta’ “imġiba ħażina kriminali” fit-trattament ta’ Bonyam Mohammed mill-MI5 u mis-CIA; is-Sentenza tal-Qorti Superjuri tal-5 ta’ Frar 2009 li ma setgħetx tordna l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar it-tortura allegata ta’ Binyam Mohamed minħabba li s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit qal li l-Renju Unit kien mhedded mill-Istati Uniti li jkun imblukkat l-iskambju tal-intelliġenza dwar it-terroriżmu, u l-isfida legali għas-sentenza fuq il-bażi ta’ dubji dwar l-awtentiċità ta’ din l-istqarrija;

id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Pollakk li jagħti lill-prosekuturi dokumenti dwar titjiriet u ħabsijiet tas-CIA, kif ukoll is-sejbiet tal-Prosekutur Pubbliku Pollakk li juru li iktar minn tużżana titjiriet tas-CIA użaw l-ajruport ta’ Szymany, u b’hekk ikkonfermaw is-sejbiet tal-Kumitat Temporarju tal-Parlament,

l-istqarrijiet tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Spanjol fil-Parlament Spanjol li jikkjarifikaw l-informazzjoni ppubblikata mill-gazzetta El País dwar it-titjiriet militari,

l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ segretezza tal-istat minn xi gvernijiet fuq informazzjoni rilevanti għall-inkjesti dwar il-konsenja, kif ġara fl-Italja, fejn il-proċeduri dwar il-konsenja ta’ Abu Omar huma attwalment sospiżi u hija mistennija deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali dwar il-leġittimità tal-invokazzjoni tas-segretezza tal-istat,

C.

billi fit-3 ta’ Frar 2009 l-Kummissarju għal-Ġustizzja, il-Libertà, u s-Sigurtà u stqarr fil-Parlament li ħa għadd ta’ azzjonijiet biex ikunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, inklużi ittra lill-awtoritajiet tal-Polonja u r-Rumanija biex jitlobhom jipprovdu kjarifika sħiħa dwar il-pożizzjoni dwar l-eżistenza allegata ta’ ħabsijiet sigrieti fit-territorju tagħhom u l-ħruġ ta’ komunikazzjoni li tipproponi miżuri ġodda fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili,

D.

billi l-konsenja straordinarja u d-detenzjoni sigrieta jmorru kontra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kontra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura, kontra l-Konvenzjoni Ewropea għal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti bħalissa qed jirrevedu dawn il-prattiki,

E.

billi dawk li nħatfu f’xi Stati Membri taħt il-programm ta’ konsenja straordinarja ttieħdu Guantánamo jew fi Stati oħra mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fuq titjiriet militari jew tas-CIA, li spiss taru minn fuq it-territorju tal-UE u f’xi każi anke għamlu waqfiet f’ċerti Stati Membri tal-UE; billi dawk li ttieħdu f’pajjiżi terzi ġew ittorturati f’ħabsijiet lokali,

F.

billi xi Stati Membri avviċinaw lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u talbu r-rilaxx u r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li għaddew minn rendiment straordinarju u li huma ċittadini tagħhom jew li qabel kienu residenti fit-territorju tagħhom; billi uffiċjali ta’ xi Stati Membri kellhom aċċess għall-priġunieri fi Guantánamo jew f’faċilitajiet ta’ detenzjoni oħra, u interrogawhom biex jivverifikaw l-atti ta’ akkuża miġjuba kontrihom mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, u b’hekk illeġittimaw l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ dan it-tip,

G.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 tiddikjara, u l-avvenimenti sussegwenti kkonfermaw, li bosta Stati Membri kienu involuti jew ikkoperaw b’mod attiv jew passiv mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fit-trasport illegali u/jew fid-detenzjoni ta’ priġunieri mis-CIA u mill-awtoritajiet militari tal-Istati Uniti fi Guantánamo u f’“ħabsijiet sigrieti” rikonoxxuti mill-President Bush - kif pruvat minn informazzjoni żvelata reċentement rigward l-awtorizzazzjonijiet tal-gvernijiet għat-talbiet tal-Istati Uniti biex isiru titjiriet minn fuq il-pajjiżi kkonċernati u minn informazzjoni tal-gvern dwar il-ħabsijiet sigrieti - u li l-Istati Membri għandhom sehem partikulari fir-responsabilità politika, morali u legali għat-trasportazzjoni u għad-detenzjoni tal-persuni miżmuma fi Guantánamo u fil-faċilitajiet sigrieti ta’ detenzjoni,

H.

billi s-Senat tal-Istati Uniti rratifika l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, ratifikata mill-Istati Membri kollha ħlief l-Italja,

I.

billi l-ordnijiet eżekuttivi maħruġa mill-President Obama fit-22 Jannar 2009, għalkemm pass kbir 'il quddiem, ma jidhirx li jindirizzaw bis-sħiħ il-kwistjonijiet ta’ detenzjoni sigrieta u ħtif jew dik tal-użu tat-tortura,

1.

Jikkundanna n-nuqqas ta’ azzjoni li ttieħdet s’issa mill-Istati Membri u mill-Kunsill sabiex jitfgħu dawl fuq il-programm ta’ konsenji straordinarji u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; imaqdar il-fatt li ma ngħatawx tweġibiet sodisfaċenti mill-Kunsill lill-Parlament fit-3 ta’ Frar 2009;

2.

Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament fir- r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 u biex jikkollaboraw biex tinstab il-verità billi jinfetħu inkjesti jew jikkollaboraw mal-organi kompetenti billi jiżvelaw u jipprovdu l-informazzjoni relevanti kollha u billi jiżguraw skrutinju parlamentari effettiv tal-azzjoni tas-servizzi sigrieti; jitlob lill-Kunsill biex jiżvela l-informazzjoni relevanti kollha dwar it-trasport u d-detenzjoni illegali tal-priġunieri, inkluż fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liġi Pubblika Internazzjonali (COJUR); jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw mal-organi internazzjonali kompetenti kollha, inklużi n-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, u biex jagħtu lill-Parlament kwalunkwe informazzjoni relevanti, u kwalunkwe rapport jew sentenza ta’ inkjesta parlamentari;

3.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex isaħħu d-djalogu transatlantiku dwar approċċ komuni ġdid biex ikun affrontat it-terroriżmu, approċċ ibbażat fuq valuri komuni ta’ osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, f’qafas ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

4.

Jemmen li l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Legali Reċiproka jikkostitwixxu għodda relevanti għall-infurzar tal-liġi solida legalement u l-koperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa’, għaldaqstant, ir-ratifika tagħhom mis-Senat tal-Istati Uniti u jistieden lill-Italja biex tirratifikahom malajr kemm jista’ jkun;

5.

Jilqa’ l-fatt li l-President Obama ħareġ tliet ordnijiet eżekuttivi biex jingħalaq iċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo, biex jitwaqqfu l-proċedimenti tal-kummissjonijiet militari, biex jintemm l-użu tat-tortura u biex jingħalqu l-ħabsijiet sigrieti barra l-pajjiż;

6.

Jenfasizza, madankollu, il-fatt li għad fadal xi ambigwitajiet rigward il-kontinwazzjoni limitata ta’ numri ta’ skemi ta’ konsenja u ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieta, u għandu fiduċja li se jsiru kjarifiki dwar l-għeluq u l-projbizzjoni tal-faċilitajiet kollha ta’ detenzjoni sigrieta mmaniġġjati direttament jew indirettament mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl-Istati Uniti jew barra minnhom; ifakkar li d-detenzjoni sigrieta fiha nnifisha tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem;

7.

Jafferma għal darb’oħra li, skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, kwalunkwe vittma ta’ att ta’ tortura għandu jedd li jista’ jiġi infurzat għal rimedju u għal kumpens ġust u xieraq;

8.

Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żjara li se ssir fl-Istati Uniti fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2009 mill-Kummissarju għal-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, mill-Presidenza tar-Repubblika Ċeka u mill-Koordinatur Kontra t-Terroriżmu tal-UE u jistieden lir-rappreżentanti tal-UE biex iqajmu l-kwistjoni ta’ konsenji straordinarji u faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti, minħabba li dan huwa ksur serju tal-liġi internazzjonali u tal-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-26 ta’ Frar 2009 biex jieħu pożizzjoni ferma dwar dan, u biex jiddiskuti l-kwisjoni tal-għeluq ta’ Guantanamo u l-istabbilizzazzjoni mill-ġdid tal-prigunieri, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Frar 2009 dwar dan is-suġġett;

9.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jinvestigaw u jiċċaraw kompletament l-abbużi u l-ksur tal-liġi internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin, l-għejbien infurzat u d-dritt għal smigħ xieraq b’konnessjoni mal-“gwerra kontra t-terroriżmu” sabiex tkun stabbilita r-responsabilità għaċ-ċentri ta’ detenzjoni sigrieti, inkluż Guantánamo, u għall-programm ta’ konsenji straordinarji, u biex ikun żgurat li ksur bħal dan ma jerġax isir fil-futur u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ssir billi jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

10.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Koordinaturtal-UE kontra t-terroriżmu biex, wara ż-żjara tad-delegazzjoni tal-UE fl-Istati Uniti, jirrappurtaw lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-ftehim dwar l-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li jkun żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, sabiex il-kumitat kompetenti jkun jista’ jindirizza dawn il-kwistjonijiet f’rapport imħejji inter alia fuq il-bażi tal-paragrafu 232 tar-riżoluzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurta’ Komuni, lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu,lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.


(1)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0045.