18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/31


In-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali

P6_TA(2009)0039

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali (2008/2118(INI))

(2010/C 67 E/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 141 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Politika Soċjali, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000, dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f'dik familjari (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000, dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali” (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004, dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjari u privata (3),

wara li kkunsidra l-patt Ewropew għaż-żgħażagħ adottat mill-Kunsill Ewropew li ltaqa' fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006, bit-titolu “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa - il-bidla ta' sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar qafas regolatorju għall-miżuri ta' konċiljazzjoni tal-ħajja familjari u tal-perjodu ta' studju għan-nisa żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titolu “Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet” (COM(2007)0244),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2007 (7),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa: fatti u ċifri” (SEC(2007)0638),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa (8),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2008 (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi (A6-0492/2008),

A.

billi n-nisa u l-irġiel huma ugwali f'termini kemm tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tad-drittijiet u l-obbligi,

B.

billi t-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji li fuqu msawra s-sistema legali u, għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat u rrispettat kull meta jiġu interpretati u infurzati l-liġijiet,

C.

billi għad fadal lakuni konsiderevoli bejn in-nisa u l-irġiel fl-aspetti l-oħrajn kollha tal-kwalità tax-xogħol, pereżempju fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata; billi r-rata tal-impjieg għan-nisa bi tfal dipendenti hija ta' 62.4% biss, meta mqabbla mar-rata ta' 91.4% għall-irġiel; billi 76.5% tal-ħaddiema fuq bażi “part-time” huma nisa,

D.

billi l-Istrateġija ta' Liżbona għandha l-għan li tiżgura li 60% tan-nisa li kapaċi jaħdmu jkollhom impjieg; billi l-objettivi kwalitattivi u kwantitattivi tal-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għax-Xogħol il-ġodda (10) – speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg tan-nisa u tal-adulti –huma determinati mill-għarfien li, mil-lat ta' sostenibilità, ma jistax jiġi tollerat li jinħlew dawn ir-riżorsi u l-potenzjal li jirrapreżentaw kif ukoll mill-għarfien li l-istabilità tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali tinsab fil-periklu,

E.

billi l-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, diretta jew indiretta, abbażi tas-sessi, wisq anqas abbażi tal-maternità, tal-fatt li dak li jkun jerfa' responsabilitajiet familjari jew tal-istat ċivili,

F.

billi ċ-ċifri kkwotati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-12 ta' Ottubru 2006, juru li l-pajjiżi u r-reġjuni b'rata għolja ta' impjegati nisa u li għandhom sistemi tas-sigurtà soċjali, għandhom ukoll r-rata ogħla tat-twelid,

G.

billi t-tliet sfidi prinċipali tal-UE – il-bidliet demografiċi, il-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima – jesiġu solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ibbażata fuq patt b'ambitu wies' mhux biss bejn il-ġenerazzjonijiet, iżda wkoll bejn sessi,

H.

billi l-patt bejn is-sessi u l-ġenerazzjonijiet għandu jinbena fuq il-possibilità li wieħed ikun jista' jorganizza l-ħajja professjonali u dik privata tiegħu u li jkun jista' jilħaq kompromess bejn l-esiġenzi ekonomiċi u produttivi tax-xogħol professjonali u l-possibilità li jagħżel meta u għal liema impenji jiddedika lilu nnifsu, fi ħdan qafas ta' drittijiet u responsabilitajiet stipulati permezz ta' strumenti leġiżlattivi u kuntrattwali,

I.

billi r-responsabilità bejn il-ġenerazzjonijiet tirrikjedi approċċ proattiv tal-awtoritajiet pubbliċi u rwol ewlieni min-naħa tal-atturi soċjali kollha, sabiex ikunu garantiti servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u sistemi adegwati u suffiċjenti ta' għajnuna u sigurtà soċjali,

J.

billi l-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija marbuta ma' bidliet kulturali u ma' riformi mmirati lejn l-implimentazzjoni ta' politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u personali u politiki ta' tqassim mill-ġdid tal-irwoli; billi dawn il-politiki jikkonċernaw aspetti differenti iżda li huma relatati mill-qrib li jkopru firxa ta' miżuri li jvarjaw mit-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol, permezz tan-netwerking tas-servizzi mogħtija lil persuni, u li jinkludu l-bdil ta' kuntratti ta' xogħol “full time” f'kuntratti “part-time”, sal-użu tal-lif (tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri, tal-familja),

K.

billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt notevoli fuq il-ħajja personali u dik professjonali tal-persuni; billi l-iskarsezza tas-servizzi, il-livelli insuffiċjenti ta' ħlas, id-dħul bil-mod fis-suq tax-xogħol professjonali, is-serje twila ta' kuntratti bi skadenza fissa, l-inċentivi insuffiċjenti għal koppji żgħażagħ, huma xi wħud mir-raġunijiet li jwasslu liż-żgħażagħ sabiex jipposponu l-ħolqien ta' familja u l-prokreazzjoni; billi r-riġidità tal-organizzazzjoni tax-xogħol, id-diffikultà ta' dħul mill-ġdid ta' xi ħadd fis-suq tax-xogħol wara li jkun qatta' perjodu jagħmel xogħol ta' kura, irendu diffiċli l-għażla libera ta' konċiljazzjoni bħal dik tal-alternanza bejn ix-xogħol professjonali u x-xogħol familjari,

L.

billi n-nuqqas ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, prima facie u b'mod ġenerali, tikkonċerna mhux biss in-nisa/l-ommijiet iżda wkoll l-irġiel/il-missirijiet; billi l-azzjoni politika f'dan il-qasam m'għandhiex tiffoka aktar fuq in-nisa biss, u billi l-politiki Ewropej u nazzjonali minn issa 'l quddiem għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-abilitajiet tal-irġiel/missirijiet f'dan il-qasam,

M.

billi jeħtieġ li ssir riflessjoni dwar il-kunċett ta' diskriminazzjoni b'rabta max-xogħol ta' kura, f'dak li għandu x'jaqsam mal-fatt li dak li jkun jibbenefika mil-lif tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja, sabiex ikun verifikat jekk dawn id-diskriminazzjonijiet humiex forom ta' diskriminazzjoni marbutin mas-sess; billi jeħtieġ li jkun definit, f'livell Ewropew, il-kunċett ta' diskriminazzjoni multipla,

N.

billi l-kunċett ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet mhuwiex biss limitat għall-kura tat-tfal iżda huwa wkoll estiż għar-responsabilità għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, billi jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kapaċitajiet umani taċ-ċittadini kif ukoll għar-rispett tad-dinjità umana u għall-promozzjoni ta' din id-dinjità ma' ġenerazzjonijiet futuri,

O.

billi l-faqar m'għandux ikun fattur ta' diskriminazzjoni fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u anke l-ifqar familji jżommu rabtiet u huma attivi fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet,

P.

billi l-persuni li jiddedikaw il-ħin u l-kapaċitajiet tagħhom biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-edukazzjoni tagħhom, jew biex jieħdu ħsieb l-anzjani, għandu jkollhom rikonoxximent soċjali u dan jista' jsir billi dawn il-persuni jingħataw drittijiet individwali, partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet,

Q.

billi l-irwol edukattiv tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal u tal-ulied fir-rigward tal-anzjani u tal-persuni dipendenti u l-irwol tan-nisa u tal-irġiel bħala persuni li joffru kura lill-anzjani u lill-persuni dipendenti huma essenzjali biex iseħħ progress għall-ġid komuni u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-politiki trasversali, inklużi politiki għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu għażla libera illi jiddedikaw ħinhom kollu jew parti minnu għal din l-attività,

R.

billi, sa minn Ottubru 2003, il-Kummissjoni Ewropea bdiet twettaq mal-imsieħba soċjali dwar is-suġġett ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali; billi din il-konsultazzjoni li waslet fit-tieni fażi u li hija bbażata fuq l-importanza li jinstabu l-politiki u l-istrumenti li jippermettu li jinstab kompromess bejn xogħol ta' kwalità u r-responsabilitajiet ta' nisa u rġiel li jieħdu ħsieb persuni oħrajn,

S.

billi l-irġiel għandhom irwol importanti sabiex tkun tista' tinkiseb ugwaljanza ġenwina,

T.

wara li kkunsidra l-prinċipji ta' flessigurtà li japplikaw għan-nisa, kif definiti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-Prinċipji Komuni ta' Flessigurta' (11), u billi l-arranġamenti għall-ħinijiet tax-xogħol fil-parti l-kbira tal-Ewropa ma jidhrux li jipprovdu wisq appoġġ għall-persuni bit-tfal, u billi l-impjegati bit-tfal għandhom anqas possibilità li jaħdmu f'xogħol b'arranġamenti flessibbli ta' ħinijiet minn dawk mingħajr tfal (12),

U.

billi l-ekwilibriju ġust bejn pjanijiet familjari, ħajja privata u ambizzjonijiet professjonali jista' jintlaħaq biss jekk il-persuni kkonċernati jkollhom għażla ġenwinament ħielsa, f'termini ekonomiċi u soċjali, u jkunu appoġġjati permezz ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, mingħajr ma jiġu penalizzati, u jekk tkun teżisti l-infrastruttura meħtieġa,

V.

billi jeżisti riskju ta' xogħol “part-time”“sfurzat”, b'mod partikulari għan-nisa/ommijiet, għażla li ta' spiss tkun imposta minħabba n-nuqqas ta' strutturi aċċessibbli għall-kura tat-tfal, hekk kif jeżisti r-riskju li ma jitħallewx jibdlu xogħol fuq bażi “full-time” għal wieħed fuq bażi “part-time”, fatt li jrendi diffiċli jew impossibbli l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali,

1.

Jenfasizza li l-prinċipju ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huwa wieħed mill-fatturi strutturali ewlenin għall-mudell soċjali Ewropew; sabiex jinżamm dan il-prinċipju, jitlob approċċ attiv li għandu jittieħed mill-awtoritajiet pubbliċi f'livelli varji u li l-atturi soċjali kollha jkunu involuti fil-garanzija ta' servizzi ta' kwalità għolja ta' interess ġenerali għall-familji, għaż-żgħżagħ u għal dawk kollha li mhux kapaċi jmantnu lilhom infushom;

2.

Jinnota li l-politiki ta' kura u l-provvediment ta' servizzi tal-kura huma intrinsikament marbuta mal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jikkritika n-nuqqas ta' servizzi tal-kura bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, aċċessibbli ta' kwalità għolja fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, li huwa marbut mal-fatt li x-xogħol tal-kura mhux maqsum b'mod ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u dan għandu impatt negattiv fuq il-kapaċità tan-nisa li jipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika, kulturali u politika;

3.

Jenfasizza li l-faċilitajiet għall-kura tat-tfal ta' kwalità tajba u ekonomikament aċċessibbli, li joperaw f'ħinijiet adattati għall-ġenituri u għat-tfal kif ukoll strutturi għall-kura ta' kwalità tajba u ekonomikament aċċessibbli għandhom ikunu elementi ċentrali tal-mudell soċjali tal-UE u elementi prinċipali fl-iffaċilitar tal-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u impjieg bi ħlas, li jippermettulhom li jużaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiksbu indipendenza ekonomika;

4.

Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenji tagħhom, miftiehma fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002, li jeqirdu l-ostakli għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u li jintroduċu, sal-2010, kura tat-tfal għal 90% tat-tfal bejn l-età ta' tliet snien u l-età obbligatorja tal-iskola u għal tal-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' tliet snin; jistieden lill-Istati Membri biex iressqu miri simili għal faċilitajiet għall-kura għall-qraba anzjanni u morda;

5.

Jirreferi għall-iżbilanċ kbir bejn l-irġiel u n-nisa fil-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet domestiċi u familjari, li prinċipalment iwassal biex in-nisa jagħżlu arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli jew saħansitra jieqfu kompletament mix-xogħol u dan iħalli impatt fuq l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa, fuq il-lakuna kontinwa fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll fuq l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni;

6.

Jibża' li l-proposta tal-Presidenza Ċeka għal kura tat-tfal bħala “alternattiva kompleta għal karriera professjonali” hija mmirata lejn il-kondiviżjoni tradizzjoni tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa, jiġifieri l-kunċett tradizzjonali li l-ħaddiem ikun raġel, disponibbli fuq bażi full time, “b'par idejn inviżibbli” (in-nisa) li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet personali tiegħu u jorganizzaw id-dar u l-familja;

7.

Jinsab imħasseb ħafna bill-fatt li, speċjalment fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, il-proposta tal-Presidenza Ċeka ġġiegħel lin-nisa sabiex jitilqu xogħolhom sabiex isegwu t-triq “naturali” tagħhom, jiġifieri li jieħdu ħsieb it-tfal u dipendenti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu kull sforz biex jinkisbu l-għanijiet ta' Barċellona fir-rigward tal-kura tat-tfal;

8.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni sħiħa ta' ġenitur jew ġenituri f'xogħol b'paga deċenti tista' tgħin kontra l-faqar fost il-ħaddiema kontra r-riskju ta' faqar f'familji b'ġenitur wieħed, li għandhom rata ta' faqar ferm ogħla (32%);

9.

Jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri għadhom jikkonċedu lil ħafna nisa drittijiet derivati biss ibbażati fuq ir-rekord tal-impjieg tal-irġiel tagħhom, bil-konsegwenza li l-maġġoranza tan-nies iktar imdaħħlin fl-età li jgħixu fil-faqar huma nisa;

10.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-fatturi strutturali li jikkontribwixxu għall-inugwaljanza b'rabta mal-iskemi tal-pensjonijiet, inkluża l-organizzazzjoni tal-kura u l-ilħuq ta' kompromess bejn il-ħajja familjari u dik tax-xogħol, l-inugwaljanzi b'rabta mas-suq tax-xogħol, id-distakk fis-salarji abbażi tas-sess u d-diskriminazzjoni diretta fejn jidħlu skemi tal-pensjonijiet tat-tieni u tat-tielet pilastru;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal direttiva ġdida dwar salvagwardji u drittijiet speċifiċi fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari fejn ikun hemm membri tal-familja li jkunu dipendenti (tfal, anzjani u persuni b'diabilità);

12.

Jitlob lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet ta' riċerka sabiex jinvestu iktar u b'mod aħjar fl-aspetti ta' titjib ekoloġiku tal-prodotti mmirati lejn it-tfal u lejn persuni mhux awtosuffiċjenti u, b'mod komplessiv, lejn l-użu domestiku;

13.

Jistieden lill-Eurostat biex jiżviluppa miżuri biex jippreżenta statistiċi dwar il-kura tat-tfal u l-kura tad-dipendenti skont is-sessi;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq inizzjattivi konkreti biex tirrikonoxxi l-kompetenzi akkwiżiti fit-twettiq tad-dmirijiet edukattivi, tas-servizzi mogħtija lill-persuni dipendenti u tal-ġestjoni tad-dar b'mod li l-kompetenzi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati meta ssir integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; ifakkar kif l-evalwazzjoni tal-kompetenzi trasversali tagħmel parti fundamentali mill-hekk imsejjaħ “bilanċ tal-kompetenzi”, skont l-aħjar tradizzjonijiet tal-isperimentazzjonijiet nazzjonali li saru fuq sistemi ta' tlaqqigħ tat-talba u tal-provvista ta' xogħol;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kampanja għall-fini ta' qawmien ta' kuxjenza u sabiex tintroduċi proġetti pilota biex tkun faċilitata l-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f'dik familjari;

16.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ħinijiet flessibbli tax-xogħol għall-ġenituri (bħala riżultat ta' għażla libera) u ħinijiet flessibbli għal istituzzjonijiet ta' kura għat-tfal, sabiex tingħata għajnuna kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel biex isibu kompromess b'iktar suċċess bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-prattiki tajbin tal-Istati Membri b'rabta ma' persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn u sabiex tikkomunika dawn l-aħjar prattiki lill-Istati Membri kollha, sabiex turi li l-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn għandhom irwol ċentrali fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u sabiex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' strateġija fl-Istati Membri għall-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn;

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu l-programmi operattivi li nediet il-Kummissjoni f'isem l-Alleanza Ewropea għall-Familji; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-iżvilupp ta' għodda għall-iskambju sistematiku tal-aħjar prattika u tar-riċerka f'dan il-qasam;

19.

Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ommijiet u l-missirijiet li jaħdmu jkun jista' jkollhom l-appoġġ tal-politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali u jkun jista' jkollhom aċċess għall-istrumenti relatati;

20.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw arranġamenti ta' lif (lif tal-ġenituri, lif tal-adozzjoni, lif ta' solidarjetà) applikabbli għall-persuni li jixtiequ jinterrompu l-attività professjonali tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb persuna dipendenti;

21.

Iqis li jeħtieġ li jsir intervent sabiex jittejjeb l-użu mhux biss tal-lif tal-maternità iżda wkoll tal-lif tal-paternità u tal-lif tal-ġenituri, b'referenza għal-lif li jibbenefikaw minnu missirijiet li jaħdmu, billi fl-Istati Membri kollha persentaġġ żgħir ta' rġiel jużaw il-lif mogħti lilhom;

22.

Jinsisti fuq il-fatt li persuni li jixtiequ jinterrompu jew inaqqsu l-attività professjonali formali biex jinvestu fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħinijiet tax-xogħol flessibbli; jitlob għalhekk lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jikkoperaw aktar volontarjament, u lill-entitatjiet eżekuttivi pubbliċi għal flessibilità finanzjarja akbar fil-previżjonijiet baġitarji tagħhom ta' għajnuna Statali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, biex tibda tirrevedi l-politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali billi:

tiżgura li l-ispejjeż tal-maternità/paternità ma jkunux biss ir-responsabilità tal-kumpanija iżda wkoll tal-awtoritajiet, u dan biex tispiċċa l-imġiba diskriminatorja fi ħdan il-kumpaniji, u biex tappoġġja t-tiġdid demografiku,

ittejjeb l-aċċessibilità għas-servizzi li jieħdu ħsieb u jipprovdu għajnuna lil persuni li ma jkunux awtosuffiċjenti (tfal, persuni b'diżabilità u anzjani) u l-flessibilità ta' dawn is-servizzi billi tistabbilixxi numru minimu ta' strutturi li jkunu miftuħin bil-lejl ukoll, biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tax-xogħol filwaqt li titħares il-ħajja privata;

24.

jilqa' b'mod favorevoli l-proposta li jiġi inkluż artikolu separat, fid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (13), dwar il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, familjari u personali fid-direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u jinnota l-ħtieġa li tali dispożizzjoni tiġi kkunsidrata meta jiġu rregolati l-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa u l-arranġamenti ta' ħinijiet tax-xogħol meta wieħed ikun on-call;

25.

Jitlob lill-Istati Membri biex jaraw li dawk il-persuni li jkunu ssospendew temporanjament l-attività professjonali tagħhom biex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal jew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani jew dipendenti, ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jibqgħu jgawdu d-dritt li jerġgħu jieħdu posthom fejn kienu qabel kif ukoll id-dritt ta' promozzjoni professjonali;

26.

Jinnota li d-dħul finanzjarju u l-impjieg tan-nisa stess jibqgħu fatturi ewlenin li jwasslu għall-awtonomija ekonomika tagħhom u għal iktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà kollha kemm hi;

27.

Jinsisti fuq il-fatt li s-solidarjetà fil-konfront tal-anzjani fis-soċjetà trid tissaħħaħ, iżda trid tkun ukoll reċiprokata fil-konfront tat-tfal u ż-żgħażagħ; filwaqt li l-anzjani jittrasmettu l-għerf, il-kapaċitajiet u l-esperjenzi tagħhom, il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, min-naħa tagħhom, jittrasmettu l-enerġija, id-dinamiżmu, l-entużjażmu tagħhom lejn il-ħajja u t-tamiet tagħhom;

28.

Jikkunsidra li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandha tiġi promossa permezz ta' politiki fiskali prudenti (fil-forma ta' trasferimenti u tnaqqis), interventi għal persuni ta' età attiva, politiki ta' taħriġ, netwerks integrati ta' servizzi għat-tfal, il-persuni anzjani, il-persuni b'diżabilità u mhux awtosuffiċjenti, filwaqt li jkun evalwat l-impatt tagħha fuq l-appoġġ u fuq il-penalizzazzjoni tal-għażliet u fuq il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali;

29.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li hemm bżonn li jiġu adottati miżuri pożittivi favur l-irġiel u n-nisa, speċjalment li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fix-xogħol wara żmien li jkunu ddedikaw għall-familja (edukazzjoni tat-tfal u/jew biex jieħdu ħsieb qarib marid jew b'diżabilità), billi jiffavorixxu politiki ta' integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol biex jippermettulhom li jiksbu mill-ġdid l-indipendenza ekonomika tagħhom;

30.

Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu politika fiskali li tikkunsidra l-obbligi finanzjarji tal-immaniġġjar ta' dar, u partikolarment l-ispejjeż biex jiġu indukrati t-tfal u biex persuni jieħdu ħsieb l-anzjani u l-persuni dipendenti permezz ta' sistema fiskali jew ta' eżenzjonijiet fiskali;

31.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrivedu s-sistemi tagħhom tat-taxxa u sabiex jistabbilixxu rati tat-taxxa bbażati fuq drittijiet individwali u, konsegwentement, jitlob l-individwalizzazzjoni kemm tad-drittijiet tal-pensjonijiet kif ukoll tad-drittijiet tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

32.

Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġi implimentat il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sabiex jieħdu miżuri speċifiċi favur in-nisa biex jinstab rimedju għal każi evidenti ta' inugwaljanza de facto tan-nisa fil-konfront tal-irġiel; iżid jgħid li miżuri ta' dan it-tip, li għandhom japplikaw sakemm jibqgħu jeżistu tali sitwazzjonijiet, għandhom ikunu raġonevoli u, f'kull każ, għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv li qiegħed jiġi segwit;

33.

Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jiżviluppaw programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ li jinkorporaw id-dimensjoni interġenerazzjonali, sabiex il-ġenerazzjoni l-iktar żagħżugħa tifhem li l-livelli attwali ta' prosperità u ta' benesseri huma dovuti għall-isforzi u għat-tbatija tal-ġenerazzjonijiet preċedenti;

34.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi kollha sabiex jikkunsidraw b'mod attiv il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel meta jkunu qegħdin jadottaw u jimplimentaw dispożizzjonijiet ġuridiċi, ikunu qegħdin ifasslu politiki pubbliċi u jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod ġenerali;

35.

Jitlob lill-midja sabiex tagħti attenzjoni pożittiva u konsistenti lir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, permezz ta' rappurtar ta' kwistjonijiet interġenerazzjonali, diskussjonijiet fost gruppi ta' etajiet differenti u, b'mod iktar ġenerali, riflessjoni pożittiva fir-rigward tal-kontribut mogħti minn ġenerazzjonijiet iktar imdaħħlin fl-età lis-soċjetà;

36.

Jinsisti dwar il-fatt li l-prinċipju ta' trattament u opportunitajiet ugwali jrid jiġi kkunsidrat fil-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali kollha, billi dan il-fattur jgħin kemm sabiex tkun evitata segregazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll sabiex ikunu eliminati distakki fis-salarji, u wkoll sabiex tingħata spinta 'l quddiem lit-tkabbir tal-intraprenditorija tan-nisa;

37.

Iqis li, fid-dawl tal-bidliet li seħħew fil-mudell familjari u tal-integrazzjoni gradwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol, huwa essenzjali li ssir riforma fl-arranġamenti tradizzjonali ta' kura għal persuni dipendenti; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwessgħu u jikkumpletaw l-azzjonijiet ta' protezzjoni mmexxija mis-servizzi soċjali tagħhom sabiex jiżguraw li d-dritt għall-promozzjoni u għall-awtonomija personali jkun jista' jiġi eżerċitat b'mod ugwali u li fil-fatt tingħata kura lill-persuni dipendenti;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, kif ukoll lil parlamenti u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri, lill-ILO, lill-OECD u lill-UNDP.


(1)  ĠU C 218, 31.7.2000, p. 5.

(2)  ĠU C 232, 17.8.2001, p. 381.

(3)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 492.

(4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 131.

(5)  ĠU C 146 E, 12.06.2008, p. 112.

(6)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.

(7)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 324.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0066.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0399.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 intitolata “Linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010)” (COM(2007)0803).

(11)  ĠU C 297E, 20.11.2008, p. 174.

(12)  Eurostat, The life of women and men in Europe, 2008, p. 89.

(13)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.