52009DC0622

Green Paper dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej /* KUMM/2009/0622 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.11.2009

KUMM(2009)622 finali

GREEN PAPER

dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

GREEN PAPER

dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

WERREJ

I. Introduzzjoni 3

II. Kwistjonijiet għall-konsultazzjoni 4

1. Numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini 4

2. Numru minimu ta’ firem kull Stat Membru 5

3. Eliġibbiltà biex wieħed jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini - età minima 6

4. Il-forma u l-kliem tal-inizjattiva taċ-ċittadini 7

5. Rekwiżiti għall-ġbir, il-verifika u l-awtentiċità tal-firem 7

6. Limitu ta’ żmien għall-ġbir tal-firem 10

7. Reġistrazzjoni ta’ inizjattivi proposti 10

8. Rekwiżiti għall-organizzaturi - Trasparenza u finanzjament 11

9. Eżaminazzjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini mill-Kummissjoni 12

10. Inizjattivi fuq l-istess kwistjoni 14

III Kif twieġeb 14

I. Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Liżbona, li ġie ffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 u li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fittex b'mod partikolari li jsaħħaħ it-tessut demokratiku tal-Unjoni Ewropea. Waħda mill-innovazzjonijiet kbar tiegħu hi li jintroduċi l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Hu jipprovdi li “ mhux inqas minn miljun ċittadin li jkunu ċittadini ta' numru sinifikanti mill-Istati Membri jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti xi proposta xierqa fuq kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li att ġuridiku tal-Unjoni jkun meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati. ”[1]

Jipprovdi wkoll li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali inizjattiva taċ-ċittadini, inkluż numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini, għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ Regolament li għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea hija sodisfatta bl-introduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini, li se tagħti vuċi aktar f’saħħitha liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea billi tagħtihom id-dritt li jsejħu direttament lill-Kummissjoni biex tressaq ’il-quddiem inizjattivi ġodda ta’ politika. Se żżid dimensjoni ġdida mad-demokrazija Ewropea, tikkumplimenta s-sett ta’ drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u żżid id-diskussjoni pubblika mdawra mal-politika tal-Unjoni Ewropea, li tgħin biex jinbena spazju pubbliku Ewropew ġenwin. L-implimentazzjoni tagħha se ssaħħaħ l-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-iffurmar tal-politiki tal-UE.

Il-Kummissjoni hi persważa li ċ-ċittadini Ewropej għandhom jibbenefikaw minn dan id-dritt il-ġdid malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona. Għalhekk l-ambizzjoni tal-Kummissjoni hi li tagħmilha possibbli biex ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini jkun adottat qabel tmiem l-ewwel sena mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat u tinsab fiduċjuża li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu ma' dan l-objettiv. Minħabba l-importanza tal-proposta futura għaċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili organizzata, il-partijiet involuti u l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, iċ-ċittadini u l-partijiet interessati kollha wkoll għandu jkollhom l-opportinità li jagħtu fehemthom dwar kif għandha taħdem l-inizjattiva taċ-ċittadini.

Għalhekk l-għan ta’ din il-Green Paper huwa li jfittex il-veduti tal-partijiet kollha interessati dwar il-kwistjonijiet ewlenin li se jagħtu sura lir-Regolament futur. Il-Kummissjoni tittama li l-konsultazzjoni tinkoraġġixxi firxa wiesgħa ta' tweġibiet.

L-esperjenza taċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-awtoritajiet pubbliċi b’rabta ma’ inizjattivi popolari simili li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri, tkun ta’ interess partikolari fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni.

Il-Kummissjoni hi sodisfatta wkoll bir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq l-inizjattiva taċ-ċittadini, li kienet adottata f’Mejju tal-2009[2], bħala kontribuzzjoni siewja f'din id-diskussjoni.

II. Kwistjonijiet għall-konsultazzjoni

Filwaqt li l-prinċipju nnifsu u l-karatteristiċi ewlenin tal-inizjattiva taċ-ċittadini huma minquxa fit-Trattat il-ġdid, il-proċedura u l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għal dan l-istrument istituzzjonali ġdid iqajmu kwistjonijiet legali, amministrattivi u prattiċi. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu ppreżentati hawn taħt b’numru ta’ mistoqsijiet li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati qed jiġu mistiedna li jweġbuhom.

1. Numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini

It-Trattat jindika li l-firmatarji tal-inizjattiva taċ-ċittadini jridu jiġu minn “numru sinjifikanti ta’ Stati Membri” u jipprovdi li r-Regolament għandu jistabbilixxi “n-numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini”.

Jeħtieġ li jsiru bosta kunsiderazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat x'għandu jkun il-limitu t-tajjeb.

L-ewwel, ir-raġuni għaliex jeħtieġ li l-firmatarji jkunu minn "numru sinjifikanti ta' Stati Membri" huwa biex ikun żgurat li inizjattiva tkun rappreżentattiva biżżejjed ta' interess tal-Unjoni. Filwaqt li limitu għoli tabilħaqq jiżgura li l-inizjattiva hija rappreżentattiva biżżejjed, min-naħa l-oħra din tgħabbi l-proċedura b'piż goff. Min-naħa l-oħra limitu baxx irendi l-inizjattiva aktar aċċessibbli, imma anqas rappreżentattiva. Għalhekk għandu jintlaħaq bilanċ bejn dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet.

It-tieni, il-limitu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, partikolarment fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, sabiex tiġi evitata interpretazzjoni konfliġġenti.

Alternattiva waħda tista’ tkun li jintalab li l-limitu jkun il-maġġoranza tal-Istati Membri. B’27 Stat Membru, il-maġġoranza tkun erbatax. It-Trattat ma jeskludix approċċ bħal dan. Madankollu l-użu tat-terminu “numru sinjifikanti” jidher li jindika li ma kienx hemm il-ħsieb ta' maġġoranza. Barra minn hekk, maġġoranza tkun tidher sproporzjonatament għolja.

Alternattiva oħra, lejn in-naħa t'isfel tal-ispettru, tkun dik li l-limitu jkun ta' kwart tal-Istati Membri. Bħalissa dan ikun jintlaħaq permezz ta’ seba’ Stati Membri. Dan hu l-limitu li l-Parlament Ewropew ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, bl-użu ta’ analoġija mal-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistipula li atti li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali jew kooperazzjoni tal-pulizija jistgħu jiġu adottati fuq l-inizjattiva ta’ kwart tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea ma tikkunsidrax li dan il-preċedent joffri analoġija f’saħħitha għall-inizjattiva taċ-ċittadini. Hi wisq speċifika għas-settur u l-loġika warajha hi differenti mill-inizjattiva taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li kwart tal-Istati Membri jirrappreżenta limitu baxx wisq biex jiggarantixxi li l-interessi tal-Unjoni jkunu riflessi b’mod adegwat.

It-tielet alternattiva tkun li l-limitu jkun iffisat għal terz tal-Istati Membri. Bħalissa dan jintlaħaq permezz ta’ disa’ Stati Membri. Dak ikun jaqbel ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat li huma ta’ natura aktar ġenerali. Huwa l-limitu użat fid-dispożizzjonijiet dwar “kooperazzjoni msaħħa” li tistipula li “mill-anqas disa’ Stati Membri” għandhom jieħdu sehem[3]. Terz jintuża wkoll bħala l-limitu tan-numru tal-Parlamenti nazzjonali li hemm bżonn biex tiskatta l-proċedura ta’ sussidjarjetà stipulata fl-Artikolu 7(2) tal-protokoll fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità, marbuta mat-Trattati.

Il-figura ta’ terz hija importanti wkoll f’xi sistemi nazzjonali. Il-Kostituzzjoni Federali tal-Awstrija tiddikjara li l-inizjattivi taċ-ċittadini jrid ikollhom l-appoġġ ta’ 100 000 votant jew wieħed minn sitta tal-votanti f’mill-anqas tliet Länder, li jirrappreżentaw terz tad-9 Länder Awstrijaċi. Barra mill-UE, il-limitu tal-Iżvizzera għan-numru ta’ cantons meħtieġa għal referenda mhux obbligatorji huwa wkoll qrib it-terz.

Il-Kummissjoni tqis li limitu ta’ terz jilħaq bilanċ ġust bejn l-iżgurar ta' rappreżentanza adegwata fuq naħa u l-iffaċilitar tal-użu tal-istrument fuq in-naħa l-oħra.

Mistoqsijiet:

Inti tqis li terz tat-total tal-Istati membri jikkostitwixxi “numru sinjifikanti ta’ Stati Membri” kif rikjest mit-Trattat?

Jekk le, x’limitu tikkunsidra li jkun xieraq, u għaliex?

2. Numru minimu ta’ firem kull Stat Membru

Meta wieħed iżomm f'moħħu li t-Trattat jirrikjedi li l-inizjattiva taċ-ċittadini għandha tkun appoġġjata minn mhux anqas minn miljun ċittadin li ġejjin minn numru sinjifikanti ta’ Stati Membri, il-Kummissjoni tikkunsidra li hu neċessarju li jiġi ffissat numru minimu ta’ ċittadini li jkunu meħtieġa li jappoġġjaw inizjattiva f'kull wieħed mill-Istati Memnri involuti. Ir-referenza għal “numru sinjifikanti ta’ Stati Membri” kienet introdotta sabiex ikun żgurat li l-inizjattiva taċ-ċittadini tassew ikollha togħma Ewropea genwina. Għalhekk dan jimplika li hu meħtieġ numru minimu ta’ ċittadini li jieħdu sehem minn dak in-numru minimu ta’ Stati Membri sabiex ikun żgurat li dan jirrifletti korp raġonevoli ta' opinjoni. Ikun kuntrarju għall-ispirtu tat-Trattat kieku inizjattiva tkun tista’ tiġi ppreżentata minn grupp kbir ta’ ċittadini minn Stat Membru wieħed u numru ieħor purament nominali ta’ ċittadini li ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

Rekwiżit bħal dan għal numru minimu ta’ ċittadini għal kull Stat Membru, ikun ovvjament jikkonċerna biss lin-numru minimu ta’ Stati Membri minn fejn ikunu ġejjin iċ-ċittadini li jkunu qed jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini.

Wieħed mill-approċċi biex jiġi ddeterminat x‘għandu jkun in-numru minimu taċ-ċittadini kull Stat Membru hu li jiġi stabbilit numru fiss ta’ ċittadini li għandhom jieħdu sehem għall-Istati Membri kollha. Dan ikollu l-vantaġġ li s-sistema tkun ċara u sempliċi. Madankollu peress li hemm differenzi enormi fil-popolazzjoni bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 410 000 f'Malta sa 82 miljun fil-Ġermanja, numru fiss bħal dan jippenalizza liċ-ċittadini li ġejjin minn Stati Membri li jkunu iżgħar.

Alternattiva aktar raġonevoli tkun li jiġi ffissat limitu bħala proporzjon tal-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru. Biex jiġi ffissat dan il-limitu, tista’ ssir analoġija mal-proporzjon taċ-ċittadini tal-Unjoni meħtieġa biex tiġi ppreżentata inizjattiva taċ-ċittadini. Il-popolazzjoni tal-Unjoni bħallissa hi ta’ ftit anqas minn 500 miljun ċittadin. Għalhekk miljun minn 500 miljun jirrappreżenta 0.2% tal-popolazzjoni tal-Unjoni. 0.2% tal-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru fejn jinġabru l-firem għalhekk tista’ tiġi meqjusa bħala n-numru minimu ta' ċittadini meħtieġa għal dak l-Istat[4]. Dan bħalissa jirrappreżenta madwar 160 000 għal pajjiż bħall-Ġermanja jew 20 000 għal pajjiż bħall-Belġju.

Ta’ min jinnota li l-proporzjon taċ-ċittadini meħtieġa li jappoġġjaw inizjattiva fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn jeżisti strument bħal dan, huwa ogħla b’mod sinjifikanti minn 0.2% Dan hu l-każ pereżempju fl-Awstrija u Spanja fejn qiegħed 1.2% tal-popolazzjoni, fil-Litwanja, fejn hu kważi 1.5% tal-popolazzjoni u l-Latvja fejn qiegħed 10% tal-popolazzjoni. L-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja wkoll għandhom limiti ‘il fuq minn 0.2% tal-popolazzjoni.

Mistoqsijiet:

Int tikkunsidra li 0.2% tal-popolazzjoni totali ta’ kull Stat Membru hu limitu xieraq?

Jekk le, għandek proposti oħra f’dan ir-rigward sabiex jinkiseb l-għan li jiġi żgurat li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun genwinament rappreżentattiva ta’ interess tal-Unjoni?

3. Eliġibbiltà biex wieħed jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini - età minima

Id-dispożizzjoni tat-Trattat tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Madankollu, jidher raġonevoli, li wieħed jiffissa età minima għall-appoġġ ta’ inizjattiva taċ-ċittadini. Dan hu l-każ fl-Istati Membri kollha fejn jeżistu inizjattivi taċ-ċittadini.

Jidher li hemm żewġ alternattivi:

Waħda minnhom tkun li sabiex wieħed ikun eliġibbli biex jappoġġja inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini, iċ-ċittadin irid ikollu l-età biex ikun jista’ jivvota għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn joqgħod[5]. Din hi l-prattika ġenerali fl-Istati Membri: biex jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini, iċ-ċittadini hemm bżonn li jkunu eliġibbli biex jivvutaw. L-età tal-vot fl-Istati Membri kollha hija ta’ 18 ħlief għall-Awstrija li hija ta’ 16.

Filwaqt li dan l-approċċ ifisser li ċ-ċittadini fl-Awstrija jibbenefikaw minn età iżgħar mid-dritt li jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini, madankollu dan ikun jirrifletti l-prattika eżistenti għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew.

Alternattiva oħra hi dik li tiġi ffissata età minima biex tiġi appoġġjata inizjattiva fir-regolament innifsu, pereżempju, 16 jew 18. Jekk l-età minima tkun ta’ 18, dan ikun konformi mal-età tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha minbarra wieħed. Madankollu, teskludi lil dawk iċ-ċittadini li jkollhom diġà l-età tal-votazzjoni ta’ 16-il sena fl-Awstrija. L-iffisar tal-età minima għal 16 toħloq piż amministrattiv sinjifikanti billi wieħed ikollu jmur lil hinn mis-sistemi eżistenti għar-reġistrazzjoni tal-votanti.

Mistoqsijiet:

L-età minima meħtieġa biex wieħed jappoġġja inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini għandha tkun marbuta mal-età tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’kull Stat Membru?

Jekk le, x’alternattiva oħra tikkunsidra li tkun xieraqa, u għaliex?

4. Il-forma u l-kliem tal-inizjattiva taċ-ċittadini

It-test tat-Trattat ma jispeċifikax il-forma li għandu jkollha inizjattiva taċ-ċittadini imma sempliċiment li għandha titlob “ lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti xi proposta xierqa fuq kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li att ġuridiku tal-Unjoni jkun meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati. ”[6]

Madankollu jidher li hemm bżonn li wieħed ifassal xi rekwiżiti dwar x’forma għandha tieħu din l-inizjattiva, b’mod partikolari biex ikun żgurat li ċ-ċittadini u l-Kumissjoni jistgħu jidentifikaw b’mod ċar x’inhuma s-suġġett u l-objettivi ta' inizjattiva.

Alternattiva waħda tkun dik li l-inizjattiva taċ-ċittadini għandu jkollha l-forma ta’ abbozz ta’ att legali b’dispożizzjonijiet legali li jingħarfu b’mod ċar. Tabilħaqq abozzi ta’ liġi huma rikjesti għal inizjattivi f’uħud mill-Istati Membri (l-Awstrija, l-Italja, il-Polonja u Spanja). Madankollu, rekwiżit bħal dan jidher li hu restrittiv u goff bla bżonn. Barra minn hekk, il-mod kif inhu miktub it-Trattat ma jissuġġerix li hi meħtieġa l-forma ta’ abbozz ta’ strument legali.

Min-naħa l-oħra, test mhux ċar li ma jkunx iddettaljat biżżejjed jista' jiżvija lill-firmatarji u jista' jagħmilha aktar diffiċli għall-Kummissjoni biex tagħti tweġiba preċiża u ġġustifikata. Alternattiva oħra għalhekk tista’ tkun li jintalab li l-inizjattiva tiddkjara b'mod ċar is-suġġett u l-objettivi tal-proposta li fuqha l-Kummissjoni tkun qed tintalab biex tieħu azzjoni. Alternattiva bħal din ma teskludix il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jehmżu abbozz ta’ att legali li għalih wieħed ikun jista’ jirreferi.

Mistoqsijiet:

Ikun biżżejjed u xieraq li jintalab li l-inizjattiva tiddkjara b'mod ċar is-suġġett u l-objettivi tal-proposta li fuqha l-Kummissjoni tkun qed tintalab biex tieħu azzjoni?

X’rekwiżiti oħra, jekk hemm, għandhom ikunu mitluba rigward il-forma u l-mod kif inizjattiva taċ-ċittadini għandha tinkiteb?

5. Rekwiżiti għall-ġbir, il-verifika u l-awtentiċità tal-firem

Sabiex jiġu ggarantiti l-leġittimità u l-kredibbiltà tal-inizjattivi taċ-ċittadini, għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata verifika u awtentikazzjoni adegwata tal-firem, f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti nazzjonali, Ewropea u internazzjonali dwar il-jeddijiet fundamentali, jeddijiet umani u l-ħarsien tad-dejta personali. Peress li m’hemmx korp fil-livell tal-UE li għandu l-kompetenza jew l-informazzjoni meħtieġa biex jiċċekkja l-validità tal-firem u biex jiċċekkja jekk kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni huwiex attwalment eliġibbli biex jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini, il-ħidma trid issir mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri[7]. L-awtoritajiet nazzjonali għalhekk ikunu responsabbli mill-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-eżerċizzju tal-ġbir f’pajjiżhom.

Madankollu hemm numru ta’ konsiderazzjonijiet xi jsiru fir-rigward ta’ kif għandha ssir il-verifika fl-Istati Membri u sa kemm għandhom jiġu mfassla rekwiżiti komuni fil-livell tal-UE.

L-Istati Membri kollha għandhom proċeduri u mekkaniżmi għall-verifika tal-eletturi u numru kbir minnhom diġà għandhom proċeduri ta’ verifika u awtentikazzjoni għall-inizjattivi nazzjonali taċ-ċittadini. Dawn il-proċeduri ta’ verifika u awtentikazzjoni jvarjaw b’mod konsiderevoli, madankollu, minn Stat Membru għall-ieħor: xi Stati Membri għandhom rekwiżiti pjuttost stretti fir-rigward tal-proċeduri tal-ġbir. Dawn jinkludu pereżempju rekwiżiti li ċ-ċittadini jistgħu jiffirmaw inizjattivi biss f’ċentri magħżula uffiċjalment, jew li uffiċjal pubbliku jew nutar irid ikun preżenti biex jawtentiċizza l-firem kollha fil-waqt tal-ġbir, jew ir-rekwiżit li jinħareġ ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-votant għal kull firmatarju. Stati Membri oħra, mill-banda l-oħra, għandhom sistemi anqas stretti, li ma jimponux xi rekwiżiti speċifiċi għall-ġbir tal-firem imma ġeneralment jirrikjedu verifika ex-post tal-firem miġbura mill-awtoritajiet, kemm biex tiġi ċċekkjata l-validità tal-firem kif ukoll biex jiġi vverifikat in-numru tal-firem miġbura.

Jidher ċar li l-għan aħħari tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità f’dan ir-rigward għandhom ikunu li jiżguraw li l-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu verifika adegwata tal-eliġibbiltà tal-firem miġbura għal inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini f'pajjiżhom, mingħajr ma jkunu mposti rekwiżiti restrittivi mhux meħtieġa fuq iċ-ċittadini jew tagħbijiet amministrattivi bla bżonn.

Alternattiva waħda biex dan l-għan jinkiseb tkun li l-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati f’dak is-sens, filwaqt li jitħalla f’idejhom biex jiddeċiedu dwar il-livell ta’ regolazzjoni ta’ tali proċeduri, inkluża l-possibbiltà li jsir użu mid-dispożizzjonijiet li jeżistu diġà għall-inizjattivi nazzjonali taċ-ċittadini. Din l-alternattiva jkollha l-vantaġġ li toffri flessibbiltà konsiderevoli lill-Istati Membri fil-mod kif jimplimentaw din id-dispożizzjoni. Din ukoll tiffaċilita bil-kbir l-implimentazzjoni għal dawk l-Istati Membri li diġà għandhom proċeduri għal inizjattivi taċ-ċittadini. Mill-banda l-oħra, dan jista’ jfisser li l-istess inizjattiva tkun suġġetta għal regoli proċedurali differenti b’mod konsiderevoli fi Stati Membri differenti, bir-riżultat li l-ġbir tal-firem jista’ jkun aktar faċli f’xi Stati Membri u aktar diffiċli f’oħrajn. Din l-alternattiva għalhekk jista’ jkollha l-konsegwenza mhux maħsuba li l-vuċi ta’ ċittadini ta’ xi Stati Membri tkun aktar faċli li tinstema' minn dik ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

Fit-tarf l-ieħor tal-ispettru, alternattiva oħra tkun dik li tipprevedi armonizzazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti proċedurali fil-livell tal-UE. Dan fil-prattika jkun ifisser li r-rekwiżiti proċedurali applikabbli jiġu mfassla f’Regolament tal-UE u li l-Istati Memri la jkunu jistgħu jidderogaw minn dawk u lanqas jimponu rekwiżiti nazzjonali addizzjonali. Dan jista’ jkollu l-vantaġġ li jiżgura pjattaforma kompletament ekwa madwar l-UE fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti jew għall-preparazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini. Madankollu din timponi tagħbijiet konsideravoli amministrattivi u regolatorji addizzjonali fuq dawk l-Istati Mebri li diġà għandhom proċeduri. Barra minn hekk hemm xi affarijiet speċifiċi fis-sistemi u l-proċeduri nazzjonali li Regolament tal-UE ma jkunx probabbli li jeħodhom f’konsiderazzjoni.

Għalhekk alternattiva aktar razzjonali tista’ tkun dik li jiġu mfassla numru ta’ dispożizzjonijiet bażiċi fil-livell tal-UE inklużi fuq naħa ċerti rekwiżiti minimi għall-verifika u l-awtentikazzjoni tal-firem u fuq in-naħa l-oħra obbligi għall-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-ġbir u jitneħħew ir-rekwiżiti restrittivi bla bżonn.

Skont dan l-approċċ, l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jadottaw miżuri addizzjonali fi ħdan il-qafas tar-rekwiżiti mfassla fil-livell tal-UE. Din l-alternattiva jkollha l-vantaġġ li tikkombina ċertu livell ta’ flessibbiltà għall-Istati Membri, filwaqt li tiżgura karatteristiċi komuni għall-proċeduri madwar l-UE.

Approċċ bħal dan jista’ jippreserva n-natura madwar l-UE kollha tal-inizjattiva taċ-ċittadini billi jiffaċilita l-ġbir simultanju tal-firem f’bosta Stati Membri. Għal dan l-għan, għandha tingħata kunsiderazzjoni tal-użu ta’ għodod online iċċertifikati u protetti.

Kull approċċ magħżul jeħtieġ ukoll li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE li joqogħdu barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-inizjattivi taċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jisiltu mill-esperjenzi tagħhom biex jimmaniġġaw id-dritt tal-vot ta’ ċittadini bħal dawn fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Hemm numru ta’ kwistjonijiet importanti x’wieħed jikkunsidra marbuta mal-punt sa fejn il-ġbir tal-firem ikun irregolat u n-natura tar-rekwiżiti għall-verifika u l-awtentikazzjoni. Dawn huma:

- jekk għandhomx jiġu imposti xi kundizzjonijiet dwar fejn u kif għandhom jinġabru l-firem: pereżempju permezz ta’ ċirkolazzjoni ta’ listi li jridu jimtlew u jiġu ffirmati, bil-posta, f’ċentri magħżula uffiċjalment, eċċ ;

- x’rekwiżiti speċifiċi għall-verifika u l-awtentikazzjoni u x’karatteristiċi ta’ sigurtà jkun hemm bżonn fil-każ tal-ġbir online tal-firem;

- jekk stqarrija ta’ appoġġ ta’ ċittadin għal xi inizjattiva għandhiex tiġi ċċekkjata fl-Istat Membru fejn hu/hi cittadin/a jew fl-Istat Membri tar-residenza tiegħu/tagħha.

- x’salvagwardji għandhom jittieħdu in vista tal-protezzjoni tad-dejta personali għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta.

Mistoqsijiet:

Taħseb li għandu jkun hemm sett komuni ta’ rekwiżiti proċedurali għall-ġbir, il-verifika u l-awtentikazzjoni tal-firem mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell tal-UE?

Sa liema punt għandhom l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jdaħħlu dispożizzjonijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali?

Hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex wieħed jiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadin indipendentement mill-pajjiż tar-residenza tagħhom?

Iċ-ċittadini għandhom ikunu f’pożizzjoni li jappoġġjaw online inizjattiva taċ-ċittadini? Jekk iva, x’inhuma l-karatteristiċi ta’ sigurtà u awtentikazzjoni li wieħed għandu jaħseb għalihom?

6. Limitu ta’ żmien għall-ġbir tal-firem

It-Trattat ma jipprevedix limitu ta’ żmien għall-ġbir tal-firem. Madankollu, pajjiżi Ewropej li għandhom inizjattivi taċ-ċittadini normalment jiffissaw limitu ta’ żmien. Il-limiti ta’ żmien ivarjaw minn numru ta’ jiem (pereżempju, tletin jum fil-Latvja jew sittin jum fis-Slovenja) għal bosta xhur (perżempju, sitt xhur fi Spanja jew tmintax-il xahar fl-Iżvizzera).

Barra minn dan, bosta raġunijiet jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ żmien għal inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini: tali inizjattivi ta’ spiss ikunu marbuta ma’ kwistjonijiet topiċi partikolari u jistgħu jirreferu għal problemi li, jekk m’hemmx limitu ta’ żmien għalihom, jew jekk il-limitu ta’ żmien ikun twil wisq, jitilfu r-relevanza tagħhom; il-kuntest li fih iċ-ċittadini jiffirmaw jista’ jinbidel jekk il-perjodu jkun twil iżżejjed (pereżempju, jekk il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istess suġġett sadanittant tkun emendata jew adottata.

Madankollu, jekk jiġi impost limitu ta’ żmien, għandu jkun twil biżżejjed u raġonevoli biex jippermetti kampnja li tirrifletti l-kumplessità addizzjonali li tkun qed taħdem madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dan jista’ jinkiseb billi wieħed jaħseb għal perjodu ta’, pereżempju, sena[8].

Mistoqsijiet:

Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien għall-ġbir tal-firem?

Jekk iva, tikkunsidra li sena jkun perjodu ta’ żmien xieraq?

7. Reġistrazzjoni ta’ inizjattivi proposti

Minbarra t-tul ta’ żmien, wieħed irid jagħti każ tal-mod kif se jiġi ddeterminat meta jibda l-limitu ta' żmien u meta jintemm. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-limitu ta’ żmien ġeneralment jibda wara t-tlestija tal-formalitajiet meħtieġa tal-pubblikazzjoni u r-reġistrazzjoni. madankollu hemm każi fejn il-limitu ta’ żmien huwa ddeterminat mid-dati tal-firem.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk tabilħaqq ikun iffissat limitu ta’ żmien, ikun meħtieġ li tintalab xi forma ta’ reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta qabel jibda l-ġbir tal-firem. Reġistrazzjoni bħal din tista’ ssir mill-organizzaturi tal-inizjattiva fuq website speċifika pprovduta mill-Kummissjoni għal dan il-għan. Huma jkunu mitluba jtellgħu l-informazzjoni kolla relevanti fuq l-inizjattiva proposta (pereżempju t-titlu, is-suġġett, l-objettivi, l-isfond eċċ.) fuq il-websajt, li mbagħad isiru disponibbli pubblikament. Is-sistema imbagħad tipprovdi lill-organizzatur bil-konferma tar-reġistrazzjoni, id-data u numru ta’ reġistrazzjoni, li abbażi tagħhom il-kampanja tal-ġbir tista’ tiġi mnedija.

Reġistrazzjoni bħal din għalhekk isservi biex tagħti bidu għall-inizjattiva imma wkoll tipprovdi trasparenza fir-rigward tal-inizjattivi proposti taċ-ċittadini li jkunu qed isiru kampanji għalihom.

Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li proċess ta’ reġistrazzjoni bħal dan għandu jinvolvi xi deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-inizjattiva proposta. Tabilħaqq hi ma tikkunsidrax li jkun f’loku għall-Kummissjoni li tivverifika l-ammissibbiltà formali tal-inizjattivi proposti qabel ma jibda l-ewwel ġbir tal-firem[9]. Approċċ bħal dan jista’ jwassal għal konfużjoni, u jagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni tkun tat xi forma ta’ approvazzjoni għal inizjattivi proposti u fuq bażi li tmur lil hinn minn dik purament proċedurali. Dan ikun jirrikjedi li jsiru verifiki li jdewmu l-mument minn meta jibda jsir il-ġbir tal-firem. Barra minn hekk, l-ammissibbiltà u s-sustanza tal-inizjattivi ma jistgħux jitqiesu f’iżolament u għalhekk ma jkunx xieraq li ssir din l-eżaminazzjoni fl-istadju bikri ta-reġistrazzjoni.

Il-Kummissjoni tifhem li jista’ jkun hemm xi tkaxkir tas-saqajn biex wieħed iniedi inizjattiva madwar l-UE, bir-riskju li f-aħħar mill-aħħar din tista’ tiġi miċħuda fuq il-bażi li mhix ammissibbli. Madankollu ta’ min jinnota li l-kriterju tal-ammissibbiltà - li l-proposta li fuqha l-Kummissjoni qed tiġi mitluba biex tieħu azzjoni għandha tkun fil-limiti tal-qafas tas-setgħat tagħha - huwa ċar biżżejjed u huwa magħruf fuq il-livell tal-UE. F’kull każ, normalment wieħed jistenna li l-organizzaturi jkunu vvalutaw bis-sħiħ jekk l-inizjattiva legalment taqax fil-limiti tal-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni qabel ma jniedu l-inizjattiva.

Mistoqsijiet:

Taħseb li sistema mandatorja ta’ reġistrazzjoni ta’ inizjattivi proposti hi meħtieġa?

Jekk iva, taqbel li dan jista' jsir permezz ta’ website speċifika pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea?

8. Rekwiżiti għall-organizzaturi - Trasparenza u finanzjament

It-tnedija u l-organizzazzjoni ta’ kampanja għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta fil-biċċa l-kbira tal-każi tkun teħtieġ appoġġ minn organizzazzjonijiet u/jew finanzjament.

Fl-interess tat-trasparenza u l-akkontabbiltà demokratika, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-organizzaturi tal-inizjattivi għandhom jintlabu li jipprovdu ċertu informazzjoni bażika b’mod partikolari b’rabta mal-organizzazzjonijiet li jkunu qed jappoġġjaw l-inizjattiva u kif l-inizjattivi huma jew se jiġu ffinanzjati. Dan ikun fl-interess taċ-ċittadini li jkunu qed jikkusidraw jiffirmawx għal xi inizjattiva. dan ikun konformi wkoll mal-Inizjattiva Ewropea ta’ Trasparenza tal-Kummissjoni[10].

Jekk tiġi prevista xi reġistrazzjoni, tali informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fuq ir-reġistru li jsir disponibbli mill-Kummissjoni. Ir-Regolament jista’ jitlob ukoll li l-organizzaturi jagħmlu disponibbli pubblikament l-informazzjoni kollha relevanti dwar il-finanzjament u l-appoġġ matul il-kors tal-kampanja.

B’rabta mal-kwistjoni tal-iffinanzjar, ta’ min wieħed jinnota li, mingħajr ħsara għal forom oħra ta’ kooperazzjoni u appoġġ għal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, m'hux previst li jkun ipprovdut xi finanzjament pubbliku speċifiku għall-inizjattivi taċ-ċittadini. Dan hu fl-interess ukoll tal-ħarsien tal-indipendenza u n-natura ta' dawn l-inizjattivi li jkunu misjuqa miċ-ċittadin.

Barra mir-rekwiżiti fuq l-organizzazzturi b’rabta mat-trasparenza, ta’ min jinnota li bosta sistemi nazzjonali jinkludu dispożizzjonijet dwar min jista’ attwalment jagħmilha ta’ organizzatur ta’ inizjattiva. Dawn ġeneralment jitolbu li inizjattiva għanda tiġi ppreżentata minn ċittadini jew minn kumitati magħmulha minn ċertu numru ta’ ċittadini. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tali rekwiżit jista’ jkun ta piż żejjed fuq il-livell tal-UE u għalhekk tippreferi ma timponi l-ebda restrizzjoni fir-rigward ta’ min jista’ jippreżenta inizjattiva - jiġifieri l-organizzaturi jistgħu jkunu jew ċittadini individwali jew organizzazzjonijet. Il-każ tal-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew joffri analoġija utli f'dan il-kuntest. Tabilħaqq, it-Trattat jipprovdi li kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha rreġistrat fi Stat Membru għandu d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew[11].

Barra minn hekk, l-organizzaturi għandhom jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali skont il-liġi nazzjonali rilevanti li timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Mistoqsijiet:

X’inhuma r-rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu imposti fuq l-organizzaturi ta’ inizjattiva sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-akkontabbiltà demokratika?

Taqbel li l-organizzaturi għandhom jintalbu biex jipprovdu informazzjoni dwar l-appoġġ uu l-finanzjament li jkunu rċevew għall-inizjattiva?

9. Eżaminazzjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini mill-Kummissjoni

Ladarba n-numru rikjest ta’ firem għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkun inġabar, u meta jkunu vvalidati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri relevanti, l-organizzatur tal-inizjattiva jista’ formalment jissottometti l-inizjattiva lill-Kummissjoni.

It-Trattat ta’ Liżbona ma jiffissa l-ebda limitu ta’ żmien għall-Kummissjoni biex tittratta inizjattiva taċ-ċittadini, ladarba dik tkun sottomessa kif suppost. In parti dan jista’ jkun minħabba l-għarfien tal-fatt li inizjattiva tista’ titratta kwistjonijiet kumplessi u l-Kummissjoni jkollha bżonn ftit taż-żmien biex teżaminaha sewwa qabel ma tiddeċiedi x’azzjoni se tieħu: f’ċerti każi, dan jista’ jinkludi l-ħtieġa li ssir analiżi tal-merti u n-nuqqasijiet ta’ inizjattiva proposta ta’ politika. Ta’ min jinnota li m’hemm l-ebda limitu ta’ żmien speċifiku previst lanqas għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet mill-Parlament Ewropew.

Madankollu, jista' jkun opportun li wieħed jiffissa limitu ta' żmien b'konformità ma’ prattika amministrattiva tajba kif ukoll sabiex ma jitħalliex perjodu twil ta’ inċertezza fir-rigward tat-tweġiba tal-Kummissjoni. Jekk jiġi ffissat limitu ta’ żmien, għandu jkun twil biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa l-kontenut tal-inizjattiva sottomessa. Fuq in-naħa l-oħra, għandha tiżgura li dawk li appoġġjaw l-inizjattiva jkunu infurmati bl-azzjoni li l-Kummissjoni jkun fi ħsiebha tieħu fi żmien raġonevoli.

Is-sistemi nazzjonali jħaddmu approċċi differenti dwar skandenzi biex jikkunsidraw l-inizjattivi taċ-ċittadini. Filwaqt li xi sistemi jimponu skadenzi li jvarjaw minn ftit ġimgħat għal diversi xhur, sistemi oħra ma jimponux skadenza speċifika fuq l-awtoritajiet.

Għalhekk wieħed jista’ jipprevedi obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-inizjattiva taċ-ċittadini f'limitu ta' żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-6 xhur. Approċċ bħal dan jipprovdi limitu ta’ żmien filwaqt li jiżgura li l-Kummissjoni jkollha żmien biżżejjed sabiex tagħti lill-inizjattivi konsiderazzjoni adegwata, bil-kunsiderazzjoni tal-kumplessitajiet potenzjali li jistgħu iġorru magħhom.

Dan il-perjodu ta’ eżaminazzjoni jibda mid-data tas-sottomissjoni formali tal-inizjattiva lill-Kummissjoni. Dan jista’ jiġi nnotifikat fuq il-websajt speċifika msemmija taħt punt 7.

Matul dan il-perjodu l-Kummissjoni tivvaluta kemm l-ammissibbiltà tal-inizjattiva - jiġifieri jekk l-inizjattiva taqax fil-limiti tal-qafas tal-poteri tagħha – kif ukoll jekk is-sustanza tal-inizjattiva timmeritax azzjoni futura min-naħa tagħha[12]. Ladarba l-Kummissjoni tkun eżaminat l-inizjattiva, l-intenzjoni tagħha tkun li tfassal il-konklużjonijiet tagħha b’rabta mal-azzjonijiet li tkun qed tipprevedi f’komunikazzjoni li ssir pubblikament disponibbli u nnotifikata lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-azzjoni prevista fil-komunikazzjoni tista’ tinkludi, kif xieraq, il-ħtieġa li jsiru studji u valutazzjonijiet tal-impatt in vista ta’ proposti possibbli ta’ politika.

Mistoqsijiet:

Għandu jkun previst limitu ta’ żmien għall-Kummissjoni biex teżamina inizjattiva taċ-ċittadini?

10. Inizjattivi fuq l-istess kwistjoni

Fil-prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li jiġu ppreżentati numru ta' inizjattivi fuq l-istess kwistjoni. Madankollu, jekk ikun hemm sistema ta’ reġistrazzjoni, it-trasparenza pprovduta tista’ tiżgura li tiġi evitata d-duplikazzjoni.

Minkejja dan, tibqa' l-kwistjoni potenzjali ta' preżentazzjonijiet suċċessivi tal-istess talba, li toħloq piż bla bżonn fuq is-sistema, u, biż-żmien, tista’ timmina r-reputazzjoni tagħha bħala strument serju ta’ espressjoni demokratika. Għalhekk wieħed għandu jikkunsidra jekk għandhomx jiddaħħlu xi diżinċentivi jew limiti ta’ żmien biex jillimitaw l-abbiltà li wieħed jerġa’ jippreżenta inizjattiva (pereżempju inizjattiva taċ-ċittadini li falliet ma tistax terġa’ tiġi ppreżentata qabel ma jkun għadda ċertu żmien).

Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li minkejja li xi inizjattivi jistgħu jirrigwardaw l-istess suġġett u jkun fihom xi elementi simili, jistgħu ma jkunux identiċi. Barra minn hekk, ir-riżorsi operazzjonali u finanzjarji meħtieġa għat-tnedija ta’ inizjattiva madwar l-UE kollha x’aktarx jillimitaw ir-ripetizzjoni u d-duplikazzjoni.

Mistoqsijiet:

Hu xieraq li wieħed idaħħal regoli biex tkun ipprevenuta l-preżentazzjoni suċċessiva ta' inizjattivi taċ-ċittadini fuq l-istess kwistjoni?

Jekk iva, l-aħjar mod li bih dan isir huwa billi jiġu introdotti xi forma ta’ diżinċentivi jew limiti ta’ żmien?

III Kif twieġeb

Il-Kontribuzzjonijiet għal dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2010, jew bl-email fl-indirizz "ECI-Consultation@ec.europa.eu", jew bil-posta f’dan l-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Direttorat E "Regolamentazzjoni Aħjar u Kwistjonijiet Istituzzjonali"

Unità E.l "Kwistjonijiet Istituzzjonali"

B - l049 Brussell

Il-kontribuzzjonijiet li jintbagħtu se jiġu ppubblikati fuq l-internet, sakemm l-awtur ma jkunx oġġezzjona għal pubblikazzjoni ta’ dejta personali għar-raġuni li tali pubblikazzjoni tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu/tagħha. F'dan il-każ il-kontribuzzjoni tista' tiġi ppubblikata f'forma anonima.

L-organizzazzjonijiet professjonali li jwieġbu għal din il-Green Paper huma mħeġġa, jekk għadhom m’għamlux hekk, biex jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni tar-Rappreżentanti Interessati (http://ec.europa.eu/transparency/regrin/). Dan ir-Reġistru nbeda fil-qafas tal-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza bil-ħsieb li l-Kummissjoni u l-pubbliku inġenerali jiksbu tagħrif dwar il-miri, il-finanzjament u l-istrutturi tar-rappreżentanti tal-interessi.

Il-Kummissjoni tista' tistieden kontributuri għal seduta pubblika dwar is-suġġett tal-Green Paper.

[1] Artikolu 11, paragrafu 4, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[2] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 b'talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini - P6_TA(2009)0389

[3] Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

[4] Din hi l-alternattiva li l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, wera li jippreferi.

[5] Din hi l-proposta li ressaq il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

[6] Artikolu 11, paragrafu 4, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[7] Dan hu rrikonoxxut ukoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

[8] Sena huwa l-limitu ta’ żmien issuġġerit mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

[9] Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew kient pjuttost tal-opinjoni li għandha ssir verifika tal-ammissibbiltà ex-ante.

[10] Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini għandhom, f’ġieħ it-trasparenza, jassumu pubblikament ir-responsabbiltà għall-finanzjament tagħha inklużi s-sorsi ta’ dak il-finanzjament.

[11] L-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[12] Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, issuġġerrixxa approċċ ta’ żewġ stadji li permezz tiegħu il-Kummissjoni jkollha l-ewwel xahrejn biex tivverifika r-rappreżentattività tal-inizjattiva u imbagħad tliet xhur oħra biex teżamina u tieħu deċiżjoni dwar is-sustanza tal-inizjattiva.