Dokument ta’ hidma tal-KummissjonI - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-SBA /* KUMM/2009/0680 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 15.12.2009 KUMM(2009)680 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-SBA Introduzzjoni Is-suċċess tal-SMEs huwa ta’ importanza ċentrali għall-impjiegi u l-prosperità fl-UE. Għaldaqstant f’Ġunju 2008 il-Kummissjoni nediet inizjattiva ambizzjuża għal politika ġdida, l- Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (Small Business Act for Europe, SBA), biex tpoġġi lill-SMEs fuq quddiem nett fit-teħid tad-deċiżjonijiet, biex issaħħaħ il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi fl-UE u biex tippromwovi l-kompetittività tagħhom kemm fis-Suq Uniku kif ukoll fis-swieq globali. Bħala punt ewlieni, l-SBA għandu l-għan li jwettaq il-prinċipju ta’ ‘L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir’ fil-politiki u t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq kull livell fl-UE. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika kompliet tenfasizza l-bżonn ta’ miżuri ta’ politika komprensivi u fit-tul favur l-SMEs. Waqt l-adozzjoni tal-SBA, f’Diċembru 2008 il-Kunsill tal-Kompetittività qabel ukoll dwar Pjan ta’ Azzjoni ta’ miżuri li jridu jiġu implimentati bħala kwistjoni ta’ prijorità biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-SMEs fil-kriżi globali, u li jikkonċentraw dwar titjib fl-aċċess għall-fondi, fl-aċċess għas-swieq u fl-ambjent regolatorju. Din l-istrateġija mbagħad kienet approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008. Il-Parlament Ewropew appoġġa l-SBA u stieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-SBA b’mod sħiħ. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-appoġġ sħiħ lill-ħtieġa li l-SMEs jingħatalhom lok għar-realizzazzjoni tal-potenzjal tagħhom permezz tal-SBA wasal ukoll mill-Kumitat tar-Reġjuni. Dan ir-rapport jiġbor fih il-progress miksub fl-2009, li kienet l-ewwel sena sħiħa tal-implimentazzjoni tal-SBA, u jiffoka l-aktar fuq il-miżuri inklużi fil- Pjan ta' Azzjoni tal-SBA u fil- Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku . Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri ħadu azzjoni sostanzjali biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-fondi, biex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-swieq tal-UE u ta' pajjiżi terzi u biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-SMEs partikolarment billi jitneħħew piżijiet amministrattivi bla bżonn. L-Implimentazzjoni tal-SBA fl-2009 Il-Kummissjoni pprovdiet riżultati tajbin bl-azzjonijiet prinċipali mħabbra fl-SBA. Adottat il-ħames proposti leġiżlattivi kollha marbuta mal-SBA. Regolament ġenerali ta’ ‘eżenzjoni ta’ kategorija’ (GBER) adottat f’Lulju 2008 għamilha aktar faċli għall-gvernijiet biex isostnu l-SMEs permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna li huma eżentati mill-obbligu ta’ notifika. Il-proposta dwar rati tal-VAT imnaqqsa daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2009 u toffri lill-Istati Membri għadd ta’ possibbiltajiet biex jagħtu spinta lill-attività ekonomika partikolarment fejn jidħlu s-servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema. It-tliet proposti leġiżlattivi l-oħra għad iridu jiġu adottati u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom rwol importanti biex jiżguraw adozzjoni fil-pront tal-proposti bil-għan li joffru aktar serħan u sostenn lill-SMEs. Il- proposta ta’ tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-ħlasijiet tard u dik dwar Statut Ewropew għall-Kumpaniji Privati huma tassew importanti għall-kompetittività tal-SMEs. Il-proposta dwar il-fatturat tal-VAT , adottata mill-Kummissjoni f’Jannar 2009, għandha l-għan li tiżgura trattament ugwali tal-fatturi tal-karta u ta’ dawk elettroniċi u hija stmata li fil-perjodu medju jkollha potenzjal massimu ta’ tnaqqis fl-ispejjeż ta’ EUR 18,4 biljun kemm-il darba n-negozji kollha jibagħtu l-fatturi kollha tagħhom elettronikament. L-Istati Membri wkoll urew impenn politiku b’saħħtu biex jimplimentaw l-SBA, iżda hemm diverġenza kemm fil-mod ta’ kif applikawh kif ukoll fir-riżultati li kisbu. Bosta Stati Membri 'ttrasponew' l-SBA kollu kemm hu fil-programmi ta' politika nazzjonali tagħhom. Il-Belġju nieda l- 'Pjan PME' tiegħu f'Ottubru 2008, pjan li jinkludi 40 miżura li jkopru l-miri ewlenin tal-SBA. Fl-Italja, il-gvern ħoloq grupp ta’ ħidma biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-SBA, b’azzjonijiet proposti f’għaxar oqsma. Il- Gvern Irlandiż adotta approċċ simili. Fir-Rapporti tal-Progress Nazzjonali tagħhom tal-2009, fil-kuntest tal-Sħubija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Finlandja, Franza, l-Olanda, ir-Rumanija u r-Renju Unit taw rapport espliċitu dwar kif qed jimplimentaw l-SBA. Franza ħadet azzjoni fit-tliet prijoritajiet li jsemmi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-SBA. Ir-Renju Unit ippreżenta f’anness tassew dettaljat il-miżuri li ttieħdu għal kull wieħed mill-għaxar prinċipji tal-SBA. Barra minn dan xi reġjuni, fosthom Catalonia (Spanja) u r- Rhine-Westphalia tat-Tramuntana (il-Ġermanja) , ukoll adottaw l-SBA. Madankollu, fil-biċċa l-kbira, l-Istati Membri adottaw miżuri konkreti identifikati bħala prijoritajiet fil-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA. L-implimentazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” Minn Jannar 2009, il-Kummissjoni applikat, b’mod sistematiku, “test tal-SME" biex tivvaluta l-impatt fuq l-SMEs tal-proposti leġiżlattivi u ta’ politika ewlenin tagħha. Dan it-test sar jagħmel parti mil-Linji Gwida għal Valutazzjoni ta’ Impatt riveduti tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni tiegħu huwa sorveljat sew. Abbażi tat-test tal-SME, fi Frar 2009 il-Kummissjoni pproponiet li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeżentaw lill-intrapriżi mikro mir-regoli tal-kontabbiltà . L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jfasslu reġimi tal-kontabbiltà li huma jaraw li huma l-aħjar għal-intrapriżi mikro tagħhom. B’riżultat ta’ dan, kien hemm sa 5,4 miljun intrapriża mikro li setgħu japprofittaw minn reġimi mfassla aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom, u dan ammonta għal EUR 6,3 biljun ta' tifdil potenzjali għall-ekonomija tal-UE. Għadd ta’ Stati Membri bħall- Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Ġermanja ukoll integraw “test tal-SME” fl-approċċ tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni ħadet passi importanti biex tikseb il-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 25 % f’piżijiet amministrattivi stabbilita f’Marzu 2007 li, b’mod partikolari, tolqot tajjeb lill-SMEs. Miżuri għal tnaqqis li diġà ġew adottati mil-leġiżlatur huma mistennija jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ EUR 7,6 biljun. Il-miżuri li għadhom qed jistennew li jiġu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament jistgħu jkomplu jżidu EUR 30,7 biljun ma’ dak l-ammont. Kollox ma’ kollox, it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi proposti, jew li bħalissa qed jitħejjew mill-Kummissjoni, jista’ jissupera l-mira inizjali u jilħaq it-33 % tat-total tal-EUR 123,8 biljun stmati f’piżijiet li joriġinaw mill-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi lesta biex tkompli tnaqqas piżijiet amministrattivi bla bżonn kif imniżżel fil-Komunikazzjoni tagħha “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE: Pjan għat-Tnaqqis settorjali u Azzjonijiet għall-2009” COM(2009) 544.. Eżempji għal aktar azzjonijiet potenzjali li jistgħu jibbenefikaw minnhom l-SMEs jinkludu l-eżenzjoni mħabbra għas-sewwieqa mhux professjonali mix-xogħol u mill-ħinijiet ta’ mistrieħ u konsegwentement mill-obbligu biex jużaw it-takografi għal distanza sa 100 km, u titjib fl-iggwidar tal-valutazzjoni tar-riskju fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza, li primarjament jibbenefikaw minnhom kumpaniji żgħar. Il-Kummissjoni tifraħ bil-fatt li l-Istati Membri issa kollha adottaw miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u li se jkomplu jissimplifikaw l-ambjent amministrattiv għall-SMEs. Pereżempju, il-medja taż-żmien u l-ispiża biex tinfetaħ kumpanija b’responsabbiltà limitata issa hija ta’ tmint ijiem (meta mqabbla ma’ disat ijiem fl-2008) u l-ispiża hija ta’ EUR 417 (meta mqabbla ma’ EUR 463 fl-2008). Tmintax-il pajjiż ipprovdew one-stop-shop operazzjonali li jwassal għal ħolqien ta' kumpaniji b’responsabbiltà limitata u żviluppaw tal-anqas numru ta’ proċeduri predefiniti (reġistrazzjoni tal-kumpanija, reġistrazzjoni tat-taxxa, eċċ.). Il-Bulgarija kkonsolidat is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ftuħ ta' kumpanija, li bdew fl-2008, fejn ġew ikkonsolidati disa' proċeduri ta' ftuħ ta' kumpanija u ssimplifikati għal waħda biss. Il-Ġermanja rnexxielha temenda l-leġiżlazzjoni għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata, hekk li mhux biss ġiet issimplfikata l-proċedura iżda tista' twassal ukoll għall-ħolqien ta' aktar intrapriżi. Is-simplifikazzjoni tal-proċessi fl- Ungerija, Malta u s-Slovakkja kkontribwixxiet ukoll għal tnaqqis fiż-żmien f’dawn il-pajjiżi. Fis- Slovenja , is-sistema elettronika ta’ one-stop-shop tista’ tirreġistra l-forom kollha ta’ kumpaniji fi tlett ijiem jew anqas, u wasslet għal tifdil ta’ EUR 10.2 miljun fis-sena għall-SMEs Sloveni. L-SBA stieden ukoll lill-Istati Membri biex jagħmluha possibbli li jikkompletaw il-proċeduri legali kollha biex negozju jingħalaq f’każ ta’ falliment mhux doluż fi żmien sena (jew anqas). Sa issa kien hemm ħames pajjiżi, il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit , li taw widen għal din l-istedina. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li testendi l-azzjoni bi prova dwar dati ta’ ftuħ komuni , inizjalment ippjanata għal sena, għal sentejn: 2010-2011. L-ewwel stqarrija annwali li tindika dawk l-atti li se jiġu adottati fil-ġejjieni f’dati fissi għandha tiġi ppubblikata fl-2010 flimkien mar-Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar. Is-setturi li qed jipparteċipaw fl-eżerċizzju jinkludu l-industrija tal-karozzi, l-isplussivi, id-deterġenti u l-prekursuri tad-drogi. L-aċċess għall-fondi Il-Kummissjoni ssimplifikat ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u għamlet referenza ċara għall-bżonn li l-ħtiġijiet tal-SMEs jiġu indirizzati aħjar fuq il-livell tal-Istati Membri. Ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Ġenerali (GBER) adottat bħala parti mill-SBA jikkonsolida f’test uniku u jarmonizza r-regoli li preċedentement kienu stabbiliti f’ħames regolamenti separati, u jkabbar il-kategoriji tal-għajnuna mill-Istat koperti mill-eżenzjoni. Il-GBER introduċa regoli ġodda dwar l-intensità tal-għajnuna lill-SMEs (jiġifieri proporzjon ta’ għajnuna 20 % ogħla awtorizzata lil intrapriżi żgħar u 10 % ogħla għal intrapriżi ta’ daqs medju) kif ukoll dwar inċentivi għat-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda u għal sostenn lil intraprendituri nisa. L-għajnuna li teżenta kategorija għall-SMEs laħqet l-ammont ta’ EUR 2,8 biljun fl-2008, żieda ta’ EUR 0,3 biljun meta mqabbla mal-2007. Il-Kummissjoni adottat ukoll Manwal dwar ir-Regoli tal-Għajnuna mill-Istat li jagħti ħarsa ġenerali u fil-qosor lejn il-possibbilitajiet ta’ għajnuna lill-SMEs li hi awtorizzata skont ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, il-Kummissjoni adottat qafas temporanju ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat 2009/2010 li jipprovdi lill-Istati Membri b'possibbiltajiet addizzjonali biex jindirizzaw l-effetti tar-restrizzjoni tal-kreditu fuq l-ekonomija reali. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma f’pożizzjoni li jagħtu self b’sussidju, garanziji ta’ self bi premium baxx, kapital ta’ riskju lill-SMEs u għajnuna diretta mill-Istat sa EUR 500,000 mingħajr notifika ta’ każi individwali. Il-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kellu rwol ċentrali fit-tħaffif tal-aċċess għall-fondi lill-SMEs fl-2009. Il-bank żied il-kapaċità tiegħu ta’ self maħsub għall-SMEs b’mod sostanzjali minn EUR 8,1 biljun fl-2008 għal madwar EUR 11,5 biljun fl-2009. Barra minn dan, il-Kummissjoni ħadmet ukoll mill-qrib mal-EIF. Minbarra l-implimentazzjoni kontinwa tal-istrumenti tal-SME previsti skont il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EUR 1,13 biljun ippjanati għall-2007-2013), EUR 200 miljun ġew allokati mill-BEI għal finanzjament mezzanin għall-2009. F’Settembru 2009, l-ewwel investiment (ta’ EUR 1.85 miljun) kien sar fil-qafas tal-inizjattiva JASMINE , imnedija fl-2008 mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal- finanzjament mikro fl-Ewropa. L-EIF jantiċipa li fl-2009 se jsiru żewġ investimenti oħra ta’ EUR 2-3 miljun il-wieħed. Barra minn dan, il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha biex tipprovdi lill-Istati Membri u lill-partijiet interssati oħrajn b’informazzjoni dwar l-aċċess għall-fondi lill-SMEs permezz ta’ stħarriġiet regolari . L-inizjattiva JEREMIE wkoll marret tajjeb. L-ipprogrammar ta’ Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 wasslet għal 85 prgramm operazzjonali, nazzjonali jew reġjonali, li jipprevedu l-possibbiltà għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) biex jikkofinanzja strumenti tat-tip JEREMIE b’sostenn lill-SMEs u lill-kumpaniji li għadhom kif twaqqfu. Sa Ottubru 2009, l-inizjattiva JEREMIE kienet ġiet implimentata fi 13-il Stat Membru fil-livell nazzjonali jew dak reġjonali. Kien ippjanat total ta’ EUR 3,069 biljun minn programmi operazzjonali tal-FEŻR għal fondi għal azjendi skont l-inizjattiva JEREMIE. B’rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, u sikwit billi ntuża l-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat, bosta Stati Membri adottaw ukoll miżuri ta’ politika biex isaħħu l-aċċess tal-SMEs għal-likwidità, speċjalment għas-self mill-banek, permezz tal-ħolqien u l-estensjoni ta’ skemi ta’ self u ta’ garanzija għall-SMEs ( l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, Spanja u r-Renju Unit ). Il-pakkett tal-BEI ta’ EUR 30 biljun għal self lill-SMEs jippermetti wkoll li xi Stati Membri jużaw skema ta’ garanzija tat-tieni livell. Barra minn hekk, il-Belġju u Franza waqqfu “medjatur tad-dejn” li jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-SMEs u l-intraprendituri li għandhom problemi bil-bank tagħhom. Bosta Stati Membri ħadu passi biex inaqqsu l-ħlasijiet tard b’mod li antiċipaw it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-ħlasijiet tard u f’xi każi marru lil hinn mill-ambitu tagħha. Fil- Bulgarija , il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li kien se jżid l-interessi statutorji għall-ħlasijiet tard b’10 jew 20 punt bħala miżura ta’ prevenzjoni. Fi Franza , il-liġi biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija adottata f'Awwissu 2008 teħtieġ li t-terminu għal ħlasijiet pubbliċi jitnaqqas għal 30 jum sa mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2010. Fil- Ġermanja liġi ġdida li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009 ittejjeb il-qagħda tal-kreditur għall-kuntratti li jkopru min-negozju sal-konsumatur (eż. ħlasijiet minn quddiem, rifjut ta’ servizz jekk ma tiġix ipprovduta garanzija jew kapial ta’ garanzija). Fil- Portugall , il-Gvern approva l-programm “Pagar a Tempo e Horas” biex inaqqas id-dewmien fil-ħlasijiet, u stabbilixxa mira fit-tul ta’ bejn 30 u 40 jum. Fir- Renju Unit , il-gvern ċentrali ntrabat li jħallas il-kontijiet kollha fi żmien 10 ijiem . It-taqsir taż-żmien u d-dewmien tal-ħlasijiet jibqa' partikolarment importanti għall-SMEs attivi fil- Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja . Dawn l-Istati Membri għandhom l-akbar ambitu għal titjib f’termini tal-perjodu tal-ħlas mill-awtoritajet pubbliċi (b’medja ta' madwar 150 ġurnata). Il-Kummissjoni ssimplifikat ukoll ir-regoli tal-immaniġġjar tal- Politika ta’ Koeżjoni sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-455 programm ta’ Politika ta’ Koeżjoni ppjanati għall-2007-2013, li jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 347 biljun, u hekk jaċċelleraw il-flussi tal-investiment diretti b’mod partikolari lejn il-promoturi tal-proġett bħalma huma l-SMEs. L-investimenti fis-setturi marbuta mal-effiċjenza fl-enerġija u mal-użu tal-enerġiji rinnovabbli fid-djar qegħdin jiġu inkoraġġuti wkoll, minħabba l-potenzjal konsiderevoli tagħhom biex jipprovdu t-tkabbir u l-impjiegi. Is-simplifikazzjoni tas- Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) kienet sejra tajjeb ukoll u qabel tmiem l-2009 il-Kummissjoni se tadotta proposta li tagħmilha possibbli għal SME li tkun qed tieħu sehem fil-proġett FP7 biex iżżomm il-benefiċċju ta’ trattament ta’ SME għal dak il-proġett anki jekk taqbeż il-limiti ta’ SME tul il-perjodu tal-proġett. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar miżuri interni biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-baġit li tista’ tkun ta’ għajnuna għar-rilanċ ekonomiku. B’mod partikolari, tnaqqsu l-iskadenzi ppjanati għall-approvazzjoni tar-rapporti u t-twettiq tal-ħlasijiet, u hemm regola li tgħid li l-ħlasijiet iridu jsiru fi żmien 10 ijiem (20 jum għall-prefinanzjament). Aċċess għas-swieq Biex jistimulaw l-operazzjonijiet transkonfinali mas-Suq Uniku, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ddeċidew flimkien biex ibaxxu iktar it-tariffa marbuta mad- drittijiet tat-trade marks madwar l-UE b’40 % u biex jissimplifikaw il-proċedura ta’ reġistrazzjoni mill-1 ta’ Mejju 2009. Filwaqt li enfasizzat l-importanza li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet kollha ekonomiċi fl-aċċess għas-sejħiet għall-offerti, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu li jistgħu mill-“Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prassi” sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-kuntratti tal-akkwist pubbliku ( ‘il-Kodiċi tal-SME’ ) adottat bħala parti mill-SBA f’Ġunju 2008. Bosta Stati Membri ħadu miżuri b’segwitu għall-pubblikazzjoni tal-Kodiċi. Fi Franza , fl-Att dwar l-akkwisti pubbliċi ġenerali (‘Code des Marchés Publics’) il-leġiżlatur kkjarifika li l-issettjar ta’ livelli ta’ kapaċità minima għas-sejħiet għall-offerti mhux mandatorju. Fl- Ungerija , l-Att dwar l-akkwisti pubbliċi ġie mmodifikat f’April 2009 u jinkludi xi elementi ġodda bħalma hi s-subdiviżjoni ta' kuntratti f’lottijiet meta hu l-każ. Fl- Irlanda , l-awtoritajiet nazzjonali qed iħejju gwida ġenerali sabiex isservi ta’ għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi fid-determinazzjoni tal-livelli xierqa ta' kapaċità finanzjarja ta' dawk li jressqu l-offerti fid-dawl ta' rekwiżiti partikolari. Fil- Polonja , l-awtoritajiet ippromwovew il-Kodiċi tal-SMEs permezz ta’ websajt u billi ddistribwewha lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti li jieħdu sehem fit-taħriġ. Fl- Iżvejza , l-Aġenzija tas-Servizzi Legali, Finanzjarji u Amministrattivi, mill-2009, qed tkun responsabbli biex tipprovdi għajnuna prattika u gwida kemm lill-prokuraturi u dawk li jitfgħu l-offerti madwar il-pajjiż kollu. Fl-aħħar, fl-2010 il-Kummissjoni se tniedi kampanja għall-promozzjoni tal-użu tal-Kodiċi tal-SMEs u studju biex jiġu aġġornati ċ-ċifri tal-aċċess tal-SMEs għall-offerti pubbliċi. Sabiex tippromwovi l-użu tal- istandards mill-SMEs u wara talba tal-Kummissjoni, is-CENELEC issa qed tippubblika fuq il-websajt, mingħajr ħlas, l-ambiti tal-istandards Ewropej sabiex tgħin lill-SMEs jidentifikaw dawk l-istandards li jolqtu lin-negozju tagħhom. Numru dejjem akbar ta’ membri tas-CEN, b’konformità mal-Istrateġija tas-CEN tal-2010, qed jippubblikaw l-ambiti fil-katalgi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-appoġġ finanzjarju tal-UE għal EUR 2,1 miljun fl-2009 biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-SMEs u d-difiża tal-interessi tagħhom fil-proċess tal-istandardizzazzjoni u biex titjieb l-informazzjoni tal-SMEs dwar l-istandards Ewropej u dwar l-użu tagħhom. Il-Kummissjoni saħqet ukoll fuq l-importanza ta’ traspożizzjoni sħiħa u f’waqtha tad-Direttiva tas-Servizzi li se tiffaċilita b’mod sinjifikanti t-twaqqif ta’ negozji u l-provvediment ta’ servizzi transkonfinali. B’mod partikolari, dan iwassal biex fl-Istati Membri jiġu ffaċilitati l-proċeduri amministrattivi u jagħmilha possibbli għal kumpaniji u individwi biex ilestu l-formalitajiet kollha meħtieġa, bħall-awtorizzazzjonijiet, notifiki, liċenzji ambjentali, permezz ta’ mezzi elettroniċi li jgħaddu minn punti ta’ kuntatt uniku. Il-Kummissjoni ddedikat riżorsi sinjifikanti biex tissorvelja u tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, l-implimentazzjoni tad-Direttiva li se tintemm fit-28 ta’ Diċembru 2009. Il-fergħat ewlenin tax-xogħol kienu jinkludu t-twaqqif ta’ punti ta’ kuntatt uniku u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet prattiċi biex tiffaċilita l-użu transkonfinali tal-firem elettroniċi. Din l-attività se tissokta fil-ġejjieni, fost l-oħrajn permezz ta' proġett bi prova fuq skala kbira (SPOCs) maħsub biex ikompli jsaħħaħ il-punti ta' kuntatt uniku lil hinn mill-2010. Fir-rigward tad-dimesjoni esterna, ġew stabbiliti Timijiet ta' Aċċess għas-Swieq fi 30 suq ewlieni tal-esportazzjoni. Bħala konsegwenza, Delegazzjonijiet tal-UE, Stati Membri u organizzazzjonijiet tan-negozju tal-UE qed jikkoordinaw mill-qrib l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw lil xulxin dwar l-ostakli għall-kummerċ u biex jiffaċċjawhom. Barra minn hekk, biex jiġi megħjun l-aċċess tal-SMEs għal swieq ’il barra mill-UE li qed jikbru malajr, il-Kummissjoni qed twaqqaf ċentri tan-negozju f’numru magħżul ta’ dawn is-swieq. Dawn iċ-ċentri se jgħinu lill-SMEs tal-UE li jixtiequ jiftħu negozju u jagħmlu l-kummerċ f’dawn il-pajjiżi billi jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għan-negozju li jinkludu assistenza għall-aċċess tas-suq, is-sejbien ta’ msieħba kummerċjali, appoġġ loġistiku u pariri fuq kwistjonijiet bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u standardizzazzjoni. L-attivitajiet taċ- Ċentru Ewropew għan-Negozju fl-Indja bdew f’Novembru 2008. Fiċ-Ċina, iċ-ċentru se jiftaħ fl-2010. It-twaqqif ta’ ċentri f’pajjiżi oħra qed jiġi kkunsidrat. Barra minn dan, numru sinjifikanti ta’ pajjiżi ( l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, is-Slovenja u Spanja ) saħħew l-appoġġ pubbliku tagħhom għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-esportazzjoni. Fl-aħħar, in- Netwerk Ewropew għall-Intrapriża qed jiffunzjona bħala netwerk ta’ appoġġ għan-negozju b’567 organizzazzjoni msieħba attiviti f'44 pajjiż. Qed jiġu pprovduti servizzi permezz ta’ madwar 3000 persunal professjonali li jindirizzaw madwar tliet miljun SME. Matul l-ewwel 18-il xahar minn meta beda jaħdem, in-Netwerk organizza aktar minn 10 000 avveniment li fihom ħadu sehem madwar 400 000 SME u ġew konklużi aktar minn 1 400 ftehim ta' partenarjat ta' negozju u teknoloġija. Il-Promozzjoni tal-Intraprenditorija Żewġ avvenimenti kbar fl-2009, l- Ewwel Ġimgħa Ewropea għall-SMEs , li saret f’36 pajjiż Ewropew, u l- Konferenza dwar l-SBA/il-Karta Ewropea għall-intrapriżi ż-żgħar ikkontribwixxiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost il-pubbliku inġenerali, u tat vuċi lill-intraprendituri biex jippreżentaw it-triq tal-karriera tagħhom filwaqt li pprovdiet opportunitajiet għal netwerking. Ta’ min jinnota li kemm il-Pajjiżi Kandidati kif ukoll pajjiżi mill-viċinat Ewropew qed juru interess dejjem akbar fl-iżvilupp ta' politiki favorevoli għall-SMEs u f’li jissieħbu fl-eżerċizzju ta' tagħlim minn xulxin. L-iskambju ta’ prassijiet tajba, u l-proċess li wieħed jitgħallem mill-ieħor, qed jaħdem tajjeb lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Pereżempju, in-Norveġja stabbilixxiet Pjan ta’ Azzjoni biex tippromwovi l-intraprenditorija tan-nisa bl-għan li tara li n-nisa jkunu jirrappreżentaw 40 % tal-intraprendituri kollha sal-2013. B'kollox, matul l-aħħar għaxar snin ġew proposti aktar minn 600 prassi tajba mill-pajjiżi li qed jieħdu sehem. Il-Premji Ewropej għall-Intrapriża mmobilizzaw lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri biex ifasslu politiki favorevoli għall-SMEs. Fil-ħarifa tal-2009 il-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni nieda l-inizjattiva l-ġdida "Ir-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew." F’Ottubru 2009 tnieda Netwerk Ewropew ta’ Ambaxxaturi Nisa tal-Intraprenditorija b’kollaborazzjoni mal-Presidenza Żvediża fi Stokkoloma bil-għan li “jnaqqas id-differenza bejn is-sessi” u jżid in-numru ta' nisa li jiftħu negozju fl-Ewropa. In-netwerk jikkonsisti minn 100 ambaxxatur, li bħalissa jkopru 10 pajjiżi. Bħala parti mill-ispinta biex in-negozji ż-żgħar jiġu mħeġġa biex iħaddnu s-Suq Intern, l-inizjattiva tal-Kummissjoni ERASMUS għall-Intraprendituri ż-Żgħar tinkoraġġixxi negozjanti żgħar biex jgħaddu xi żmien isegwu mill-qrib intraprenditur tal-esperjenza fi Stat Membru ieħor tal-UE. Ġew approvati l-ewwel 100 relazzjoni bejn intraprendituri ġodda u intraprendituri li qed jospitaw u ġew irreġistrati 1 200 intraprenditur ġdid u li qed jospita biex jieħdu sehem fil-programm. Fl-aħħar, numru ta’ pajjiżi ankraw l-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija fil-kurrikula tagħhom (Spanja, il-Finlandja, l-Irlanda, Ċipru, il-Polonja, u r-Renju Unit) jew iddeċidew li jagħmlu hekk fil-futur. L- edukazzjoni dwar l-intraprenditorija bħalissa hija l-għan ta’ strateġija nazzjonali ġdida jew pjan ta’ azzjoni fl- Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja jew ta’ riforma ppjanata fil-kurrikulu fir- Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja u Malta . Huwa importanti li wieħed jinnota li bħala xejra ġenerali l-kurrikula qed jaqilbu minn kontenut għal kompetenzi: dan isaħħaħ l-implimentazzjoni tal-intraprenditorija bħala kompetenza ewlenija. L-isfida hi li wieħed imur lil hinn mill-komponent ta’ tagħrif u biex it-tibdiliet tal-kurrikulu jiġi kkumbinati ma’ metodi innovattivi ta’ tagħlim. Fl-aħħar, il-kooperazzjoni bejn dipartimenti differenti u mal-imsieħba interessati, inkluż mal-komunità tal-SMEs għad trid tiġi mtejba fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Il-passi li jmiss Fl-2009 sar progress kbir. Madankollu, jibqa’ tassew importanti li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-SBA jkompli jiġi implimentat b’enerġija fil-livelli kollha, u li wieħed ma jwarrabx il-perspettiva fit-tul , biex b’hekk jinħoloq ambjent ta’ eċċellenza fuq livell dinji għall-SMEs bħala element importanti ta’ prestazzjoni tajba fl-istrateġija UE 2020 li ġejja.