|
24.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 46/71 |
L-iżvilupp tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inkluż l-irwol tal-UE
P6_TA(2009)0021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inkluż l-irwol tal-UE (2008/2201(INI))
(2010/C 46 E/10)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNCHR) sa mill-1996, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNHCR (1), kif ukoll dawk tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (2), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti (3), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultat tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14 sas-16 ta' Settembru 2005 (4), tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Seba' Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) (5), u tat- 8 ta' Mejju 2008 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2007 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Marzu 2005 bit-titolu “F'Libertá Akbar: lejn sigurta', żvilupp u drittijiet umani għal kulħadd”, ir-Riżoluzzjoni A/RES/60/1 sussegwenti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konklużjoni tal-Laqgħa Għolja Dinjija 2005 u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Marzu 2006 bit-titolu “Ninvestu fin-Nazzjonijiet Uniti: għal Organizzazzjoni iktar b'saħħitha fil-livell globali”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NUA/RES/60/251 li tistabbilixxi l-UNHRC, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-16 ta' Marzu 2006 mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar it-twaqqif tal-UNHRC, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sessjonijiet preċedenti u regolari tal-UNHRC, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultat tax-xogħol tal-gruppi ta' ħidma tal-UNHCR dwar il-proċedura ta' ilmenti, ir-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR), is-sistema futura ta' pariri esperti, l-aġenda, il-programm annwali tax-xogħol, il-metodi ta' ħidma, ir-regoli ta' proċedura u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultati tat-tielet elezzjoni ta' Stati Membri tal-UNHRC li saret fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-21 ta' Mejju 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-UNHRC li saru fis-19 ta' Ġunju 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ewwel, it-tieni u t-tielet sessjoni tal-UPR li saru bejn is-7 u t-18 t'April 2008 mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008 u mill-1 sal-15 ta' Diċembru 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0498/2008), |
|
A. |
billi r-rispett għal, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem hija parti mill-acquis tal-Komunita' u wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE, |
|
B. |
billi l-UE tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet esterni tagħha, u billi l-politika barranija tagħha hija bbażata fuq appoġġ b'saħħtu u ċar għall-multilateraliżmu effettiv, kif inkorporat fil-Karta tan-NU, |
|
C. |
billi n-NU u l-UNHRC huma fost l-organizzazzjonijiet l-aktar adattati biex jittrattaw b'mod komprensiv il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi umanitarji, |
|
D. |
billi d-deċiżjoni għat-twaqqif tal-UNHRC kienet ġeneralment milqugħa b'sodisfazzjon bħala inizjattiva biex ikunu rrettifikati n-nuqqasijiet tal-UNCHR u biex tittejjeb il-pożizzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dibattiti intergovernattivi billi jitwaqqaf korp li huwa kważi permanenti, |
|
E. |
billi l-UNHRC stabbilixxa għalih innifsu programm ambizjuz għall-ewwel tliet snin tiegħu, li inkluda r-reviżjoni tal-proċeduri u l-metodi ta' ħidma tiegħu, b'mod partikulari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-UPR li minnha s'issa saru tliet sessjonijiet, li fihom ġie rivedut 48 Stat, li tmienja minnhom huma Stati Membri tal-UE, u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali, |
|
F. |
billi l-UE qed tati appoġġ qawwi lill-UNHRC u kienet favur it-twaqqif tiegħu bil-kbir, u billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw u ddedikaw ruħhom għal rwol attiv u viżibbli bl-għan li joħolqu u jappoġġjaw korp effettiv li jindirizza l-isfidi fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem, |
|
G. |
billi l-UE appoġġat bis-sħiħ l-istabbilment tal-maġġoranza msaħħa u ta' kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni għall-UNHRC, proposti li ma nżammewx, u ta' proċeduri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni attwali tal-wegħdiet elettorali tal-istati membri tan-NU, |
|
H. |
billi, waqt li għad hemm limiti għall-abbilita' tal-UE li taddotta approċċ magħqud, dovuti b'mod partikulari għall-kunflitti fl-interessi nazzjonali u x-xewqa persistenti min-naħa tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod indipendenti fin-NU, jidher li dawn qed jaġixxu b'koeżjoni akbar fil-UNHRC milli kienu jaġixxu fil-UNCHR, |
|
I. |
billi l-fatt li l-Istati Membri tal-UE jikkostitwixxu minoranza numerika fil-UNHRC jostakola serjament il-kapaċità tal-UE li tinfluwenza l-aġenda tal-UNHRC u jirrappreżenta sfida serja għall-integrazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE fix-xogħol tal-UNHRC, |
|
J. |
billi n-nuqqas, li huwa ħaġa ta' dispjaċir, tal-Istati Uniti mill-UNHRC ħoloq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala forza ewlenija fost il-pajjiżi demokratiċi dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, |
|
K. |
billi l-Parlament isegwi mill-qrib l-iżviluppi li jsiru fil-UNHRC, billi jibgħat delegazzjonijiet regolari waqt is-sessjonijiet tiegħu u billi jistieden Rapporteurs Speċjali u esperti indipendenti biex jagħtu kontribut fix-xogħol tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, |
|
L. |
billi l-proċeduri u l-mekkaniżmi tal-UNHRC se jkunu riveduti fl-2011, kif provdut fir-Riżoluzzjoni A/RES/60/251 tal-Assemblea Ġenerali msemmija hawn fuq, |
Evalwazzjoni ġenerali tal-ewwel tliet snin tal-UNHRC
|
1. |
Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-UNHRC s'issa u jinnota li l-UNHRC għandu l-potenzjal li jiżviluppa f'qafas siewi għall-isforzi multilaterali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; madankollu, jiddispjaċih li, matul l-ewwel tliet snin tal-attivitajiet tiegħu, dan il-korp ġdid għadu ma rnexxilux jagħmel aktar progress sostanzjali fit-titjib tar-rekord tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
2. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-UNHRC ta' testi importanti li jistabbilixxu l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem: il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Infurzat u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, kif ukoll il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; jinnota li dan tal-aħħar jikkostitwixxi deċiżjoni ta' preċedenza importanti peress li jaħseb għal proċedura ta' lmenti individwali, u b'hekk joħloq mekkaniżmu li jippermetti li vittmi ta' ksur ta' drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jkunu jistgħu jippreżentaw petizzjonijiet fil- livell internazzjonali;, u jħeġġeġ lill-Istati kollha biex jirratifikaw malajr il-Protokoll Mhux Obbligatorju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; |
|
3. |
Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas tal-UNHRC li jieħu azzjoni dwar ħafna mill-iktar sitwazzjonijiet urġenti tad-dinja f'dawk li huma d-drittijiet tal-bniedem, parzjalment minħabba r-riluttanza dejjem ikbar min-naħa ta' għadd kbir ta' Stati fil-UNHRC li jopponu kwalunkwe kunsiderazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' pajjiż inkluż permezz tal-mandati tal-pajjiż ta' riżoluzzjonijiet, sessjonijiet speċjali u Proċeduri Speċjali għar-raġuni li din il-ħaġa allegatament tkun tippolitiċizza l-UNHRC; itenni l-fehma li l-kapaċità tal-UNHRC li jindirizza s-sitwazzjonijiet ta' pajjiż hija fundamentali għall-awtorità u l-kredibilità tiegħu; |
|
4. |
Jilqa' l-fatt li l-proċedura għall-elezzjonijiet tal-UNHRC għamlet possibbli l-esklużjoni mill-UNHCR ta' pajjiżi li jiksru d-drittijiet umani fuq skala kbira bħall-Belarus u l-Iran; jiddispjaċih, madankollu, li mhux il-gruppi ġeografiċi kollha organizzaw proċeduri ġenwini tal-elezzjonijiet għall-adeżjoni mal-UNHRC; jiddispjaċih li s-sistema ta' wegħdiet volontarji kellha riżultati tassew varji u inadegwati, li ppermettew lill-gvernijiet li jaħarbu mill-obbligi internazzjonali tagħhom lejn id-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, huwa tassew imħasseb dwar l-użu stateġiku tal-hekk imsejħa impenji minn uħud mill-membri u għalhekk itenni li l-koperazzjoni sħiħa mal-Proċeduri Speċjali għandha tibqa' l-kriterju aħħari għall-adeżjoni mal-UNHRC; |
|
5. |
Jiddispjaċih dwar il-firda fi blokki reġjonali li qegħda dejjem tikber fil-; jikkunsidra li din il-“mentalità tal-blokki” ddgħajjef l-abilità tal- UNHRC li jittratta b'mod effettiv, imparzjali u oġġettiv il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u li jista' jkun li hija din il-mentalità li hija l-kawża tal-preġudizzju, is-selettività u d-dgħjufija tal-UNHRC; |
|
6. |
Jagħraf li għadd ta' delegazzjonijiet f'Ġinevra mhumiex mgħammrin tajjeb biex jorganizzaw b'mod adegwat negozjati dwar id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk iserrħu fuq il-mexxejja tal-grupp biex jifformolaw il-pożizzjoni tagħhom; madankollu, jinnota li din id-drawwa ġiet ibbilanċjata b'mod effiċjenti b'rigward għal numru ta' kwistjonijiet prinċipali bħall-kodiċi ta' kondotta għal Proċeduri Speċjali u s-sitwazzjoni f'Darfur, partikolarment fil-grupp Asjatiku u dak Afrikan; jenfasizza fl-istess ħin li l-pożizzjonijiet adottati b'mod konġunt mill-UE flimkien mal-pajjiżi li se jaderixxu kkontribwew bil-kbir għall-mentalità tal-blokka; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapport annwali dwar xejriet li jidhru fil-votazzjoni fi ħdan in-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li janalizza kif dawn kienu affettwati mill-politiki tal-UE, tal-Istati Membri tal-UE u ta' blokki oħrajn; |
|
7. |
Jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni wiesgħa ta' membri tal-UNHRC u l-parteċipazzjoni ta' ħafna stati osservaturi jiżguraw li tista' tgħid il-pajjiżi kollha huma involuti fid-dibattiti tiegħu; jikkunsidra, meta jħares 'il quddiem lejn ir-reviżjoni tal-2011, li fuq in-naħa l-waħda l-possibilità li l-UNHRC jinfetaħ għal sħubija universali tista' tiġi esplorata, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra l-kompożizzjoni iżgħar tista' fil-fatt tkun ta' benefiċċju; |
|
8. |
Jagħraf id-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-relazzjoni ta' bejn il-UNHRC u t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-kompitu tat-Tielet Kumitat huwa li jgħaddi fi ħdan dak il-korp, li jinkludi l-istati membri kollha tan-NU, il-preokkupazzjonijiet ewlieni UNHRC; jikkunsidra li dak il-korp jista' wkoll ipatti għan-nuqqasijiet tal-UNHRC, l-istess kif tagħmel l-Assemblea Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, li huwa element importanti ta' kumplementarjetà bejn il-UNHRC u t-Tielet Kumitat; jistieden lill-UE biex ittenni l-impenn tagħha għall-appoġġ tal-UNHRC u għat-titjib tal-effettività tiegħu, bħala pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU; |
|
9. |
Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-prinċipju tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem kulma jmur aktar qed jitqiegħed f'riskju, kif juru, b'mod partikulari, l-isforzi min-naħa ta' ċerti pajjiżi li jintroduċu limiti għal drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti sew, bħal-libertà tal-espressjoni, jew li jinterpretaw id-drittijiet tal-bniedem skont sfond kulturali, ideoloġiku jew tradizzjonali; jistieden lill-UE biex tibqa' attenta fir-rigward ta' dawn l-isforzi u biex tiddefendi bil-qawwa l-prinċipji tal-universalità, l-indiviżibbilità u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem; |
Il-Proċeduri Speċjali
|
10. |
Jikkunsidra li l-Proċeduri Speċjali huma element fundamentali fil-makkinarju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza li l-kredibilità u l-effikaċja tal-UNHRC fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem hija bbażata fuq il-koperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, kif ukoll fuq l-adozzjoni ta' riformi li jkunu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw il-vjolazzjonijiet tad-drittjiet tal-bniedem; |
|
11. |
Jikkunsidra il-Proċeduri Speċjali fir-rigward ta' sitwazzjonijiet tal-pajjiż bħala strument essenzjali għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fil-post ikkonċernat; jikkunsidra li n-natura u l-frekwenza ta' reviżjonijiet tal-pajjiż skont l-UPR ma tistax tieħu post il-mandati tal-pajjiż; konsegwentement jopponi l-isforzi ta' ċerti pajjiżi li jużaw l-argument tar-“razzjonalizzazzjoni” tal-Proċeduri Speċjali sabiex jeliminaw dawn il-mandati; jiddeplora f'dan ir-rigward ir-revoka tal-mandati tal-pajjiż fir-rigward tar-Repubblika tal-Belarus, tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika ta' Kuba, u l-abolizzjoni tal-Grupp ta' Esperti dwar id-Darfur; |
|
12. |
Jinnota l-introduzzjoni ta' kondizzjonijiet għas-sospensjoni tal-mandat li jamministra l-pajjiż, tal-Burundi; jagħraf l-importanza li tkun definita strateġija ta' ħruġ għal kull waħda minn dawn il-Proċeduri Speċjali tal-pajjiżi; |
|
13. |
Jikkundanna l-isforzi li saru minn diversi Membri tal-UNHRC biex jillimitaw l-indipendenza u l-effiċjenza tal-Proċeduri Speċjali; jinnota f'dan ir-rigward l-adozzjoni fit-18 ta' Ġunju 2007 ta' Kodiċi ta' Kondotta għal Persuni li għandhom Mandat għal Proċeduri Speċjali; jistieden lill-UNHRC biex jimplimenta l-Kodiċi ta' Kondotta fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni A/RES/60/251 imsemmija hawn fuq u biex jirrispetta l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali; |
|
14. |
Jitlob li jkun hemm titjib fl-għażla u n-nomina ta' detenturi xierqa tal-mandati għall-proċeduri speċjali, b'mod partikulari billi jinstabu mezzi kif jissaħħaħ ir-roster eżistenti ta' kandidati fl-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u bit-tisħiħ tal-indipendenza tad-detenturi tal-mandat b'referenza għall-esperjenza u l-għarfien espert tal-kandidati, waqt li jitqiesu kif dovut ir-rappreżentanza ġeografika u l-bilanċ bejn is-sessi; |
|
15. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm segwitu aħjar tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali, li jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għar-rappurtar fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; |
|
16. |
Jikkunsidra li l-UPR hija strument li jikkumplementa l-Proċeduri Speċjali u toffri l-opportunità li jsir użu iktar effettiv tar-rapporti tagħhom u biex ikunu żgurati koperazzjoni u segwitu ikbar għax-xogħol tagħhom; |
|
17. |
Jitlob li jingħata appoġġ kontinwu lill-Proċeduri Speċjali f'termini ta' finanzjament u riżorsi umani; |
Ir-Reviżjoni Perjodika Universali
|
18. |
Jirrikonoxxi l-valur potenzjali tal-mekkaniżmu tal-UPR fit-titjib tal-universalità tal-monitoraġġ tal-impenji u l-prattiki rigward id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, billi jissottometti l-Istati Membri kollha tan-NU għal trattament u skrutinju ugwali u jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) biex jidħlu fi djalogu ma' Stati partikulari; |
|
19. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UPR ipprovdiet inċentivi lil ħafna Stati Membri tan-NU biex jinpenjaw ruħhom bl-implimentazzjoni tal-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħhom, bis-segwitu tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' korpi tat-trattati u Proċeduri Speċjali, bil-preżentazzjoni ta' rapporti ġenerali lil korpi tat-trattati, bir-rispons għal talbiet li għadhom ma ġewx ikkunsidrati biex jgħaddu minn Proċeduri Speċjali u li jirratifikaw trattati li ffirmaw u li jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali bil-għan li jkun żgurat ir-rispett tal-obbligi li joħorġu mit-trattati li qagħdu għalihom; |
|
20. |
Jiddispjaċih li dawn l-ewwel tliet sessjonijiet ma ssodisfawx għal kollox dak li kien mistenni minnhom rigward proċess 'oġġettiv, trasparenti, mhux-selettiv, kostruttiv, mingħajr konfrontazzjoni u mhux politiċizzat (7); |
|
21. |
Jenfasizza li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk ir-reviżjoni tinvolvi esperti indipendenti fl-istadji kollha tal-proċess ta' reviżjoni u mekkaniżmu effettiv u ta' segwitu orjentat lejn ir-riżultati; |
|
22. |
Jiddeplora n-nuqqas ta' attenzjoni fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll fuq id-drittijiet tal-minoritajiet waqt il-proċess tal-UPR, u jitlob li tingħata iktar attenzjoni lil dawn id-drittjiet fis-sessjonijiet li ġejjin, skont il-prinċipju tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
23. |
Jiddenunzja l-użu ta' alleanzi politiċi li għandhom il-għan li jipproteġu ċerti Stati mill-iskrutinju minflok ma jservu biex issir evalwazzjoni kritika tal-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħarsien tagħhom, fattur li jdgħajjef serjament l-istess iskop tal-UPR; jinnota li din il-prattika laħqet livell perikoluż fir-reviżjoni tat-Tuniżija, li kienet magħmula minn dikjarazzjonijiet li kienu jmorru kontra s-sejbiet ta' esperti indipendenti b'mod sinifikanti; jinnota, madankollu, li dik ir-reviżjoni partikolari ma dehritx li kienet qiegħda tirrifletti xi tendenza; |
|
24. |
Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-UE li ma tagħmilx interventi konġunti fir-reviżjonijiet tal-pajjiżi imma li tassigura l-kumplementarjetà tal-interventi sabiex tkun tista' titqajjem firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; rigward dan issostni li l-UE tipprova tkisser il-“mentalità tal-blokki” fil-UNHRC billi l-Istati Membri tal-UE jqajmu mistosijiet dwar ir-rekord ta' xulxin; jilqa' l-livell ta' ingaġġ tal-Istati Membri tal-UE fir-reviżjonijiet, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mal-Istati Membri l-oħra tal-UE; tħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa b'mod addizzjonali fuq il-mudell attwali tal-“koordinazzjoni flessibbli”, u li tassigura li l-pajjizi kollha u s-suġġetti kollha huma koperti mill-Istati Membri tal-UE, b'mod suffiċjenti, u li kull repetizzjoni tkun evitata; |
|
25. |
Jesprimi tħassib li, f'diversi każi, ir-rapport finali tal-UPR u d-djalogu interattiv tul ir-reviżjoni ma jirriflettux l-informazzjoni miġbura fid-dokumenti ta' sinteżi jew saħansitra jikkontradixxu s-sejbiet tal-esperti indipendenti, u b'hekk titneħħa kull pertinenza mill-proċess ta' reviżjoni, u li r-rakkomandazzjonijiet imressqa fir-rapporti tal-Grupp ta' Ħidma kienu vagi wisq u ma kienx fihom xi element konkret li jista' jintuża; jistieden lill-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-UPR biex jipprovdu rakkomandazzjonijiet li l-effetti tagħhom jistgħu jitkejlu, li jkunu konkreti, realistiċi u ffukati fuq il-vittma, fir-reviżjonijiet futuri tagħhhom, ibbażat fuq informazzjoni stabbilita minn mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti jew minn organizzazzjonijiet mhux indipendenti; |
|
26. |
Jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet tal-UPR ma jorbtux legalment, fatt li joħroġ mid-dritt li l-UPR tati lill-Istati li jiddeċiedu liema rakkomandazzjonijiet jaċċettaw; jinnota li f'ċerti każi, bħal dak tas-Sri Lanka, il-persentaġġ tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati kien baxx; jikkunsidra, madankollu, li mhux kull rakkomandazzjoni tista' tkun ta' siwi jew skont l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; għalhekk jikkunsidra li dan juri li l-UPR tista' ma tkunx l-aktar strument utli f'ċerti każijiet, u jenfasizza l-importanza li fil-proċess tal-UPR ikun hemm mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti u li jsiru sejbiet indipendenti mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi filwaqt li jinżammu l-mandati tal-pajjiżi tal-UNCHR; |
|
27. |
Jikkundanna l-isforzi li saru minn ċerti Stati Membri tal-UNHRC li jiċċensuraw il-kontribuzzjonijiet mill-NGOs; jiddispjaċih dwar l-impatt limitat tal-parteċipazzjoni tal-NGOs fuq id-deċiżjoni finali, minħabba l-ħin limitat li għandhom biex jitkellmu waqt id-diskussjoni tar-rapport għall-UPR kif ukoll l-ambitu limitat permess għall-interventi tagħhom, li jippermettilhom li jagħmlu kummenti ġenerali iżda mhux li jqajjmu mill-ġdid kwistjonijiet li diġà kienu diskussi fil-Gruppi ta' Ħidma; |
|
28. |
Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' konsultazzjonijiet nazzjonali, li jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-NGOs dwar ir-rapporti tal-Istati Membri tan-NU; konsegwentement, iħeġġeġ lill-Istati kollha li qed issir ir-reviżjoni tagħhom li jidħlu f'diskussjoni sostantiva tar-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom b'mod trasparenti, li jinvolvi lill-oqsma kollha tal-gvern u tas-soċjetà ċivili waqt li jżommu f'moħħhom li l-għan ewlieni tal-proċess tar-reviżjoni huwa t-titjib fir-realtà tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
29. |
Jitlob lill-Istati kollha biex jagħmlu konsultazzjoni nazzjonali estensiva wara r-reviżjoni, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tagħha; titlob lill-UE biex tagħmel investigazzjoni oħra dwar kif jistgħu jintużaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-iżvilupp ta' programm ta' għajnuna teknika; |
|
30. |
Jistieden lill-UNHRC biex isostni l-isforzi li għandhom il-għan li jżidu r-responsabilità tal-istati membri tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem billi jżid l-effiċjenza tal-UPR, l-aktar billi jġibu l-proċeduri aktar stretti sabiex jikun evitat tfixkil intenzjonat jew tattiki ta' żvijar, li jdgħajjfu l-għanijiet infushom tal-NU, tal-UNHRC U tal-UPR; |
It-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fix-xogħol tal-UNHRC
|
31. |
Itenni l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fix-xogħol tal-UNHRC, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jintroduċu metodi u strumenti effettivi li jippermettu lis-soċjetà ċivili tipparteċipa fil-UNHRC u biex japprofittaw mill-prerogattivi li jagħtihom l-istatus konsultattiv tagħhom biex iressqu rakkomondazzjonijiet bil-miktub u biex jagħmlu dikjrazzjonijiet orali; |
|
32. |
Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żamma tal-prattika li l-NGOs fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem jipparteċipaw fid-dibattiti u jittama li din il-parteċipazzjoni tkun imtejba u msaħħa fil-futur; jirrepeti t-talba tiegħu għal riforma tal-Kumitat tal-NUdwar l-NGOs, sabiex jassigura l-parteċipazzjoni effettiva tal-NGOs indipendenti, u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet għall-akkreditazzjoni għandhom ikunu magħmulin minn esperti indipendenti abbażi tal-ħidma u tal-kontribuzzjonijiet tal-NGOs; |
|
33. |
Jinnota li n-natura tal-UNHRC bħala korp permanenti toħloq sfidi partikulari għall-NGOs li mhumiex ibbażati f'Ġinevra; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, il-kontribut tal-aġenziji ta' kollegament bejn l-NGOs u l-OHCHR u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra li jipprovdu lill-NGOs informazzjoni dwar l-attivitajiet u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol tal-UNHRC; |
|
34. |
Jistieden lid-donaturi biex jindirizzaw il-ħtiġiet ta' taħriġ u finanzjament tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari dawk li mhumiex ibbażati f'Ġinevra, b'mod li jippermettilhom li jipparteċipaw b'mod konsistenti u effettiv fix-xogħol tal-UNHRC; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja aktar l-inizjattivi tas-soċjeta ċivili għall-iskrutinju tal-politiki tal-gvern rigward il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-NU; |
|
35. |
Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' interess pubbliku fil-UNHRC u minħabba n-nuqqas ta' għarfien dwaru; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-inizjattivi tal-OHCHR li għandhom il-għan li jżidu t-trasparenza, jiġifieri l-ħolqien tal-“Bullettin ta' laqgħat informali”; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-sessjonijiet tal-UNHRC qed ikunu trasmessi fuq l-internet, bil-għan li titqajjem kuxjenza pubblika rigward il-ħidma tiegħu; |
L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem
|
36. |
Jafferma mill-ġdid l-opinjoni tiegħu li l-OHCHR huwa entità fundamentali fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, ladarba dan għandu rwol kruċjali fil-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem billi jintegra dawk id-drittjiet fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti kollha u fl-organizzazzjonijiet rilevanti kollha, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet marbuta mar-ritorn u t-tisħiħ tal-paċi, l-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja; |
|
37. |
Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-OHCHR u r-rabta tiegħu mal-inteġrità tal-mandat ta' dak il-korp, kif ukoll mal-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu; |
|
38. |
Jinkoraġġixxi l-isforzi tal-OHCHR biex isaħħaħ il-preżenza tiegħu madwar id-dinja billi jiftaħ uffiċċji reġjonali; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-firma ta' memorandum ta' fehim bejn l-OHCHR u l-awtoritajiet tar-Repubblika Kirġiż dwar il-ftuħ ta' uffiċċju reġjonali tal-OHCHR f'Bishkek; itenni l-apprezzament tiegħu tal-ħidma li saret mill-OHCHR b'appoġġ għall-korpi tat-trattati u għall-Proċeduri Speċjali; |
|
39. |
Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tas-Sa Louise Arbour bħala Kummissarju Għoli għad-drittijet tal-bniedem fit-tmexxija tal-OHCHR, u għall-impenn u l-integrità li wriet, u jinsab ċert li s-suċċessur tagħha, is-Sa Navanethem Pillay, se tidħol għall-impenn tagħha b'entużjażmu simili u se tkun kapaċi tiffaċċja l-isfidi tal-kariga; |
|
40. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontributi volontarji li l-Kummissjoni għamlet lill-OHCHR, għal erba' snin, inklużi l-4 miljun ewro għall-2008, fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jappoġġjaw l-OHCHR, b'mod speċjali fil-Kumitat Amministrattiv u Baġitarju, il-Ħames Kumitat, tal-Assemblea Ġenerali, sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda indħil fl-indipendenza tiegħu u li dan jingħata r-riżorsi finanzjarji kollha meħtieġa biex ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu; |
L-irwol tal-UE fil-UNHRC
|
41. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-UE fl-ewwel tliet snin ta' ħidma tal-UNHRC, permezz tar-riżoluzzjonijiet li ressqet waħidha jew ma' pajjiżi oħra, ta' dikjarazzjonijiet, ta' interventi fid-djalogi u d-dibattiti interattivi, u billi pproponiet, b'suċċess, li jinżammu sessjonijiet speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur f'Diċembru 2006 u f'Burma/Mjanmar f'Ottubru 2007 u fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo f'Novembru 2008; jirrikonoxxi l-impenji li għamlet l-UE biex fil-UNHRC tindirizza sitwazzjonijiet li jkunu jinsabu fihom il-pajjiżi; |
|
42. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-riżoluzzjonijiet kollha proposti jew appoġġjati mill-UE ġew addotati mill-UNHRC waqt l-ewwel disa' sessjonijiet regolari u l-ewwel tmien sessjonijiet speċjali tiegħu; għaldaqstant, jinnota li bosta kwistjonijiet li jqajmu kontroversja u li mhumiex konsenswali ma kinux ipprezentati għall-votazzjoni; |
|
43. |
Jinnota li l-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw fil-UNHRC huma mifruda f'żewġ gruppi reġjonali differenti, jiġifieri l-Grupp tal-Istati tal-Punent tal-Ewropa u l-Grupp tal-Istati tal-Lvant tal-Ewropa; jinnota li l-UE hija kontra l-preżentazzjoni ta' “rekords nodfa” mir-reġjuni, li jirriżultaw effettivament f'kompetizzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE għall-elezzjoni fl-UNHRC; |
|
44. |
Jinkoraġġixxi lill-UE biex tkompli tagħmel pressjoni biex ikunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni fil-UNHRC, inkluż il-ħruġ ta' stediniet permanenti għad-detenturi tal-mandati ta' Proċeduri Speċjali, kif ukoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni attwali tal-wegħdiet elettorali tal-istati membri tan-NU; itenni wkoll it-talba tiegħu li din ir-regola tiġi applikata fid-determinazzjoni ta' jekk l-UE għandhiex tappoġġja lill-pajjiżi kandidati; jiddispjaċih li din it-talba għadha ma ġietx ikkonfermata mill-UE; |
|
45. |
Jinnota li l-UE ssib ruħha f'minoranza numerika fil-UNHRC, fatt li ċertament jippreżenta sfida meta tiġi li trid issemma' leħinha; jilqa' b'sodisfazzjon il-prattika mibdija taħt il-Presidenza Slovena tat-tfittxija li jkunu involuti membri oħra tal-UNHRC u ta' qsim tal-piż bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jiżviluppaw aktar u jsaħħu din il-prattika; |
|
46. |
Jilqa' b'sodisfazzjon it-tendenza, li qed dejjem tissaħħaħ, fejn l-Istati Membri tal-UE jintervjenu fid-dibattiti flimkien mal-Presidenza tal-UE; jitlob li din il-prattika tkompli tkun żviluppata, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex isaħħu l-messaġġ tal-UE billi jgħaddu “messaġġ wieħed, iżda minn ħafna ilħna”; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw inizjattivi transreġjonali bħala mezz utli ta' kif jopponu politika tal-blokki; jistieden lill-UE u lill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika biex jintensifikaw l-isforzi sabiex itejbu l-fehim u l-kollaborazzjoni ta' bejniethom; |
|
47. |
Jappoġġa l-approċċ tal-UE li jfittex li jkollha pożizzjoni koordinata u komuni fil-UNHRC; jiddispjaċih madankollu li, fil-proċess li tintlaħaq politika komuni fost l-Istati Membri tal-UE fil-UNHRC, l-UE sikwit tidħol fil-forum tal-UNHRC bid-denominatur komuni l-aktar baxx, u b'hekk tirrestrinġi d-dinamika tal-potenzjal diplomatiku tal-UE ma' gruppi reġjonali oħra; iħaġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-politika estera u ta' sigurta' komuni, Javier Solana, biex jagħti mandat lir-Rappreżentant Persunali tiegħu għad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem – jekk hemm bżonn billi jibgħat messaġġiera persunali – biex iwettaq konsultazzjonijiet intensivi fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina dwar kwistjonijiet diskussi fl-UNHRC, bl-għan li jkun impenjat ma' pajjiżi minn blokki oħra f'inizjattivi komuni fil-livell tan-NU; |
|
48. |
Jiddispjaċih li, sa ċertu punt minħabba ż-żmien u l-isforz meħtieġa biex tintlaħaq pożizzjoni komuni, l-UE ma setatx teżerċita l-influwenza tagħha effettivament fis-sistema tan-NU kollha kemm hi; jistieden lill-UE biex, waqt li tibqa' impenjata li tilħaq pożizzjoni komuni, iżżid il-flessibilità tagħha fuq kwistjonijiet inqas importanti sabiex issir kapaċi taġixxi b'iktar ħeffa u effiċjenza fin-negozjati rigward kwistjonijiet fundamentali; |
|
49. |
Jiddispjaċih dwar l-attitudni pjuttost difensiva adottata mill-UE fil-UNHRC, b'mod partikulari ir-riluttanza tagħha li tressaq riżoluzzjonijiet fuq sitwazzjonijiet fil-pajjiż, minħabba li dawn is-soltu jkunu milqugħa b'reżistenza kbira minn pajjiżi partikulari, kif ukoll l-għażla intenzjonali ta' kunsens u t-tendenza tagħha li tevita lingwaġġ li jiġġenera oppożizzjoni, li minħabba fiha tispiċċa biex taċċetta kompromessi li ma jirriflettux il-preferenzi tal-UE, kif ġara fil-każ tar-riżoluzzjonijiet adottati fis-27 ta' Marzu 2007 dwar is-sitwazzjoni tad- drittijiet tal-bniedem fis-Sudan (8) u fit-13 ta' Diċembru 2007 dwar - Grupp ta' Esperti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur (9), li rriżulta fix-xoljiment tal-Grupp minkejja li l-UE oriġinarjament ħadmet biex jinżamm; |
|
50. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jużaw aħjar l-influqenza potenzjali tagħhom sabiex jeżerċitaw l-irwol li jista' jkollha bħala l-mexxejja ta' grupp ta' pajjiżi demokratiċi b'pożizzjoni soda rigward id-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra li dan l-irwol ta' tmexxija jista' jkun realizzat bl-aħjar mod billi jissaħħu s-sħubijiet ma' stati minn gruppi reġjonali oħra, kif intwera minn diversi inizjattivi tal-UE fis-sistema tan-NU, bħar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar il-moratorju fuq il-piena tal-mewt u dwar id-dritt għall-ilma; |
|
51. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinteraġixxu b'iktar enerġija ma' membri demokratiċi oħra tal-UNHRC, inklużi pajjiżi fi ħdan il-grupp Afrikan u dak Asjatiku, u b'mod partikolari, ma' stati demokratiċi li jimxu skont l-istat tad-dritt internazzjonali; jikkunsidra li l-Presidenza Niġerjana attwali tal-UNHRC tirrapreżenta opportunità għall-UE f'dan ir-rigward; |
|
52. |
Jistieden lill-UE biex torganizza laqgħat regolari ma' dawk il-pajjiżi dwar kwistjonijiet speċifiċi bħala mezz biex toħloq mekkaniżmu għall-bini ta' koalizzjonijiet u għall-iżgurar tal-ikbar appoġġ possibbli għall-pożizzjonijiet tagħha; jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-mandat tal-missjonijiet tal-Istati Membri tal-UE f'Ġinevra u tal-investiment fir-riżorsi diplomatiċi, billi jibagħtu speċjalisti tad-drittijiet tal-bniedem u diplomatiċi ta' livel għoli biex imexxu l-UNHRC; |
|
53. |
Jistieden koordinazzjoni u koperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-gruppi ta' ħidma relevanti tal-Kunsill tal-UE bbażati fi Brussell u l-uffiċċji tal-UE u tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri tal-UE fi New York u f'Ġinevra, f'dan ir-rigward, jilqa' d-diċentralizzazzjoni effettiva tat-teħid tad-deċiżjoni ġurnata b'ġurnata minn Brussell għal Ġinevra, bil-kapitali jżommu rwol importanti ta' koordinazzjoni; |
|
54. |
Jitlob mill-ġdid lill-UE biex tagħmel użu iktar effettiv mill-appoġġ politiku u permezz tal-għajnuna li hi toffri lill-pajjiżi terzi, kif ukoll minn strumenti oħra bħad-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi li jkun hemm iktar pajjiżi li jaqblu mal-inizjattivi tagħha jew ma' dawk li hi tappoġġa, li għandhom ikunu mmexxijin mir-rispett lejn il-liġi internazzjonali u lejn l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li huma rikonoxxuti b'mod universali u l-promozzjoni ta' riformi demokratiċi; fl-istess ħin, jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jikkunsidraw ir-riżultati tax-xogħol tal-UNHRC rigward pajjiż partikulari, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-UPR, meta jiddefinixxu l-objettivi u l-prijoritajiet tal-programmi ta' għajnuna tal-UE; |
|
55. |
Jiddispjaċih li l-UE ma setatx tressaq prijoritajiet sostanzjali għax-xogħol tal-UNHRC u f'diversi okkażżjonijiet kellha “tillimita l-ħsara”, kif ġara, b'mod partikulari, rigward il-“Kodiċi ta' Kondotta għal Proċeduri Speċjali” propost fl-2007 mill-Grupp Afrikan; jistieden lill-UE biex tadotta strateġija iktar proattiva u biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tinfluwenza l-aġenda u d-dibattiti tal-UNHRC; |
|
56. |
Jikkunsidra li, waqt li l-Istati Membri tal-UE għandhom rekords rigward id-drittjiet tal-bniedem aħjar minn ta' ħafna membri tal-UNHRC oħra, l-azzjoni tal-UE tkun iktar effettiva jekk hi ma tistax tkun akkużata li qed tapplika kejl differenti skond il-pajjiż u li qed tkun selettiva fil-politiki ta' drittjiet tal-bniedem u demokrazija tagħha stess; għalhekk jistieden lill-UE biex tkun kapaċi tirrispetta l-impenn tagħha għall-promozzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-reġjuni kollha tad-dinja u rigward il-kwistjonijiet kollha; f'dan ir-rigward jistieden lill-UE biex jieħu sehem attiv fir-reviżjoni tal-Konferenza ta' Durban li għandha ssir fl-2009, jiftakar, b'mod partikolari, fil-ħtieġa li jimplimenta r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 li jagħmel stedina għall-moratorju universali fuq is-sentenza tal-mewt; |
|
57. |
Iħeġġeġ l-attendenza regolari tad-delegazzjonijiet tal-Parlament fis-sessjonijiet tal-UNHRC f'Ġinevra; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tas-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jistieden lil dawk li għandhom il-mandat tal-Proċeduri Speċjali kif ukoll il-Presidenza tal-UNHRC għal-laqgħa tagħhom, u jitlob li din il-prattika tkun sostnuta; |
|
58. |
Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta' viżjoni ċara, aġenda politika u strateġija maħsuba għal perjodu twil ta' żmien rigward it-tħaddim tal-UNHRC kif ukoll tal-attivitajiet tal-Istati Membri tal-UE fi ħdan dak il-korp, b'mod partikulari rigward ir-reviżjoni tal-UNHRC li għandha ssir fl-2011; jikkunsidra li din l-istrateġija għandha tinkludi indikaturi ta' referenza ċari; f'dan ir-rigward, jitlob lill-UE biex:
|
*
* *
|
59. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-UNHRC, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem. |
(1) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 409.
(2) ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 79.
(3) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.
(4) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 582.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0065.
(6) Testi adottati, P6_TA(2008)0193.
(7) Riżoluzzjoni 5/1 tal-UNHRC tat-18 ta' Ġunju 2007.
(8) Riżoluzzjoni A/HRC/7/16.
(9) Riżoluzzjoni A/HRC/6/35.