25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/46


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Azzjoni Komunitarja dwar il-kaċċa għall-balieni

P6_TA(2009)0067

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-azzjoni Komunitarja dwar il-kaċċa għall-balieni (2008/2101(INI))

2010/C 76 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-kaċċa għall-balieni tal-1946 u t-twaqqif tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għal Baleni (IWC),

wara li kkunsidra l-ftehima dwar limiti tal-ebda qbid (il-“moratorju”) tal-IWC għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni li daħlet fis-seħħ fl-1986,

wara li kkunsidra l-aġġornament taċ-Ċetaċji tal-Lista l-Ħamra tal-Ispeċijiet fil-Periklu tal-2008 li saret mill-Unjoni Internazzjonali tal-Konservazzjoni tan-Natura,

wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura f'Barċellona, bejn il-5 u l-14 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikoli 37 u 175 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-19 ta' Diċembru 2007 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni (COM(2007)0823),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni (1),

wara li kkunsidra t-twaqqif ta’ Grupp Żgħir ta’ Ħidma dwar il-futur tal-IWC (il-“Grupp ta’ Ħidma”) mill-IWC matul is-60 laqgħa annwali tagħhom f’Santiago, iċ-Ċili, f’Ġunju 2008,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-abitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2) (id-Direttiva dwar l-Abitati),

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam tal-1997 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali.

wara li kkunsidra l-adozzjoni, min-naħa tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi ta' Fawna u Flora Salvaġġi fil-Periklu (CITES) kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha mill-UE, ta' projbizzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi prodotti tal-ispeċi kollha ta' balieni kbar,

wara li ikkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0025/2009),

A.

billi l-għan primarju għandu jkun il-protezzjoni tal-bijodiversità, li jinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċi,

B.

billi l-riżq tal-annimali għandu dejjem jitqies,

C.

billi madankollu hemm kwistjonijiet ta’ sikurezza u provvista tal-ikel, b’mod partikulari għall-komunitajiet li tradizzjonalment jikkaċjaw għall-balieni,

D.

billi “t-tfixkil, il-qbid jew il-qtil intenzjonat” tal-ispeċi kollha tal-balieni attwalment huwa pprojbit fl-ibħra tal-Komunità skont id-Direttiva tal-Abitati,

E.

billi kważi waħda minn fuq kull erba’ speċi taċ-ċetaċji attwalment huma kkunsidrati f’periklu, b’disa’ speċi elenkati bħala f’periklu jew f’periklu serju, u billi l-istatus ta’ ħafna speċi u popolazzjonijiet jibqa' mhux ċar,

F.

billi għalkemm uħud mill-popolazzjonijiet tal-balieni irnexxilhom jirkupraw xi ftit sa mill-introduzzjoni tal-moratorju, oħrajn ma rnexxilhomx u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-kondizzjonijiet ambjentali li qed jinbidlu tibqa' mhux magħrufa,

G.

billi fil-bidu l-moratorjum kien maħsub li jtul sakemm tiddaħħal fis-seħħ skema adegwata ta’ ġestjoni u li tħalli biżżejjed żmien biex l-istokks ta’ numri żgħar jirkupraw,

H.

billi mhux il-membri kollha tal-IWC jaqblu mal-moratorju,

I.

billi l-moratorju fl-ebda każ, ma jkopri l-qtil tal-balieni għal skopijiet xjentifiċi,

J.

billi n-numru ta’ balieni maqtula taħt Permess Speċjali fil-fatt żdied sa mill-introduzzjoni tal-moratorju,

K.

billi l-IWC (f'aktar minn 30 riżoluzzjoni) u numru ta’ NGOs u entitajiet oħra esprimew tħassib serju li l-Permess Speċjali attwali għall-kaċċa tal-balieni hu “kontra l-ispirtu tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali tal-balieni” (IWC2003-2); il-laħam minn din il-kaċċa għall-balieni m'għandux jintuża għal skopijiet kummerċjali;

L.

billi, minkejja t-titjib riċenti, il-metodi li bih il-balieni jiġu maqtula xorta ma jilħqux l-istandards mixtieqa,

M.

billi ċ-ċetaċji huma f’periklu mhux biss minħabba l-kaċċa iżda wkoll minħabba l-bidla fil-klima, it-tniġġis, l-inċidenti li jinvolvu l-vapuri, it-tagħmir tas-sajd, is-sonar u perikli oħrajn,

N.

billi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq ibbażżat ruħha fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat KE u rrelatat biss mal-laqgħa tal-IWC imsemmija hawn fuq f'Santiago, iċ-Ċili, f'Ġunju 2008,

1.

Jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni, li ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata mill-Kunsill; u jappoġġja ż-żamma ta' moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti mill-balieni; ifittex li jwaqqaf “il-kaċċa xjentifika għall-balieni” u jappoġġja l-għażla ta' reġjuni kbar fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni hija pprojbita b'mod indefinit;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni ġdida skont l-Artikolu 37 kif ukoll l-Artikolu 175 tat-Trattat KE;

3.

Jemmen li l-konservazzjoni tal-balieni u ċetaċji oħra fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-iżvilupp ta’ miżuri li huma suġġetti għal kunsens wiesa' biżżejjed biex ikunu implimentati b'mod effettiv;

4.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-Grupp ta’ Ħidma biex jaħdmu għall-ilħuq ta’ dan il-qbil;

5.

Jemmen li d-diskussjonijiet mal-Grupp ta' Ħidma għandhom ikunu suġġetti għall-akbar trasparenza possibbli;

6.

Jispera li l-Grupp ta’ Ħidma jindirizza l-kwistjoni tal-kaċċa letali għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi sabiex isib bażi biex tiġi eliminata;

7.

Jirrispetta l-bżonn ta' kaċċa limitata li għandha ssir minn dawk li tradizzjonalment jikkaċċjaw għall-iskop ta’ provvista ta’ ikel, iżda jitlob li ssir enfasi akbar fuq ir-riċerka dwar metodi ta’ qtil umani u kif ukoll l-użu tagħhom;

8.

Jitlob li din it-tip ta’ kaċċa issir biss bi kwoti ċari bbażati fuq il-parir tal-Kumitat Xjentifiku tal-IWC u li tkun irregolata b’kontrolli iżjed stretti li jinkorporaw reġistrazzjoni u rappurtaġġ sħaħ lill-IWC;

9.

Jitlob ukoll li jitwaqqfu, f’postijiet adattati madwar id-dinja, aktar Zoni tal-Baħar Protetti li fihom il-balieni jirċievu protezzjoni speċjali;

10.

Jinnota li d-Direttiva dwar l-Abitati li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel) ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli ssir fuq kwalunkwe stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

11.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun użat apparat tas-sajd selettiv biex jevita qbid mhux intenzjonat ta' speċi oħra, partikolarment ta' ċetaċji;

12.

Iqis li l-istorja traġika tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni, flimkien mal-ħafna theddidiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-popolazzjonijiet tal-balieni (fosthom, inter alia, il-qbid inċidentali f'operazzjonijiet tas-sajd, il-ħabtiet mal-bastimenti, il-bidla fil-klima globali u t-tniġġis tal-ħsejjes fl-oċeani) tobbliga lill-UE biex tippromwovi f'fora internazzjonali ewlenin, b'mod koordinat u koerenti, l-ogħla livell ta' ħarsien għall-balieni fid-dinja kollha;

13.

Jitlob li theddid fuq popolazzjonijiet taċ-ċetaċji kkawzat mill-bidla fil-klima, it-tniġġis, l-inċidenti li jinvolu l-vapuri, it-tagħmir tas-sajd, ħsejjes tal-oċean antropġeniċi (inklużi s-sonar, l-istħarriġ seiżmiku u l-ħsejjes tal-vapuri) u perikli oħrajn jiġi indirizzat ’il-barra minn dawn iz-zoni ta’ protezzjoni;

14.

Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha, qabel ma tittieħed azzjoni globali, tressaq aktar proposti biex topponi dan it-theddid fir-rigward tal-ibħra u bastimenti tal-Komunità;

15.

Hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi qafas regolatorju rivedut għall-prattika tal-osservazzjoni tal-balieni li jipproteġi l-interess ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tal-kosta fejn issir din l-attività, waqt li jqis l-iżvilupp reċenti tagħhom;

16.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamentari tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kaċċa għall-Balieni, lill-Kunsilli Reġjonali ta' Konsulenza, lill-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta' Ġestjoni tas-Sajd li l-UE tagħmel parti minnhom.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f'isem il-Komunità Ewropea fis-60 Laqgħa tal-IWC fl-2008 rigward il-proposti għal emendi għall-Iskeda tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (Dokument tal-Kunsill Nru 9818/2008).

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.