25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/30


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
Is-segwitu għall-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija: l-ewwel evalwazzjoni

P6_TA(2009)0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar is-segwitu għall-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija: l-ewwel evalwazzjoni (2008/2214(INI))

2010/C 76 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-Komunità Ewropea (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija: It-Twettiq tal-Potenzjal (COM(2006)0545),

wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni fuq msemmija, jiġifieri l-analiżi tal-Pjan ta’ Azzjoni (SEC(2006)1173), l-analiżi tal-Impatt tal-Pjan ta’ Azzjoni (SEC(2006)1174) u t-taqsira eżekuttiva tagħha (SEC(2006)1175),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (COM(2007)0001),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, rigward l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill Ewropew (2007-2009) – Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern ta’ l-enerġija (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1005/KE tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ l-ittikkettar ta’ l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija għat-tagħmir ta’ l-uffiċċji (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar ta’ l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta’ l-uffiċċju (verżjonimfasslamill-ġdid) (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (9) u b’mod partikulari l-Kapitolu III tat-Titolu II tagħha, rigward il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (10),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jew li jsir aktar b’inqas – Green Paper (11),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2006 dwar Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura – Green Paper (12),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2008 dwar l-ewwel valutazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza tal-Enerġija kif meħtieġ bid-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija (COM(2008)0011),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ l-użu ta’ l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (COM(2008)0019),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2008 intitolata L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta’ 20 % (COM(2008)0772),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0030/2009),

A.

billi l-Unjoni Ewropea taħli iktar minn 20 % tal-enerġija tagħha minħabba l-ineffiċjenza u kieku kellu jintlaħaq l-objettiv ta’ ffrankar ta’ 20 %, l-UE tuża madwar 400 Mtoe (ekwivalenti għal miljun tunnellata żejt) enerġija primarja inqas u t-tnaqqis ta’ CO2 jkun jammonta għal madwar 860Mt,

B.

billi l-konsum tal-enerġija flimkien mat-taħlita tal-enerġija nazzjonali, ibbażata prinċipalment fuq sorsi tal-enerġija konvenzjonali, għadu s-sors ewlieni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni Ewropea,

C.

billi hemm riskji dejjem aktar kumplessi li jikkonċernaw is-sigurtà u d-dipendenza tal-provvista f’rabta mal-importazzjoni tas-sorsi tal-enerġija fl-UE,

D.

billi aktar inċentivi għal investiment fl-effiċjenza tal-enerġija waqt kriżi finanzjara jew reċessjoni u fi żminijiet ta’ volatilità u imprevedibilità fir-rigward tal-prezzijiet taż-żejt jistgħu jgħinu biex jistimulaw l-ekonomija,

E.

billi żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tista’ ssir waħda mill-kawżi ewlenin tal-faqar; billi titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huwa l-aktar mod effettiv biex titnaqqas il-vulnerabilità ta’ dawk li jinsabu fil-bżonn,

F.

billi t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huwa wkoll l-aktar mod effettiv f’sens ta’ spejjeż biex jintlaħqu kemm it-tnaqqis vinkolanti tal-emissjonijiet kif ukoll il-miri ta’ sorsi tal-enerġija li jiġġeddu li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha,

G.

billi t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-isfruttar tal-possibilitajiet inerenti fiha huma fl-interess komuni tal-Istati Membri; billi jkun rakkomandabbli li jiġu applikati settijiet differenti ta’ miżuri għall-Istati Membri, sabiex jiġu riflessi l-karatteristiċi ekonomiċi u klimatiċi diverġenti tagħhom,

H.

billi l-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija jistgħu jiksbu r-riżultat mixtieq biss jekk jiġu applikati fil-linji politiċi settorjali kollha,

I.

billi, minħabba l-fatt li bosta Stati Membri ma ppreżentawx pjan nazzjonali dwar l-effiċjenza tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri sabiex tinkuraġġixxi iktar Stati Membri biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet meħuda f’dan il-qasam,

J.

billi l-kriżi ekonomika internazzjonali u l-volatilità tal-prezzijiet tas-sorsi tal-enerġija qed iżidu l-importanza tal-effiċjenza tal-enerġija, li tista’ żżid b’mod konsiderevoli l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej,

K.

billi, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq intitolata L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta’ 20 %, jeżisti periklu reali li l-mira tal-effiċjenza tal-enerġija stabbilita għall-2020 ma tintlaħaqx,

L.

billi skont il-proposta għal direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, l-Istati Membri meħtieġa jippromwovu u jinkuraġġixxu l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija sabiex jinkisbu aktar faċilment il-miri tagħhom fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu,

M.

billi l-bini residenzjali joffri potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija ta’ madwar 27 %,

N.

billi għad ma hemmx miri legalment vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija, la fil-livell tal-UE u lanqas f’dak nazzjonali,

O.

billi hemm nuqqas evidenti ta’ kapaċità biex jiġu implimentati proġetti fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet ta’ azzjoni li pproduċew l-Istati Membri; fl-istess ħin jinsab imħasseb li d-dewmien biex jitressqu l-pjanijiet u l-kontenut ta’ għadd ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jindikaw nuqqasijiet li jistgħu jqiegħdu fil-periklu l-kisba tal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija u l-ħarsien tal-klima; jisħaq li issa l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jiffokaw fuq l-effiċjenza tal-enerġija, fosthom l-iżvilupp tal-aħjar prattiki u sinerġiji kif ukoll informazzjoni u pariri aħjar dwar l-effiċjenza tal-enerġija lill-utenti finali;

2.

Iqis li huwa f’waqtu li, bħala parti mir-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-2009, għandu jiġi eżaminat bir-reqqa sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni jkopru l-possibilitajiet kollha għall-ekonomizzar fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll it-tqassim tar-responsabilità bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’termini ta’ implimentazzjoni u infurzar;

3.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tpoġġi l-effiċjenza tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija bħala l-pedamenti tal-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa; jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq intitolata L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta’ 20 %, biex tipprepara pjan ta’ azzjoni rivedut tal-UE dwar l-effiċjenza tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-mira ta’ 20 % ta’ effiċjenza tal-enerġija legalment vinkolanti bħala parti mill-evalwazzjoni li għandha tipprepara dwar il-progress tal-Komunità lejn din il-mira, skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra tagħhom sabiex jintlaħqu l-impenji tal-Komunità fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sal-2020 (13);

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fir-riżorsi umani tal-Kummissjoni fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, li minkejja li xorta ma kinetx biżżejjed biex dan il-qasam jopera b’mod sħiħ, wasslet sabiex ġiet aċċellerata t-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi f’ċerti oqsma bħal pereżempju, id-disinn ekoloġiku tal-prodotti, ir-rendiment f’sens ta’ enerġija tal-bini u l-ittikkettar dwar l-enerġija, is-settur tat-trasport kif ukoll l-installazzjonijiet għall-utenti finali; jenfasizza li hemm ħtieġa kontinwa ta’ leġiżlazzjoni f’dawn l-oqsma;

5.

Iqis id-Direttiva 2006/32/KE bħala qafas regolatorju tajjeb; fl-istess ħin, jinnota li l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa limitat sa mhux aktar tard mill-2016 u, fi kwalunkwe każ, hija limitata wisq fl-ambizzjoni biex jintlaħaq l-għan ta’ titjib minimu ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija sal-2020, u għalhekk jeħtieġ li ssir reviżjoni fl-2012 fuq il-bażi ta’ studju komprensiv tal-esperjenżi tal-Istati Membri;

6.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li assoċjazzjonijiet professjonali u fornituri tal-enerġija f’għadd ta’ Stati Membri, fuq il-bażi tad-Direttiva, bdew itejbu u jikkoordinaw is-sistemi tal-miters intelliġenti tagħhom stess; minkejja dan, jinnota li bil-qafas regolatorju attwali huwa improbabbli li l-miters intelliġenti jiġu adottati b’mod wiesa’ fil-livell domestiku; għalhekk, jappoġġja l-introduzzjoni obbligatorja ta’ miters intelliġenti f’kull bini fi żmien għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (14); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforza b’mod iktar rigoruż ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/32/KE sabiex tiġi aċċellerata l-installazzjoni tas-sistemi ta’ miters intelliġenti fuq skala wiesgħa;

7.

Iqis li hu neċessarju li l-Kummissjoni, sabiex tappoġġja l-introduzzjoni obbligatorja ta’ miters intelliġenti, twettaq studju komprensiv tal-esperjenzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam; iqis li fil-ġejjieni, ir-regoli għandhom jimponu rekwiżit sabiex id-djar tal-konsumaturi jiġu mgħammra b’apparat viżiv li jista’ jinqara (readable display) flimkien mas-sistema tal-miter u li l-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni lir-regoli dwar il-kompatibilità tas-sistemi tal-miters u dwar il-komunikazzjoni tad-dejta, lit-tariffi differenzjati u lill-mikroproduzzjoni;

8.

Iqis li d-dispożizzjonijiet li jsaħħu l-irwol eżemplari tas-settur pubbliku għandhom ikunu appoġġjati; iqis li, fid-dawl tal-ispejjeż tal-enerġija li qed jogħlew, il-kriterji tal-effiċjenza tal-enerġija għandhom ikunu definiti għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tal-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku;

9.

Jirrikonoxxi li ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini għandha potenzjal kbir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u fir-rigward tal-bidla fil-klima, kemm f’termini ta’ adattazzjoni kif ukoll fl-indirizzar tal-kawżi tal-bidla fil-klima;

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sostanzjali mis-sorsi alternattivi tal-enerġija rinnovabbli bħar-riħ, il-bijomassa, il-bijofjuwils kif ukoll l-enerġija tal-mewġ u tal-marea, meta dan ikun possibbli;

11.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħejjija tal-Kummissjoni biex testendi d-Direttiva 2002/91/KE f’dak li huwa l-istandardizzazzjoni ta’ djar li jinvolvu livell baxx ta’ enerġija u livell nett żero ta’ karbonju, u jitlob rekwiżiti fl-UE kollha dwar bini pożittiv f’termini ta’ enerġija, minħabba li dawn jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż għall-utenti finali; iħeġġeġ li tiġi stabbilita skeda eżatta għal standardizzazzjoni u livelli minimi ta’ enerġija minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, kemm għal bini ġdid kif ukoll għal dak eżistenti;

12.

Jenfasizza li l-bini residenzjali huwa fost dawk is-setturi li jaħlu l-iżjed u għalhekk iħeġġeġ li jiżdied l-appoġġ finanzjarju kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Komunitarju għar-rendiment f’sens ta’ enerġija tal-bini u anke sabiex l-inċentivi finanzjarji eżistenti jitqabblu mal-impenji stipulati fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali bħala parti mir-Reviżjoni tal-Kummissjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni;

13.

Iħeġġeġ b’mod partikulari lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jużaw il-Fondi Strutturali biex fit-territorji tagħhom jistabbilixxu netwerks tematiċi fil-qafas tal-Azzjoni Miftiehma prevista mill-programm ta’ ħidma “Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa” tal-2008 sabiex ikunu infurmati dwar il-prattiki ta’ reġjuni oħra tal-UE fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija u sabiex iwettqu skambju tal-kompetenzi u l-esperjenza f’dan il-qasam;

14.

Jenfasizza li l-politiki dwar l-enerġija fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali li jindirizzaw is-settur residenzjali għandhom jistabbilixxu bħala prijorità t-titjib tal-kwalità komplessiva tad-djar ta’ residenti bi dħul baxx, filwaqt li jitqies il-fatt li l-prezzijiet imprevedibbli tal-fjuwil se jkomplu jaggravaw serjament is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn il-familji u jistgħu joħolqu problemi soċjali serji;

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żidiet li qed isiru f’waqthom u li għadhom għaddejjin mal-leġiżlazzjoni li fiha dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettar ta’ tagħmir u effiċjenza minima tal-enerġija fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni u d-Direttiva 2005/32/KE; iqis li hija ħaġa importanti li l-firxa ta’ tagħmir kopert mil-leġiżlazzjoni tkun estiża, flimkien mal-monitoraġġ tal-użanzi tal-konsumatur;

16.

Jirrakkomanda li sabiex jonqos il-konsum tal-enerġija minn apparat li jkun standby, il-Kummissjoni teżamina l-possibilità li jiġu rregolati s-sorsi tal-enerġija esterni li kapaċi jalimentaw iktar minn apparat wieħed f’daqqa; jistieden lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/32/KE, sabiex tiżgura li dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott f’termini ta’ konsegwenzi għall-effiċjenza tal-enerġija; f’dan ir-rigward, jitlob li din id-Direttiva tiġi ssupplementata b’dispożizzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti, ir-responsabilità ċivili għall-prodotti u r-riparabilità tal-prodotti;

17.

Iqisha importanti li l-intrapriżi li mhumiex regolati mill-Iskema Ewropea tal-Iskambju tal-Emissjonijiet ikunu involuti f’effiċjenza enerġetika akbar, b’mod partikulari fejn spejjeż moħbija jew diffikultajiet oħra jxekklu l-kisba tas-suq tal-effiċjenza enerġetika; sabiex dawn l-effiċjenzi jkunu jistgħu jintlaħqu, iqis li huwa meħtieġ li – flimkien mal-estensjoni tad-disinjar ekoloġiku – tiddaħħal is-sistema taċ-’ċertifikati bojod’; jemmen li biex dan ikun jista’ jseħħ il-Kummissjoni għandha tlesti l-ispezzjonijiet relevanti mill-aktar fis-possibbli; jinnota l-irwol kruċjali li jista’ jkollha l-effiċjenza fl-enerġija biex tgħin l-Istati Membri jilħqu l-għanijiet mandatorji ta’ kondiviżjoni tal-isforz tagħhom; jenfasizza b’mod partikulari l-potenzjal għal tnaqqis tal-infiq effettiv permezz ta’ effiċjenza fl-enerġija aħjar fil-bini;

18.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità għal tnaqqis ta’ tniġġis ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali żgħar (15) u l-konsultazzjoni dwar aktar leġiżlazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika speċifika tal-vetturi; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti mill-aktar fis miri ta’ emissjonijiet aktar stretti fil-ġejjieni fl-interess taċ-ċertezza tal-industrija; jesprimi d-diżappunt tiegħu li għadu ma ġiex ikkonfermat il-limitu ta’ 95g CO2 għall-2020 mitlub mill-Parlament; jinnota, madankollu, bi tħassib li l-leġiżlazzjoni l-ġdida mhix se tpatti għaż-żieda fid-domanda għat-trasport;

19.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tfassil tal-Green Paper dwar il-Mobiltà Urbana (COM (2007)0551) imma jinnota li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kwantifikabbli speċifiċi, ir-riżervi għall-effiċjenza ma jistgħux ikunu mobilizzati; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif il-promozzjoni tal-mobilità urbana u l-iżvilupp ta’ trasport pubbliku li jkunu effiċjenti fl-enerġija jista' jkollhom irwol akbar fil-politika strutturali u ta’ koeżjoni u kif l-effiċjenza fil-mobilità tista’ tingħata aktar importanza fil-kundizzjonijiet għal proġetti ta’ kofinanzjament Komunitarju;

20.

Jisħaq fuq il-fatt li t-tixrid tal-għodod tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għamilha possibbli li jkunu applikati metodi ta’ pedaġġ għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq li mhux biss ikopru n-netwerk tat-toroq ta’ veloċità kbira; iħeġġeġ biex ikunu studjati l-possibilitajiet għal leġiżlazzjoni uniformi ta’ monitoraġġ għas-suq intern;

21.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni effiċjenti iżda josserva li l-promozzjoni ta’ din it-teknoloġija jista’ jkollha l-irwol li tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ tisħin; jinnota li fis-sistemi ta’ tisħin ċentralizzati, l-effiċjenza tan-netwerk hija daqstant importanti daqs l-effiċjenza tat-tagħmir użat mill-konsumatur; iqis li fl-allokazzjoni tal-fondi strutturali, l-effiċjenza tan-netwerk fis-sistemi attwali ta’ tisħin ċentralizzat għandha tingħata aktar importanza b’mod konsiderevoli fil-ġejjieni;

22.

Jibqa’ jsib li linji politiċi settorjali individwali jmorru kontra l-isforzi li tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija; huwa tal-fehma li l-istess jgħodd ukoll fl-istruttura attwali tal-appoġġ strutturali u ta’ koeżjoni;

23.

Iqis li l-SMEs għandhom rwol importanti fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija iżda m’għandhomx l-istess kapaċità biex jimxu mal-leġiżlazzjoni jew ma’ standards ġodda fis-settur tal-enerġija; għalhekk iqis li l-faċilitajiet li se jinħolqu permezz tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni u l-kuntatti mal-SMEs dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

24.

Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom u jbiddlu l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza tal-Enerġija tagħhom (NEEAPs) f’għodda prattika biex jintlaħqu mhux biss l-għanijiet tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija skont id-Direttiva 2006/32/KE, iżda wkoll għall-għanijiet aktar wesgħin tagħhom u għal żmien itwal, b’mod partikulari biex l-effiċjenza tal-enerġija titjieb b’mill-inqas 20 % sal-2020 u biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali vinkolanti ta’ kondiviżjoni tal-isforz għat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

25.

Jistieden lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mill-għan minimu nazzjonali indikattiv tal-iffrankar fl-enerġija ta’ 9 % sal-2016 skont id-Direttiva 2006/32/KE u biex jiffissaw għanijiet intermedji ċari sabiex jintlaħaq l-għan aħħari;

26.

Iqis il-ħtieġa li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jifformulaw miri realistiċi, sostanzjati u vinkolanti u jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jitħaddmu sabiex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu;

27.

Jidhirlu li hija ħaġa importanti ħafna li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jkunu adattati għall-istruttura ġeografika, klimatika u ekonomika u għall-karatteristiċi tal-konsumaturi, li jistgħu jippreżentaw differenzi kbar minn reġjun għal ieħor;

28.

Jisħaq fuq ir-relazzjoni li hemm bejn l-effiċjenza tal-enerġija u l-koeżjoni territorjali, kif indikat mill-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Territorjali (COM(2008)0616), f’termini ta’ kontribut pożittiv mill-miżuri għal enerġija effiċjenti għall-iżvilupp sostenibbli, l-importanza ta’ strateġija spazjali mfassla sew u l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien għar-reġjuni kollha;

29.

Iqis il-ħtieġa għal Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali li jilħqu l-miri stabbiliti tal-effiċjenza enerġetika b’mod li l-infiq ikun effettiv u li jiggarantixxu l-valur miżjud mill-għajnuna tal-Istat;

30.

Jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw, fl-istruttura tal-kuntratti attwali tagħhom bejn l-aġenziji tal-gvern u l-pubbliku, l-informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, l-aħjar prattika f’dawk l-oqsma u d-drittijiet tal-konsumatur li ġew stabbiliti fis-settur tal-enerġija u l-klima;

31.

Iqis li hija ħaġa indispensabbli li, f’kuntrast mal-prattika attwali ta’ għadd ta’ Stati Membri, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jkunu mħejjija bl-involviment sostanzjali tal-gvernijiet lokali u reġjonali, organizzazzjonijiet ċivili u s-sħab ekonomiċi sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar mill-qiegħ;

32.

Iqis l-importanza li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jagħtu attenzjoni speċjali lill-faqar ikkawżat minn prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u jiggarantixxu protezzjoni xierqa għal dawk li huma fir-riskju tal-faqar; iqis li t-titjib fl-effiċjenza u fl-għarfien tal-enerġija huma vitali u urġenti;

33.

Jenfasizza l-importanza tal-Istati Membri li fl-NEEAPs tagħhom jinkludu strumenti finanzjarji xierqa għall-iffrankar tal-enerġija kif mitlub minn Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/32/KE; iqis li dawn l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu magħmula biex jegħlbu l-ostakoli magħrufa għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, bħad-differenza bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji bejn is-sid u l-kerrejja u l-perjodu itwal biex l-investiment jinfeda li jkun meħtieġ meta l-proprjetajiet l-aktar antiki, u li huma aktar diffiċli biex jiġu trattati, jinġiebu għall-istandards kontemporanji ta’ effiċejnza fl-enerġija;

34.

Iqis li hu meħtieġ li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jagħmlu enfasi speċjali fuq kif il-gvernijiet għandhom il-ħsieb li jippromwovu u jħeġġu investimenti fl-effiċjenza enerġetika min-naħa tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); għalhekk jisħaq li għandu jingħata rendikont ta’ dawn l-investimenti meta jitfasslu l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali;

35.

Jinnota b’dispjaċir li f’bosta Stati Membri l-fondi allokati għal proġetti dwar l-effiċjenza fl-enerġija għadhom mhux suffiċjenti u ma jkoprux b’mod adegwat id-differenzi reġjonali; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-operat rispettivi tagħhom dwar miżuri innovattivi, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-effiċjenza fl-enerġija li f’sens ta’ spejjeż ikun effettiv;

36.

Jisħaq li mil-lum ’il quddiem hemm bżonn ta’ implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri, fosthom l-iżvilupp tal-aħjar prattiki u sinerġiji u l-organizzazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni tad-diversi partijiet interessati u mxerrda fis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija;

37.

Jenfasizza l-ħtieġa għal impenji aktar komprensivi u ċari fit-tieni sett ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali fl-2011 sabiex jinħoloq ambjent ta’ negozju favorevoli u kundizzjonijiet ta’ investiment prevedibbli għall-parteċipanti fis-suq;

38.

Jenfasizza li s-settur privat, bl-appoġġ ta’ miżuri nazzjonali, għandu jkollu rwol prominenti fl-investiment f’teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli ġodda u fl-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jieħu wkoll azzjonijiet innovattivi biex tiġi adottata perspettiva iktar iffokata fuq l-effiċjenza fl-enerġija;

39.

Jenfasizza l-irwol strateġiku li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE, b’mod partikulari fil-livell reġjunali u lokali, biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-appoġġ istituzzjonali meħtieġ għall-inizjattivi ta’ effiċjenza fl-enerġija, kif imsemmi fid-Direttiva 2006/32/KE; jirrakkomanda it-tisħiħ ta’ kampanji kapillari ta’ tagħrif u edukazzjoni, pereżempju permezz tal-użu ta’ tikketti tal-effiċjenza fl-enerġija li jinftiehmu malajr, u inizjattivi pilota relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll taħriġ fit-territorji ta’ dawn l-awtoritajiet reġjunali u lokali bil-għan li titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini u jinbidlu d-drawwiet;

40.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni rigward l-effiċjenza fl-enerġija, li jiffokaw fuq l-effiċjenza fil-bini, kemm pubbliku kif ukoll privat, kif ukoll biex jikkonvinċu lill-pubbliku li l-effiċjenza fl-enerġija tista’ twassal għal tfaddil ġenwin ta’ flus;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti analiżi dettaljata tal-ewwel parti tal-pjanijiet kollha li ġew mogħtija sabiex issib x’inhuma r-raġunijiet għad-dewmien u tieħu azzjoni qawwija kontra dewmien ieħor u ommissjonijiet oħra li jistgħu jsiru;

42

Jitlob li l-Kummissjoni Ewropea teżamina, fil-livell Komunitarju u f’dak ta’ Stat Membru, il-konsistenza ta’ kull politika settorjali mal-objettivi tal-effiċjenza enerġetika, u f’dan il-kuntest iqis li huwa indispensabbli li jsir eżami mill-ġdid dettaljat tal-iskemi tal-għajnuna Komunitarja;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-proporzjon tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni b’mod sinifikanti, allokati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (16) għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fid-djar attwali, u biex l-Istati Membri jieħdu vantaġġ minn din l-għażla;

44.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni b’mod partikulari sabiex jużaw Fondi Strutturali biex iniedu fit-territorji tagħhom netwerks tematiċi fil-qafas tal-Azzjoni Miftiehma sabiex ikunu infurmati dwar prattiki f’reġjuni oħra tal-UE rigward l-użu effiċjenti tal-enerġija u sabiex jiskambjaw kompetenzi u esperjenza f’dan il-qasam;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni biex għall-perjodu li jmiss tal-Fondi Strutturali tappoġġja l-promozzjoni ta’ objettivi ta’ effiċjenza fl-enerġija, issaħħaħ il-kriterji prijoritarji marbuta ma’ dawn l-għanijiet u tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti u teknoloġiji biex jekonomizzaw l-enerġija u li jkattru l-użu effiċjenti ta’ din l-enerġija, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ sħubijiet, fi proġetti bħalma huma r-rinnovazzjoni ta’ bini, il-modernizzazzjoni tad-dawl fit-toroq, it-trasport ekoloġiku, il-modernizzazzjoni ta’ stallazzjonijiet għal tisħin urban u l-produzzjoni ta’ tisħin u elettriku;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri li hemm bżonn biex l-Istati Membri jkollhom kapaċità istituzzjonali biex jippreparaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali b’mod effettiv, inklużi l-monitoraġġ uffiċċjali u l-kontroll tal-kwalità tal-miżuri individwali, inter alia dawk l-obbligi relatati maċ-ċertifikati tal-enerġija tal-bini u li jappoġġjaw l-edukazzjoni pubblika u programmi ta’ taħriġ fl-effiċjenza tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-dejta pubblika tal-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija fl-Istati Membri u/jew tal-elementi kritiċi għall-applikazzjoni tagħhom;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal mudell, metodoloġija u proċess ta’ evalwazzjoni armonizzati għall-NEEAPs; jinnota li dan se jnaqqas it-toqol amministrattiv minn fuq l-Istati Membri, u jiżgura li l-NEEAPs ikollhom sistemi sodi u jiffaċilitaw l-analiżi komprensiva; jemmen li dan il-mudell u l-metodoloġija armonizzati għandhom bżonn ta’ kapitli għal kull settur u għandu jiddistingwi b’mod ċar bejn il-politiki u l-azzjonijiet tal-effiċjenza tal-enerġija li kienet adottata qabel mill-Istati Membri minn naħa waħda, u linji politiċi ġodda u addizzjonali u azzjonijiet min-naħa l-oħra; jiġbed l-attenzjoni lejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva proposta fil-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli; jisħaq li l-iċċekkjar mill-Kummissjoni u jekk ikun hemm bżonn ir-rifjut tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali fil-mument li dawn jiġu ppreżentati jiżgura kwalità ta’ implimentazzjoni aħjar fl-aħħar mill-aħħar; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u li jkun hemm rapporti magħmula skont strumenti leġiżlattivi varji marbuta mal-għanijiet dwar il-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika diversi drabi l-NEEAPs mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali oħra bħalhom u r-rapporti, inklużi dawk ippreżentati b’konnessjoni mal-Protokoll ta’ Kjoto u d-dokumenti tal-Qafas ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali tal-Fondi Strutturali;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa prinċipji komuni għal metodi biex jitkejjel l-iffrankar tal-enerġija rigward il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jinnota li l-ħtieġa għall-kwantifikazzjoni u għall-verifika tal-iffrankar tal-enerġija b’riżultat tat-titjib fil-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija mhijiex biss ta’ interess fl-ambitu tad-Direttiva 2006/32/KE iżda wkoll rigward il-kejl tal-ksib tal-għan ta’ 20 % fl-iffrankar tal-enerġija għall-2020 u għanijiet oħra għall-iffrankar tal-enerġija fil-ġejjieni;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-NEEAPs jippreżentaw strateġija ċara u konġunta u b’mod partikulari li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/91/KE, inkluż kull tfassil mill-ġdid sussegwenti, għandu jkun integrat fl-NEEAPs sabiex huma jkunu jistgħu jipproponu miżuri li jkunu verament addizzjonali fuq it-titjib mitlub diġà mill-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja eżistenti fl-effiċjenza tal-enerġija;

50.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinsisti li n-NEEAPs juru biċ-ċar kif għandu jintlaħaq l-obbligu skont id-Direttiva 2006/32/KE għas-settur pubbliku li għandu rwol eżemplari u jekk hemm bżonn, biex tagħmel proposta għal leġiżlazzjoni Komunitarja li tkun tiżgura l-irwol ewlieni tas-settur pubbliku fil-qasam tal-investimenti fl-effiċjenza;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina modi possibbli kif jissaħħu l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku b’sett ta’ kundizzjonijiet dwar l-effiċjenza enerġetika, li għandhom jintlaħqu billi l-prodotti favur l-ambjent jingħataw prijorità f’kuntratti pubbliċi, inkluża l-applikazzjoni mandatorja għall-istandards effiċjenti fl-enerġija u l-inklużjoni mandatorja tal-ispejjeż tal-enerġija fiċ-ċiklu tal-ħajja fl-evalwazzjoni tal-investimenti; jenfasizza li fil-livelli kollha tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu minn tal-ewwel li jagħtu eżempju permezz tal-implimentazzjoni tal-Akkwist Pubbliku favur l-Ambjent fil-proċeduri tagħhom u l-promozzjoni ta’ prattiki li jekonomizzaw l-enerġija fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja r-riżorsi Komunitarji ddedikati għar-riċerka u l-iżvilupp sabiex tqawwi r-riżorsi ddedikati għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-perspettiva finanzjarja li jmiss;

53.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m’adottawx il-pjan nazzjonali tagħhom ta’ effiċjenza fl-enerġija biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dak il-qasam;

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 394, 17.12.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.

(3)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

(4)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

(5)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(6)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(7)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 24.

(8)  ĠU L 39, 13.2.2008,p. 1.

(9)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(10)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(11)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 273.

(12)  ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 876.

(13)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(14)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(15)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(16)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.