52009DC0687

Rapport mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni /* KUMM/2009/0687 finali */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.12.2009

KUMM(2009) 687 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni

WERREJ

1. DAĦLA...........................................................................................................3

2. ATTIVITAJIET 3

3. ĦARSA ĠENERALI 3

4. INFORMAZZJONI MIBGĦUTA 4

5. EVALWAZZJONI 8

6. KONKLUŻJONIJIET 9

ANNESS: 11

1. DAĦLA

F’konklużjonijiet adottati fil-laqgħa tiegħu tal-14 ta’ April 2005, il-Kunsill tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni għamel sejħa għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ informazzjoni reċiproka bejn dawk inkarigati mill-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-Istati Membri. Wara din it-talba l-Kummissjoni ressqet proposta f’Ottubru 2005 għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni[1]. Id-Deċiżjoni (2006/688/KE) ġiet adottata mill-Kunsill fil-5 ta’ Ottubru 2006[2].

Id-Deċiżjoni tistabbilixxi sistema għal skambju sigur ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bejn l-Istati Membri dwar miżuri nazzjonali li jkun bi ħsiebhom jieħdu, jew li ħadu reċentement, fejn dawn il-miżuri huma disponibbli pubblikament u x’aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq diversi Stati Membri jew fuq l-Unjoni Ewropea kollha.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, darba fis-sena, tħejji rapport ġenerali li jiġbor fil-qosor l-aktar informazzjoni rilevanti mibgħuta mill-Istati Membri. Ir-rapport ġenerali għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandu jkun il-bażi ta’ dibattitu dwar politika dwar l-ażil u l-immigrazzjoni fuq livell ministerjali.

L-Artikolu 5 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-mekkaniżmu sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u regolarment wara dan. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi għalih.

Minħabba l-iskadenza parallela tal-perjodu ta’ sentejn għall-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-mekkaniżmu, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tgħaqqad il-kompiti ta’ rappurtaġġ (Artikolu 4) u ta’ evalwazzjoni (Artikolu 5) f’dokument wieħed. Dan jippermetti preżentazzjoni ta’ rekord komprensiv tal-ewwel perjodu operattiv tal-mekkaniżmu ta’ informazzjoni reċiproka (mutual information mechanism - MIM).

2. ATTIVITAJIET

Id-Deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2006. Il-mekkaniżmu nnifsu sar operattiv f’April 2007. F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ interess speċjali fuq il-pjattaforma tan-netwerk CIRCA (Amministratur taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni) ibbażat fuq il-web u tat aċċess lil punti ta’ kuntatt nazzjonali magħżula mill-Istati Membri.

Sal-aħħar ta’ Settembru 2008, l-Istati Membri kollha kienu għażlu l-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom. Ingħata l-aċċess lil madwar 60 espert nazzjonali, filwaqt li n-numru ta’ aċċess mitlub mill-Istati Membri jvarja bejn wieħed u ħamsa għal kull Stat Membru.

Bħala appoġġ lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali u sabiex l-esperti jsiru aktar midħla tan-netwerk, fi Frar tal-2007 il-Kummissjoni organizzat taħriġ CIRCA segwit minn sessjoni oħra ta’ taħriġ waqt workshop f’Diċembru 2007. Dan tal-aħħar ipprovda wkoll forum għal analiżi preliminari tal-ewwel sitt xhur minn meta bdiet taħdem is-sistema. It-tielet workshop, li ffoka fuq il-kontenut possibbli ta’ dan ir-rapport, sar f’April 2008.

B’mod parallel ma’ dan, il-Kummissjoni tat informazzjoni lill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil dwar l-iktar informazzjoni rilevanti mibgħuta mill-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ kwestjonarju, il-Kumitat iddiskuta modi kif itejjeb l-użu tal-mekkaniżmu. Fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2009, il-Kumitat ġie tat informazzjoni ukoll dwar it-tħejjija tar-rapport u tal-evalwazzjoni. Il-parti purament fattwali tar-rapport ġiet iċċirkolata lill-punti ta’ kuntatt tal-MIM bil-għan li tiġi vverifikata.

3. ĦARSA ĠENERALI

Minn April 2007 sat-30 ta’ Settembru 2009, 16-il Stat Membru bagħtu informazzjoni permezz tal-MIM. L-informazzjoni kienet tkopri 45 miżura differenti. Madwar 50% tal-komunikazzjonijiet (21) kienet tirreferi għal leġiżlazzjoni adottata, filwaqt li 4 komunikazzjonijiet biss kienu jirrigwardaw abbozzi ta’ leġiżlazzjoni. B’kollox ġew ipprovduti 9 komunikazzjonijiet minn 5 Stati Membri dwar intenzjonijiet ta’ politika u programmar fit-tul. 11-il Stat Membru ma pprovdew l-ebda informazzjoni (ara l-Anness). Għalkemm kien hemm ċerti perjodi ta’ żieda fl-intensità tal-iskambju ta’ informazzjoni, fl-2009 saru biss erba’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-MIM.

Il-format tal-informazzjoni kkomunikata ma kienx dejjem omoġenju. Skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni, l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata bl-użu tal-formola ta’ rappurtaġġ annessa mad-Deċiżjoni u kull fejn hu possibbli tiżdied il-link tal-Internet għat-test sħiħ. Madankollu, f’ċerti każijiet l-Istati Membri ma użawx il-forma u sempliċement bagħtu test bażiku tal-miżura inkwistjoni. Dan seta’ jagħmilha aktar diffiċli biex l-informazzjoni tiġi rċevuta b’mod effettiv, meta wieħed jikkunsidra li l-Istati Membri interessati ma setgħux jidentifikaw fil-pront il-kontenut tal-miżura jew l-impatt possibbli tagħha. Wieħed jista’ jinnota wkoll differenzi fil-kontenut tal-formoli mimlija. Filwaqt li xi wħud mill-formoli jinkludu kontribut pjuttost komprensiv (iżda xorta waħda qasir), oħrajn fihom biss deskrizzjoni qasira, li tista’ ma tagħtix idea tan-natura tal-miżura.

Barraminnhekk, f’ċerti każijiet ġie indikat biss it-titolu bl-Ingliż tal-miżura inkwistjoni, filwaqt li ma ġiet ipprovduta l-ebda formola, bit-test jiġi kkomunikat biss fil-lingwa oriġinali. Dan seta’ ħoloq riskju li l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinftiehem. Għandu jiġi mfakkar li skont l-Anness għad-Deċiżjoni l-Istati Membri għandhom jittraduċu l-isem sħiħ tal-miżura, id-deskrizzjoni qasira tagħha kif ukoll il-kummenti u l-osservazzjonijiet tagħhom f’lingwa uffiċjali oħra tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea minbarra tagħhom stess.

4. INFORMAZZJONI MIBGĦUTA

Intenzjonijiet ta’ politika u programmar fit-tul

Fl-20 ta’ April 2007 ir- Renju Unit bagħat żewġ dokumenti adottati mill-Home Office f’Marzu 2007: "Niżguraw il-Fruntiera tar- Renju Unit – Il-viżjoni u l-istrateġija tagħna għall-ġejjieni" u "L-Infurzar tar-Regoli – Strateġija sabiex niżguraw u ninfurzaw il-konformità mal- liġijiet tagħna dwar l-immigrazzjoni ". Dawn id-dokumenti stabbilixxew l-approċċ il-ġdid tal-awtoritajiet Ingliżi rigward il-politika tal-fruntieri u l-infurzar tar-regoli dwar l-immigrazzjoni.

Fil-25 ta’ Ġunju 2007 Spanja bagħtet informazzjoni dwar il-"Pjan Strateġiku għaċ- Ċittadinanza u l-Integrazzjoni " li tispjega l-approċċ ta’ Spanja lejn l-Integrazzjoni fis-snin 2007-2010.

Fis-17 ta’ April 2008 ir-Rumanija tat informazzjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Gvern għall-approvazzjoni tal- Istrateġija Nazzjonali dwar l-Immigrazzjoni għall-2007 – 2010.

Fit-13 ta’ April 2007 l-Olanda nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tadotta Regolament ta’ Politika li jsolvi l-wirt tal-Att preċedenti dwar il-Persuni Barranin .

L-Olanda tat ukoll informazzjoni fl-1 ta’ Awwissu 2008 dwar ittra mill-Ministru u d-Deputat Ministru tal-Ġustizzja lill-President tal-Parlament dwar l-Analiżi tal- applikazzjoni tal-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati . L-ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008 fiha l-konklużjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-politika Olandiża dwar l-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951.

Barraminnhekk fid-29 ta’ Settembru 2008 l-Olanda qassmet fost l-Istati Membri l-" Blueprint għall-Politika Moderna ta’ Migrazzjoni ". Il-Blueprint kien ġie ppreżentat lill-Parlament Olandiż fis-27 ta’ Ġunju 2008 u fih il-proposta tal-Kabinett Olandiż għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini barranin li jixtiequ jgħixu fl-Olanda.

Fl-aħħar nett, l-Olanda tat informazzjoni fit-12 ta’ Frar 2009 dwar l-adozzjoni tad-dokument " Niksbu proċedura ta’ ażil aktar effettiva u politika ta’ ritorn aktar effettiva ". Dan id-dokument jispjega l-pjanijiet tal-Kabinett għal proċedura ta’ ażil aktar metikoluża u aktar mgħaġġla, li tippromwovi wkoll ir-ritorn ta’ dawk li talbu ażil u ġew miċħuda.

Fid-9 ta’ Diċembru 2008 l-Iżvezja tat informazzjoni dwar l-adozzjoni tal- Istrateġija Internazzjonali tal-Bord Żvediż dwar il-Migrazzjoni . Id-dokument huwa Strateġija Internazzjonali komprensiva għall-aġenzija kollha adottat mid-Direttur Ġenerali f’Ġunju 2008.

Abbozz ta’ leġiżlazzjoni

Aktar informazzjoni rigward ir-regolarizzazzjoni ta’ dawk li jitolbu ażil fl-Olanda (indikata qabel taħt l-intenzjonijiet ta’ politika) ingħatat fis-7 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Ġunju 2007. Taħt ir-regolament, iċ-ċittadini barranin li jkunu ssottomettew applikazzjoni għall-ażil qabel l-1 ta’ April 2001 u għexu mingħajr interruzzjoni fl-Olanda mill-1 ta’ April 2001, għandhom jingħataw permess ta’ residenza ex officio. Ma jingħatax permess taħt ir-regolament lil ċittadini barranin li huma ta’ periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. Iċ-ċittadini barranin, li jkunu ddikjaraw identità jew nazzjonalità falza f’diversi proċeduri u li l-identità jew in-nazzjonalità tagħhom ikunu ġew stabbiliti bħala foloz, lanqas ma jingħataw permess taħt dan ir-regolament.

Fit-3 ta’ Mejju 2007, l-Italja tat informazzjoni dwar abbozz ta’ liġi li jemenda r-regolamenti għall-immigrazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-barranin, li jinkludi, inter alia, kanal preferenzjali għal ħaddiema speċjalizzati ħafna (fil-oqsma tar-riċerka, ix-xjenza, il-kultura, l-arti, il-maniġment, l-ispettaklu, u l-isport) sabiex jingħataw b’mod rapidu permess ta’ residenza għal massimu ta’ 5 snin kif ukoll miżuri għal politika ta’ ritorn effettiva .

Fit-8 ta’ Novembru 2007 l-Italja rrappurtat dwar l-Att tas-Senat Nru. 1201 li jirrigwarda abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar l-interventi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-isfruttament ta’ impjegati irregolari li għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema migranti u ssaħħaħ is- sanzjonijiet kontra min iħaddem .

Fis-17 ta’ Ġunju 2008 ir- Repubblika Ċeka tat informazzjoni dwar proposta dwar il- migrazzjoni legali li tintroduċi “ Green Card ”, li kellha tidħol fis-seħħ f’nofs l-2009. Il-“Green Card” kienet maħsuba li tkun dokument li jgħaqqad il-permess tax-xogħol mal-permess tar-residenza fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u jservi bħala permess ta’ residenza fit-tul bl-iskop ta’ impjieg f’każijiet speċjali.

Leġiżlazzjoni adottata

Fit-8 ta’ Marzu 2007 ir- Repubblika Slovakka tat informazzjoni dwar il-bidliet fil-liġi l-ġdida dwar l-ażil , li tinkorpora l-kunċett ta’ protezzjoni sussidjarja. Fil-31 ta’ Jannar 2008 ir-Repubblika Slovakka tat informazzjoni dwar emendi ulterjuri għal-liġi dwar l-ażil.

Fit-2 ta’ Lulju 2007 l-Ungerija tat informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-immigrazzjoni tal-Ungerija ("Att II tal-2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi"). Il-leġiżlazzjoni l-ġdida, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007, prinċipalment isservi l-għan ta’ armonizzazzjoni ma’ strumenti legali rilevanti tal-UE, b’mod speċjali l-Acquis ta’ Schengen.

Fl-istess data l-Ungerija tat informazzjoni dwar l-“Att LXXX tal-2007 dwar l-Ażil ” il-ġdid li ġie adottat fil-25 ta’ Ġunju 2007 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida sservi prinċipalment l-għan ta’ konformità ma’ direttivi rilevanti tal-KE (Direttiva dwar il-Kwalifiki, Direttiva dwar il-Proċeduri, u d-Direttiva dwar l-Akkoljenza) u tintroduċi inter alia l-kunċett ta’ protezzjoni sussidjarja fil-leġiżlazzjoni Ungeriża. Verżjoni bl-Ingliż tal-liġi l-ġdida ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Diċembru 2007.

Fl-aħħar nett, fit-18 ta’ Awwissu 2009, l-Ungerija pprovdiet it-test tad-Digriet tal-Gvern 113/2007 u 114/2007 dwar l-Implimentazzjoni tal-Att I tal-2007 dwar l-Ammissjoni u r-Residenza ta’ Persuni bi Dritt ta’ Moviment u Residenza Liberi li jimplimentaw l-Att dwar il-Moviment Liberu li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

Fis-6 ta’ Lulju 2007 Malta tat informazzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li timplimenta d-Direttiva 2003/86/KE fil-liġi nazzjonali dwar id-dritt għar-rijunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Fl-istess data l-Polonja tat informazzjoni dwar Ordinanza tas-27 ta’ Ġunju 2007 tal-Ministru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali li temenda l-ordinanza dwar ix-xogħol ta’ barranin mingħajr il-ħtieġa ta’ pussess ta’ permess tax-xogħol . Kien mistenni li r-regoli l-ġodda jippromwovu kemm l- impjieg legali ta’ persuni barranin kif ukoll iwieġbu għan-nuqqas ta’ ħaddiema osservat l-aktar fl-agrikoltura u l-kostruzzjoni. L-Oridinanza daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2007.

Barraminnhekk il-Polonja tat informazzjoni fil-31 ta’ Jannar 2008 dwar emenda oħra għall-ordinanza dwar ix-xogħol ta’ barranin mingħajr il-ħtieġa ta’ pussess ta’ permess tax-xogħol. Il-perjodu ta’ żmien inizjali (sa 3 xhur) ġie estiż għal perjodu massimu ta’ 6 xhur matul perjodu ta’ 12-il xahar. L-Ordinanza daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2008.

Fl-aħħar nett il-Polonja tat informazzjoni fl-20 ta’ Lulju 2007 dwar l-Att tal-24 ta’ Mejju 2007 li jemenda l-Att dwar il-Persuni Barranin (u xi atti oħrajn). Dan l-Att kellu l-għan li jimplimenta d-Direttiva 2005/71/KE u d-Direttiva 2004/114/KE. Barraminnhekk, l-emenda tinkludi strument ta’ abolizzjoni (regolarizzazzjoni) għal persuni barranin residenti illegalment fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja kontinwament mill-inqas sa mill-1 ta’ Jannar 1997, li sa 6 xhur mill-jum ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att jissottomettu applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perjodu fiss ta’ sena. L-Att daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2007.

Fis-27 ta’ Settembru 2007 il-Ġermanja tat informazzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li temenda l-liġi Ġermaniża dwar l-immigrazzjoni . L-għan ewlieni ta’ dan l-att kien l-implimentazzjoni ta’ ħdax-il Direttiva. Barraminnhekk, l-Att dwar ir-Residenza, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, ġie emendat sabiex jiġġieled żwiġijiet fittizji u mġiegħla; iħaffef is-sigurtà interna; jippromwovi l-integrazzjoni tal-barranin (inkluża residenza ttollerata għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi), u sabiex jagħmilha aktar faċli għal dawk li jixtiequ li jibdew negozju li jmorru l-Ġermanja.

Il-Portugall ipprovda informazzjoni fis-6 ta’ Novembru 2007 dwar leġiżlazzjoni ġdida (Att 23/2007 tal-4 ta’ Lulju 2007 u r-Regolament tad-Digriet 84/2007 tal-5 ta’ Novembru 2007) li tapprova l-qafas legali ta’ dħul, ħruġ, residenza u tneħħija ta’ barranin fi u barra t-territorju nazzjonali. Permezz ta’ din il-liġi l-Portugall ittraspona bosta Direttivi fil-liġi nazzjonali, b’mod partikolari dwar il-migrazzjoni legali.

Fit-12 ta’ Marzu 2008 is-Slovenja tat informazzjoni dwar l-"Att Internazzjonali dwar il-Protezzjoni (International Protection Act - IPA)" li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Bl-IPA is-Slovenja ttrasponiet id- Direttivi relatati mal-Ażil fil-liġi nazzjonali. Minbarra l-obbligi stabbiliti fid-Direttivi, l-Att jintroduċi kapitolu ġdid dwar l-istabbiliment mill-ġdid permanenti bbażat fuq kwoti.

Fit-8 ta’ April 2008 ir-Repubblika Ċeka tat informazzjoni dwar l-emendi għall-Att Nru. 326/1999 Coll. dwar ir-Residenza ta’ Persuni Barranin fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2007. L-Att dwar ir-Residenza ta’ Persuni Barranin fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka huwa l-istrument bażiku leġiżlattiv li fih dispożizzjonijiet legali għall-arranġament tad-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni barranin li jgħixu legalment fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u ta’ dawk li jkunu sejrin jidħlu fit-territorju, arranġamenti ta’ viżi, tkeċċija, eċċ. L-emendi prinċipali jirrigwardaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/71/KE u tad-Direttiva 2001/51/KE, l-obbligu tal-persuni barranin li jkunu qegħdin japplikaw għal viża li jippermettu li jittieħdulhom il-marki tas-swaba’ u ritratti, l-introduzzjoni tal-kundizzjoni li tingħata prova ta’ ħiliet fil-lingwa Ċeka bħala rekwiżit meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ permess ta’ residenza permanenti u r-regolamenti l-ġodda li jirrigwardaw atti frodulenti li l-għan tagħhom huwa l-kisba ta’ approvazzjoni għal residenza fir-Repubblika Ċeka - "żwiġijiet bi skop".

Ukoll fit-8 ta’ April 2008 l-Iżvezja tat informazzjoni dwar l-emenda tal- Att Żvediż dwar il-Persuni Barranin u l-Ordinanza dwar il-Persuni Barranin li diġà daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2006. L-Att dwar il-Persuni Barranin fih inter alia miżuri dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom persuni barranin jistgħu jidħlu, joqogħdu u jaħdmu fl-Iżvezja, viżi, drittijiet ta’ residenza, refuġjati u persuni li b’xi mod jeħtieġu protezzjoni, status ta’ residenza fit-tul fl-Iżvezja għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, detenzjoni, infurzar tar-rifjut ta’ dħul u ordnijiet ta’ deportazzjoni, proċeduri ta’ appell, parir legali pubbliku u protezzjoni temporanja. L-Ordinanza dwar il-Persuni Barranin fiha dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar, viżi, drittijiet ta’ residenza, permessi ta’ residenza, permessi ta’ xogħol, kontrolli u miżuri ta’ infurzar, id-dmir li tingħata informazzjoni u r-rifjut tad-dħul, id-deportazzjoni, eċċ.

Fis-16 ta’ April 2008 l-Awstrija nnotifikat it-test tal-Att Federali li jirrigwarda l-istabbiliment u r-residenza fl-Awstrija (l-Att dwar l-Istabbiliment u r-Residenza – SRA) u l-Att Federali li Jirrigwarda l-Għoti ta’ Ażil ( Att tal-2005 dwar l-Ażil ). It-tnejn daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006.

Fit-13 ta’ Awwissu 2009, l-Awstrija nnotifikat it-test tal-Emendi għall-Att dwar l-Ażil, l-Istabbiliment u r-Residenza, Att dwar il-Politika Barranija tal-1 ta’ April 2009.

Fl-10 ta’ Mejju 2007, il-Greċja tat informazzjoni dwar proċedura ta’ regolarizzazzjoni għal kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 18(4) tal-liġi 3536/2007 jipprovdi għal proċedura ta’ regolarizzazzjoni li tirrigwarda kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu jgħixu fil-Greċja sal-31 ta’ Diċembru 2004 u li baqgħu jgħixu fil-Greċja minn dakinhar, sakemm mhumiex ta’ theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika. Il-persuni kkonċernati għandhom jipprovdu provi speċifiċi sabiex jiddokumentaw ir-residenza tagħhom fil-Greċja. Il-konjugi u t-tfal minuri tal-imsemmija ċittadini huma soġġetti b’mod indipendenti għar-regolamenti.

Fil-15 ta’ Mejju 2008 il-Greċja tat informazzjoni – billi rreferiet għall-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill – dwar id-Digriet Presidenzjali Nru. 106/2007 li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE . Fl-istess data, ingħatat informazzjoni dwar id-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta nru. 16928/17-8-07 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ għarfien tal-lingwa Griega kif ukoll ta’ elementi dwar l-istorja u l-kultura Griega għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ japplikaw għal status ta’ resident fit-tul , emendata mid-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta nru. 999/03-3-08.

Spanja tat informazzjoni fit-23 ta’ Settembru 2008 dwar leġiżlazzjoni ġdida li tirrigwarda l- appoġġ għar-ritorn volontarju ta’ ċittadini qiegħda ta’ pajjiżi terzi lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Il-miżura, adottata mid-Digriet tal-Gvern 4/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008, toħloq il-possibbiltà ta’ ħlas f’żewġ partijiet tal-allowances tal-qgħad kontributorji lil ċittadini ħaddiema qiegħda ta’ pajjiżi terzi, li jinsabu f’sitwazzjoni legali fi Spanja, u li jiddeċiedu li jmorru lura b’mod volontarju lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Ir-regola ġenerali hija li l-ħaddiema għandhom ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li magħhom Spanja ffirmat ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà soċjali.

Deċiżjonijiet finali tal-ogħla qrati jew tribunali

Ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni.

Deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw grupp kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li huma ta’ natura ġenerali

Fit-3 ta’ Mejju 2007, l-Italja tat informazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva mill-Ministru tal-Intern u l-Ministru tal-politiki tal-Familja dwar ir-residenza ta’ minuri barranin u Ċirkolari dwar il-kwistjoni ta’ permess ta’ residenza lil sportivi dilettanti li mhumiex ċittadini tal-UE.

Barraminnhekk, l-Italja ssottomettiet fis-6 ta’ Diċembru 2007 informazzjoni dwar Deċiżjoni li ħa l-Ministru tal-Intern rigward il-permessi ta’ residenza maħruġa għall-protezzjoni soċjali ta’ immigranti li jiffaċċjaw kundizzjonijiet ta’ xogħol abużivi.

Spanja tat informazzjoni fil-25 ta’ Ġunju 2007 dwar ordni ministerjali li tkejjel il-mezzi ekonomiċi għall-barranin biex jidħlu fi Spanja u ordni ministerjali oħra li tirregola l-ittri ta’ stedina minn persuni li jistiednu barranin biex jidħlu fi Spanja għal skopijiet privati jew turistiċi.

Barraminnhekk, Spanja kkomunikat fit-2 ta’ Awwissu 2007 struzzjonijiet li jiddeterminaw il-proċedura ta’ ġestjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, irreġistrati fuq bastimenti Spanjoli, sabiex jiksbu permessi biex jgħixu u jaħdmu fi Spanja.

Fl-aħħar nett Spanja tat informazzjoni fis-17 ta’ Jannar 2008 dwar Deċiżjoni tal-Kunsill Spanjol tal-Ministri, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li tirregola l-kwota tal-ħaddiema barranin mhux Komunitarji fi Spanja għas-sena 2008.

Oħrajn

Fit-2 ta’ Novembru 2007 l-Olanda tat informazzjoni dwar Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Liġi Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ambitu tal-Artikolu 15 (linji tal-ftuħ) u (c) tad-Direttiva 2004/83/KE.

L-Iżvezja tat informazzjoni fit-22 ta’ Lulju 2008 dwar Linji Gwida mid-Direttur Ġenerali mill-Bord Żvediż tal-Migrazzjoni (adottati f’Mejju 2008) dwar l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin fir-rigward tal-Greċja.

L-Olanda qasmet mal-Istati Membri fit-2 ta’ Ottubru 2008 deċiżjonijiet ta’ politika fil-qasam tal-ażil li kienu ttieħdu fir-rigward ta’ pajjiżi speċifiċi ta’ oriġini. Id-deċiżjonijiet jirrigwardaw l-użu ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fl-Olanda. Fl-14 ta’ Awwissu 2009 hija pprovdiet l-anness il-ġdid għal dan id-dokument.

5. EVALWAZZJONI

L-Istati Membri u l-Kummissjoni[3] enfasizzaw li n-nuqqas ta’ kontrolli tal-fruntieri fiż-żona Schengen, il-politika ta’ viża komuni, ir-relazzjonijiet stretti ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-iżvilupp ta’ politiki komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil għandhom bħala konsegwenza li l-politiki nazzjonali ta’ immigrazzjoni jkollhom b’mod ċar impatt lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-azzjonijiet li jittieħdu fi Stat Membru wieħed għal raġunijiet nazzjonali jew reġjonali jista’ jkollhom impatt rapidu fuq Stat Membru ieħor. Fid-dawl ta’ dan, l-iskambju sistematiku ta’ informazzjoni jippermetti li jinkiseb aktar għarfien dwar il-politiki ta’ Stati Membri oħrajn, li titjieb il-koordinazzjoni bejniethom, li tiġi influwenzata l-kwalità ta’ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE u, fl-aħħar nett, li jiżdiedu l-għarfien u l-fiduċja reċiproka.

Jista’ jiġi konkluż li l-esperjenza prattika tal-funzjonament tal-MIM ma laħqitx dawn l-aspettattivi. Anki jekk il-kwantità tal-informazzjoni pprovduta tista’ ma tkunx l-uniku fattur ta’ evalwazzjoni, jidher ċar li l-iskala ta’ applikazzjoni tagħha tista’ titqies insuffiċjenti. Għalkemm, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni, hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jevalwa jekk il-miżuri nazzjonali tiegħu humiex ser ikollhom impatt sinifikanti fuq bosta Stati Membri jew fuq l-UE kollha, huwa sorprendenti li proporzjon żgħir biss ta’ miżuri tqiesu li jaqgħu taħt din il-kategorija. Barraminnhekk, numru konsiderevoli ta’ Stati Membri qatt ma kkomunikaw xi miżura permezz tal-MIM (BE, BU, CY, DK, EE, FI, FR, IE, LV, LT, LU).

Id-dinamika dgħajfa tal-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan il-MIM hija evidenti wkoll minkejja li f’diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri sabiex jużaw is-sistema. Mhuwiex ċar għalfejn il-MIM intuża b’mod daqshekk rari dan l-aħħar, għalkemm l-Istati Membri baqgħu attivi fil-politiki interni tagħhom dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Il-Kummissjoni tinnota li fl-istess ħin saru inkjesti dwar miżuri potenzjalment estensivi diskussi jew adottati fi Stati Membri oħrajn, peress li dawn ma kinux ġew ikkomunikati fil-MIM. Dan juri li n-nuqqas ta’ informazzjoni jista’ fil-fatt ifixkel it-trawwim ta’ fiduċja reċiproka meħtieġa għall-kooperazzjoni effettiva fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil.

Jista’ jintwera tħassib partikolari rigward il-komunikazzjoni ta’ miżuri qabel dawn jiġu adottati. Ġew ipprovduti biss 4 abbozzi ta’ leġiżlazzjoni u 9 miżuri biss li jikkonċernaw intenzjonijiet ta’ politika jew programmar fit-tul. Il-livell fqir ta’ attività f’dan l-istadju ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet żgur ma jikkontribwixxix għal skambju ta’ opinjonijiet li jgħin sabiex jifforma approċċ aktar koordinat ta’ politiki nazzjonali.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-għan tal-MIM kien li jipprovdi kanal ta’ skambju ta’ informazzjoni flessibbli, rapidu u mhux burokratiku, soġġett għall-ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-dejta. Dan jirrappreżenta valur miżjud meta mqabbel ma’ fora u mekkaniżmi eżistenti oħrajn fi ħdan l-UE, minħabba li dawn mhux dejjem joffru l-opportunità li jiżguraw trasferiment ta’ informazzjoni "dak il-ħin stess" u fuq bażi ad hoc, f’każ li tqum din il-ħtieġa.

6. KONKLUŻJONIJIET

It-tisħiħ tal-qsim tal-informazzjoni u tad-diskussjoni konġunta fi ħdan l-UE huwa mod kif jiġi żgurat livell għoli ta’ solidarjetà politika u operattiva fil-politika komuni tal-immigrazzjoni u l-ażil. Miżuri nazzjonali li jittieħdu b’mod iżolat jistgħu jdgħajfu l-koeżjoni u l-fiduċja Ewropea[4].

Il-ħtieġa li jitrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni f’dan il-qasam ġie enfasizzat ukoll fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, fejn kien hemm qbil li l-informazzjoni reċiproka dwar il-migrazzjoni tissaħħaħ billi jkun hemm titjib fl-istrumenti eżistenti fejn ikun meħtieġ[5].

Fil-Komunikazzjoni tagħha maħruġa fid-dawl tal-Programm ta’ Stokkolma[6], il-Kummissjoni indikat ukoll li l-iskambju ta’ Informazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regolarizzazzjoni għandu jitjieb.

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-komunikazzjoni effettiva għandha tibqa’ komponent kruċjali tal-iżvilupp ulterjuri tal-politiki tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, fejn il-ħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni sejra tiżdied. Bil-mod kif attwalment jaħdem il-MIM, ma jidhirx, madankollu, li fih innifsu jilħaq dan l-objettiv.

Minħabba l-perjodu relattivament qasir ta’ tħaddim tal-MIM, il-Kummissjoni lanqas ma tikkunsidra li huwa rilevanti li tipproponi emendi għad-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 5 tagħha. Mhemmx evidenza li r-raġunijiet ta’ applikazzjoni mhux sodisfaċenti tad-Deċiżjoni jinsabu fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tagħha. Jista’ jiġi konkluż ukoll, mill-workshops imsemmija hawn fuq, li l-użu tan-netwerk CIRCA ma ħoloqx problemi tekniċi sostanzjali.

Fil-futur, il-Kummissjoni tikkunsidra xieraq li tissimplifika t-tħaddim tal-MIM f’qafas aktar ġenerali. Kuntest adattat jippreżenta ruħu bit-tnedija tal-metodu ta’ ntraċċar li bih tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil li l-prodott tiegħu ser ikun ir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill. L-ewwel rapport dwar il-metodu ta’ ntraċċar ser ikun ippubblikat fl-2010, filwaqt li dan għandu jieħu forma estiża fl-2011, sabiex ikopri wkoll l-impenni relatati mal-Programm ta’ Stokkolma u l-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanjah[7].

Dan ifisser li wara dan ir-rapport, l-informazzjoni li fil-preżent qiegħda tiġi kkomunikata permezz tal-MIM fis-snin li ġejjin ser tkun ipprovduta fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Patt.

ANNESS:

INFORMAZZJONI PPROVDUTA MILL-ISTATI MEMBRI

Stati Membri | Deċiżjoni amministrattiva | Leġiżlazzjoni adottata | Abbozz ta’ leġiżlazzjoni | Deċiżjonijiet ġudizzjarji | Oħrajn | Intenzjonijiet ta’ politika, ipprogrammar fit-tul | Total |

L-Awstrija | 2 | 2 |

Il-Belġju | 0 |

Il-Bulgarija | 0 |

Ċipru | 0 |

Ir-Repubblika Ċeka | 1 | 1 | 2 |

Id-Danimarka | 0 |

L-Estonja | 0 |

Il-Finlandja | 0 |

Franza | 0 |

Il-Ġermanja | 1 | 1 |

Il-Greċja | 3 | 3 |

L-Ungerija | 4 | 4 |

L-Irlanda | 0 |

L-Italja | 3 | 2 | 5 |

Il-Latvja | 0 |

Il-Litwanja | 0 |

Il-Lussemburgu | 0 |

Malta | 1 | 1 |

L-Olanda | 1 | 3 | 4 | 8 |

Il-Polonja | 3 | 3 |

Il-Portugall | 1 | 1 |

Ir-Rumanija | 1 | 1 |

Is-Slovakkja | 1 | 1 |

Is-Slovenja | 1 | 1 |

Spanja | 4 | 1 | 1 | 6 |

L-Iżvezja | 2 | 1 | 1 | 4 |

Ir-Renju Unit | 2 | 2 |

Total | 7 | 21 | 4 | 0 | 4 | 9 | 45 |

[1] COM(2005) 480 finali.

[2] ĠU L 283/40, 14.10.2006

[3] Ara pereżempju: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn Politika Komuni tal-Immigrazzjoni, COM(2007) 780 finali.

[4] Ara: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti, COM(2008) 359 finali.

[5] Dokument tal-Kunsill 13440/08.

[6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini COM(2009) 262/4.

[7] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Metodu ta’ ntraċċar biex bih tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, COM(2009) 266 finali.