52009DC0700

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Ir-Rapport annwali tal-2008 dwar il-Phare, l-istrument ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija, il-programm CARDS u l-Faċilita ta’ Tranżizzjoni {SEG(2009) 1726} /* KUMM/2009/0700 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.12.2009

KUMM(2009)700 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

IR-RAPPORT ANNWALI TAL-2008 DWAR IL-PHARE, L-ISTRUMENT TA' QABEL L-ADEŻJONI TAT-TURKIJA, IL-PROGRAMM CARDS U L-FAĊILITA TA’ TRANŻIZZJONI

{SEG(2009) 1726}

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport u d-dokument ta’ sfond assoċjat ikopru l-implimentazzjoni tal-Phare[1], l-istrument ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija[2], il-programm CARDS[3] u l-Faċilità ta’ Tranżizzjoni[4] matul is-sena 2008, bid-data tal-għeluq fil-31 ta’ Diċembru 2008. Għandu jiġi nnutat li minħabba li l-2006 kienet l-aħħar sena ta’ programmazzjoni taħt il-Phare, l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni tat-Turkija u l-CARDS, ma tnieda ebda programm ġdid taħt dawn l-istrumenti fl-2008[5].

L-għanijiet tal-assistenza Phare ta’ qabel l-adeżjoni kienu biex tassisti pajjiżi kandidati u li jkunu se jsiru membri fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet tagħhom biex jiffunzjonaw b’mod effettiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea; biex tmmexxi ’l quddiem il-konverġenza mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea; biex tnaqqas il-ħtieġa ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni; u biex tmexxi ’l quddiem il-Koezjoni Ekonomika u Soċjali (KES).

L-għan tal-programm CARDS kien biex jagħti sostenn lill-parteċipazzjoni tal-Albanija, tal-Bożnija u l-Ħerzogovina, tal-Kroazja, tal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro, tas-Serbja u tal-Kosovo[6], fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA). Dan il-proċess ifittex li jippromwovi l-istabbilità fir-reġjun filwaqt li jiffaċilita assoċjazzjoni eqreb mal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport fih ukoll informazzjoni dwar il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni għal Stati Membri ġodda li kient introdotta biex tippermetti sostenn kontinwat tal-bini tal-istituzzjonijiet bil-għan li tissaħħaħ u tiġi kkonsolidata l-kapaċità istituzzjonali u amminstrattiva biex jiġi implimentat l- acquis.

Mill-2007 ’l hawn, l-iffinanzjar ta’ qabel l-adeżjoni kien ikkanalat minn strument wieħed, l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni (IAA), imfassal biex jipproduċi appoġġ iffukat kemm lil pajjiżi kandidati kif ukoll lil dawk li huma kandidati potenzjali. L-IAA jieħu post ħames strumenti finanzjarji ta’ qabel tal-UE – il-Phare, l-ISPA[7], is-SAPARD[8], l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni tat-Turkija u l-CARDS. Mill-2008 ’l hawn, il-Kummissjoni bdiet tħejji Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument għal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

IS-SENA MISTħARRġA

Evoluzzjonijiet ewlenin tal-Proċess tat-Tkabbir fl-2008

Ir-riżultati miksuba fl-2008 rigward il-pajjiżi kandidati[9] u dawk potenzjalment kandidati[10] u rigward il-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġew ippreżentati fil-pakkett ta’ tkabbir ta’ Novembru 2008. Il-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija ta’ tkabbir u l-isfidi ewlenin tal-2008-09 żviluppat l-approċċ ta’ bħalissa tal-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq il-konsensus imġedded dwar it-tkabbir maqbul mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2006. Il-Komunikazzjoni spjegat l-approċċ tal-Kummissjoni għal sfidi futuri ta’ tkabbir u identifikat miżuri biex jgħinu lill-pajjiżi fi triqithom lejn is-sħubija. Din kienet akkumpanjata minn rapporti dwar il-progress ta’ pajjiżi kandidati u dawk potenzjalment kandidati, li evalwaw il-progress li kull pajjiż kien għamel biex iwettaq il-kriterji ta’ Kopenħagen. Dan il-pakkett ta’ tkabbir kien ġeneralment milqugħ mill-Kunsill[11] u kien milqugħ tajjeb mill-pajjiżi involuti fit-tkabbir.

IPPROGRAMMAR U IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI: ĦARSA ĠENERALI

Il-Phare, l-istrument ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija u l-CARDS

Bl-introduzzjoni tal-IAA f’Jannar 2007, ma kienx hemm impenji ġodda wara l-2006 taħt il-Phare, l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni tat-Turkija jew il-CARDS. Ingħatat prijorità lill-implimentazzjoni tal-programmi tas-snin ta’ qabel, inkluż it-tnaqqis tax-xogħol b’lura fejn meħtieġ.

Matul l-2008 ħafna mill-pajjiżi li rċivew assistenza mill-CARDS komplew jikkuntrattaw permezz tal-allokazzjonijiet li fadal mill-baġit tal-2005 u 2006, minkejja li r-rati kuntrattwali kienu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Fl-Albanija u fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-isforz biex jiġu kkuntrattati l-fondi li kien fadal taħt il-CARDS 2005 qabel l-iskadenza ta’ kkuntrattar wassal għal ikkuntrattar pjuttost limitat għall-programmi CARDS 2006. Min-naħa l-oħra, fil-Bożnja-Ħerzegovina u fil-Kosovo, il-programmi CARDS sal-2005 kienu kkuntrattati kollha sal-aħħar tas-sena filwaqt li l-ikkuntrattar tal-CARDS 2006 kien fil-ħin.

Mill-21 ta’ Diċembru 2007 d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kroazja ssospendiet temporanjament l-iffirmar ta’ kuntratti taħt il-Phare 2006 sakemm il-Kummissjoni tkun sodisfatta bit-titjib fil-prestazzjoni tal-Kroazja taħt l-implimentazzjoni deċentralizzata. Wara li f’Lulju 2008 tneħħiet is-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratti, il-Kroazja rnexxielha tikkuntratta 84.7% tal-allokazzjoni Phare 2006 qabel l-iskadenza fit-30 ta’ Novembru 2008.

Tliet programmi taħt l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni tat-Turkija kienu fil-fażi ta’ implimentazzjoni fl-2008, inkluż il-programm nazzjonali 2006 li l-ikkuntrattar għalih kien għadu għaddej. L-iskadenzi stabbiliti mill-Kumitat Konġunt tas-Sorveljanza għas-sottomissjoni ta’ dokumenti tal-offerti għall-kontroll ex ante tal-Kummissjoni Ewropea (KE) taħt il-programm nazzjonali 2006 wassal biex jitħaffef il-proċess tal-għotja meta mqabbel mal-programmi ta’ qabel. Ir-rata ta’ kkuntrattar għall-programm nazzjonali 2006 fl-aħħar tal-2008 kien ta’ 78.3%.

Matul l-2008 l-Bulgrija u r-Rumanija komplew bl-ikkuntrattar u bl-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali Phare 2006. Fl-aħħar tal-perjodu tal-ikkuntrattar fit-30 ta’ Novembru 2008, 17.38% biss tal-programmi kienu kkuntrattati fil-Bulgarija. Il-persentaġġ baxx tal-ikkuntrattar kien parzjalment dovut għas-sospensjoni tal-finanzjament kif ukoll għar-revoka ta’ għadd sinifikanti ta’ kuntratti mill-awtoritajiet Bulgari li għalihom ma kienx hemm żmien u riżorsi. Fir-Rumanija, fl-aħħar tal-perjodu ta’ kkuntrattar għall-programm nazzjonali Phare 2006, kienu kkuntrattati 78.01% tal-programmi.

Informazzjoni iktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-Phare, l-assistenza finanzjarja ta’ qabel l-Adeżjoni tat-Turkija u l-CARDS tinstab fil-Parti I tad-dokument ta’ sfond ta’ dan ir-rapport.

Faċilità ta' Tranżizzjoni

Il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija ġiet stabbilita permezz tal-Artikolu 31 tal-Att ta’ Adeżjoni biex tiffinanzja ċerti azzjonijiet ta’ Bini ta’ Istituzzjonijiet biex jindirizzaw il-ħtieġa kontinwata għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali f’ċerti oqsma permezz ta’ azzjonijiet li ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-Fondi strutturali u mill-Fond ta’ Żvilupp Rurali. Bħala tali, din hija estensjoni tal-assistenza pprovduta qabel l-adeżjoni taħt il-programm Phare. L-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE disponibbli taħt il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni hija ġestita permezz tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Tranżizzjoni ffirmat bejn l-awtoritajiet Bulgari u l-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Ġunju 2007 u bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta’ Settembru 2007.

Matul l-2008 l-Bulgarija u r-Rumanija komplew bl-ikkuntrattar u bl-implimentazzjoni tal-programm tal-Faċilità ta’ Tranżizzjoni 2007 allokat liż-żewġ pajjiżi. L-iskadenza għall-ikkuntrattar hija l-15 ta’ Diċembru 2009.

Matul l-2008, l-għaxar pajjiżi li kienu ilhom mill-2004 jibbenefikaw mill-Faċilità ta’ Tranżizzjoni għall-bini tal-istituzzjonijiet stabbilit mill-Artikolu 34 tal-Att ta’ Adeżjoni komplew bl-ikkuntrattar ta’ proġetti taħt il-programm FT 2006 u l-implimentazzjoni taħt il-programm FT 2005 rispettivament.

Il-Mixja lejn is-Sistema ta’ Implimentazzjoni Deċentralizzata Estiża (EDIS)

L-għan tal-Kummissjoni hu li tippermetti lill-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna tal-PHARE jiġġestixxu l-fondi tal-Komunità taħt is-Sistema Deċentralizzata Estiża ("EDIS") sabiex jakkwistaw, qabel l-adeżjoni, esperjenza prattika suffiċjenti fil-ġestjoni ta' sistema deċentralizzata għal kollox, u għalhekk tippreparahom biex jiġġestixxu l-fondi strutturali b'mod effettiv malli jsiru membri (f'ambjent ta' ġestjoni maqsuma).

L-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-aġenziji ta' implimentazzjoni tal-Phare li joperaw taħt l-EDIS ingħatat hekk kif urew li għandhom ir-riżorsi, l-istrutturi u s-sistemi xierqa f'posthom għal ġestjoni effettiva u f'waqtha tal-għajnuna Komunitarja.

L-għaxar Stati Membri ġodda tal-ħames Tkabbir[12] ilhom joperaw taħt l-EDIS mill-2005.

Rigward il-Phare u l-assistenza għall-Faċilità ta’ Tranżizzjoni, il-Bulgarija ilha topera taħt l-EDIS minn Lulju 2007. Dan jimplika li l-ikkuntrattar u l-implimentazzjoni tal-assistenza kienu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-awtoritajiet Bulgari. L-assistenza taħt implimentazzjoni hija ġestita minn erba’ Aġenziji Akkreditati[13].

Minkejja li s-sistema per se twaqqfet u ġiet akkreditata fuq il-bażi tal-impenji li ħadu l-awtoritajiet Bulgari, fl-2008 kien għad hemm nuqqasijiet x’jiġu indirizzati f’termini ta’ implimentazzjoni prattika u l-ipproċessar tal-assistenza. Ammont sostanzjali tal-pagamenti Phare għadhom sospiżi minn Frar 2008 sakemm il-Bulgarija timplimenta l-miżuri korrettivi. Il-kwistjoni kritika ewlenija matul l-2008 kienet ir-revoka tal-akkreditazzjoni għal żewġ Aġenziji ta’ Akkreditazzjoni (Unità Ċentrali għall-Fondi u l-Kuntratti u l-aġenzija ta’ Implimentazzjoni fil-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi) fil-Bulgarija fit-23 ta’ Lulju 2008, li wasslet biex il-Bulgarija tkun ineliġibbli għal sostenn mill-UE għall-iċċa l-kbira tal-programm Phare 2006.

Ir-Rumanija ilha topera wkoll taħt l-EDIS mill-aħħar tal-2006 ’l hawn għal żewġ aġenziji u minn April 2007 għat-tielet aġenzija, li jfisser li hija għal kollox responsabbli kemm għall-ħruġ ta’ offerti kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja. It-tliet Aġenziji Implimentattivi akkreditati[14] qed jiġġestixxu l-Phare 2006 u l-Faċilità ta’ Tranżizzjoni. Fl-2007 l-Kummissjoni esprimiet xi tħassib dwar il-kapaċità tal-aġenziji Rumeni li jiżguraw ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE, iżda matul l-2008 rat titjib sinjifikanti. Madanakollu, kien hemm dewmien fl-ikkuntrattar tal-Phare 2006 u l-implimentazzjoni tal-programmi li jinsabu għaddejjin xi drabi tiddewwem minħabba raġunijiet oġġettivi li mhumiex għal kollox attribwibbli lill-awtoritajiet Rumeni. Kollox ma’ kollox, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Rumeni hija biżżejjed u l-problemi qed jiġu ttrattati flimkien, biex b’hekk sar titjib miżurabbli fil-ġestjoni tal-fondi.

Il-Kummissjoni qed timmoniterja mill-qrib l-operazzjoni taħt l-EDIS sabiex tiżgura li l-implimentazzjoni tal-proġetti ssir f’waqtha u b’mod effiċjenti u r-riżultati jintlaħqu b’mod effettiv.

Koordinazzjoni tal-għajnuna Komunitarja ta' Qabel l-Adeżjoni

- Il-Programm Speċjali ta' Adeżjoni għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali (SAPARD)[15] għandu l-għan li jgħin pajjiżi kandidati jittrattaw il-problemi tal-aġġustament strutturali fis-setturi agrikoli u ż-żoni rurali tagħhom, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal- acquis rigward il-Politika Agrikola Komuni (il-PAK ) u l-leġiżlazzjoni relatata.

- L-Istrument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni (ISPA)[16] għandu l-għan prinċipali li jġib il-pajjiżi applikanti f’allinjament mal-istandards Komunitarji tal-infrastruttura. Jiffinanza wkoll infrastruttura ewlenija ambjentali u tat-trasport.

Fil-fażi ta’ programmazzjoni sar il-koordinament bejn l-istrumenti differenti ta’ qabel l-adeżjoni. L-aħħar eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-istrumenti SAPARD u ISPA sar fl-2006. Mill-2007 ’l hawn, l-IPA ħa post l-istrumenti preċedenti kollha ta’ qabel l-adeżjoni.

KOORDINAZZJONI MAL-BEI U MAL-ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI INTERNAZZJONALI

Il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) oħra, b’mod partikolari l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (BŻKE) flimkien mal-Kreditanstalt für Wiederaufbau ("KfW"), hija organizzata skont il-Memorandum ta’ Ftehim emendat tas-26 ta’ April 2006 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-IFI li qed jipparteċipaw għall-pajjiżi involuti fit-tkabbir.

L-implimentazzjoni ta' programmi orizzontali offriet possibiltajiet wesgħin għal kooperazzjoni tal-IFI billi ppermettiet l-estensjoni ta’ self lill-IFI flimkien ma’ għotjiet tal-UE. Dawn il-programmi orizzontali kkomplementaw il-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-programmi nazzjonali.

Ġew żviluppati erba’ tipi ta’ programmi, kif ġej:

Il- Faciltià Finanzjarja għall-SMEs (SME Finance Facility - SMEFF) iffukata fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-intermedjarji finanzjarji (jiġifieri banek, kumpaniji tal-kiri) f’pajjiżi benefiċjarji biex tespandi u ssostni l-operazzjonijiet finanzjarji tagħhom għall-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs). Il-proġetti SMEFF jipprovdu, fost affarijiet oħrajn, self, garanziji ta’ self, u kiri għal intermedjarji finanzjarji lokali flimkien ma’ inċentivi finanzjarji li ma jitħallsux lura. Min-naħa tagħhom, l-intermedjari finanzjarji jisilfu jew jikru lil intrapriżi individwali mikro jew lil SMEs. Mill-2005 ’l hawn, l-uniċi pajjiżi eliġibbli kienu l-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Rumanija u t-Turkija. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2008, l-ammont totali ta’ inċentivi tal-UE intiżi għal proġetti kien ta’ EUR 265 miljun.

Il- Faċilità għall-Iffinanzjar tal-Muniċipalitajiet (Municipal Finance Facility – MFF) hija intiża biex tinkoraġġixxi intermedjari finanzjarji lokali jisilfu lill-muniċipalitajiet. Il-mekkaniżmu tal-programm huwa simili għal dan tas-SMEFF. Fl-2008, il-pass ġenerali tal-iżvilupp u l-iffirmar ta' proġetti ġodda kien iktar bil-mod milli mistenni minħabba spejjeż amministrattivi għolja, dewmien fir-riformi regolatorji f'ċerti pajjiżi, u l-inesperjenza tal-muniċipalitajiet fit-tħejjija tal-fajls tal-krediti. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2008, l-ammont totali ta’ inċentivi tal-UE intiżi għal proġetti kien ta’ EUR 75 miljun.

Kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fl-2002, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Kummissjoni stabbilixxew Faċilità għall-Infrastruttura Muniċipali (Municipal Infrastrusture Facility – MIF). L-għan tal-MIF kien li tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ reġjuni fil-konfini tal-Istati Membri li jiffurmaw l-UE 15. Għal dan il-għan il-MIF tikkombina self minn riżorsi tal-BEI ma’ sostenn mhux rimborsabbli tal-Phare biex tħaffef l-ikkompletar ta’ investimenti żgħar għall-infrastruttura lokali. Sal-aħħar tal-2008 kienu tħallsu madwar EUR 40 miljun għal 24 proġett.

Il- Faċilità għall-Iffinanzjar tal-Effiċjenza fl-Enerġija (Energy Efficiency Finance Facility – EEFF) tnediet fl-2006 biex tindirizza l-kwistjoni tat-Tibdil fil-Klima. L-għan kien li jiġu stimulati investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija f'kull tip ta' bini u fis-settur tal-industrija billi tqiegħed fondi xierqa għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jissellfu. Ir-riżultati ġenerali tal-programm huma ffrankar ta’ enerġija u tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2.

Il-programm EEFF jgħaqqad linji ta' kreditu tal-IFI estiżi lil intermedjarji finanzjarji ma' inċentivi biex titjieb l-effettività finanzjarja tal-apparat u biex l-investiment fl-enerġija jsir aktar attraenti, u miżati għall-benefiċċju ta' intermedjarji finanzjarji lokali sabiex jitħajru jsellfu għall-iffinanzjar tal-effiċjenza fl-enerġija. Sal-aħħar tal-2008, ġew ikkuntrattati EUR 53 miljun fi tliet Ftehimiet ta’ Kontribuzzjoni u ġew approvati proġetti għal ammont totali ta’ EUR 23 miljun f’inċentivi.

Il-programmi ġew emendati fl-2008 sabiex jintroduċu komponent ta’ effiċjenza fl-enerġija u biex jestendu d-data tal-kuntratt bejn l-intermedjarji finanzjarji li qed jipparteċipaw u l-IFI, kif ukoll id-data tal-għeluq tal-kuntratti sal-aħħar tal-2015, sabiex il-fondi disponibbli jiġu utilizzati kollha.

SORVELJANZA U EVALWAZZJONI

Il-funzjonijiet ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fil-livell ta’ proġett għandhom l-għan li jimmonitorjaw u jevalwaw l-appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi benefiċjarji biex jilħqu l-għanijiet ta' qabel l-adeżjoni billi jeżaminaw il-prestazzjoni tal-programm u l-lezzjonijiet miksuba minnu. Tipprovdi wkoll kontabilità fir-rispett tal-valur tal-flus u l-użu tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni. Għan ieħor hu li jingħata sostenn lill-iżvilupp tal-kapaċità lokali ta' monitoraġġ u valutazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji bħala mezz biex isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiġġestixxu u jikkontrollaw l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni. L-evalwazzjoni fil-kwartieri ġenerali tiffunzjona fil-livell strateġiku ta’ programm u tipprovdi appoġġ lit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-assistenza.

Il-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni Interim

Fl-2008 il-Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (MOR) intuża bħala għodda biex lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Benefiċjarji jipprovdilhom informazzjoni ġenerali ċara, oġġettiva u konsistenti dwar proġetti li jkunu qed jiġu implimentati u informazzjoni dwar l-aħjar prattiki/żbalji komuni, rakkomandazzjonijiet għal titjib, u l-prestazzjoni tal-portafoll ta’ proġetti CARDS ġestiti direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, fl-2008, saru rapporti settorjali, tematiċi u ad hoc bħala parti mill-iskema ta’ evalwazzjoni interim għall-programmi Phare u CARDS fil-Kroazja kif ukoll tal-istrument finanzjarju ta’ qabel l-adezjoni tat-Turkija. Dawn l-evalwazzjonijiet hujma għodda ta’ ġestjoni li jipprovdu evalwazzjoni ta’ prestazzjoni regolari dwar l-attivitajiet fis-setturi kollha lill-amministraturi tal-programmi. Sistematikament jitressqu ’l quddiem rakkomandazzjonijiet fir-rapporti għal titjib fil-ġestjoni u t-twassil ta’ programmi/proġetti evalwati u diskussi fil-laqgħat ta’ informazzjoni u tal-Kumitat Konġunt tas-Sorveljanza (JMC) għal azzjonijiet ta’ segwitu. Barra minn hekk, evalwazzjonijiet interim dwar il-pajjiż u ta’ konsolidazzjoni jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil ta’ programmi futuri.

Valutazzjoni ex post

Fl-2008 tlestew evalwazzjonijiet ad hoc dwar il-programmi CARDS (2001-2006) fl-Albanija, fil-Bożnija u l-Ħerzegovina, u dwar il-Programmi Reġjonali fil-Balkani tal-Punent. Sommarji tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn it-tliet rapporti jistabu fit-taqsima 23.3 tad-dokument ta’ sfond. Evalwazzjonijiet simili tnidew fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-Kosovo, fil-Montenegro u fis-Serbja u għandhom jitlestew fl-2009.

[1] Phare, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas- 17 ta’ Diċembru 2001

[3] L-Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, Żvilupp u Stabbilizzazzjoni (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta’ Diċembru 2000)

[4] L-Artikolu 31 tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija

[5] Il-programmazzjoni tal-2008 għal pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali sar taħt l-istrument il-ġdid IPA, u se jsir rapport dwarha permezz tar-rapport annwali tal-IPA għall-2008, kif previst fir-regolament 1085/2006 (Art. 13(6)) tal-IPA.

[6] taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/99.

[7] Strument għal Politiki Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999)

[8] Programm Speċjali ta' Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999)

[9] Il-Kroazja, it-Turkija u l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

[10] L-Albanija, il-Bożnija u l-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo

[11] http://www.eu2008.fr/webdav/site/PFUE/shared/import/1208_CAGRE/Council_conclusions_on%20Enlargement_EN.pdf

[12] Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvija, il-Lituwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja

[13] Unità Ċentrali għall-Fondi u l-Kuntratti (Central Financing and Contracting Unit – CFCU), il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Enerġija

[14] CFCU, il-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, il-Ministeru tax-Xogħol

[15] Għal informazzjoni ġenerali dwar is-SAPARD, nirreferu għall-websajt tad-DĠ Agrikoltura.

[16] Għal informazzjoni ġenerali dwar l-ISPA, nirreferu għall-websajt tad-DĠ Politika Reġjonali.