30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 265/31


It-Tlieta, 20 ta’ Ottubru 2009
It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marek Siwiec

P7_TA(2009)0050

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2009 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marek Siwiec (2009/2067(IMM))

2010/C 265 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marek Siwiec, imressqa mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk fis-27 ta’ Settembru 2006, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-10 ta’ April 2008,

wara li sema' lil Marek Siwiec bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regola ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta’ Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tat-2 ta' April 1997,

wara li kkunsidra l-Artikolu 7b(1) tal-Liġi Pollakka tad-9 ta' Mejju 1996 dwar it-twettiq tal-mandat ta' deputat jew senatur,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0030/2009),

A.

billi ttieħdu passi legali privati kontra Marek Siwiec,

B.

billi jidher li ż-żmien li ntgħażel għall-prosekuzzjoni huwa proprju matul kampanja elettorali tliet snin wara li twettqu l-allegati reati, u li l-iskopijiet tal-kwerelant privat huma apertament politiċi, kif evidenzjat b'mod partikolari mid-dokumenti ppreżentati minn dak l-individwu nnifsu lill-President tal-Parlament u mill-fatt li qal li qed jaġixxi f'isem dawk iċ-ċittadini li joġġezzjonaw f'termini ġenerali għall-fatt li s-Sur Siwiec qed iwettaq xi għamla ta' attività pubblika, kollha jindikaw li l-kwerela inkwistjoni tikkostitwixxi fumus persecutionis, peress li hemm raġunijiet serji li jwasslu għall-konklużjoni li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Siwiec tressqu minn avversarju politiku bl-għan ewlieni li tiddgħajjef l-attività tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.

Jeddiċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Marek Siwiec;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità xierqa tar-Repubblika tal-Polonja.


(1)  Kawża 101/63, Wagner v Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 383, u Kawża 149/85 Wybot v Faure u oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391.