52009DC0627

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-programm SAFA tal-Komunità Ewropea [SEC(2009) 1576 finali] /* KUMM/2009/0627 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.11.2009

KUMM(2009)627 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IL-PROGRAMM SAFA TAL-KOMUNITÀ EWROPEA [SEC(2009) 1576 finali]

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IL-PROGRAMM SAFA TAL-KOMUNITÀ EWROPEA(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Għaliex sar dan ir-rapport?

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/36/KE jistipula li:

“Il-Kummissjoni għandha tippubblika, kull sena, rapport dwar l-informazzjoni miġbura, disponibbli lill-pubbliku u lill-partijiet interessati tal-industrija, liema rapport ikun fih analiżi tal-informazzjoni kollha riċevuta skont l-Artikolu 5. Dik l-analiżi għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftiehem u għandha tindika jekk teżistix żieda fir-riskju għall-passiġġieri bl-ajru. Fl-analiżi, is-sors ta' din l-informazzjoni għandu jinżamm mistur.”

Dan hu t-tielet rapport annwali li jkopri l-perjodu mill-01 Jannar sal-31 Diċembru 2008.

1. IL-PROGRAMM SAFA TAL-KE

1.1. L-oriġini tal-programm SAFA tal-KE

Inizjalment, il-programm SAFA ġie mniedi fl-1996 mill-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC). Il-programm SAFA ma kienx imsejjes fuq bażi legali Ewropea vinkolanti, iżda fuq impenn tad-Diretturi Ġenerali tal-Istati Membri parteċipanti fil-konferenza ECAC. L-ambitu tal-ispezzjonijiet relatati ma' inġenji tal-ajru 'barranin' kien jinkludi dawk l-inġenji tal-ajru li ma jintużawx jew li ma jitħaddmux taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-istat li fih issir l-ispezzjoni.

Fit-30 ta’ April 2004, ġiet ippubblikata d-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ta’ ajruplani [inġenji tal-ajru] ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità (l-hekk imsejħa 'Direttiva SAFA'), li ħolqot obbligu legali fuq l-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu spezzjonijiet fuq ir-rampa għall-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jinżlu fl-ajruporti tagħhom, fejn “ajruplani tal-ajru ta’ pajjiżi terzi” [inġenji tal-ajru ta' pajjiżi terzi] tfisser inġenji tal-ajru li ma jintużawx jew li ma jitħaddmux taħt il-kontroll ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE; għalkemm id-Direttiva bl-ebda mod ma tipprojbixxi lill-Istati Membri tal-UE milli jispezzjonaw inġenji tal-ajru ta’ Stati Membri tal-UE oħrajn. L-Istati Membri tal-UE ingħataw perjodu ta’ sentejn biex jimplimentaw din id-Direttiva permezz tal-approvazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

Bi qbil ma’ deċiżjoni tad-Diretturi Ġenerali tal-Istati Membri parteċipanti fil-konferenza ECAC, il-kompetenza tal-programm SAFA ġiet trasferita għall-Komunità Ewropea (KE), fejn, mill-1 ta’ Jannar 2007, ir-responsabbiltà tal-ġestjoni u żvilupp ulterjuri tal- programm SAFA tal-KE taqa’ f'idejn il-Kummissjoni Ewropea megħjuna mill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA). L-EASA hija aġenzija tal-Kummissjoni Ewropea bbażata f’Köln li hija responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-programm SAFA tal-KE f’isem l-istess Kummissjoni u b’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 768/2006.

Sal-2006, kienu l-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Konġunti Ċentrali (CJAA) li jimplimentaw l-elementi operattivi tal-programm SAFA. Lejn tmiem l-2006, l-attivitajiet ta' koordinazzjoni tas-SAFA, inkluża d-database ċentralizzata, ġew trasferiti mill-awtorità CJAA għall-aġenzija EASA.

Il-parteċipazzjoni kontinwata fil-konferenza ECAC mill-istati li ma humiex membri tal-UE, fi kliem ieħor, id-dimensjoni pan-Ewropea tal-programm, ġiet żgurata bl-iffirmar ta' Arranġament ta' Kollaborazzjoni bejn kull wieħed minn dawn l-Istati individwali u l-EASA. Għalhekk, il-programm SAFA, li jinkludi l-UE-27, għandu total ta’ 42 Stat Parteċipanti (ara l-Appendiċi A).

1.2. Il-funzjonament tal-programm SAFA tal-KE

F’kull Stat Parteċipanti fil-programm SAFA, l-inġenji tal-ajru (pajjiżi terzi għall-istati tal-UE jew barranin għall-istati parteċipanti fl-ECAC li ma humiex membri tal-UE) jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq ir-rampa, l-aktar dawk relatati mad-dokumenti u manwali tal-inġenji tal-ajru, liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira, il-kundizzjoni viżibbli tal-inġenji tal-ajru u l-preżenza u l-kundizzjoni tat-tagħmir obbligatorju ta’ sikurezza tal-kabina. Ir-referenzi għal dawn l-ispezzjonijiet huma inklużi fl-Annessi 1 (Personnel Licensing), 6 (Operations of Aircraft) u 8 (Airworthiness of Aircraft) tal-Istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

Dawn l-ispezzjonijiet isiru b’konformità ma’ proċedura li hija komuni għall-Istati Parteċipanti kollha. Ir-riżultati tagħhom jintużaw għal rapporti li jsegwu format komuni wkoll. F’każ ta’ irregolaritajiet sinifikanti, jiġu kkuntattjati l-operatur u l-Awtorità rilevanti tal-Avjazzjoni (l-Istat tal-Operatur jew tar-Reġistru) sabiex jaslu għal miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mhux biss fir-rigward tal-inġenji tal-ajru li jkunu ġew spezzjonati iżda anke fir-rigward ta’ inġenji tal-ajru oħrajn li jistgħu jkunu relatati mal-każ ta’ irregolarità ta’ natura ġenerika. Id-dejta kollha tar-rapporti, kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha u jiġu ċentralizzati f’database kompjuterizzata li tkun imwaqqfa u mmexxija mill-EASA.

L-aspetti ewlenin tal-Programm SAFA tal-KE jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej:

- l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati parteċipanti kollha fis-SAFA: fil-prinċipju, it-42 Stat Membru kollha tal-Istati Membri tal-UE u l-Istati parteċipanti fl-ECAC li ma humiex Membri tal-UE li ffirmaw l-Arranġament ta’ Kollaborazzjoni tal-EASA;

- it-tixrid fil-wisa’ tar-riżultati tal-ispezzjonijiet SAFA fuq ir-rampa permezz tad-database ċentralizzata tas-SAFA;

- l-approċċ tiegħu minn isfel gћal fuq; il-Programm huwa bbażat fuq l-ispezzjonijiet fuq ir-rampa tal-inġenji tal-ajru;

- l-attenzjoni ffukata tiegħu: l-enfażi ewlenija tiegħu fuq inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jtiru lejn l-UE u lejn Stati Parteċipanti fil-programm SAFA (għalkemm l-ispezzjonijiet tas-SAFA fuq inġenji tal-ajru minn Stati Membri tal-UE jistgħu jibqgħu jisiru);

- l-għan inerenti tiegħu li jiċċekkja għall-konformità mal-Istandards tal-ICAO li huma applikabbli b’mod komuni u internazzjonalment għall-inġenji tal-ajru spezzjonati kollha.

1.3. L-integrazzjoni tal-Programm SAFA tal-KE fil-katina sħiħa tas-sikurezza tal-avjazzjoni

L-esperjenza tal-ispezzjonijiet tas-SAFA li saru f’dawn l-aħħar snin turi li dawn l-ispezzjonijiet jagħtu indikazzjoni ġenerali tas-sikurezza tal-operaturi barranin. Madankollu, din l-indikazzjoni hija limitata minħabba li ma tagħtix stampa sħiħa tas-sigurtà ta’ ebda inġenju tal-ajru jew operatur partikulari. Dan huwa dovut għall-fatt li waqt l-ispezzjoni, l-evalwazzjoni ta’ ċerti aspetti tkun diffiċli (eż., il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ekwipaġġ, l-istatus tan-navigabbiltà sħiħa ... eċċ.) minħabba ż-żmien limitat disponibbli biex issir l-ispezzjoni u b'konsegwenza, il-livell limitat ta’ dettall possibbli waqt l-istess spezzjoni. Il-valur ta' dawk l-indikaturi ser jissaħħaħ aktar billi jiżdied ukoll il-livell ta' armonizzazzjoni tal-Istati li qed jieħdu sehem fl-eżekuzzjoni tal-ispezzjonijiet tas-SAFA.

L-evalwazzjoni sħiħa ta’ inġenji tal-ajru jew operatur partikulari tista’ ssir biss permezz ta’ sorveljanza kontinwa mill-awtorità nazzjonali responsabbli tal-avjazzjoni ċivili (l-Istat tal-Operatur jew tar-Reġistru). B’dan il-mod, l-informazzjoni li tinkiseb mill-Programm SAFA tal-KE tkun utli:

- L-ewwelnett bħala strument ta’ prevenzjoni li jgħin biex jiġu identifikati tendenzi potenzjali ta’ sikurezza negattivi, fejn għadd kbir ta' sejbiet dwar operatur partikulari u/jew għadd rikorrenti tagħhom ikun indikatur tajjeb ħafna tad-dgħjufija strutturali potenzjali kemm fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwalità tal-kontroll ta’ dak l-operatur kif ukoll tal-livell ta’ sorveljanza tas-sikurezza li ssir mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili responsabbli tal-istat fejn dak l-operatur jiġi ċċertifikat; jistgħu jiġu identifikati wkoll tendenzi negattivi simili li għandhom x’jaqsmu ma’ tipi ta’ inġenji tal-ajru speċifiċi.

- B’mod aktar dirett, l-ispezzjonijiet tas-SAFA jistgħu jikkontribwixxu f'ħin reali għat-tħaddim sigur tal-inġenji tal-ajru partikulari li jkunu ġew spezzjonati, filwaqt li jġiegħlu lill-awtoritajiet responsabbli mill-ispezzjoni jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi immedjatament u qabel kwalunkwe użu ieħor ta' dawk l-inġenji tal-ajru.

Barra minn hekk, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-KE Nru 2111/2005 li jistabbilixxi lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma projbiti milli jtiru lejn it-territorju tal-KE, l-ispezzjonijiet tas-SAFA kisbu aktar importanza bħala wieħed mill-kriterji li l-Kummissjoni tikkunsidra fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha dwar l-inklużjoni ta’ kumpaniji tal-ajru fil-lista Komunitarja. Fil-fatt, dan kien il-każ sa minn Marzu 2006 meta ġiet stabbilita l-ewwel lista Komunitarja u fl-aġġornamenti regolari sussegwenti tagħha.

1.4. L-iżvilupp tal-programm fl-2008

Fis-16 ta' April 2008, il-Kummissjoni adottat żewġ miżuri leġiżlattivi importanti mmirati lejn tisħiħ ulterjuri tal-Programm SAFA tal-KE:

- Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/49/KE li fiha l-elementi tal-qalba tal-Manwal tal-Proċeduri SAFA u li tipprovdi għal regoli armonizzati għat-tmexxija tal-ispezzjonijiet SAFA inklużi: azzjonijiet ta' segwitu, qafas ta' żmien obbligatorju għar-rappurtar (15-il jum tax-xogħol) u l-komunikazzjoni obbligatorja tar-riżultati tal-ispezzjoni lill-operaturi spezzjonati permezz tat-twassil ta' Prova tal-Ispezzjoni skont format komuni. Barra minn hekk, id-Direttiva msemmija tintroduċi sett komuni ta' kriterji għall-kwalifika tal-ispetturi SAFA. L-EASA ingħatat il-mandat li tappoġġa lill-istati parteċipanti billi tiżviluppa materjal dettaljat ta' gwida konformi mal-elementi tal-qalba inkorporati fid-Direttiva.

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2008 li jimplimenta metodu strutturat pan-Ewropew għall-prijoritizzazzjoni ta' spezzjonijiet SAFA tar-rampa fuq suġġetti potenzjalment mhux sikuri, bil-għan li jitrawwem użu aħjar tar-riżorsi disponibbli tal-ispezzjoni.

Kif mogħtija l-inkariġu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE, l-EASA żviluppat u ħarġet Materjal ta' Gwida dettaljat għall-kwalifika tal-ispetturi tar-rampa SAFA li jistabbilixxu standards li huma komuni għall-Istati parteċipanti kollha. Il-kriterji tal-kwalifika jiffukaw fuq l-eliġibbiltà, it-taħriġ (inkluż it-taħriġ rikorrenti) u l-esperjenza tal-ispetturi. It-taħriġ tal-ispetturi għandu jsegwi s-sillabi żviluppati mill-EASA filwaqt li fornituri indipendenti tat-taħriġ għandhom ikunu kkwalifikati skont sett apposta ta' kriterji komuni.

Għadd ta' inizjattivi li bdew fl-2007 komplew fl-2008, u saru attivitajiet standard regolari taħt il-Programm SAFA tal-KE; bħar-reviżjoni ta' kwalità tar-rapporti mressqa mill-Istati parteċipanti fid-database SAFA u l-analiżi tad-database. Din l-analiżi, li ssir kull erba' xhur, tipprova tidentifika kmieni kemm jista' jkun tħassib u xejriet potenzjalment negattivi dwar is-sikurezza sabiex jiġu inidrizzati f'waqthom u qabel ma jsiru tassew theddida għas-sikurezza tal-avjazzjoni internazzjonali. Il-metodoloġija użata għal din l-analiżi ġiet irfinuta u mtejba aktar sabiex jiġi massimizzat l-użu tad-dejta SAFA disponibbli.

F'Ottubru 2008, sar aġġornament kbir tad-database SAFA li jippermetti rappurtar aħjar, appoġġ għall-monitoraġġ tal-proċess ta' prijoritizzazzjoni (stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2008) u proċessi tax-xogħol imtejba. Filwaqt li jimplimenta l-bidliet introdotti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/49/KE, partikolarment ir-rappurtar obbligatorju ta' azzjonijiet klassi 3, l-aġġornament daħħal karatteristika ġdida li għandha l-għan li ttejjeb il-konsistenza tar-riżultati billi jintuża sett ta' riżultati deskritti min qabel, żviluppati u mmexxijja mill-EASA.

Id-database SAFA ġiet ukoll irreplikata bħala ambjent tat-taħriġ operattiv għal kollox li jippermetti taħriġ prattiku għall-utenti tagħha.

1.5. L-introduzzjoni ta' metodu bbażat fuq ir-riskju

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2008, li għadu kemm ġie ppromulgat u li daħal fis-seħħ f'April 2008, jintroduċi l-kunċett tal-prijoritazzjoni tal-ispezzjoni SAFA minn perspettiva pan-Ewropea fejn Stati parteċipanti huma meħtieġa jipprijoritizzaw porzjon mill-ispezzjonijiet tagħhom ta' fuq ir-rampa fuq ċerti suġġetti (jew operaturi individwali identifikati bħala potenzjalment mhux sikuri jew inkella l-operaturi kollha ċertifikati f'ċertu stat). Il-lista ta' prijoritizzazzjoni titfassal mill-Kummissjoni Ewropea u tiġi aġġornata kull meta tinqala' l-ħtieġa skont is-sett ta' kriterji stabbiliti skont ir-Regolament imsemmi, jiġifieri:

- informazzjoni trażmessa mill-EASA wara l-analiżi tad-database SAFA;

- informazzjoni li toħroġ mil-laqgħat tal-Kumitat għas-Sikurezza fl-Ajru

- informazzjoni li l-Kummissjoni tirċievi mill-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-operaturi mniżżla fl-Anness B tal-lista tal-Komunità ta' trasportaturi tal-ajru pprojbiti milli joperaw (stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2111/2005) kif ukoll l-operaturi l-oħra ċċertifikati fl-istess stat bħal kwalunkwe operatur li jidher fl-istess ħin fil-lista tal-Komunità huma wkoll soġġetti għal spezzjonijiet prijoritizzati.

L-ewwel lista ta' prijoritizzazzjoni nħarġet fl-20 ta' April 2008 u ġiet sussegwentament riveduta darbtejn tul l-istess sena. Tul l-2008, minn total ta' 10,337 spezzjoni SAFA, 1,481 saru fuq suġġetti indikati fil-lista ta' prijoritizzazzjoni.

2. ID-DATABASE ĊENTRALIZZATA TAL-PROGRAMM SAFA

Il-ġestjoni tad-database ċentralizzata tal-programm SAFA ilha f’idejn l-EASA sa minn Diċembru 2006, meta kienet trasferita mill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Konġunti Ċentrali (CJAA) fl-Olanda lejn l-EASA f’Köln, fil-Ġermanja.

Għalkemm tinżamm u titmexxa mill-EASA, l-inklużjoni ta’ rapporti fid-database tibqa’ r-responsabbiltà tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAA) individwali tat-42 Stat Parteċipanti fil-programm SAFA.

Matul l-2008, l-Istati Parteċipanti fil-programm SAFA wettqu rekord ta' 10 337 spezzjoni li wasslu għal 11 298 sejba ( ara l-Appendiċi A ).

Id-dejta li tinżamm fid-database titqies bħala kunfidenzjali, fis-sens li tista’ tintuża biss minn Stati Parteċipanti oħrajn u ma hijiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Id-database hija aċċessibbli għall-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni kollha tal-Istati Parteċipanti permezz ta’ konnessjoni (sigura) fuq l-internet.

3. L-ASPETTI TAL-ISPEZZJONI

Skont 'id-Direttiva SAFA' ajruplan suspettat b'nuqqas ta' konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali (abbażi ta', pereżempju, analiżi regolari tad-database mill-EASA) għandu jiġi spezzjonat bi prijorità mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-ispezzjonijiet fuq ir-rampa jistgħu jsiru billi tintuża proċedura ta' verifika fuq il-post.

L-ispezzjonijiet jistgħu jiffokaw fuq ħames aspetti:

1. Stat tal-Operatur speċifiku (verifika tal-operaturi minn Stat Membru partikolari);

2. Tip speċifiku ta’ inġenju tal-ajru;

3. Natura speċifika tal-operazzjonijiet (skedati, mhux skedati, ta’ merkanzija, eċċ);

4. operatur speċifiku ta' pajjiż terz;

5. Inġenji tal-ajru speċifiċi li jkunu identifikati mill-marka ta’ reġistrazzjoni tagħhom.

L-Appendiċijiet B, C u D jelenkaw l-istati tal-operaturi, it-tipi tal-inġenji tal-ajru u l-operaturi spezzjonati matul is-sena 2008. Dawn l-Appendiċi jenfasizzaw l-ambitu wiesa' tal-Programm SAFA tal-KE u n-natura mhux diskriminatorja tal-applikazzjoni tiegħu.

It-tabella ta’ hawn taħt, li tiġbor l-informazzjoni fl-Appendiċijiet u tagħti dehra ġenerali tal-attivitajiet, hija wkoll turija ta’ kif it-tħaddim tal-Programm miexi ħarir.

Għalkemm l-obbligu ewlieni tal-Istati Membri tal-UE skont id-'Direttiva SAFA' huwa l-ispezzjoni ta’ inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li jinżlu fl-ajruporti tal-UE, anke l-inġenji tal-ajru ta’ Operaturi tal-UE jibqgħu soġġetti għall-ispezzjonijiet. Din it-tabella turi r-riżultati:

Spezzjonijiet | 10,337 spezzjoni... |

Sikurezza tal- | ..fuq 1 067 operatur differenti... |

Stat tal-Operatur | ...minn 131 Stat... |

It-tip ta' inġenji tal-ajru | ...li joperaw 220 (sub)tip differenti ta’ inġenji tal-ajru |

Sadanittant, it-tabella ta’ hawn taħt tixhed il-fatt li l-maġġoranza kbira tat-titjiriet kollha fl-Istati Membri tal-UE jsiru minn operaturi tal-UE u li b’mod ġenerali, l-Istati parteċipanti fil-programm SAFA kienu għadhom qed jużaw l-istess kriterji usa’ tal-Programm SAFA ta’ qabel li kien immexxi mill-ECAC.

Spezzjonijiet fuq l-UE Operaturi | Spezzjonijiet fuq Operaturi mhux tal-UE |

2008 | 5,879 | 4,458 |

Persentaġġ | 56.87% | 43.13% |

Tul l-2008, minn total ta' 10,337 spezzjoni mwettqa minn Stati Membri tal-EU, 9 040 saru fuq suġġetti indikati fil-lista ta' prijoritizzazzjoni. 42.7% (3,857) saru fuq operaturi ċċertifikati f'pajjiżi terzi (mhux tal-UE), filwaqt li s-57.3% li jifdal (5,183) saru fuq operaturi tal-UE. Fl-2008, operaturi minn pajjiżi terzi wettqu madwar 700,000 inżul f'ajruporti tal-Komunità, li jimplika rata ta' spezzjoni (Nru. ta' spezzjonijiet/Nru. ta' nżul) ta' madwar 0.5% (i.e. 5 ispezzjonijiet għal kull 1,000 nżul) L-inżul ta' operaturi tal-UE fi stat ieħor tal-UE (għajr dak responsabbli għas-superviżjoni tas-sikurezza tagħhom) ammontaw għal aktar minn 2,900,000; li jimplika rata ta' spezzjoni ta' 0.17% għall-operaturi tal-UE.

4. IR-RIŻULTATI EWLENIN TAL-ISPEZZJONIJIET TAL-PROGRAMM SAFA

4.1. Riżultati tal-ispezzjoni, b’mod ġenerali

L-ewwel punt fir-rigward tas-sejbiet, li huma devjazzjonijiet mill-Istandards tal-ICAO, huwa l-approċċ kwantitattiv. Dan l-approċċ iqabbel l-għadd totali ta’ sejbiet (S) mal-għadd totali ta’ spezzjonijiet (Sp) u l-punti spezzjonati (PS).

Waqt l-ispezzjoni, tintuża lista ta’ kontroll magħmula minn 54 punt spezzjonat differenti. Fil-maġġoranza tal-każijiet, waqt l-ispezzjoni ma jsirx kontroll tal-punti kollha minħabba li l-ħin bejn il-wasla u t-tluq tal-inġenji tal-ajru ma jkunx twil biżżejjed biex jippermetti spezzjoni sħiħa. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn l-għadd totali ta’ sejbiet u l-għadd totali ta’ punti spezzjonati tista’ tfihem b’mod aħjar milli jfihem proporzjon imsejjes fuq l-għadd ta' spezzjonijiet biss. Ir-riżultati huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt.

Perjodu |

L-01 ta’ Jannar 2008 – il-31 ta’ Diċembru 2008 |

Għadd Totali ta’ Spezzjonijiet (Sp) | 10,337 |

Għadd Totali ta’ Punti Spezzjonati (PS) | 358,046 |

Għadd Totali ta’ Sejbiet (S) | 11,298 |

Għadd medju ta' Punti Spezzjonati matul Spezzjoni | 34.64 |

Sejbiet/Spezzjonijiet (S/Sp) | 1.093 |

Sejbiet/Punti Spezzjonati (S/PS) | 0.0315 |

4.2. Sejbiet tal-ispezzjonijiet u l-kategoriji tagħhom

Mhux l-għadd assolut tas-sejbiet mill-ispezzjonijet biss għandu jiġi kkunsidrat, iżda anke l-“gravità” tagħhom. Għal dan il-għan, ġew definiti tliet kategoriji ta’ sejbiet. Sejba tal-“Kategorija 1” tissejjaħ sejba ta’ importanza sekondarja; Sejba tal-“Kategorija 2” hija waħda sinfikanti filwaqt li dik tal-“Kategorija 3” titqies ta’ importanza fundamentali. It-termini “sekondarja”, “sinifikanti” u “fundamentali" huma marbuta mal-livell ta’ devjazzjoni mill-Istandard tal-ICAO. L-għan ewlieni tal-kategorizzazzjoni tas-sejbiet huwa li tikklassifika l-konformità ma' standard u l-importanza tan-nuqqas ta' konformità ma' dak l-istandard.

L-ispezzjonijiet u l-kategoriji tas-sejbiet jiġu rreġistrati fid-database u r-riżultati jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt.

Għadd ta’ sejbiet (S) | Proporzjon tas-sejbiet (Scat./Sp) |

Minn din it-tabella, wieħed jista’ jinnota li:

- Fil-każ tal-operaturi minn Stati tal-UE, tal-ECAC, u tal-Oċeanja, l-għadd ta sejbiet tagħhom għal kull spezzjoni huwa inqas mill-medja.

- Fil-każ tal-operaturi mill-Afrika, il-Federazzjoni Russa, il-Belarus u l-grupp tal-Ażja Ċentrali flimkien mal-Istati tal-Ażja, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, l-għadd ta’ sejbiet tagħhom għal kull spezzjoni huwa ikbar mill-medja.

- [pic]

L-evoluzzjoni fuq ħames snin turi l-għadd medju ta' sejbiet (għal kull spezzjoni) naqas għal kważi kull reġjun ġeografiku, partikolarment għall-operaturi liċenzjati fil-Federazzjoni Russa, il-Belarus u l-istati tal-Ażja Ċentrali (CIS). L-unika eċċezzjonijiet huma l-Amerika Latina u l-Karibew: (LAC)

Distribuzzjoni skont ir-reġjuni tal-ICAO

Għadd ta’ sejbiet (S) | Proporzjon tas-sejbiet (Skat./Sp) |

Għadd ta’ Sejbiet | 11,298 |

L-AZZJONIJIET ADOTTATI | informazzjoni lill-awtorità u lill-operatur | 3,566 |

restrizzjoni fuq it-tħaddim tal-inġenji tal-ajru | 109 |

azzjonijiet korrettivi qabel l-awtorizzazzjoni tat-titjira | 1,407 |

inġenji tal-ajru miżmuma milli jtiru | 14 |

projbizzjoni immedjata tat-tħaddim | 10* |

*mhux inklużi projbizzjonijiet/restrizzjonijiet operattivi imposti mill-KE skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 EC

[1] L-UE - l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[2] ECAC – l-Albanija, l-Armenja, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Belġju, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Malta, ir-Repubblika tal-Moldova, Monako, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Montenegro, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, it-Turkija, l-Ukraina, ir-Renju Unit.

[3] Il-Federazzjoni Russa, il-Belarus u l-Ażja Ċentrali – il-Belarus, il-Każakstan, il-Kirgistan, il-Federazzjoni Russa, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan

[4] L-Amerika ta’ Fuq (NA) – il-Bermuda, il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika

[5] L-Amerika Latina u l-Karibew (LAC) – Antigwa u Barbuda, l-Arġentina, Aruba, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, il-Bolivja, il-Brażil, il-Gżejjer Cayman, iċ-Ċili, il-Kolombja, il-Kosta Rika, Kuba, ir-Repubblika Domenikana, l-Ekwador, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Gujana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Messiku, l-Antilli Olandiżi, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, Puerto Rico, San Kristofru u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, is-Surinam, Trinidad u Tobago, il-Gzejjer Turks u Caicos, l-Urugwaj, il-Venezwela (ir-Repubblika Bolivarjana ta’)

[6] Il-Lvant Nofsani u l-Afrika tat-Tramuntana (MENA) – l-Alġerija, il-Baħrejn, l-Eġittu, l-Iran (ir-Repubblika Iżlamika ta’), l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Libanu, il-Ġamaħarija Għarbija Libjana, il-Marokk, l-Oman, il-Qatar, l-Għarabja Sawdija, is-Sudan, ir-Repubblika Għarbija Sirjana, it-Tuneżija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Jemen

[7] L-Afrika (AFR) – l-Angola, il-Benin, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Kamerun, il-Kap Verde, ir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali, iċ-Ċad, il-Komoros, il-Kongo, il-Côte d'Ivoire, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gabon, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea, il-Ginea-Bissaw, il-Kenja, il-Lesoto, il-Liberja, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Mali, il-Mawritanja, il-Mawrizju, il-Możambik, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Rwanda, São Tomé u Prinċipe, is-Senegal, is-Seychelles, is-Sjerra Leone, is-Somalja, l-Afrika t’Isfel, is-Sważiland, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, iż-Żambja, iż-Żimbabwe

[8] L-Ażja (AS) – l-Afganistan, il-Bangladexx, il-Butan, il-Brunej Darussalam, il-Kambodja, iċ-Ċina, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Ħong Kong (ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali taċ-Ċina), l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġappun, ir-Repubblika Popolari Demokratika tal-Laos, il-Malażja, il-Maldivi, il-Mongolja, il-Mjanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, ir-Repubblika tal-Korea, Singapor, Sri Lanka, it-Tajwan, it-Tajlandja, Timor tal-Lvant, il-Vjetnam

[9] L-Oċeanja (OC) – l-Awstralja, il-Fiġi, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja (l-Istati Federali ta’), Nauru, New Zealand, Palaw, il-Papwa Ginea l-Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu, Vanwatu

[10] APAC – ir-Reġjun tal-Ażja u l-Oċean Paċifiku tal-ICAO: l-Awstralja, il-Bangladexx, il-Bhutan, il-Brunej Darussalam, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u l-Makaw), il-Gżejjer Cook, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, il-Fiġi, l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġappun, Kiribati, ir-Repubblika Popolari Demokratika tal-Laos, il-Malażja, il-Maldivi, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, il-Mongolja, il-Mjanmar, Nawru, in-Nepal, New Zealand, Palw, il-Papwa Ginea l-Ġdida, il-Filippini, ir-Repubblika tal-Korea, Samoa, Singapor, il-Gżejjer Solomon, Sri Lanka, it-Tajlandja, Tonga, Vanwatu, il-Vjetnam.

[11] L-ESAF – ir-Reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinar tal-ICAO: l-Angola, il-Botswana, il-Komoros, Ġibuti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Kenja, il-Leżoto, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Mawrizju, il-Możambik, in-Namibja, ir-Rwanda, is-Seychelles, is-Somalja, l-Afrika t’Isfel, is-Sważiland, l-Uganda, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, iż-Żambja, iż-Żimbabwe.

[12] EUR/NAT – ir-Reġjun tal-Ewropa u tat-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku tal-ICAO: l-Albanija, l-Alġerija, Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Belġju, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Każakstan, il-Kirgistan, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, Monako, il-Marokk, l-Olanda (inkluż l-Antilli Olandiżi), in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, San Marino, is-Serbja, il-Montenegro, l-Islovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, it-Taġikistan, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Tuneżija, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina, ir-Renju Unit (inklużi l-Gżejjer Cayman, Bermuda), l-Użbekistan.

[13] MID – ir-Reġjun tal-Lvant Nofsani tal-ICAO: l-Afganistan, il-Baħrejn, Ċipru, l-Eġittu, l-Iran, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Libanu, il-Ġamaħarija Għarbija Libjana, l-Oman, il-Pakistan, il-Qatar, l-Għarabja Sawdija, is-Sudan, ir-Repubblika Għarbija Sirjana, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Jemen

[14] NACC – ir-Reġjun tal-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali u l-Karibew tal-ICAO: Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, il-Kanada, il-Kosta Rika, Kuba, ir-Repubblika Domenikana, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Messiku, in-Nikaragwa, San Kristofru u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Trinidad u Tobago, l-Istati Uniti tal-Amerika.

[15] SAM – ir-Reġjun tal-Amerika t’Isfel tal-ICAO: l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċili, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Gujana, il-Panama, il-Paragwaj, il-Peru, is-Surinam, l-Urugwaj, il-Venezwela.

[16] WACAF – ir-Reġjun tal-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali tal-ICAO: il-Benin, il-Burkina Faso, il-Kamerun, il-Kap Verde, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, iċ-Ċad, il-Kongo, Il-Côte d’Ivoire, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea, il-Ginea-Bassaw, il-Liberja, il-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, in-Niġerja, Sao Tomé u Prinċipe, is-Senegal, is-Sjerra Leone, it-Togo.