Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Regjuni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw għall-perjodu 2005-2008 /* KUMM/2009/0635 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.11.2009 KUMM(2009) 635 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW GĦALL-PERJODU 2005-2008 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW GĦALL-PERJODU 2005-2008 1. INTRODUZZJONI L-għanijiet priniċipali tad-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (id-Direttiva ELV)[1] huma l-prevenzjoni ta’ skart minn vetturi, u l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u forom oħra ta’ rkupru ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-komponenti tagħhom sabiex jitnaqqas ir-rimi finali tal-iskart. Barra minn dan, l-osservanza ambjentali tal-operaturi ekonomiċi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ vetturi, u b’mod speċjali tal-operaturi li huma direttament involuti fit-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, għandha tittejjeb permezz tal-miżuri stabbiliti fid-Direttiva. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/53/KE jobbliga lill-Istati Membri biex jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva b’intervalli ta’ tliet snin fuq il-bażi ta’ kwestjonarju li kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/753/KE[2], skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE[3]. Il-kwestjonarju jikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel parti tikkonċerna dettalji dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali, it-tieni parti informazzjoni dwar l-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva. Wara l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni (COM/2007/0618 finali) li kien ikopri l-perjodu ta’ implimentazzjoni bejn il-21 ta’ April 2002 u l-21 ta’ April 2005 (għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 sal-21 ta’ April 2005), dan ir-rapport ikopri l-perjodu bejn il-21 ta’ April 2005 u l-21 ta’ April 2008 (għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007 minn din id-data sal-21 ta’ April 2008). Id-dixxiplina tar-rappurtaġġ ma kinitx kompletament sodisfaċenti. Ħames Stati Membri[4] ma ppreżentawx lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Ħafna risposti kienu nieqsa, mhux kompleti jew mhux ċari. Id-dejta annwali dwar il-miri għall-użu mill-ġdid/riċiklaġġ u użu mill-ġdid/irkupru li ntlaħqu kellha tiġi rappurtata b’mod obbligatorju fl-2008, b’referenza għall-2006, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/293/KE[5]. Il-prontezza tar-rappurtaġġ ma kinitx tajba, u l-kwalità tal-metodoloġiji tar-rappurtaġġ qajmet mistoqsijiet dwar il-figuri rrapurtati f’ċerti każi. Il-Kummissjoni ħadet passi biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tad-dejta u l-komparabbiltà billi waqqfet grupp ta’ esperti biex jindirizzaw din il-kwistjoni[6]. Studji ta’ konformità mwettqa mill-Kummissjoni dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali wrew li d-Direttiva ġiet ġeneralment trasposta tajjeb, għalkemm hemm ċerti każi ta’ nuqqas ta’ konformità li bħalissa għaddejjin jew li jistgħu jiġu suġġetti għal proċeduri ta’ ksur. F’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni u l-infurzar attwali u prattiku tad-dispożizzjonijiet legali, l-Istati Membri setgħu jagħtu aktar informazzjoni milli taw għall-perjodu ta’ rappurtaġġ ta’ qabel, imma ma tistax issir valutazzjoni eżawrjenti tas-sitwazzjoni globali fuq il-bażi tar-risposti li wasslu. 2. ID-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GħADHOMX JINTUżAW Permezz ta’ dan ir-rapport, tnejn u għoxrin Stat Membru ppreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tikkonċerna l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom li jimplimentaw id-Direttiva 2000/53/KE fil-liġi nazzjonali tagħhom. Uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (li jikkonċernaw pereżempju, il-prevenzjoni, il-ġbir, l-użu mill-ġdid u l-irkupru) jistgħu jiġu trasposti permezz ta’ ftehim, imma ħames Stati Membri biss użaw din il-possibbiltà. Kienu biss żewġ Stati Membri (il-Litwanja u r-Renju Unit) li eżentaw vetturi li ġew prodotti f’serji żgħar u l-produtturi tagħhom mir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru, l-istandards ta’ kodifikazzjoni u l-informazzjoni dwar iż-żarmar, kif ukoll l-obbligi ta’ rappurtaġġ. Dawk kollha li rrispondew irrappurtaw li adottaw miżuri li jinkoraġġixxu lill-manifatturi tal-vetturi, flimkien ma’ manifatturi ta’ materjali u tagħmir, biex jillimitaw l-użu ta’ sustanzi perikolużi f’vetturi, biex jiffaċilitaw iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u l-irkupru u biex jintegraw kwantità dejjem akbar ta’ materjal riċiklat f’vetturi. Tnejn u għoxrin Stat Membru indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tillimita l-użu ta-ċomb, il-merkurju, il-kadmju jew il-kromju hexavalent għal materjali u komponenti tal-vetturi li tpoġġew fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2003, minbarra l-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva. Dawk kollha li rrispondew ħadu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi – f’bosta mill-każi l-produtturi u/jew importaturi ta’ vetturi – waqqfu sistemi għall-ġbir ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw u (safejn huwa teknikament possibbli) ta’ partijiet użati mneħħija bħala skart meta jissewwew karozzi tal-passiġġieri, u biex ikun żgurat li l-faċilitajiet tal-ġbir ikunu adegwatament disponibbli fit-territorju tagħhom. In-numru ta’ faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati jvarja minn 2 f’Ċipru għal aktar minn 1,600 fir-Renju Unit. Fil-pajjiżi kollha ttieħdu miżuri biex ikun żgurat li l-vetturi kollha li ma għadhomx jintużaw jiġu trasferiti f’faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. L-Istati Membri kollha, ħlief il-Belġju, irrappurtaw li waqqfu sistema li biha l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ qerda hija kundizzjoni meħtieġa għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ta’ vettura. Il-każ Belġjan qed jiġi segwit mill-Kummissjoni. Disa’ Stati Membri użaw iċ-ċans li jippermettu lill-produtturi, lin-negozjanti jew lill-kollezzjonisti biex joħorġu ċertifikati ta’ qerda f’isem faċilità ta’ trattament awtorizzata, sakemm ikun hemm garanzija li l-ELVs ġew trasferiti għal faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. Dawk kollha li rrispondew indikaw li adottaw miżuri biex jiżguraw li l-vetturi li ma għadhomx jintużaw jistgħu jintbagħtu f’faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati mingħajr spejjeż għall-aħħar persuna li kienet għandha l-karozza, jew għall-propjetarju. F’bosta Stati Membri l-kunsinna ta’ vettura li ma għadhiex tintuża mhix mingħajr ħlas jekk din ma jkunx fiha l-komponenti essenzjali, jew jekk ikun fiha skart li jkun ġie miżjud magħha – għażla li hija skont id-Direttiva. L-Istati Membri kollha, ħlief il-Belġju li l-Kumissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontrih, żguraw li ċ-ċertifikati tal-qerda maħruġa fi Stati Membri oħra huma rikonoxxuti u aċċettati b’mod reċiproku mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-risposta tal-Bulgarija ma kinitx ċara u għalhekk tinħtieġ aktar investigazzjoni. Fl-Istati Membri kollha li rrispondew, l-istabbilimenti jew impriżi ta’ trattament għandhom ikollhom permess mingħand, jew ikunu reġistrati mal-awtoritajiet kompetenti. L-Italja u r-Renju Unit biss użaw il-possibbiltà ta’ deroga mir-rekwiżiti ta’ permess kif hemm referenza fid-Direttiva. Dsatax minn dawk li rrispondew irrappurtaw mezzi biex jinkoraġġixxu stabbilimenti jew impriżi ta’ trattament biex jintroduċu sistemi ambjentali ċertifikati. Jingħata appoġġ, pereżempju, permezz ta’ dokumenti ta’ gwida, fuljetti ta’ informazzjoni dwar il-vantaġġi tal-introduzzjoni ta’ sistema ambjentali ċertifikata, korsijiet ta’ taħriġ jew finanzjament. Tlieta minn dawk li rrispondew qalu li s-sistemi ambjentali ċertifikati kienu fuq bażi volontarja u ma rrappurtaw l-ebda miżuri addizzjonali ta’ promozzjoni. L-Istati Membri kollha li rrispondew indikaw li adottaw miżuri skont il-ġerarkija tal-iskart sabiex jippromwovu l-użu mill-ġdid ta’ komponenti li huma adattati għall-użu mill-ġdid u l-irkupru ta’ komponenti li ma jistgħux jintużaw mill-ġdid, bi preferenza għar-riċiklaġġ. Dawk kollha li rrispondew introduċew miżuri biex jiżguraw li l-miri għall-użu mill-ġdid/irkupru u l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ stabbiliti fid-Direttiva jintlaħqu mill-operaturi ekonomiċi. Bosta Stati Membri għamlu t-traspożizzjoni tal-miri stabbiliti fid-Direttiva b’mod literali. L-Olanda aġġustat id-data tassew ambizzjuża li tat fil-bidu, meta l-miri ta’ 95% ta’ użu mill-ġdid/irkupru u 85% ta' użu mill-ġdid/riċiklaġġ għandhom jinltaħqu mill-2007 għall-2015 kif meħtieġ mid-Direttiva. Fil-Bulgarija, mira ta’ rkupru ta’ 87% u mira ta’ riċiklaġġ ta’ 81% għandha tintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 2008; żieda gradwali għal 95% għall-irkupru u 85% għar-riċiklaġġ stabbilita għall-2015. Ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit użaw il-possibbiltà li jistabbilixxu miri aktar baxxi għal vetturi prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 1980. F’dak li jikkonċerna r-rati ta’ użu mill-ġdid/riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid/irkupru, il-figuri tal-2006 huma disponibbli għall-Istati Membri kollha ħlief għall-Irlanda u Malta. Fl-2006, dsatax-il Stat Membru[7] laħqu l-mira tal-użu mill-ġdid/riċiklaġġ ta’ 80% (ir-Repubblika Ċeka u Franza kienu viċin li jilħqu l-mira). Il-mira għall-użu mill-ġdid/irkupru ta’ 85% intlaħqet minn tlettax-il Stat Membru[8] (Spanja kienet viċin li tilħaq il-mira). Aktar figuri jinstabu fir-rapporti tal-Kummissjoni disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm jew fil-websajt ta’ Eurostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/waste/introduction/. L-Istati Membri kollha li rrispondew irrappurtaw li ħadu miżuri biex jiżguraw li l-produtturi, bi qbil mal-manifatturi tal-materjali u tat-tagħmir, jużaw standards ta’ kodifikazzjoni għall-komponenti u materjali u obbligaw lill-manifatturi ta’ komponenti biex dawn jipprovdu informazzjoni dwar iż-żarmar, il-ħażna u l-ittestjar ta’ komponenti lill-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. Fl-Istati Membri kollha, il-produtturi jridu jipprovdu informazzjoni dwar iż-żarmar għal kull tip ta’ vettura ġdida li titpoġġa fuq is-suq. Ħafna mill-Istati Membri indikaw l-użu tas-sistema IDIS (Sistema Internazzjonali ta’ Informazzjoni dwar iż-Żarmar - International Dismantling Information System) li hija aġġornata b’mod regolari. Dsatax-il Stat Membru rrappurtaw li obbligaw lill-operaturi ekonomiċi – il-parti l-kbira produtturi – biex jippubblikaw informazzjoni li tikkonċerna d-disinn tal-vettura, it-trattament ambjentali tajjeb, il-prevenzjoni ta’ skart u l-progress miksub fir-rigward ta’ rkupru u riċiklaġġ. Fi tliet Stati Membri dan l-obbligu huwa indirizzat lill-produtturi tal-vetturi bħala l-operaturi ekonomiċi rilevanti, mhux lill-manifatturi ta’ komponenti ta’ vetturi. L-Iżvezja u l-Estonja qed jaħdmu fuq il-modifika tal-leġiżlazzjoni tagħhom. L-Istati Membri ġew mistoqsija jekk ittiħdux xi miżuri ġodda f’dak li jikkonċerna l-prevenzjoni tal-iskart. Għaxra minn dawk li rrispondew indikaw tali miżuri imma mhux fil-każi kollha kien jidher ċar li dawn kienu ġodda meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtaġġ ta’ qabel. Il-Ġermanja rrappurtat li l-industrija tal-karozzi żviluppat lista dwar id-dikjarazzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar sustanzi rilevanti għal partijiet u materjali pprovduti lill-manifatturi tal-karozzi u għamlu referenza addizzjonali għall-proġett SEES[9] li jimmira, inter alia , lejn l-iżvilupp ta’ proċessi sostenibbli ta' żarmar u ta’ riċiklaġġ biex jiżdiedu r-rati tal-irkupru u l-użu mill-ġdid. Il-Ġermanja rrimarkat ukoll li t-tendenza ġenerali li jsir sforz fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati ta' separazzjoni wara l-istadju tat-tqattigħ sabiex jiġi rkuprat l-iskart tat-tqattigħ safejn huwa possibbli għadu għaddej. F’dak li jikkonċerna tipi u kwantitajiet ta’ materjali riċiklati u s-sitwazzjoni tas-suq, Franza rrappurtat li l-livell ta’ inkorporazzjoni ta’ materjali riċiklati żdied imma indikat dipendenza fuq ir-rekwiżiti tekniċi ta’ vetturi, fuq id-disponibbiltà fuq is-suq u fuq il-prezz u l-livell ta’ kwalità tal-materjal riċiklat. Franza rrimarkat ukoll li skont l-ispeċjalisti fl-industrija tal-metall, huwa diffiċli li jiġu inkorporati aktar minn 40% tal-metall riċiklat fil-vetturi. Ir-riċiklaġġ ta’ plastik baqa’ f’livell aktar baxx mir-riċiklaġġ tal-metalli, u l-manifatturi kienu qed ifittxu bilanċ bejn l-użu ta’ plastik konvenzjonali riċiklat u plastik ġdid ta’ piż eħfef li huwa innovattiv. Il-Ġermanja ddikjarat li t-talba li qed tinbidel għal fdalijiet riċiklati tikkawża bidliet sinifikanti fil-kummerċ ta’ dan il-materjal. Hemm ukoll talba għolja għal plastik riċiklat ta’ kwalità għolja. Ħames Stati Membri biss irrappurtaw vetturi li ma għadhomx jintużaw aktar mingħajr valur jew b’valur tas-suq negattiv mibgħuta f’faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. L-Istati Membri l-oħra indikaw li m’hemm l-ebda, jew hemm biss ammont negliġibbli ta’ karozzi bħal dawn minħabba prezzijiet għolja għal materja prima sekondarja. B’mod ġenerali, dawk li rrispondew ma nnutawx distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn Stati Membri jew ġo fihom, għalkemm saru diversi rimarki f’dan il-kuntest. L-Iżvezja għamlet referenza għal differenzi fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE dwar is-separazzjoni tal-ħġieġ minn vetturi li ma għadhomx jintużaw, li jirriżulta f’aktar karozzi li jiġu esportati lejn Stati Membri fejn il-ħġieġ jista’ jkun separat b’mod legali wara t-tqattigħ. Il-Belġju ddikjara kompetizzjoni qawwija bejn il-faċilitajiet ta’ tqattigħ u bejn il-faċilitajiet ta’ tqattigħ u żarmar. Il-Polonja rrimarkat li l-piż għat-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw ħafna drabi ma jaqax fuq l-Istat Membru fejn il-vetturi jitpoġġew fuq is-suq u jintużaw l-aktar, imma fuq l-Istati Membri fejn jiġu importati wara u fejn jispiċċaw il-ħajja utli tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja nnutat tnaqqis ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw irkuprati fil-faċilitajiet taż-żarmar u riċiklaġġ fil-pajjiż, minħabba l-fatt li ammont kbir ta’ vetturi użati jiġu esportati lejn, pereżempju, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja. Stati Membri oħra rrapurtaw li għadd ta’ karozzi użati kienu esportati wkoll lejn l-Afrika jew il-Lvant Nofsani, u dan kellu impatt fuq il-kwantità ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw iġġenerati u trattati f’dawn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiddiskuti dawn il-kwistjonijiet aktar fil-fond mal-esperti nazzjonali matul il-laqgħat tal-Kumitat għall-Adattament Tekniku. 3. KONKLUżJONIJIET Ma kien hemm l-ebda bidla notevoli meta wieħed iqabbel mal-perjodu ta’ rappurtaġġ perċedenti fir-rigward tal-inkorporazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadhom ma ġewx trasposti bis-sħiħ jew b’mod korrett, u dan huwa evidenti mill-għadd ta’ każijiet ta’ ksur: fl-2009, kienu għadhom pendenti disa’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u sitt każijiet ta’ nuqqas ta’ rappurtaġġ. Diversi Stati Membri ma rnexxilhomx jilħqu l-miri ta’ użu mill-ġdid/riċiklaġġ/irkupru tagħhom fl-2006. Il-Kummissjoni indirizzat ittra lil dawk l-Istati Membri fejn talbet spjegazzjoni għar-raġunijiet ta’ nuqqas, u ser tiddiskuti t-titjib possibbli. Globalment, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tkompli tittejjeb. Il-kontrolli kontinwi tal-konformità u l-laqgħat mal-Istati Membri ser ikomplu sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni Komunitarja. [1] ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. [2] ĠU L 282, 26.10.2001, p. 77. [3] ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48. [4] Proċeduri dwar ksur inbdew kontra l-Istati Membri li ma tawx ir-rapporti tagħhom. [5] ĠU L 94, 13.4.2005, p. 30. [6] Twaqqaf grupp ta’ esperti biex jindirizza din il-kwistjoni, li jinkludi rappreżentant mill-Istati Membri, l-industrija tal-karozzi, u d-Direttorati Ġenerali għall-Ambjent u għall-Istatistika tal-Kummissjoni. L-ewwel laqgħa tal-grupp hi ppjanata għall-Ħarifa 2009. [7] Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. [8] Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvezja. [9] Sistema Sostenibbli Elettrika u Elettronika għas-Settur tal-Karozzi, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fis-SITT PROGRAMM TA’ PRIJORITÀ TA’ QAFAS 6.2 (Disinn Avvanzat u Tekniki ta’ Produzzjoni għal trasport sostenibbli fuq it-toroq). Il-konsorzju tal-proġett jgħaqqad flimkien manifatturi u produtturi tal-karozzi, universitajiet, riċiklaturi/dawk li jżarmaw, ċentri ta’ riċerka u konsulenti. Ara: http://www.sees-project.net/index.php.