25.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 76/16


Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
L-Ekonomija Soċjali

P6_TA(2009)0062

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (2008/2250(INI))

2010/C 76 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 48, 125 sa 130 u 136 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 fuq l-Istatut għal Soċjeta Koperattiva Ewropea (1), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2008 dwar proposta għal Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 (COM(2008)0042), id-dokument Mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Proposta għar-Rapport Konġunt (SEC(2008)0091), u r-Rapport tax-Xogħol Konġunt 2007/2008, kif approvat fil-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-13 sal-14 ta' Marzu 2008,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 1994 dwar l-ekonomija soċjali alternattiva (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 1998 dwar l-irwol tal-koperattivi fit-tkabbir tal-impjieg tan-nisa (6),

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (7),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd (8),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, li jinkludi l-faqar tat-tfal, fl-UE (9),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (COM(2004)0018),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 1997 dwar il-Promozzjoni tal-Irwol tal-Organizzazzjonijiet Volontarji u l-Fondazzjonijiet fl-Ewropa (COM(1997)0241) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Lulju 1998 dwar dan (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni tas-7 ta' April 2000 dwar Azzjoni Lokali għall-Impjiegi: Dimensjoni lokali għall-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi (COM(2000)0196),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2001 dwar it-Tisħiħ tad-dimensjoni lokali tal-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi (COM(2001)0629) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Lulju 2002 dwar dan (11),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-ekonomija soċjali, b'mod partikulari dawk tal-Ekonomija Soċjali u s-Suq Wieħed (12), id-diversifikazzjoni ekonomika f'pajjiżi kandidati – l-irwol tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u impriżi tal-ekonomija soċjali (13) u l-Ħila tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u l-impriżi soċjali ekonomiċi biex jadattaw għat-tibdiliet imposti minn tkabbir ekonomiku (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali (15),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-ġejjieni (16),

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-aġenda soċjali Mġedda: Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21 (COM(2008)0412),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar “Impenn imġedded għall-Ewropa soċjali: Insaħħu l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u għall-Inklużjoni Soċjali” (COM (2008)0418) u l-ewwel Rapport Biannwali dwar Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali (SEC (2008) 2179/2) tal-istess data,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomici u Monetarji (A6-0015/2009),

A.

billi l-mudell soċjali Ewropew huwa mibni prinċipalment fuq livell għoli ta' servizzi, beni u impjiegi ġġenerati mill-ekonomija soċjali bl-appoġġ tal-kapaċitajiet tat-tbassir u l-innovazzjoni żviluppati mill-promoturi tiegħu,

B.

billi l-ekonomija soċjali hija bbażata fuq mudell soċjali li huwa konformi mal-prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali u tar-riżq Ewropew, u billi llum l-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni fil-preservazzjoni u fit-tisħiħ ta' dan il-mudell permezz tal-aġġustament tal-produzzjoni u l-provvista ta' ħafna servizzi soċjali ta' interess ġenerali,

C.

billi l-mudelli soċjali ekonomiċi konsegwentament għandhom jiġu mtejba biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tkabbir ekonomiku, l-impjegabilità, it-taħriġ u s-servizzi personali, li jinstabu fil-linji politiċi kollha tal-UE,

D.

billi l-ġid u l-istabilità ta’ soċjetà jiġu mid-diversità tagħha, u billi l-ekonomija soċjali tikkontribwixxi b'mod attiv għaliha billi ttejjeb u ssaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew u billi tipprovdi mudell distintiv ta' negożju, li jagħti l-possibilità lill-ekonomija soċjali biex tikkontribwixxi għal tkabbir stabbli u sostenibbli,

E.

billi l-valuri tal-ekonomija soċjali huma konsistenti ħafna mal-għanijiet komuni tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali u billi l-impjieg deċenti, it-taħriġ u l-integrazzjoni mill-ġdid għandhom ikunu marbuta ma' dawn; billi l-ekonomija soċjali wriet li tista' ttejjeb ħafna l-status soċjali tan-nies żvantaġġati (kif intwera, pereżempju, mill-koperattivi tal-mikrokrediti mfassla mir-rebbiegħ tal-Premju Nobel, il-Professur Mohammed Yunus, li, permezz tal-iffaċilitar tal-inklużjoni finanzjarja, żied l-influwenza tan-nisa) u li għandha kapaċità sostanzjali għall-innovazzjoni soċjali, li tagħti appoġġ lil dawk in-nies li jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu soluzzjonijiet għall-problemi soċjali tagħhom stess, per eżempju fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u privata tagħhom, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kwalità tal-ħajja tal-familja, u l-kapaċità tagħhom li jieħdu ħsieb it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità,

F.

billi l-ekonomija soċjali tirrappreżenta 10 % tat-total tan-negozji Ewropej, b'żewġ miljun intrapriża jew 6 % tal-impjieg totali, u għandha potenzjal għoli biex tiġġenera u żżomm impjieg stabbli, b'mod partikulari minħabba l-fatt li dawk l-attivitajiet, fix-xorta tagħhom, aktarx li ma jkunux delokalizzati,

G.

billi l-impriżi tal-ekonomija soċjali normalment huma impriżi żgħar u ta' daqs medju li jikkontribwixxu għall-mudell ekonomiku sostenibbli, li taħtu l-individwi huma aktar importanti mill-kapital, u billi dawn l-impriżi ta' spiss huma attivi fis-suq intern u għaldaqstant għandhom bżonn jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi,

H.

billi l-ekonomija soċjali żviluppat minn formazzjonijiet organizzattivi u/jew ġuridiċi ta’ imprenditorjat partikulari bħall-koperattivi, is-soċjetajiet reċiproċi, l-assoċjazzjonijiet, l-impriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u entitajiet oħra f'kull Stat Membru; billi din tkopri sensiela ta’ kunċetti wżati f'diversi Stati Membri differenti bħal “ekonomija ta’ solidarjetà” u “it-tielet settur”, u għalkemm dawk il-kunċetti mhumiex meqjusa li jagħmlu parti mill-ekonomija soċjali fl-Istati Membri kollha, hemm attivitajiet kumparabbli li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jeżistu madwar l-Unjoni Ewropea kollha,

I.

billi hemm bżonn li jiġi rikonoxxut l-istatut ta’ xi tipi ta' organizzazzjoni li jifformaw parti mill-ekonomija soċjali fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-regoli tas-suq intern, sabiex jitnaqqas ix-xkiel burokratiku fil-ksib ta’ fondi Komunitarji,

J.

billi l-ekonomija soċjali tagħti prominenza lill-mudell ta’ negozju li ma jistax jiġi kkaratterizzat la mill-kobor u lanqas miz-zoni ta’ attivitajiet, imma mir-rispett għall-valuri komuni, fosthom, is-supremazija tad-demokrazija, il-parteċipazzjoni tal-partijiet soċjali involuti, u l-għanijiet individwali u soċjali fuq il-profitt; id-difiza u t-twettiq ta’ prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ responsabilità; l-għaqda tal-interessi tal-membri utenti tagħha flimkien mal-interess ġenerali; il-kontroll demokratiku mill-membri tagħha; l-adeżjoni volontarja u miftuħa; l-awtonomija tal-immaniġġjar u l-indipendenza fir-rigward ta' awtoritajiet pubbliċi; u l-allokazzjoni tal-massa ta' dak li jkun żejjed għal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u għas-servizz għall-membri tagħha skont l-interess ġenerali,

K.

billi, minkejja ż-żieda fl-importanza tal-ekonomija soċjali u tal-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnha, din għadha ftit li xejn magħrufa u dan huwa ta' spiss il-mira tal-kritika li hija r-riżultat ta' approċċi tekniċi żbaljati; u billi n-nuqqas ta' viżibilità istituzzjonali hija waħda mill-aktar ostakli importanti li l-ekonomija soċjali taffaċċja fl-UE u f'xi Stati Membri, li minn parti hija dovuta għall-karatteristiċi partikolari tas-sistemi nazzjonali tal-kontabilità,

L.

billi l-intergrupp dwar l-ekonomija soċjali tal-Parlament wettaq xogħol dettaljat,

Rimarki ġenerali

1.

Jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol essenzjali fl-ekonomija Ewropea, billi tgħaqqad il-profitt mas-solidarjetà, toħloq impjiegi ta' kwalità għolja, issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali, tiġġenera kapital soċjali, tippromwovi ċittadinanza attiva, solidarjetà u tip ta' ekonomija b'valuri demokratiċi li tqiegħed lill-persuni fl-ewwel post, kif ukoll tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni soċjali, ambjentali u teknoloġika;

2.

Jikkunsidra l-ekonomija soċjali bħala importanti kemm simbolikament kif ukoll f'termini ta' prestazzjoni, bl-għan li tissaħħaħ id-demokrazija industrijali u ekonomika;

3.

Jagħraf li l-ekonomija soċjali tista' tmur għall-aħjar u tiżviluppa l-potenzjal kollu tagħha biss ikollha l-ħila tgawdi minn kundizzjonijiet u prerekwiżiti politiċi, leġiżlattivi u operazzjonali xierqa, li jqisu kif xieraq il-ġid tad-diversità fost l-istituzzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom;

4.

Jikkunsidra li impriżi tal-ekonomija soċjali ma għandhomx ikunu soġġetti għall-istess applikazzjoni tar–regoli tal-kompetizzjoni bħal impriżi oħra u li jeħtieġu qafas legali sikur ibbażat fuq l-għarfien tal-valuri speċifiċi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu joperaw fuq l-istess livell ta’ impriżi oħra bħal dawn;

5.

Jenfasizza l-fatt li sistema ekonomika li fiha l-impriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rwol aktar sinifikanti tnaqqas l-espożizzjoni għall-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji li fihom xi kumpaniji privati mhumiex soġġetti għas-superviżjoni tal-azzjonisti u tal-korpi regolatorji;

Ir-rikonoxximent tal-kunċett tal-ekonomija soċjali

6.

Jinnota li d-diversità fil-forom intraprenditorjali ġiet rikonoxxuta fit-Trattat KE u bl-adozzjoni tal-Istatut għal soċjetà koperattiva Ewropea;

7.

Jinnota li l-Kummissjoni rrikonoxxiet diversi drabi l-kunċett tal-ekonomija soċjali;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-ekonomija soċjali fil-politiki l-ġodda tagħha u biex tiddefendi l-kunċett ta' “approċċ differenti għall-intraprenditorjat” tal-ekonomija soċjali, li huwa mmexxi b'mod ewlieni mhux mill-profitt iżda mill-għan tal-benefiċċju soċjali, biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi partikulari tal-ekonomija soċjali jiġu kkunsidrati kif suppost fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni;

9.

Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekonomija soċjali u l-partijiet involuti tagħha - il-koperattivi, is-soċjetajiet reċiproċi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet – fil-leġiżlazzjoni u l-politiki; jissuġġerixxi li dawn il-miżuri jinkludu aċċess faċli għall-kreditu u l-eżenzjoni tat-taxxa, l-iżvilupp ta' mikrokrediti, it-twaqqif ta' statuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, il-fundazzjonijiet u s-soċjetajiet reċiproċi, kif ukoll fondi u inċentivi tal-UE mfasslin apposta biex jagħtu sostenn aħjar lill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li joperaw fis-setturi kummerċjali u f'dawk mhux kummerċjali, li huma maħluqa għall-iskop ta' utilità soċjali;

Ir-rikonoxximent legali: l-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet reċiproċi

10.

Jinnota li hemm il-bżonn tar-rikonoxximent tal-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, soċjetajiet reċiproċi u fondazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-impriżi tal-ekonomija soċjali jibbenefikaw minn trattament ugwali fil-liġi tas-suq intern; iqis li l-irtirar tal-proposti tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut għal assoċjazzjoni Ewropea u għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut għal soċjeta Ewropea għas-self (KUMM(1991)0273) huwa intopp sinifikanti għall-iżvilupp ta' dawn il-forom ta' ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-programm ta' ħidma tagħha kif xieraq;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi r-rapport ta' vijabilità dwar l-Istatut tal-fondazzjoni Ewropea u li kellu jiġi ppubblikat sat-tmiem tas-sena 2008 u biex tniedi studju ta’ impatt tal-Istatuti għall-assocjazzjoni Ewropea u għal socjetà Ewropea reċiproka;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas legali li jirrikonoxxi l-komponenti ta' l-ekonomija soċjali;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kumpanija privata Ewropea tkun tip ta' kumpanija li tista' tiġi adottata minn kull tip ta' negozju;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula regoli ċari biex jiġu identifikati liema entitajiet jistgħu joperaw b'mod legali bħala impriżi ta’ ekonomija soċjali u biex jiġu introdotti limiti legali effikaċi għad-dħul biex ebda organizzazzjoni li mhijiex tal-ekonomija soċjali ma tkun tista’ tibbenefika minn finanzjament maħsub biex jinkoraġġixxi impriżi tal-ekonomija soċjali;

Ir-rikonoxximent statistiku

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' reġistri nazzjonali tal-istatistika għall-impriżi tal-ekonomija soċjali, biex iniedu rendikont nazzjonali bis-satellita għal kull settur istituzzjonali u kull fergħa ta’ attività u biex jippermettu l-kollazzjoni ta’ din id-data fl-Eurostat, wkoll permezz tal-użu tal-kompetenzi disponibbli fl-universitajiet;

16.

Jinnota li l-kejl tal-ekonomija soċjali huwa kumplimentari għall-kejl tal-istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-użu tal-Manwal tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Istituzzjonijiet ta' Mingħajr Qligħ fis-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali u biex jippreparaw rendikonti satellita li jtejbu l-viżibilità tal-Istituzzjonijiet Mingħajr Qligħ u tal-organizzonazzjonijet tal-ekonomija soċjali;

Ir-rikonoxximent bħala msieħeb soċjali

17.

Jappoġġja l-fatt li l-komponenti tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu rikonoxxuti fis-settur tad-djalogu settorjali u inter-settorali tal-UE u jissuġġerixxi li l-proċess għall-inklużjoni tal-protagonisti tal-ekonomija soċjali fil-konsultazzjonijiet soċjali u d-djalogu ċivili għandhom ikunu mħeġġa bil-qawwa kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri;

L-ekonomija soċjali bħala operatur ewlieni għat-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona

18.

Jinnota li l-impriżi u l-organizzazzjonijiet ekonomiċi soċjali jgħinu biex isaħħu l-ispirtu intraprenditorjali, jiffaċilitaw aktar it-tħaddim demokratiku tan-negozju dinji, jinkorporaw ir-responsabilità soċjali u jippromwovu l-integrazzjoni attiva soċjali ta' kategoriji vulnerabbli;

19.

Jenfasizza li dawk li jħaddmu fl-ekonomija soċjali huma protagonisti sinifikanti tal-inklużjoni mill-ġdid, u jistieden l-isforzi tagħhom biex joħolqu u jżommu mpjiegi ta' kwalità għolja, tajbin u stabbli u biex jinvestu fil-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jsaħħu l-ekonomija soċjali fl-irwol tagħha bħala impjegatur tajjeb u biex jirrispettaw l-istejtus speċjali tagħha;

20.

Jenfasizza li l-ekonomija soċjali tgħin biex tirretifika tliet żbilanċji ewlenin tas-suq tax-xogħol: il-qgħad, in-nuqqas ta' stabilità tax-xogħol u l-esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol ta' dawk mingħajr impjieg; barra minn hekk jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol fit-titjib tal-opportunitajiet tax-xogħol u fil-ħolqien ta' impjiegi li normalment mhumiex deċentralizzati, li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona;

21.

Iqis li l-appoġġ tal-Istati Membri għall-impriżi tal-ekonomija soċjali għandu jiġi interpretat bħala investiment ġenwin fil-ħolqien ta’ netwerks ta’ solidarjetà li jistgħu jsaħħu l-irwol tal-komunitajiet u tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta’ politiki soċjali;

22.

Iqis li l-problemi soċjali jitolbu li ssir riflessjoni, iżda li fiċ-ċirkustanzi attwali l-aktar li hemm bżonn tagħha hija l-azzjoni; iqis li l-biċċa l-kbira tal-problemi soċjali għandhom jiġu ttrattati b’soluzzjonijiet lokali, biex jingħelbu sitwazzjonijiet u problemi prattiċi; iqis li, sabiex tkun effettiva, tali azzjoni teħtieġ regoli stretti ta’ koordinazzjoni, li jkun ifisser livell għoli ta’ koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi tal-ekonomija soċjali;

23.

Jinnota li, minħabba li huma marbuta mill-qrib mal-livell lokali, l-impriżi ekonomiċi soċjali jippermettu l-ħolqien ta' rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-entitajiet rappreżentattivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u jistgħu jikkontribwixxu għall-governanza tal-UE li tkun effikaċi għall-koeżjoni soċjali; jistma b'mod favorevoli ħafna l-isforzi tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet ekonomiċi soċjali biex jiffurmaw rwieħhom fi gruppi fi ħdan pjattaformi ta’ koordinazzjoni fuq livell tal-UE;

24.

Jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona rigward it-tkabbir sostenibbli u l-impjieg totali, minħabba li din tibbilanċja l-ħafna żbilanċji fis-suq tax-xogħol, b'mod partikulari billi tappoġġja l-impjieg tan-nisa, u twaqqaf u tipprovdi servizzi ta' kura fil-komunità (bħalma huma s-servizzi soċjali, tas-saħħa u l-benessri), flimkien mal-ħolqien u ż-żamma tal-binja ekonomika tas-soċjetà, u għaldaqstant tgħin fil-promozzjoni tal-iżvilupp lokali u tal-koeżjoni soċjali;

25.

Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tistabbilixxi qafas għall-aġenda ekonomika soċjali ladarba din issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni lokali u tal-UE, minħabba l-abilità tal-ekonomija soċjali li toħloq stabbiltà fil-kuntest ta' ekonomiji eminenti ċikliċi, permezz tad-distribuzzjoni u l-investiment mill-ġdid tal-profitti lokalment, fejn ikun xieraq, billi tiġi promossa kultura intraprenditorjali li torbot l-attivitajiet ekonomiċi mal-bżonnijiet lokali, issostni l-attivitajiet li jinsabu f'riskju (eż. is-snajja') u tiġġenera l-kapital soċjali;

26.

Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi fis-settur biex jevalwaw u jsaħħu l-irwol tan-nisa fl-ekonomija soċjali, kemm f'termini kwantitattivi, minħabba r-rati għolja ta' impjieg tan-nisa fl-oqsma kollha tas-settur, li jinkludi l-assoċjazzjonijiet u x-xogħol volontarju, u fir-rigward tal-aspetti tal-kwalità u l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-provvista tas-servizzi; jinsab imħasseb dwar il-problema persistenti tal-integrazzjoni vertikali, anke fl-ekonomija soċjali, li tillimita l-partiċepazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

27.

Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u l-operaturi fis-settur biex jinkoraġixxu u jappoġġjaw is-sinerġiji potenzjali li jistgħu jiġu ġġenerati fis-settur tas-servizzi mill-partijiet involuti u l-utenti tal-ekonomija soċjali billi jiġi mwessa' l-iskop tal-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u r-responsabilità reċiproka;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-realtajiet tal-ekonomija soċjali meta tiġi eżaminata l-politika dwar l-għajnuna Statali, minħabba li negozji u organizzazzjonijiet żgħar li joperaw fil-livell lokali jiltaqgħu ma' diffikultajiet konsiderevoli fl-assessjar tal-fondi, b'mod partikulari matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex ma timpedixxix il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji jew id-dispożizzjonijiet fiskali bħal dawk applikati għall-koperattivi fis-settur bankarju u fis-settur tad-distribuzzjoni li joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji reċiproċi, id-demokrazija tal-kumpaniji, it-trażmissjoni tal-assi ta' bejn il-ġenerazzjnonijiet, l-indiviżibilità tar-riżervi, is-solidarjetà, l-etika tax-xogħol u l-etika tan-negozju;

29.

Jenfasizza l-fatt li xi wħud mill-impriżi tal-ekonomija soċjali huma mikro-impriżi jew negozji żgħar li jista' ma jkollhomx il-mezzi meħtieġa biex jiffunzjonaw fis-suq intern u biex jieħdu sehem fi programmi nazzjonali u Ewropej u jipproponi li l-appoġġ u l-għodod fil-mira jiġu introdotti biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu aħjar għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex tiffaċilita, f'każ ta' kriżi tan-negozju, il-possibilità li jkun hemm trasformazzjoni ta’ negozji f’impriżi fejn il-ħaddiema huma s-sidien;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi diretti lejn impriżi soċjali potenzjali u eżistenti li joffru appoġġ finanzjarju, tagħrif, parir u taħriġ u biex iħaffu l-proċess tat-twaqqif (li jinkludu t-tnaqqis tal-ħtiġijiet kapitali inizjali għall-kumpaniji), sabiex jgħinuhom ilaħħqu ma' ekonomija li hija dejjem aktar globali u li bħalissa hija affetwata mill-kriżi finanzjarja;

31.

Jenfasizza li l-impriżi tal-ekonomija soċjali jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet milli jiltaqgħu magħhom impriżi kbar, pereżempju biex ilaħħqu mal-piżijiet regolatorji, biex jiksbu l-finanzjament u l-aċċess għal teknoloġija u informazzjoni ġdida;

32.

Jirreferi għall-importanza ta' ekonomija soċjali fir-rigward ta' servizzi ta' interess ġenerali; jirreferi għall-valur miżjud ipprovdut minn netwerks integrati pubbliċi-privati, kif ukoll għar-riskju tal-isfruttament, pereżempju f'forma ta' kuntratti minn barra biex jgħinu l-awtoritajiet pubbliċi jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom, mhux l-anqas billi jagħmlu użu mill-kontibuzzjonijiet f’forma ta’ xogħol volontarju;

33.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bil-ħidma tagħha ta' djalogu u kjarifika mal-partijiet ikkonċernati u biex jappoġġja l-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali u biex tagħmel użu mill-metodu ta' “ġabra ta' indikaturi”;

Ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu milħuqa l-għanijiet

34.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jitqiesu l-karatteristiċi tal-ekonomija soċjali (l-għanijiet, il-valuri u l-metodi ta' ħidma tagħha) meta jitfasslu linji politiċi tal-UE u, b'mod partikulari, biex tiġi nkluża l-ekonomija soċjali fil-politiki u l-istrateġiji tagħha fl-isfera soċjali, ekonomika, u l-iżvilupp tan-negozju, b'mod partikulari fir-rigward ta' “L-Att għall-impriżi ż-żgħar”D għall-Ewropa (COM(2008)0394); jitlob li, meta l-ekonomija soċjali tiġi affettwata, isiru l-evalwazzjonijiet tal-impatt u jiġu rispettati l-interessi tal-ekonomija soċjali u jingħataw prijorità; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tħares għal darba'oħra lejn il-possibilità li titwaqqaf interservizz għall-ekonomija soċjali li jgħaqqad id-direttorati ġenerali rilevanti;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-Osservatorju tal-Impriżi żgħar u medji Ewropej jinkludu b'mod sistematiku impriżi tal-ekonomija soċjali fl-istħarriġ tagħha u biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet għall-miżuri biex jassistu l-funzjonament u l-iżvilupp tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tippermetti l-għaqda flimkien tal-impriżi tal-ekonomija soċjali u biex tippromwovi l-appoġġ tan-netwerks tan-negozji elettroniċi Ewropej;

36.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali żgħar u ta' daqs medju li jixtiequ jnaqqsu d-dipendenza fuq l-allokazzjonijiet u jkabbru s-sostenibilità;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistieden lill-partiċipanti fl-ekonomija soċjali ħalli jingħaqdu fi djalogu ma' entitajiet permanenti u biex jipparteċipaw u jaħdmu flimkien ma' gruppi ta' esperti ta' livell għoli li għandhom possibilità li jkollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet relatati mal-ekonomija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fit-tisħiħ ta' strutturi għar-rappreżentazzjoni tal-ekonomija soċjali fil-livell reġjonali, nazzjonali u Komunitarju u biex toħloq qafas legali maħsub biex jippromwovi sħubija attiva bejn l-awtoritajiet lokali u l-impriżi tal-ekonomija soċjali;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi djalogu bejn l-aġenziji pubbliċi u rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali fil-livell nazzjonali u Komunitarju u għaldaqstant tinkoraġġixxi ftehim reċiproku u tippromwovi prattiki tajba;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-grupp ta' riflessjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta' banek koperattivi mill-assoċjazzjoni tas-settur jew tas-servizzi oħra finanzjarji li jistgħu jkunu ta' interess għall-organizzazzjonijiet soċjali ekonomiċi li jkunu jistgħu jistudjaw kif dawn l-entitajiet speċifiċi tal-ekonomija soċjali ħadmu sa issa fl-UE, b'mod partikulari matul il-kriżi finanzjarja u tal-kreditu globali attwali, u kif dawn iwarrbu riskji ġejjienin ta' dan it-tip;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-attivazzjoni mill-ġdid tal-baġit li qed jimmira b'mod speċifiku għall-ekonomija soċjali;

41.

Jitlob għat-twaqqif ta' programmi li jinkoraġixxu l-proċess ta' esperimenti tal-mudelli ġodda ekonomiċi u soċjali, biex jibdew qafas ta' programmi ta' riċerka, billi jinkludu suġġetti tal-ekonomija soċjali fis-sejħiet għall-proposti għas-Seba' Programm ta' Qafas, biex jiġi previst l-użu ta’ “effett multiplu” applikat fuq l-istatistiċi uffiċjali u biex jiġu introdotti għodod għall-kejl ta' tkabbir ekonomiku mil-lat kwalitattiv u kwantitattiv;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu dimensjoni tal-ekonomija soċjali fit-twaqqif ta' politiki Komunitarji u nazzjonali u fil-programmi tal-UE għall-impriżi fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, il-finanzi, l-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp tal-koperazzjoni, u biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ tal-ekonomija soċjali għall-amministraturi tal-UE, nazzjonali u lokali u biex jiżguraw l-aċċess tal-impriżi tal-ekonomija soċjali għall-programmi u azzjonijiet għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet esterni;

43.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu proviżjoni għall-proġetti ta' taħriġ li jinvolvu l-edukazzjoni ogħla, l-università u t-taħriġ vokazzjonali maħsuba biex joħolqu kuxjenza dwar l-ekonomija soċjali u l-inizjattivi tan-negozju bbażati fuq il-valuri tagħha;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-professjonaliżmu fis-settur, sabiex jitkabbar l-irwol tal-ekonomija soċjali fl-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq qafas legali tal-UE li jippermetti t-twaqqif u ż-żamma ta' sħubija territorjali bejn is-settur tal-ekonomija soċjali u l-awtoritajiet lokali, u biex tistipula kriterji bl-għanijiet tar-rikonoxximent u t-titjib tal-ekonomija soċjali, it-trawwim ta’ żvilupp lokali sostenibbli, u l-promozzjoni tal-interess ġenerali;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmira għall-kondizzjonijiet li jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija soċjali, b'mod partikulari permezz tal-fondi ta' investiment, self garantit u sussidji;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid:

tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-propozzjoni ta' soċjetajiet koperattivi fl-Ewropa u r-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal soċjeta Koperattiva Ewropea, kif hemmhekk stipulat;

tal-Kommunikazzjoni tagħha dwar il-promozzjoni tal-irwol tal-organizzazzjonijiet u l-fondazzjonijiet volontarji fl-Ewropa;

*

* *

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali.


(1)  ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(4)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.

(5)  ĠU C 205, 25.7.1994, p. 481.

(6)  ĠU C 313, 12.10.1998, p. 234.

(7)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0286.

(8)  ĠU C 102 Ε, 24.4.2008, p. 321.

(9)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0467.

(10)  ĠU C 226, 20.7.1998, p. 66.

(11)  ĠU C 271E, 12.11.2003, p. 593.

(12)  ĠU C 117, 26.4.2000, p. 52.

(13)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 105.

(14)  ĠU C 120, 20.5.2005, p. 10.

(15)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0131.

(16)  ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 141.