23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 318/10

Relatur: is-Sinjura PRUD'HOMME

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura PRUD’HOMME.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru 2009 u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’173 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

Il-faqar tal-ħaddiema huwa kwistjoni kumplessa, kemm għall-impjegati kif ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom, b’ħafna kriterji interrelatati. Approċċ olistiku għandu jippermetti l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi effettivi biex jingħelbu l-isfidi.

1.1

Fil-qalba tal-proġett Ewropew għandu jitqiegħed l-għan tal-impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd.

1.2

Il-kwistjoni tal-ħaddiema fqar għandha ssir tema li tiġi ttrattata regolarment fil-qafas tad-djalogu soċjali Ewropew.

1.3

Għandha tiġi ffinalizzata malajr kemm jista’ jkun l-implimentazzjoni tal-għodod għall-għarfien biex dejjem nifhmu aħjar dawn is-sitwazzjonijiet, bid-diverġenzi, iżda wkoll il-konverġenzi, fl-Ewropa.

1.4

Għandhom jiġu studjati u stabbiliti bilanċi ġodda bejn il-protezzjoni soċjali u l-impjieg, speċjalment biex jiġi żgurat id-dħul deċenti għal kull ħaddiem u b’hekk jinħolqu l-kondizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiġu sodisfati l-ħtiġijiet bażiċi (alloġġ, kura tas-saħħa, edukazzjoni tal-ħaddiema nfushom u tat-tfal tagħhom eċċ.).

1.5

Għandu jiġi żgurat it-taħriġ inizjali u kontinwu għall-impjiegi ta’ kwalità u għandhom jittieħdu miżuri f’diversi livelli (nazzjonali, reġjonali) biex jinħoloq ambjent li jiskoraġġixxi liż-żgħażagħ milli jitilqu kmieni mill-iskola.

1.6

Għandhom jitkomplew l-isforzi u d-dibattiti marbuta mal-flessigurtà, sabiex jinstab bilanċ ġdid bejn il-flessibbiltà (li hija essenzjali għall-intrapriżi) u mezzi reali biex tiġi pprovduta iktar sigurtà (il-protezzjoni għall-ħaddiema) u tittrażżan iż-żieda fil-faqar attiv bil-għan li dan jinqered.

1.7

Fil-qafas tas-sena 2010, iddikjarata bħala s-sena Ewropea tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għandha tiġi kkunsidrata l-opportunità għas-sensibilizzazzjoni u l-azzjoni marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

2.   Kuntest

2.1

Fil-livell tal-UE ġie żviluppat korp ta’ riċerka, proposti u innovazzjonijiet immirati lejn il-“ħaddiema fil-faqar”, li juri li l-okkupazzjoni mhijiex neċessarjament protezzjoni kontra l-faqar, b’mod partikolari fil-kuntest soċjoekonomiku attwali.

2.2

Fil-“Proposta għal rapport konġunt 2009 dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali” (1), ibbażata fuq ir-Rapporti Strateġiċi Nazzjonali ġodda, il-Kummissjoni spjegat l-importanza tas-suġġetti tal-ħaddiema fqar u tal-impjiegi ta’ kwalità. Is-suġġett u l-kwistjonijiet konkreti li tressqu jikkonformaw sew mal-azzjoni fil-livell tal-UE dwar “l-inklużjoni attiva”. Hemm tħassib doppju – dak dwar il-ġlieda kontra t-tfaqqir u dak dwar l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd.

2.3

Fi żmien ta’ kriżi l-kwistjoni tiżdied darbtejn fl-importanza: żieda konsiderevoli fil-qgħad flimkien ma’ tensjoni akbar fuq il-finanzi pubbliċi. Madankollu, għandna nieħdu pass lura mis-sitwazzjoni immedjata u nikkunsidraw din il-kwistjoni bħala waħda li għandha tiġi indirizzata mhux biss fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, naturalment, iżda wkoll bħala kwistjoni strutturali fil-qalba tal-iżviluppi pożittivi u mixtieqa fil-protezzjoni soċjali u l-politika tax-xogħol, fil-perijodu medju kif ukoll fit-tul.

2.4

Il-Kummissjoni, li bħalissa qed taħdem fuq dokument dwar ix-xogħol u l-faqar, ħabbret li l-2010 se tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Kważi 80 miljun persuna fl-UE, jiġifieri 16 % tal-popolazzjoni, jintlaqtu direttament mill-faqar. Dawn jinkludu għadd sostanzjali ta’ “ħaddiema fil-faqar”; 8 % tal-ħaddiema qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar (2).

2.5

Fl-opinjoni tiegħu dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)  (3), il-Kumitat innota li flimkien mal-indikatur tas-soltu dwar il-faqar relattiv fil-flus, indikaturi oħrajn tal-faqar, li juru l-persistenza tiegħu u d-deprivazzjoni ġenwina, huma neċessarji sabiex napprezzaw għalkollox il-kobor tal-problema. Lil hinn mid-dettalji tekniċi, it-tqabbil, li issa jista’ jsir grazzi għal definizzjoni maqbula fil-livell Ewropew, jagħti stampa ċara tat-tendenzi.

3.   Definizzjoni

3.1

Meta nużaw il-frażi “ħaddiema fil-faqar”, għandna qabel xejn niddefinixxu ż-żewġ termini, i.e. “ħaddiema” u “faqar”. Il-“faqar” ta’ ħaddiem jiddependi parzjalment mid-dħul iddikjarat individwali tiegħu li jkun qala’ tul il-perijodu tal-kuntratt ta’ xogħol (dak li jitħallas għal xogħlu) u parzjalment miċ-ċirkostanzi materjali ġenerali tal-familja tiegħu. Ix-xogħol huwa l-attività professjonali ta’ individwu. Il-faqar huwa n-nuqqas ta’ riżorsi adegwati biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-familja kollha. F’xi każijiet jista’ jiġri li n-nies li ma jkunux foqra u/jew li jidhru li mhumiex foqra jaqgħu fil-faqar f’qasir żmien.

3.2

Il-faqar huwa definit fil-livell tal-familja, filwaqt li x-xogħol huwa definit fil-livell tal-individwu. Għaldaqstant, qed inħalltu żewġ livelli ta’ analiżi. Biex ikunu “ħaddiema fil-faqar” l-ewwel nett jiddependi fuq il-qagħda tal-impjieg tal-individwu u l-karatteristiċi tal-impjieg tiegħu, u mbagħad fuq il-livell ta’ għajxien tal-familja tiegħu. Din l-evalwazzjoni doppja twassal għad-diffikultajiet. Jista’ jkun il-każ li l-individwu ma jitħallasx tajjeb iżda ma jkunx ikkunsidrat bħala fqir (għax ir-riżorsi l-oħra tal-familja jkunu iktar sostanzjali). Mill-banda l-oħra, l-individwu jaf ikun ikkwalifikat bħala fqir minkejja li d-dħul tiegħu jkun qrib is-salarju medju fix-xahar tal-pajjiż u kkunsidrat bħala biżżejjed fis-soċjetà li jagħmel parti minnha. Xi wħud jafu jkunu mingħajr xogħol (qiegħda) iżda jkunu qed jirċievu benefiċċji ħafna ogħla mil-livell tal-faqar. Barra minn hekk, xi wħud jistgħu jkunu impjegati b’mod attiv ħafna, iżda mhux imħallsa tajjeb u b’ħafna dipendenti, u b’hekk isibu ruħhom jgħixu taħt il-livell tal-faqar.

3.3

Għaldaqstant, meta tiġi kkunsidrata l-politika tal-ħaddiema fqar, għandhom jitqiesu wkoll il-politiki tax-xogħol, il-politiki tal-assistenza u s-sigurtà soċjali u l-politiki tal-familja.

3.4

Skont l-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg, li hija parti mill-Istrateġija ta’ Lisbona, it-tnaqqis ta’ ħaddiema fil-faqar sar prijorità tal-UE. Għalhekk fl-2003 kien hemm bżonn li jitwaqqaf indikatur għall-finijiet ta’ evalwazzjoni u tqabbil. F’Lulju 2003, fil-kuntest tal-ħidma tiegħu fil-Proċess tal-Inklużjoni Soċjali, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Unjoni Ewropea adotta indikatur komuni għall-analiżi tal-proporzjon tal-ħaddiema fil-faqar fl-UE kif ukoll ta’ xi wħud mill-karatteristiċi soċjodemografiċi ewlenin.

3.5

Skont id-definizzjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-ħaddiema fil-faqar huma dawk l-individwi li kienu impjegati għall-biċċa l-kbira tas-sena ta’ referenza (jew f’impjieg imħallas b’paga jew b’salarju jew f’impjieg għal rashom) u dawk li d-dħul disponibbli totali tal-familja tagħhom jaqa’ taħt is-60 % tad-dħul medjan nazzjonali totali. L-individwi jkunu jridu ħadmu għal iktar minn nofs is-sena. L-indikatur tal-“ħaddiema fir-riskju tal-faqar” fil-fatt jidentifika kwalunkwe persuna li tkun ilha taħdem tal-inqas sebgħa minn tnax-il xahar matul il-perijodu ta’ referenza (4).

4.   Evalwazzjoni statistika

4.1

Fl-aħħar tal-2008, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport annwali tagħha dwar it-tendenzi soċjali fl-Istati Membri fil-kuntest tal-għanijiet komuni tal-istrateġija tal-UE għall-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali (ara l-appendiċi) (5). Dan ir-rapport jiżvela li fl-aħħar tal-2 006,16 % taċ-ċittadini Ewropej kienu fir-riskju tal-faqar. 8 % tal-ħaddiema fl-UE kienu qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar. Dawn il-figuri jvarjaw minn 4 % jew inqas (ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, id-Danimarka, l-Olanda u l-Finlandja) sa 13 % jew 14 % (fil-Polonja u l-Greċja rispettivament) (6). Il-faqar tal-ħaddiema huwa marbut ma’ paga baxxa (pagi li huma inqas minn 60 % tal-paga medja), kwalifiki baxxi, nuqqas ta’ sigurtà fl-impjieg, salarji baxxi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u impjieg part-time (ħafna drabi involontarju). Dan it-tip ta’ faqar huwa marbut ukoll mal-istatus ekonomiku ta’ membri oħra tal-familja. Il-Kummissjoni tinnota li fil-każ ta’ familji bit-tfal, paga waħda m’għadhiex biżżejjed għall-ħarsien mir-riskju tal-faqar.

4.2

L-indikaturi tal-faqar monetarju relattiv ħafna drabi jiġu kkritikati billi ma jqisux verament id-diversità tas-sitwazzjonijiet ta’ kif jista’ jseħħ il-faqar. Il-faqar tad-dħul finanzjarju huwa biss aspett wieħed tal-faqar. Qed jiġu żviluppati indikaturi oħrajn fl-Unjoni Ewropea u dawn jippreżentaw stampa differenti u komplementarja tar-realtajiet tal-faqar.

4.3

Barra mill-kejl monetarju tal-faqar, qed jiġi żviluppat kejl ieħor li huwa relatat mal-“kondizzjonijiet tal-għajxien”. Għalhekk, fil-livell tal-UE, qed titkejjel “id-deprivazzjoni materjali” (ara l-appendiċi). L-indikatur iqis il-proporzjon tal-persuni li jgħixu fi djar b’nuqqas ta’ mill-inqas tlieta mid-disa’ elementi li ġejjin: 1) l-abbiltà li jħallsu spejjeż mhux mistennija, 2) vaganza annwali ta’ ġimgħa, 3) l-abbiltà li jħallsu d-dejn, 4) ikla li tinkludi laħam aħmar, tiġieġ jew ħut tal-inqas ġurnata iva u ġurnata le, 5) alloġġ b’tisħin adegwat, 6) magna tal-ħasil, 7) televiżjoni bil-kulur, 8) telefon, 9) vettura privata. Naturalment, dawn il-kondizzjonijiet materjali huma dubjużi bħala indikaturi. Huwa t-total globali tagħhom li jippreżenta stampa interessanti. Ir-rati ta’ deprivazzjoni juru diverġenzi kbar li jvarjaw minn 3 % fil-Lussemburgu sa 50 % fil-Latvja. Dawn id-diverġenzi huma ħafna iktar sostanzjali minn dawk tal-faqar monetarju (li jvarjaw minn 10 % sa 21 %).

4.4

L-approċċ tad-deprivazzjoni materjali jittrasforma radikalment il-klassifika tal-faqar tal-Istati Membri. Madankollu, dan jirreferi għall-faqar b’mod ġenerali u mhux għall-ħaddiema fil-faqar. Dalwaqt ser ikollna nkunu kapaċi nuru s-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-faqar f’termini ta’ deprivazzjoni materjali għal kull pajjiż. Bażikament, il-faqar tal-ħaddiema mhuwiex biss problema ta’ dħul dgħajjef, iżda wkoll kwistjoni ta’ kwalità ta’ ħajja (professjonali, familjari u soċjali).

5.   Fatturi li jwasslu għall-ħaddiema fil-faqar

5.1

Wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għall-ħaddiema fil-faqar huwa n-nuqqas ta’ sigurtà fl-impjieg. Bosta atturi, fosthom il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u t-trejdjunjins Ewropej, huma mħassba dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fl-impjieg. B’iktar minn 19,1 miljun kuntratt fiss (7) u madwar 29 miljun li “taparsi” jaħdmu għal rashom (l-iktar fis-setturi tal-bini u x-xogħlijiet pubbliċi), hemm kważi 48,1 miljun ħaddiema li qed jgħixu b’xi forma ta’ instabbiltà. M’hemmx għalfejn ngħidu, dawn il-persuni jiffurmaw grupp eteroġenju ħafna fil-pajjiżi individwali, u ħafna iktar bejn il-pajjiżi. Madankollu, l-iskala tal-problema għandha titkejjel f’għexieren ta’ miljuni ta’ persuni li jaħdmu li qed jiffaċċjaw xi forma ta’ nuqqas ta’ sigurtà u b’hekk jitqiegħdu fir-riskju tal-kategorija ta’ ħaddiema fil-faqar.

5.2

Min iħaddem jisħaq fuq il-kumplessità ta’ din il-kwistjoni ta’ faqar attiv, l-ewwel nett fuq ir-rabta bejn ir-riskju tal-faqar u l-livell ta’ edukazzjoni. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu iktar effettivi u ġusti. Barra minn hekk, huwa essenzjali li x-xogħol jirrendi (8) biex jiġi żgurat bilanċ effikaċi bejn is-sistemi fiskali u s-sistemi tas-sigurtà soċjali.

5.3

Il-faqar tal-ħaddiema jiddependi minn kemm huma baxxi l-pagi (li ħafna drabi ma jkunux adegwati għall-kompitu) u mill-bidliet fil-mudell tal-familja. L-iżviluppi fil-familji, li jolqtu b’modi differenti d-diversi Stati Membri, għandhom karattru instabbli minħabba s-separazzjonijiet dejjem jiżdiedu u ż-żieda fil-familji b’ġenitur wieħed, nies li jgħixu waħedhom u esposti għar-riskju tal-faqar. Fir-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (2007)  (9) il-Kummissjoni kienet diġà osservat li l-impjieg huwa l-aħjar protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda impjieg mhuwiex garanzija għal ħajja ħielsa mill-faqar. B’hekk, għandna nadottaw jew insaħħu l-miżuri rilevanti għas-solidarjetà li huma essenzjali għall-familji, in-nisa, iż-żgħażagħ, l-istudenti, u l-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani, il-migranti, u l-iktar kategoriji vulnerabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat il-punt safejn il-faqar tal-ħaddiema jiddetermina l-faqar tat-tfal.

5.4

Iż-żieda fl-ispiża tat-trasport, l-alloġġ u l-kura tas-saħħa eċċ., għandha tendenza tfixkel ukoll is-sigurtà tal-ħaddiema. Din tolqot b’mod partikolari dawk li jaqilgħu kważi l-paga minima u l-klassijiet soċjali tan-nofs ta’ isfel billi s-soltu dawn jinsabu fil-marġni taż-żoni tal-impjieg.

5.5

Il-faqar tal-ħaddiema jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ kwalifiki jew livelli baxxi ta’ edukazzjoni, minn sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kwalifiki biżżejjed għal impjiegi b’paga adegwata jew minn kondizzjonijiet tax-xogħol inadegwati. L-iktar gruppi vulnerabbli ħafna drabi jkunu l-ħaddiema avvanzati fl-età, iż-żgħażagħ, in-nisa, il-familji l-kbar, il-persuni b’diżabbiltà, it-tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-immigranti. Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li kull persuna b’diżabbiltà jkollha aċċess adatt għall-impjieg u li kull tifel u tifla jingħataw bidu tajjeb għall-ħajja bis-saħħa ta’ edukazzjoni li tibda minn età żgħira fejn fl-istess ħin tiġi indirizzata l-problema tat-tluq bikri mill-iskola, billi r-rata ta’ bħalissa ta’ 15 % fl-Ewropa, għadha għolja wisq.

5.6

F’livell iktar profond u ta’ sikwit, il-ħaddiema fil-faqar huma r-riżultat ta’ sottookkupazzjoni. Il-faqar tal-ħaddiema, kemm għall-impjegati kif ukoll għall-ħaddiema indipendenti, jirrappreżenta suġġett kumpless li jħaddan għadd ta’ kriterji interrelatati. Għandu jiġi adottat approċċ olistiku biex jinstabu mekkaniżmi biex jingħelbu l-isfidi. Mingħajr politiki komprensivi tat-tkabbir immirati lejn l-adattar għall-globalizzazzjoni u issa għall-irkupru ekonomiku, ma jista’ jkun hemm l-ebda programm effettiv għall-ġlieda kontra l-faqar tal-ħaddiema.

6.   Proposti għal approċċ komprensiv fil-ġlieda tal-faqar tal-ħaddiema

6.1

L-ewwel nett għandna bżonn naħsbu f’termini makroekonomiċi biex niġġieldu l-faqar tal-ħaddiema. Miżuri ad hoc mhux ser iservu b’mod adegwat għall-kontroll tad-dinamika, speċjalment matul perijodu ta’ kriżi. L-impjiegi u l-impjieg indipendenti, b’mod speċjali l-impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd, għandhom ikunu l-prijorità tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

6.2

Indikaturi affidabbli. Id-dinamika tal-iżvilupp ta’ indikaturi komuni u affidabbli għall-ħaddiema fil-faqar għandha tkompli għaddejja. Bis-saħħa tal-investiment Ewropew u l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni saru ħafna avvanzi. Issa hemm bżonn immorru lil hinn u nibnu l-għarfien tagħna fuq il-bażi ta’ data iktar sħiħa li tqis b’mod simultanju l-għadd ta’ ħaddiema fil-faqar, l-intensità ta’ dan il-faqar u d-distribuzzjoni inugwali tad-dħul fost il-fqar (fl-istess pajjiż u minn pajjiż għal ieħor).

6.3

Mil-lat tekniku, b’rispett għal dawn il-kwistjonijiet ta’ statistika, tinħtieġ data nazzjonali, ibbażata fuq livelli minimi nazzjonali, kif ukoll data kompletament Ewropea, ibbażata fuq livell minimu Ewropew. Dan jiffaċilita klassifiki oħrajn u perspettivi oħra minbarra dik ipprovduta llum mill-uniku indikatur stabbilit.

6.4

Paga ġusta u deċenti, imsejsa fuq djalogu soċjali msaħħaħ. Il-ġlieda kontra l-faqar tal-ħaddiema għandha tinvolvi wkoll politika ambizzjuża dwar il-pagi. Għandna nżidu u nappoġġjaw kull inizjattiva mfassla skont il-formula: inflazzjoni + parteċipazzjoni adegwata għall-qligħ fil-produttività. F’dan il-kuntest, in-negozjati dwar il-pagi, is-sisien tad-djalogu soċjali, għandhom jaqdu rwol predominanti fil-ġlieda kontra l-faqar tal-ħaddiema. Fil-livell settorjali, nazzjonali u Ewropew, m’hemm l-ebda impatt finanzjarju reali fuq l-intrapriżi meta n-negozjati jimxu mingħajr xkiel u għaldaqstant m’hemm l-ebda “premium” x’jitħallas għal djalogu soċjali ġenwin. Il-progress lejn ix-xogħol deċenti jinkiseb bis-saħħa tad-djalogu soċjali, l-investiment min-naħa tal-imsieħba soċjali, ir-responsabbiltà tal-kumpaniji, mill-miżuri tal-inċentiv u korrettivi tal-awtoritajiet pubbliċi, u attwalment, mir-rwol tal-banek fil-kuntest tal-SMEs. Il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat hija strument determinanti fil-ġlieda kontra l-faqar tal-ħaddiema. Minn naħa għax jolqot lill-iktar nies vulnerabbli (immigranti, ħaddiema b’xogħol prekarju) iżda wkoll għax jista’ jwassal għal sitwazzjoni ta’ kważi skjavitù li tmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

6.5

Il-mekkaniżmi għall-intraprenditorija u x-xogħol indipendenti: ħafna intraprendituri u dawk li jaħdmu għal rashom ibatu mill-faqar tal-ħaddiema, speċjalment fil-bidu meta n-negozju jkun għadu qed jiġi stabbilit. Hemm bżonn li jiġu pprovduti mekkaniżmi ta’ appoġġ għax ħafna minn dawn l-SMEs ‘il quddiem joħolqu l-impjiegi. 80 % tat-tkabbir fl-ekonomija jiġi mis-settur tal-SMEs, iżda ħafna intraprendituri ma jaqilgħux paga jew jaqilgħu paga baxxa meta jkunu għadhom qed jistabbilixxu n-negozji tagħhom u jpoġġu lill-familji tagħhom fir-riskju tal-faqar.

6.6

Is-sistemi ta’ taħriġ aġġustati. It-taħriġ tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema inqas ikkwalifikati, huwa prerekwiżit biex jittejbu l-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema u l-aċċess tagħhom għal impjiegi b’paga ġusta u deċenti.

6.7

Protezzjoni soċjali adattata. Sabiex jingħeleb il-faqar tal-ħaddiem hemm bżonn li jiġu razzjonalizzati l-miżuri li qed jintużaw. Is-servizzi soċjali għandhom ikunu jistgħu jinteraġixxu b’mod iktar effettiv b’servizzi tal-kura tat-tfal u appoġġ għall-mobbiltà (bħax-xogħol, il-mobbiltà għandha tirrendi wkoll), li jwassal sabiex il-ħaddiema fil-faqar ikunu jistgħu jerġgħu lura għal impjiegi mħallsa aħjar.

6.8

Rigward l-alloġġ, billi jidher li f’xi pajjiżi hemm għadd ta’ ħaddiema li m’għandhomx dar, huwa importanti li r-riżorsi għad-djar soċjali jintużaw biex tingħata prijorità lil dawk li għandhom impjieg iżda qegħdin fir-riskju li jitilfuh flimkien mal-istabbiltà relattiva tagħhom għax ikollhom alloġġ fqir jew ma jkollhom l-ebda alloġġ.

6.9

Inqisu l-ambjent tax-xogħol, u x-xogħol. F’termini konkreti, billi l-faqar tal-ħaddiema huwa marbut mal-kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa essenzjali li tittieħed azzjoni fil-lievi marbuta mal-ambjent tax-xogħol: l-għajnuna għall-mobbiltà magħżula, l-aċċess għall-ikel issussidjat, il-kondizzjonijiet tal-alloġġ, il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal. Barra minn hekk, min iħaddem għandu jkun f’pożizzjoni li jeżamina liema miżuri jista’ jieħu biex joffri aktar sigurtà fil-kuntratti tal-impjieg u kif l-impjegati tiegħu jistgħu javvanzaw u jtejbu l-kwalifiki tagħhom.

6.10

Sensibilizzazzjoni u azzjoni. Fl-aħħar nett, matul is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandna nimmobilizzaw l-opinjoni pubblika u l-mezzi tax-xandir. L-analiżi tal-faqar tal-ħaddiema, b’diskussjoni dwar is-sitwazzjonijiet umani degradanti li jġib miegħu, u l-mobilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika fl-UE jistgħu jwasslu għal tmiem it-tbatija ta’ dawn il-ħaddiema tal-popolazzjoni u tingħatalhom lura d-dinjità li ġiet kompromessa. Iktar milli diskussjoni f’termini ta’ kompassjoni, għandha ssir diskussjoni f’termini ta’ azzjoni li tiżgura impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd sabiex jiġi promoss mudell soċjali Ewropew etikament superjuri.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 58 finali.

(2)  Eurostat, Statistics in focus, 46/2009.

(3)  Opinjoni tal-KESE tad-29.5.2008 dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)”, relatur: is-Sur Pater, korelatur: is-Sinjura Koller (ĠU C 224, 30.8.2008).

(4)  Għal iktar dettalji u żviluppi sinifikanti, ara Guillaume Allègre, Working poor in the EU: an exploratory comparative analysis, dokument ta’ ħidma tal-OFCE, Nru 2008–35, Novembru 2008; Sophie Ponthieux, “The working poor as a statistical category – Methodological difficulties and exploration of a notion of poverty in earned income”, dokument ta’ ħidma tal-INSEE, Nru F0902, Marzu 2009.

(5)  Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008. http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/joint_reports_en.htm.

Ara d-data kollha relatata mal-ħidma tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni: http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/the_process_en.htm. Għal perspettiva Ewropea riċenti u xenarji u tħassib f’ċerti pajjiżi tal-UE, ara Hans-Jürgen Andreß, Henning Lohmann (dir.), “The Working Poor in Europe. Employment, Poverty and Globalization, Cheltenham”, Edward Elgar, 2008.

(6)  Għandu jiġi nnotat li ġew applikati l-livelli minimi nazzjonali għall-faqar monetarju. Livell minimu Ewropew għall-faqar monetarju jista’ jaqleb għalkollox il-klassifikazzjoni kif jidhru l-pajjiżi.

(7)  Stħarriġ Ewropew dwar il-forzi tax-xogħol – riżultati tas-sena 2008; http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-QA-09-033/EN/KS-QA-09-033-EN.PDF.

(8)  Ix-xogħol jirrendi – Studju mill-Kumitat tax-xogħol u l-Kumitat tal-protezzjoni soċjali dwar l-interazzjoni bejn is-sistemi fiskali u s-sistemi tas-sigurtà soċjali. Ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar impjiegi u ta’ kwalità aħjar avviċinament komprensiv li jwassal għal xogħol li jirrendi, relatur: is-Sinjura St Hill (ĠU C 302, 7.12.2004).

(9)  http://ec.europa.eu/employment_social/spsi/joint_reports_en.htm#2007.


Appendiċi

Tabella 1. Il-faqar u l-faqar tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea fl-2006

Image

Tabella 2. Deprivazzjoni materjali fl-UE

Persentaġġ ta’ persuni li qed jgħixu fi djar li jonqoshom mill-inqas tlieta mill-elementi elenkati (2006)

Image