52009DC0624

Green Paper dwar il-ksib ta' provi mingħand Stat Membru ieħor fi kwistjonijiet kriminali u l-iżgurar tal-ammissibbiltà tagħhom /* KUMM/2009/0624 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.11.2009

KUMM(2009)624 finali

GREEN PAPER

dwar il-ksib ta' provi mingħand Stat Membru ieħor fi kwistjonijiet kriminali u l-iżgurar tal-ammissibbiltà tagħhom

GREEN PAPER

dwar il-ksib ta' provi mingħand Stat Membru ieħor fi kwistjonijiet kriminali u l-iżgurar tal-ammissibbiltà tagħhom

1 INTRODUZZJONI

Wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huwa li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod partikolari billi tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma tistax tiġi ostakolata minn differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri u n-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meta tkun ikkonfrontata minn kriminalità transkonfinali. F’dan ir-rigward huwa partikolarment importanti li titrawwam kooperazzjoni effettiva fil-ksib tal-provi fi kwistjonijiet kriminali.

Diġà hemm numru ta’ strumenti fis-seħħ li jipprovdu għal mekkaniżmi għal Stat Membru biex ifittex il-ġbir ta' provi ammissibbli fi kwistjonijiet kriminali f'kuntest transkonfinali. Il-kooperazzjoni mill-qrib f’dan il-qasam hija element essenzjali għall-effettività tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali fl-UE, u l-Kummissjoni għalhekk beħsiebha tieħu azzjoni ulterjuri biex tħeġġeġ din il-kooperazzjoni. L-għan tal-Green Paper huwa li tikkonsulta mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kkonċernati kollha fuq numru ta’ kwistjonijiet li huma relevanti f’dan ir-rigward.

2. SFOND

Minn meta daħal fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, numru ta’ testi wrew b’mod ċar il-ħtieġa li l-ġbir tal-provi f’kuntest transkonfinali jiġi faċilitat u l-ammissibbiltà ta’ tali provi quddiem il-qrati tiġi promossa.

Il-Konklużjonijiet ta’ Tampere[1] jidentifikaw ir-rikonoxximent reċiproku bħala s-sies tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u jiddikjaraw li titjib fir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u sentenzi ġudizzjarji u l-approssimazzjoni neċessarja tal-leġiżlazzjoni jiffaċilitaw ol-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Huma jiddikjaraw ukoll li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu japplika għad-digrieti ta’ qabel il-proċess, b’mod partikolari lil dawk li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw il-provi u jaqbdu l-assi li huma faċilment trasportabbli, u li l-provi li jkunu nġabru skont il-liġi mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom ikunu ammissibbli fil-qrati ta’ Stati Membri oħra, meta wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni l-istandards li japplikaw hemm.

Il-Programm ta’ miżuri biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku[2] jtenni li l-għan, fir-rigward ta’ ordnijiet bl-iskop li jinġabru l-provi, huwa biex jiġi żgurat li l-provi jkunu ammissibbli, sabiex jiġi evitat l-għajbien tagħhom u biex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta' ordnijiet ta’ perkwiżizzjoni u ta’ qbid, sabiex b’hekk il-provi jkunu jistgħu jiġu miġbura malajr f’każ kriminali.

Il-Programm tal-Aja[3] jsostni li iktar żvilupp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet kriminali huwa essenzjali biex jiġi provdut segwitu adegwat għall-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol. Huwa jtenni wkoll li l-programm kompensiv tal-miżuri biex jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li jinkludu deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-fażijiet kollha tal-proċeduri kriminali, bħall-ġbir u l-ammissibbiltà tal-provi, għandu jiġi kkompletat u li għandha aktar attenzjoni tingħata lil proposti addizzjonali f’dak il-kuntest. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm tal-Aja[4] jipprevedi wkoll proposta dwar l-istandards li jirrigwardaw il-ġbir tal-provi sabiex tali provi jkunu ammissibbli.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”[5] tipprevedi fost l-oħrajn l-istabbiliment ta’ sistema wiesgħa biex jinġabru l-provi f’każijiet transkonfinali. Skont il-Kummissjoni, dan jeħtieġ li l-istrumenti legali eżistenti f’dan il-qasam jiġu sostititwiti b’strument uniku. Dan l-istrument għandu jkun rikonoxxut u applikabbli awtomatikament fl-Unjoni Ewropea kollha u b’hekk jinkoraġġixxi kooperazzjoni rapida u flessibbli bejn l-Istati Membri. Għandu jistabbilixxi wkoll it-termini għall-eżekuzzjoni u jillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għal ċaħda. Dan l-istrument jista’ jinkludi regoli dwar provi elettroniċi u mandat Ewropew biex jitressqu persuni quddiem il-qorti li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-opportunitajiet ipprovduti mill-videjokonferenzi. Barra dan, jistgħu jsiru dispożizzjoni għal prinċipji minimi biex tiġi ffaċilitata l-ammissibbiltà tal-provi reċiproka bejn l-Istati Membri, inklużi provi xjentifiċi.

3. REGOLI EżISTENTI DWAR IL-KSIB TA’ PROVI FI KWISTJONJIET KRIMINALI

Ir-regoli eżistenti dwar il-ksib ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali fl-UE huma ta’ żewġ tipi differenti. Minn naħa, hemm strumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ assistenza reċiproka.Dawn jinkludu, notevolment, il-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali[6] supplimentata mill-Ftehim ta’ Schengen[7] u l-Konvenzjoni dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali[8] u l-Protokoll tagħha. Min-naħa l-oħra, hemm strumenti bbażati fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li jinkludu notevolment id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat għall-Provi[9]. L-istrumenti ta’ assistenza reċiproka u l-protokolli tagħhom ikopru l-assistenza reċiproka b’mod ġenerali iżda fihom ukoll regoli dwar il-forom speċifiċi ta’ assistenza reċiproka bħall-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjoni jew l-użu ta’ videjokonferenzi. Talbiet għal assistenza reċiproka għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu trażmessi direttament bejn l-awtorità ta' ħruġ u tal-eżekuzzjoni. Jekk ma tiġix invokata raġuni relevanti ta’ ċaħda mill-awtorità li teżegwixxi, it-talba għandha tkun eżegwita mill-aktar fis possibbli u jekk possibbli fit-termini indikati mill-awtorità ta’ ħruġ. Sabiex tiġi żgurata l-ammissibbiltà tal-provi miġbura, l-awtoritajiet tal-Istat rikjest għandhom jikkonformaw mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati mill-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti sakemm ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt fl-Istat rikjest.

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi tapplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-iskop li jinġabru provi biex jintużaw fi kwistjonijiet kriminali. Jista’ jinħareġ Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinġabru provi li diġà jeżistu u li jkunu direttament disponibbli fil-forma ta’ oġġetti, dokumenti jew data[10]. Għandu jinħareġ permezz ta’ formola standard u jiġi tradott f’lingwa uffiċjali tal-Istat li jeżegwixxi. L-awtoritajiet tal-Istat li joħroġ il-mandat għandhom jivverifikaw li l-provi jistgħu wkoll jinġabru taħt il-liġi nazzjonali f'każ simili u li l-provi mfittxija huma neċessarji u proporzjonali għall-proċedimenti inkwistjoni. Għandu jiġi rikonoxxut u eżegwit f’terminu fiss sakemm ma tkunx tapplika raġuni għal ċaħda relevanti. L-eżekuzzjoni tal-Mandat Ewropew għall-Provi m’għandhiex tkun suġġetta għal verifika tal-kriminalità doppja jekk ma jkunx meħtieġ li jitwettqu perkwiżizzjoni jew qbid jew jekk ir-reat ikun suġġet għal sentenza ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin u jissemma f’elenku ta’ reati fid-Deċiżjoni Qafas. Sabiex tiġi żgurata l-ammissibbiltà tal-provi miġbura, l-awtoritajiet tal-Istat li jeżegwixxi għandhom l-obbligu li jikkonformaw mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati mill-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba sakemm ma jmorrux kontra prinċipji fundamentali tad-dritt fl-Istat li jrid jeżegwixxi t-talba.

4. PROSPETTI FUTURI

4.1 Il-ksib tal-provi

Kif issemma’ hawn fuq, ir-regoli eżistenti dwar il-ksib tal-provi fi kwistjonijiet kriminali fl-UE jikkonsistu f’numru ta’ strumenti koeżistenti bbażati fuq prinċipji sottostanti differenti, jiġifieri dak tal-assistenza reċiproka u dak tar-rikonoxximent reċiproku. Minħabba dan, l-applikazzjoni tar-regoli hija oneruża u tista’ twassal għal konfużjoni fost dawk li huma involuti fil-professjoni legali. Tista’ twassal ukoll għal sitwazzjonijiet fejn dawk involuti fil-professjoni legali ma jużawx l-aktar strument xieraq għall-provi li jkunu qegħdin ifittxu. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-fatturi jistgħu jfixklu l-kooperazzjoni transkonfinali effettiva. Barra minn hekk, l-istrumenti bbażati fuq l-assistenza reċiproka jistgħu jitqiesu bħala li jdumu biex jagħtu riżultati u li huma ineffiċjenti minħabba l-fatt li la jimponu formoli standard li għandhom jintużaw meta tinħareġ talba għall-ġbir tal-provi li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor u lanqas termini ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni tat-talba. L-istrumenti bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku jistgħu wkoll ma jiġux ikkunsidrati bħala sodisfaċenti minħabba l-fatt li jkopru biss tipi speċifiċi ta' provi u jipprovdu għal numru kbir ta’ raġunijiet biex tinċaħad l-eżekuzzjoni tal-ordni.

Kif jintqal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, l-aktar soluzzjoni effettiva għad-diffikultajiet imsemmijin hawn fuq tidher li tinsab fis-sostituzzjoni tas-sistema legali eżistenti li tirregola l-ġbir tal-provi fi kwistjonijiet kriminali bi strument legali uniku bbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku li jkopri t-tipi kollha ta' provi. Meta mqabbel mal-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi, dan l-istrument il-ġdid għandu jkopri wkoll provi li - minkejja li jkunu disponibbli direttament – ma jkunux għadhom jeżistu, bħal dikjarazzjonijiet minn persuni suspettati jew xhieda jew informazzjoni miksuba f’ħin reali, bħall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet jew il-monitoraġġ ta’ kontijiet tal-bank. Għandu jinkludi wkoll provi li - minkejja li jkunu diġà jeżistu – ma jkunux disponibbli direttament mingħajr investigazzjonijiet jew eżamijiet ulterjuri, bħal analiżijiet ta’ oġġetti, dokumenti jew data eżistenti jew biex jinkiseb materjal bijoloġiku, bħal kampjuni tad-DNA jew marki tas-swaba’. Din il-konsultazzjoni għandha l-għan li tikkonferma l-validità ta’ dan l-approċċ.

Jeħtieġ ukoll li jiġi analizzat jekk għandhomx jiġu inklużi fl-istrument regoli speċifiċi għal tipi partikolari ta’ provi. Dan sar fl-istrumenti ta’ assistenza reċiproka attwali li, flimkien mad-dispożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għat-tipi kollha ta’ provi, fihom regoli dettaljati dwar talbiet għal ċerti forom speċifiċi ta’ assistenza reċiproka, bħall-interċettazzjonijiet ta’ telekommunikazzjonijiet jew smigħ permezz ta’ videjokonferenza.

Barra minn dan tinħtieġ ukoll analiżi ta’ jekk ikunx xieraq li wieħed japplika l-karatteristiċi tipiċi tal-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku (bħalma huma l-użu ta’ ordnijiet minflok talbiet għall-assistenza, formoli standard għall-ħruġ tal-mandat, termini ta’ skadenza fissi għall-eżekuzzjoni ta’ mandati u kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti) għat-tipi kollha ta’ provi. Pereżempju, jista’ ma jkunx xieraq li wieħed jintroduċi formoli standard għas-smigħ tax-xhieda jew termini fissi għat-twaqqif ta’ tim investigattiv konġunt. Barra minn hekk, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda stabbiliti fl-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku jistgħu ma jibqgħux meħtieġa fir-rigward ta’ provi li jistgħu jinġabru mingħajr l-użu ta’ miżuri koerċittivi.

Fl-aħħarnett, tinħtieġ analiżi dwar jekk ikunx xieraq li strument eżistenti jew futur ikun akkumpanjat minn miżuri mhux leġiżlattivi. Dan jista’ jinkludi inizjattivi mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar l-istrument(i) fost dawk involuti fil-professjoni legali, bħalma huwa linji gwida dwar l-abbozzar jew l-għoti ta' taħriġ lil dawk li jeżerċitaw dwar l-applikazzjoni tagħhom. Jista’ jinkludi wkoll inizjattivi mmirati biex jiżguraw li l-istrument jiġi implimentat korrettament, bħall-istabbiliment ta' sistemi ta' moniteraġġ u evalwazzjoni.

4.2 L-ammissibbiltà tal-provi

Kif issemma’ aktar ‘il fuq l-istrumenti eżistenti dwar il-ġbir tal-provi fi kwistjonijiet kriminali diġà fihom xi regoli mmirati biex jiżguraw l-ammissibbiltà tal-provi miġbura fi Stat Membru ieħor, jiġifieri biex jiġi evitat li l-provi jiġu kkunsidrati inammissibbli jew ta’ valur probatorju mnaqqas fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed minħabba l-mod kif inġabru fi Stat Membru ieħor. Madankollu, dawn ir-regoli jittrattaw il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi b’mod indirett biss peress li ma jistabbilixxu l-ebda standards komuni għall-ġbir tal-provi. Hemm għaldaqstant riskju li r-regoli eżistenti dwar il-ksib tal-provi fi kwistjonijiet kriminali jaħdmu biss b’mod effettiv bejn Stati Membri bi standards nazzjonali simili għall-ġbir l-provi.

Kif jintqal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, l-aħjar soluzzjoni għal din il-problema tidher l-adozzjoni ta’ standards komuni għall-ġbir tal-provi fi kwistjonijiet kriminali. Din il-konsultazzjoni għandha wkoll l-għan li tikkonferma l-validità ta’ dan il-metodu.

Jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat jekk, f’każ ta’ deċizjoni affermattiva, ikunx aħjar li jiġu adottati standards ġenerali li japplikaw għat-tipi kollha ta' provi jew li jiġu adottati standards aktar speċifiċi adattati għat-tipi differenti ta' provi. Minħabba l-karatteristiċi tat-tipi differenti ta’ provi, l-ewwel approċċ ikun limitat għal qbil dwar prinċipji ġenerali filwaqt li l-aħħar approċċ ikun jippermetti aktar regoli speċifiċi ta’ approssimazzjoni.

5. MISTOQSIJIET LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-PARTIJIET INTERESSATI KKONċERNATI KOLLHA

Sabiex jiġi identifikat l-aħjar mod għall-Kummissjoni biex tipproċedi, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha kkonċernati huma ġentilment mitluba biex iwieġbu l-mistoqsijiet li ġejin:

5.1 Il-ksib tal-provi

1. Tilqa’ fil-prinċipju sostituzzjoni tas-sistema legali eżistenti dwar il-ksib ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali bi strument uniku bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jkopri t-tipi kollha ta' provi, inklużi provi li ma jkunux għadhom jeżistu jew li ma jkunux direttament disponibbli mingħajr investigazzjoni jew eżami ulterjuri? Għaliex?

2. Fl-opinjoni tiegħek, ikun neċessarju li jiġu inklużi regoli speċifiċi għal xi tipi ta’ provi f’dan l-istrument? Jekk iva, liema?

3. Fl-opinjoni tiegħek, ikun xieraq li l-karatteristiċi tal-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku jiġu applikati għat-tipi kollha ta' provi, inklużi provi li ma jkunux għadhom jeżistu jew li ma jkunux disponibbli direttament mingħajr investigazzjoni jew eżami ulterjuri? Jekk iva, liema tipi ta' provi jkun jixirqilhom trattament speċifiku? Għaliex?

4. Fl-opinjoni tiegħek, ikun utli li mal-istrument jiżdiedu miżuri mhux leġiżlattivi? Jekk iva, liema?

5. Fl-opinjoni tiegħek, hemm xi kwistjonijiet oħra li għandhom jiġu indirizzati? Jekk iva, liema?

5.2 L-ammissibbiltà tal-provi

6. Tilqa’ fil-prinċipju l-introduzzjoni ta’ standards komuni għall-ġbir ta' provi? Għaliex?

7. Tippreferi tadotta standards ġenerali li japplikaw għat-tipi kollha ta' provi jew li tadotta standards aktar speċifiċi adattati għat-tipi differenti ta' provi? Għaliex?

8. Jekk għandhom jiġu adottati standards komuni, liema taħseb li għandhom ikunu? Għaliex?

9. Fl-opinjoni tiegħek, hemm xi kwistjonijiet oħra li għandhom jiġu indirizzati? Jekk iva, liema? Għaliex?

6. SKADENZA GħAT-TWEġIBA

L-Istati Membri u l-partijiet interessati kkonċernati huma ġentilment mitluba biex jippreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-Green Paper sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Jannar 2010. It-tweġibiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

Bil-posta :Il-Kummissjoni EwropeaDirettorat Ġenerali Ġustizzja, Libertà u SigurtàGħall-attenzjoni ta’: Mr Anders AAGAARDMO59 03/096B-1049 BrussellIl-Belġju

Bil-posta elettronika: Anders.AagaardJLS-CRIMINALJUSTICE@ec.europa.eu

Il-kontribuzzjonijiet se jiġu ppubblikati fuq l-Internet. Jekk jogħġbok aqra d-dikjarazzjoni speċifika dwar il-privatezza mehmuża ma’ din il-konsultazzjoni għal tagħrif dwar kif id-data personali u l-kontribuzzjoni tiegħek se jiġu trattati. L-organizzazzjonijiet professjonali huma mistiedna li jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni tar-Rappreżentanti b’Interessi (http://ec.europa.eu/transparency/regrin). Dan ir-Reġistru nħoloq fil-qafas tal-Inizjattiva tat-Trasparenza Ewropea bl-għan li jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-pubbliku inġenerali b’informazzjoni dwar l-għanijiet, l-iffinanzjar u l-istrutturi ta’ rappreżentanti ta’ interessi.

[1] Il-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ottubru 1999, Konklużjonijiet tal-Presidenza, SN 200/1/99 REV 1.

[2] Programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali, ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

[3] Il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 53, 3.3.2005, p.1.

[4] Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta' The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini,

[6] Konvenzjoni Ewropea tal-20 ta’ April 1959 dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali.

[7] Il-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-verifiki fil-fruntieri komuni tagħhom, ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[8] Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.

[9] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali. Strument ieħor dwar dan il-qasam li hu bbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku hija d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45). Madankollu, l-ambitu ta’ dan l-istrument huwa limitat għall-iffriżar ta’ provi li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor. It-trasferiment sussegwenti tal-provi bejn l-Istati Membri involuti jiġi regolat minn strumenti ta’ assistenza reċiproka jew id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi.

[10] Minħabba dan l-ambitu limitat għall-applikazzjoni tiegħu, il-Mandat Ewropew għall-Provi, ma jistax, pereżempju, jinħareġ bl-iskop li jiġu intervistati persuni suspettati jew xhieda jew biex tinkiseb informazzjoni f’ħin reali, bħall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet jew il-monitoraġġ ta’ kontijiet tal-bank, minħabba li dawn it-tipi ta’ provi – għalkemm direttament disponibbli – jkunu għadhom ma jeżistux. Il-Mandat Ewropew għall-Provi lanqas ma jista’ jinħareġ bl-iskop, pereżempju, li jitwettqu analiżijiet ta’ oġġetti, dokumenti jew data eżistenti jew biex jinkiseb materjal bijoloġiku, bħal kampjuni tad-DNA jew marki tas-swaba’, minħabba li dawn it-tipi ta' provi - minkejja li jkunu diġà jeżistu – ma jkunux disponibbli direttament mingħajr investigazzjonijiet jew eżamijiet ulterjuri.