Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Diretttivi dwar s-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol 93/103/KE (abbord il-bastimenti tas-sajd) u 92/29/KEE (trattament mediku abbord bastimenti) /* KUMM/2009/0599 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 29.10.2009 KUMM(2009)599 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Diretttivi dwar s-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol 93/103/KE (abbord il-bastimenti tas-sajd) u 92/29/KEE (trattament mediku abbord bastimenti) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol 93/103/KE (il-bastimenti tas-sajd) u 92/29/KEE (trattament mediku abbord il-bastimenti) INTRODUZZJONI Dan ir-rapport isegwi impenn tal-Kummissjoni[1] biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju bl-għan li ttejbu. Jiffoka fuq it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd[2] u 92/29/KEE tal-31 ta' Marzu 1992, dwar ħtiġijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti[3] . Dan ir-Rapport jikkonċerna biss dawn iż-żewġ Direttivi u s-sitwazzjoni fl-UE-15, għalkemm il-Kummissjoni temmen li se jagħti informazzjoni utli lit-12-il Stat Membru ġdid ukoll. Ma jindirizzax aspetti trattati fl-istrumenti internazzjonali[4]. Prinċipalment huwa bbażat fuq ir-rapporti nazzjonali sottomessi mill-Istati Membri[5] u rapport mill-esperti indipendenti li jeżamina l-implimentazzjoni prattika taż-żewġ Direttivi fil-qasam, inklużi l-istudji każistiċi li saru fi Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit. Sorsi oħra ta' informazzjoni huma l-istatistiċi Ewropej dwar l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-esperjenza tal-Kummissjoni fis-sorveljanza tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttivi. L-EFFETTI LEGALI Id-Direttiva 93/103/KE Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, il-maġġoranza tal-Istati Membri kellhom diġà l-leġiżlazzjoni fis-seħħ speċifikament biex jirregolaw is-saħħa u s-sigurtà abbord il-bastimenti tas-sajd. Ċerti Stati Membri rrappurtaw li d-Direttiva ma kellhiex bżonn tibdiliet ewlenin fil-leġizlazzjoni tagħhom. Oħrajn huma tal-fehma li d-Direttiva tippermettilhom li jintroduċu organu koerenti ta' regoli minimi dwar is-sigurtà u s-saħħa li speċifikament japplikaw għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd. Madankollu, f'xi Stati Membri, fejn ir-regoli eżistenti kienu fis-seħħ għal żmien twil, id-Direttiva kellha impatt konsiderevoli fuq il-leġiżlazzjoni u kellhom ikunu adottati liġijiet ġodda. Il-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni introduċiet ukoll ċerti prinċipji fundamentali ġodda tal-prevenzjoni tar-riskju, bħalma huma l-informazzjoni lill-ħaddiema, it-taħriġ u l-konsultazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju. Id-Direttiva 92/29/KE Ħafna Stati Membri bi flotta tas-sajd u merkantili diġà kellhom leġiżlazzjoni li stabbiliet livell għoli ta' ħtiġijiet li jirrigwardaw id-disponibilità tal-provvisti mediċi u l-assistenza medika abbord u għalhekk it-traspożizzjoni tad-Direttiva ħtieġet biss reviżjoni u aġġornament tagħha. F'xi Stati Membri[6], it-taħriġ obbligatorju fi kwistjonijiet ta' saħħa abbord kien diġà regolat u s-servizzi ta' konsultazzjoni bir-radju kienu diġà fis-seħħ. żIEDA FL-GħARFIEN U MIżURI LI JAKKUMPANJAW ID-DIRETTIVI 93/103/KE U 92/29/KEE Wara li ż-żewġ Direttivi kienu adottati, kienu varati numru ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' kuxjenzizzazzjoni fuq il-livell tal-UE. Għalhekk, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol[7], varat fuq il-web tas-sajd it-tema dwar il-prattika t-tajba fis-settur tas-sajd li tkopri tali aspetti bħall-valutazzjonijiet tar-riskju għall-bastimenti tas-sajd żgħar[8]. Fuq il-livell nazzjonali, l-awtoritajiet, dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tagħhom wettqu kampanji ta' informazzjoni u kuxjenzizzazzjoni, laqgħat, workshops u sessjonijiet ta' taħriġ. Xi Stati Membri fasslu linjigwida ġodda – jew emendaw dawk eżistenti – eż. dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-prevenzjoni, u l-prattika sikura fuq ix-xogħol. Intużat is-soltu firxa tal-mezzi tal-istampa għall-pubbliċità, u l-paġni tal-internet issupplimentaw il-midja konvenzjonali. Madankollu, l-attivitajiet biex jippubbliċizzaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda kienu ġġudikati bħala mhux adegwati mill-imsieħba soċjali f'ħafna mill-Istati Membri. Il-ħaddiema jidhru li għandhom diffikultà biex jaċċessaw dawn id-dispożizzjonijiet permezz tal-midja konvenzjonali jew ġdida[9], meta wieħed jikkunsidra t-tradizzjonijiet fis-settur, il-frammentazzjoni tiegħu, il-predominanza tan-negozji ż-żgħar u l-bdil kbir tal-ħaddiema. Aktar milli jorganizzaw attivitajiet mhux konnessi, xi Stati Membri[10] implimentaw pjanijiet ta' prevenzjoni speċifiċi għas-settur bi strateġija definita aktar mill-qrib u integrata bis-sħiħ. Diversi Stati Membri[11] stabbilixxew ukoll fondi biex jiffinanzjaw miżuri ta' sigurtà abbord il-bastimenti u tagħmir ta' protezzjoni għas-sajjieda. F'ħafna każijiet, l-iskala numerika u ekonomika żgħira tas-settur tas-sajd f'xi Stati Membri jiġġustifika jew jispjega n-nuqqas ta' attenzjoni li ngħatat lill-iżvilupp ta' strumenti biex jippubbliċizzaw id-dispożizzjonijiet. F'xi Stati Membri oħra b'setturi tas-sajd akbar, l-awtoritajiet responsabbli għall-pubbliċità tad-dispożizzjonijiet għandhom bżonn jinvestu aktar riżorsi u juru aktar impenn. TRASPOŻIZZJONI Iż-żewġ Direttivi kienu affettwati minn dewmien fit-traspożizzjoni u nbdew proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati[12]. Id-Direttiva 93/103/KE Il-problemi ewlenin ta' konformità jikkonċernaw id-definizzjonijiet, ir-responsabbiltà tas-sid, l-iċċekkjar regolari mill-awtoritajiet u l-informazzjoni lill-ħaddiema, it-taħriġ, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni. Inbdiet proċedura ta' ksur kontra Stat Membru wieħed fir-rigward tad-definizzjoni ta' 'sid', l-obbligi li jkunu rrapurtati l-okkorrenzi fuq il-baħar, li jsir l-iċċekkjar regolari u l-informazzjoni lill-ħaddiema u d-dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tal-ewwel għajnuna fl-Annessi. F'xi Stati Membri, madankollu, il-leġiżlazzjoni marret lil hinn mill-ħtiġijiet minimi fid-Direttiva, eż. bl-estensjoni tal-ambitu tagħha għall-bastimenti iżgħar minn 15-il metru fit-tul (ir-Renju Unit u l-Irlanda) u li d-dispożizzjonijiet isiru applikabbli lill-bastimenti ġodda jew rinnovati iżgħar minn 12-il metru (il-Portugall). Id-Direttiva 92/29/KE L-Annessi kienu trasposti kważi verbatim f'ħafna Stati Membri iżda baqa' xi nuqqasijiet f'xi wħud. Inbdiet proċedura ta' ksur kontra Stat Membru wieħed li tikkonċerna l-bżonn li jkun żgurat li kull bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jew reġistrat fil-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu dejjem iġorr abbord il-provvisti mediċi xierqa. Il-każ ingħalaq wara li l-Istat Membru għamel id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu konformi mad-Direttiva. Proċedura oħra ta' ksur inbdiet kontra Stat Membru u din tikkonċerna d-definizzjonijiet ta' 'bastiment'/'bastiment tas-sajd' u 'sid' fil-liġi nazzjonali. Problemi oħra ewlenin ta' konformità jikkonċernaw it-taħriġ, il-konsultazzjoni bir-radju u l-kunfidenzjalità professjonali fuq id-dejta medika. Strument ieħor tal-UE li ma jorbotx jista' jgħin biex jindirizza r-rata estremament għolja ta' inċidenti fis-settur tas-sajd u l-fatt li ħafna bastimenti jaqgħu barra mill-ambitu tad-Direttiva 93/103/KE. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol[13] (minn hawn 'il quddiem il-Kumitat Konsultattiv), għalhekk għandha l-ħsieb li tfassal gwida li ma torbotx u li tkopri dawn il-bastimenti ż-żgħar u tiffoka primarjament fuq il-prattika tajba biex ittejjeb il-prevenzjoni. AZZJONI FIL-QASAM: L-IMPLIMENTAZZJONI PRATTIKA TAD-DIRETTIVA 93/103/KE Kwistjonijiet Ġenerali Minkejja li biss persentaġġ żgħir ħafna tal-flotta totali tas-sajd taqa' fl-ambitu tad-Direttiva 93/103/KE[14], id-'Direttiva Qafas' li tinkludi[15], fejn relevanti, id-Direttivi individwali tagħha, tapplika fuq is-settur kollu. Il-valutazzjoni tal-implimentazjzoni prattika tad-Direttiva 93/103/KE tikkomplika ruħha bid-differenzi ġeografiċi, eż. bejn il-flotot fil-Mediterran u fl-Atlantiku: tal-ewwel tikkonsisti f'bastimenti iżgħar li ġeneralment jirritornaw lejn l-art kuljum jew kull ftit jiem, filwaqt li tal-aħħar magħmulin minn bastimenti akbar li huma affettwati aktar b'mod dirett mid-Direttiva. Sadanittant, fatturi soċjali u ekonomiċi, bħalma huma kompetizzjoni eħrex, stokkijiet tal-ħut jiċkienu u spejjeż ogħla tal-fjuwil, qed inaqqsu d-dħul tas-sidien tal-bastimenti, l-iskippers/il-kaptani u l-ħaddiema u jżidu l-pressjoni biex jaqbdu kemm jista' jkun possibbli ħut fl-iqsar żmien. Bħala riżultat, l-ekwipaġġi tnaqqsu għall-minimu[16], is-sigħat ta' xogħol żdiedu u x-xiftijiet twalu, minkejja li t-titjib teknoloġiku jista' jelimina ħafna mix-xogħol iebes. Ekwipaġġi iżgħar huma taħt pressjoni partikolari fi żmenijiet ta' attivitajiet akbar. Studju li sar fi Spanja[17] juri li s-sajjieda jqisu x-xogħol tagħhom bħala eżawrenti aktar milli perikoluż, filwaqt li fl-Olanda huwa stmat li kwart tal-inċidenti li jseħħu ma jkunux irrapurtati. Dawn il-fatturi jagħmluha aktar diffiċli biex ikun eżaminat l-impatt tal-miżuri l-ġodda. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord (il-paga, il-ħin 'il bogħod mid-dar, sigħat twal ta' xogħol, eċċ.) jiskoraġġixxu rekluti ġodda minn fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa, li min-naħa l-oħra tagħmilha diffiċli l-bidla għall-kultura ta' prevenzjoni, għallinqas fit-terminu qasir taż-żmien. Sajd żejjed u eċċess tal-kapaċità tas-sajd jagħtu riżultati ekonomiċi foqra li ma jippermettux manutenzjoni u operazzjoni adegwati tal-bastiment u jġiegħlu lis-sajjieda jerfgħu riskji akbar. Min-naħa tas-sidien tal-bastimenti u l-iskippers/il-kaptani, id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma jġibu l-ebda benefiċċju dirett u l-involviment tal-awtoritajiet tax-xogħol kien żgħir. Ftit Stati Membri biss jidhru li għamlu disponibbli appoġġ finanzjarju għall-investiment f'tagħmir tas-sigurtà u t-taħriġ tal-ekwipaġġ. Filwaqt li d-Direttiva għamlet enfasi akbar fuq is-sigurtà fis-settur u kien hemm titjib fil-ħtiġijiet tas-sigurtà u t-taħriġ fis-sigurtà tal-ekwipaġġi, l-impatt kien limitat minħabba li tapplika biss għal bastimenti akbar li huma ftit fin-numru u fejn il-kundizzjonijiet tas-sigurtà huma diġà aħjar u ftit ingħatat attenzjoni lill-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom mnejn ikabbru r-riskju ta' mard fuq il-post tax-xogħol u stili ta' ħajja mhux sani. L-istat fqir ta' xi stokkijiet tal-ħut flimkien ma' eċċess tal-kapaċità tas-sajd jagħtu l-inċentivi lis-siden tal-bastimenti li jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-qbid fil-limiti definiti mil-liġi tal-UE u r-regolamenti tal-Istati Membri; xi kultant dan isir bl-iskapitu tas-sigurtà tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord[18]. Valutazzjoni tar-riskji Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/103/KE, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas huma applikabbli bis-sħiħ għall-bastimenti li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 93/103/KE. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas tistipula li dak li jħaddem għandu jkollu f'idejh valutazzjoni tar-riskju. Il-valutazzjonijiet tar-riskju għandhom mnejn huma l-innovazzjoni legali l-aktar sinifikattiva skont id-Direttivi dwar is-sigurtà u s-saħħa iżda ftit li xejn twettqu fir-rispett tax-xogħol abbord il-bastimenti. Fejn jitwettqu, kienu rrapurtati li jħeġġu diskussjoni dwar ir-riskju, il-konsegwenzi tagħhom u l-miżuri preventivi. Sidien ta' bastimenti żgħar huma rrapurtati li huma skoraġġiti mill-ispejjeż. Problema oħra hija li ta' sikwit tintuża biss lista ta' ċċekkjar biex tkun sodisfatta l-ħtieġa tal-valutazzjoni tar-riskju u din m'għandha l-ebda effett fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord. B'riżultat ta' dan, is-sajjieda ma jingħatawx pariri esperti biex jaddottaw il-proċeduri ta' sigurtà biex ikunu evitati sitwazzjonijiet perikolużi li jinqalgħu abbord. Infurzar L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/103/KE jirrikjedi li l-bastimenti jsirilhom iċċekkjar regolari minn awtoritajiet li għandhom l-awtorità li jagħmlu speċifikament dan. L-implimentazzjoni tad-Direttiva ma ġabet l-ebda bidla fit-tip jew ir-rwol tal-ispezzjonijiet fis-settur tas-sajd[19]. Kważi kull Stat Membru diġà kellu sistemi ta' spezzjoni speċifiċi biex jivverifikaw il-kundizzjonijiet tat-tagħwim, l-adegwatezza fuq il-baħar u l-kapaċità li jkunu ffaċċjati l-emerġenzi. F'ħafna Stati Membri hemm żewġ tipi ta' spezzjoni. L-ewwel hija teknika: spezzjonjiet ġeneralment imwettqa mill-awtoritajiet marittimi li għandhom esperjenza twila u li għandhom staff adegwatament imħarreġ. Jitwettqu waqt qed jinbena l-vapur u wara perjodikament (ġeneralment darba fis-sena), biex tiġġedded il-liċenzja u jippermettulu jkompli jbaħħar[20]. It-tieni hija relatata mal-organizzazzjoni tax-xogħol, it-taħriġ u l-kwalifiki, is-sigħat tax-xogħol, il-kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà, il-kundizzjonijiet ta' għajxien abbord eċċ., li huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tax-xogħol. F'xi Stati Membri hemm ukoll it-tielet tip, li normalment hi spezzjoni tas-saħħa biex tiċċekkja l-kapaċità tal-bastiment u ta' dawk responsabbli minnu biex jirreaġixxu għal kwalunkwe emerġenza medika fuq il-baħar. B'riżultat ta' dan, f'ħafna Stati Membri l-bastimenti tas-sajd isirulhom spezzjonijiet minn tnejn jew anke tliet awtoritajiet, xi kultant bi ftit ħafna koordinazzjoni. B'mod ġenerali, jidher li l-prijorità tingħata lill-kundizzjonijiet ta' stabbiltà, it-tagħwim u s-sigurtà tat-tagħmir, filwaqt il-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-kumdità, l-aspetti ergonomiċi, il-prevenzjoni tar-riskju u s-sigħat tax-xogħol tas-sajjieda huma ta' spiss injorati, minkejja li l-'fattur uman' jitqies bħala l-akbar fattur li jikkontribwixxi għall-inċidenti. Il-koeżistenza tal-ispezzjonijiet tekniċi u tax-xogħol tista' toħloq konfużjoni fost is-sidien tal-vapuri, l-iskippers/il-kaptani u l-ħaddiema. Il-kompetenza teknika speċjalizzata tal-ispezzjoni tax-xogħol hija ta' spiss dibattibbli, speċjalment fi Stati Membri bi spezzjonijiet ġenerali, filwaqt fi Stati Membri bi spezzjonijiet speċjalizzati, il-kritika l-aktar komuni tikkonċerna n-nuqqas ta' spetturi. Jidher li l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom biss kapaċi jiċċekkjaw b'mod effettiv abbord liema sitwazzjoni hija insodisfaċenti ġaladarba ħafna Stati Membri m'għandhomx rappreżentanza trejdjunjonistika fis-sajd. Dan hu ġeneralment minħabba l-bidliet ta' spiss fl-ekwipaġġ u l-preżenza ta' ħaddiema kemm self-employed kif ukoll impjegati, flimkien mas-sistema tal-'paga-maqsuma'[21] li, minħabba l-interess ekonomiku tal-ekwipaġġ li jimmassimizza l-qabdiet, tiskoraġġixxi l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom milli jieħdu kwalunkwe inizjattiva li tista' tnaqqas il-ħin fuq il-baħar jew iżżid l-ispejjeż. F'dawn il-kundizzjonijiet, huwa diffiċli li trawwem kultura ta' sigurtà profonda. B'riżultat ta' dan, il-ħtiġijiet tekniċi li jaffettwaw is-sigurtà tal-bastiment huma ċċekkjati mill-awtoritajiet tekniċi iżda l-iċċekkjar mill-awtoritajiet tax-xogħol jidher li mhux adegwat. Madankollu, xi Stati Membri jinnutaw li l-ispezzjonijiet qed jitwettqu aktar ta' spiss u skont l-Olanda, it-tnaqqis fir-rati nazzjonali tal-inċidenti hija probabbilment minħabba s-sistema sistematika ta' spezzjonijiet[22]. Hekk kif il-kawżi tal-inċidenti frekwenti abbord mhumiex ċċekkjati b'mod xieraq, l-impatt tal-korrimenti u l-mard li jirriżultaw mix-xogħol fis-sajd huwa sottovalutat. F'xi Stati Membri, skont ir-rapport tal-esperti indipendenti, id-diviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, l-awtoritajiet tax-xogħol u marittimi, tagħmel l-ispezzjonijiet anqas effiċjenti, għalkemm id-diffikultà biex jitwettqu l-ispezzjonijiet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol attwali hija l-problema prattika ewlenija: dawn rari jitwettqu fuq il-baħar, meta s-sajjieda ikunu verament qed jaħdmu[23]. Informazzjoni u taħriġ L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttivi jikkonċernaw l-informazzjoni u t-taħriġ. Ftit ħafna dejta nġabret s'issa dwar il-kwistjoni tal-informazzjoni għall-ħaddiema, iżda dan il-qasam jidher li hu mifni bl-istess problemi tat-taħriġ[24]. Fir-rigward tat-taħriġ, l-Istati Membri jsemmu d-diffikultà li jaċċessaw is-sajjieda bħala organu minħabba l-ftit ħin li jqattgħu fuq l-art u li hu intiż għall-mistrieħ[25]. Din il-problema hija aggravata meta jaħdmu f'ibħra tas-sajd distanti – fattur li mhux dejjem jitqies – u bil-problemi strutturali tas-settur (li huma konnessi mill-qrib mal-prekarjetà tax-xogħol, speċjalment fl-SMEs li jaħdmu f'tali ibħra tas-sajd). Is-sistema tal-'paga maqsuma' msemmija hawn fuq hija ostaklu ieħor għat-taħriġ, li jrid isir fuq l-art u għalhekk mhux imħallas. Minkejja dan, l-Istati Membri jikkunsidraw li ż-żieda fit-taħriġ kienet wieħed mill-akbar riżultati tad-Direttiva. AZZJONI FIL-QASAM: L-IMPLIMENTAZZJONI PRATTIKA TAD-DIRETTIVA 92/29/KEE Kwistjonijiet Ġenerali In ġenerali, id-Direttiva kienet implimentata kif kien meħtieġ bis-saħħa tal-livell għoli ta' aċċettazzjoni fost il-professjonisti u l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kif ukoll għall-ispezzjonijiet imwettqa minn dawn tal-aħħar. Din ħfiefet bl-abbozzar preċiż tal-Anness tad-Direttiva li ma jħallix spazju għall-interpretazzjoni. Meta wieħed iżomm f'moħħu d-diffikultà tas-separazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet ġodda u tal-identifikazzjoni u l-kisba tal-istatistiċi attendibbli, il-valutazzjoni ġenerali hija li t-trattament mediku abbord il-bastimenti tjieb. L-imsieħba rnexxilhom jinkorporaw id-dispożizzjonijiet fir-rutini tal-prevenzjoni tagħhom, inklużi t-taħriġ u l-forniment u ż-żamma tal-provvisti mediċi u l-kit tas-sopravivenza. Madankollu, hemm differenza bejn il-flotta merkantili u l-flotot tas-sajd. Filwaqt li d-Direttiva kienet implimentata mingħajr problemi fil-flotta merkantili, l-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-ġarr tal-provvisti mediċi kienet iktar difficli fil-flotta tas-sajd u speċjalment fin-negozji ż-żgħar. L-introduzzjoni ta' sistema organizzata aħjar biex tipprovdi pariri mediċi lill-bastimenti kienet meqjusa bħala r-riżultat ewlieni tad-Direttiva. Iċ-ċentri mediċi tar-radju kienu effettivi ħafna: hemm dejta disponibbli dwar in-numru ta' sejħiet li saru mill-bastimenti, l-aktar tipi komuni ta' korrimenti u l-azzjoni li ttieħdet. F'ħafna Stati Membri l-programmi ta' taħriġ ġġeneraw kunfidenza akbar fost il-ħaddiema fir-rigward ir-responsabbiltajiet tal-kwistjonijiet ta' saħħa abbord. Il-fatt li l-kaptani ta' spiss jippreferu ma jamministrawx il-mediċini li jkun hemm fil-kaxxa tal-mediċini, inaqqas l-impatt tagħhom fuq it-trattament mediku mogħti abbord. F'ħafna mis-sitwazzjonijiet jidher ukoll li t-tobba jippreferu jevakwaw il-pazjenti milli jippreskrivu l-mediċini disponibbli abbord. Il-ġarr tal-mediċini jidher ukoll li ma kellu l-ebda impatt ewlieni fuq l-ispejjeż ekonomiċi, anke jekk xi Stati Membri ma jistqarruhomx. Il-valutazzjonijiet l-aktar kritiċi tal-impatt tad-Direttiva ġejjin minn sorsi trejdjunjonistiċi u għandhom x'jaqsmu man-nonkonformità fir-rigward tat-taħriġ teoretiku u prattiku dwar ir-riżorsi tal-first aid kit u dwar is-servizz ta' konsultazzjoni bir-radju, u n-nuqqas ta' riżorsi għat-taħriġ tal-ħaddiema fl-użu tagħhom fuq il-baħar. Kienu nnutati diffikultajiet speċjali fl-aċċess għat-taħriġ fost ħaddiema self-employed u kooperattivi tas-sajjieda, li l-ħlas tagħhom jiddependi ħafna mill-qabda ta' kuljum. Provvisti tal-mediċina L-Artikolu 2 tad-Direttiva jistipula li kull bastiment għandu dejjem iġorr abbord provvisti mediċi xierqa għall-kategorija tal-bastiment u t-tip ta' vjaġġ, ix-xogħol, il-merkanzija u n-numru ta' ħaddiema. Bastimenti akbar li jagħmlu vjaġġ ta' aktar minn tlitt ijiem għandhom ikollhom kamra għall-morda, u bastimenti b'ekwipaġġ ta' 100 jew aktar fuq vjaġġ internazzjonali ta' aktar minn tlitt ijiem għandu jkollu tabib. B'mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni hija implimentata u l-provvisti mediċi huma disponibbli abbord. Madankollu, xi problemi jippersistu, partikolarment fir-rigward tal-kontenut tal-kaxxi tal-mediċini li mhux dejjem jikkorrispondi mal-ħtiġijiet kollha tad-Direttiva u l-bdil tal-pinnoli u l-provvisti mediċi li għaddietilhom id-data ta' skadenza. Dan jidher li hu minħabba li f'xi każi l-ispetturi ma jkollhomx it-taħriġ speċifiku neċessarju. Is-sitwazzjoni tal-provvisti mediċi tidher li hija aħjar f'kumpaniji kbar u fuq vapuri merkantili, filwaqt li l-ħtieġa tal-iċċekkjar u l-bdil tal-provvisti ma titwettaqx b'mod strett f'kumpaniji żgħar u fuq bastimenti tas-sajd. Sajjieda self-employed isibuha diffiċli biex jifhmu l-leġiżlazzjoni dwar il-provvisti mediċi. Kienu osservati xi problemi dwar sustanzi narkotiċi minħabba n-nuqqas ta' kuxjenza min-naħa tal-fornituri. Il-bżonn li jinbidlu l-kontenuti tal-kaxxi tal-mediċini li għaddietilhom id-data ta' skadenza għandha tkun eżaminata. Jista' jinħatar grupp ta' ħidma tal-Kumitat Konsultattiv biex jgħin lill-Kummissjoni f'din il-ħidma. Allokazzjoni tar-responsabilitajiet L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jistipula diviżjoni tar-responsabbiltajiet għall-forniment u r-riforniment tal-provvisti mediċi bejn is-sid u l-kaptan jew il-persuna delegata. Din id-diviżjoni ma tidhirx li se tkun problema. Ir-responsabbiltà għall-forniment u l-bdil tal-provvisti mediċi, fuq naħa, u għall-ġestjoni u ż-żamma tagħhom, fuq l-oħra, hija mqassma b'mod xieraq. Jissemma' nuqqas ta' ċarezza minn Spanja li tirraporta li r-responsabbiltajiet huma diviżi b'mod anqas ċar fil-flotta tas-sajd – fejn il-kaptan u s-sid tal-vapur hu ta' spiss l-istess persuna – milli fil-flotta merkantili. Taħriġ Il-ħtiġijiet tat-taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u 5(3) tad-Direttiva jqajmu żewġ kwistjonijiet ewlenin: l-ewwel, jekk it-taħriġ bażiku dwar it-trattament mediku ta' emerġenza huwiex suffiċjenti u adegwat jew le, u, it-tieni, jekk il-kaptan u l-uffiċjali jattendux korsijiet ta' aġġornament jew le almenu kull ħames snin. Is-sitwazzjoni tvarja skont l-Istat Membru u t-tip ta' flotta. F'xi Stati Membri, it-taħriġ bażiku fl-industrija tas-sajd huwa kkunsidrat insuffiċjenti. Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-korsijiet ta' aġġornament f'intervalli ta' ħames snin ukoll tvarja. F'ħafna Stati Membri t-taħriġ kull ħames snin huwa obbligatorju. Fil-Finlandja dan it-taħriġ huwa prerekwiżit biex jinkiseb il-ktieb tal-konformità u tkun tista' taħdem bħala professjonista marittimu. Fil-Ġermanja, il-prova tal-attendenza hija obbligatorja għat-tiġdid taċ-ċertifikat ta' kaptan/uffiċjal. Xi Stati Membri għandhom taħriġ speċjalista obbligatorju fl-ewwel għajnuna/it-trattament ta' emerġenza medika/taħriġ bażiku fl-assistenza ta' emerġenza medika għall-persuni kollha li jieħdu l-kors marittimu professjonali, u l-kaptani għandhom taħriġ speċjali fl-assistenza tal-emerġenza medika. Madankollu, it-taħriġ fl-assistenza ta' emerġenza medika xi kultant hu meqjus inadegwat. Xi kultant jonqos taħriġ speċifiku għall-kaptani eż. fl-użu tas-siringi u kif tagħti l-injezzjonijiet. Fis-settur tas-sajd, aktar mal-bastiment tas-sajd ikun żgħir, iżgħar tkun il-probabbiltà li l-kaptan jew kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ ikunu attendew xi taħriġ mediku jew saħansitra kwalunkwe taħriġ. Ċentri mediċi tar-radju L-għan tad-Direttiva fl-Artikolu 6 li jkunu stabbiliti ċentri ta' konsultazzjoni bir-radju b'tobba speċjalizzati fil-kundizzjonijiet tal-għajxien abbord, inkiseb b'mod sodisfaċenti minkejja li ntużaw l-istrutturi preeżistenti f'xi Stati Membri. Fid-Danimarka, in-numru ta' persuni evakwati mill-bastimenti naqas drastikament minn meta s-serivizzi mediċi bir-radju u t-taħriġ tan-navigaturi u t-tobba mediċi bir-radju kienu ċentralizzati. B'mod ġenerali, dawn iċ-ċentri huma kkunsidrati li qed jiffunzjonaw b'mod adegwat b'xi punti dgħajfa. Ir-rapport tal-esperti indipendenti juri li, f'xi Stati Membri, l-ebda tabib jew impjegat mediku speċjalista ma huwa impjegat fiċ-ċentri mediċi bir-radju u s-sejħiet huma trattati minn tabib fuq xogħol li mhux mħarreġ fil-kundizzjonijiet abbord il-bastimenti. F'oħrajn, it-tobba jitħarrġu biex jagħtu trattament permezz tar-radju lil persuni abbord il-bastimenti u dejjem ikun hemm millinqas tabib wieħed xogħol biex jassisti l-baħħara. Il-punt dgħajjef ewlieni huwa dak li m'hemmx stampa ħajja tal-pazjent u għalhekk it-tabib irid joqgħod fuq id-deskrizzjoni tal-kaptan tas-sintomi tal-pazjent. L-attendibilità ta' din l-informazzjoni taffettwa l-attendibilità tal-parir mogħti mit-tabib, bir-riżultat li aktar pazjenti milli meħtieġ huma probabbilment evakwati. Fid-Danimarka saru b'suċċess provi ta' eżamijiet viżwali permezz tal-web-camera. Mandankollu hemm in-nuqqas tal-assenza ta' konnessjoni tal-Internet permanenti fuq xi vapuri u l-ispiża tat-tagħmir u l-konnessjoni tal-Internet. Twaqqfu ċentri virtwali speċjali fl-Iżvezja b'tobba li għandhom taħriġ speċifiku għall-għarfien tal-kundizzjonijiet abbord. It-teknologija tal-komunikazzjoni bejn il-vapur u l-kosta tvarja ħafna minn sempliċi radju VHF għal telefon bis-satellita u l-imejl. Sitwazzjonijiet ta' emerġenza huma trattati wkoll bit-trasport tal-ajru u Spanja ssemmi l-eżistenza ta' vapuri sptarijiet. Spezzjonijiet L-Artikolu 7 tad-Direttiva jkopri l-ispezzjonijiet annwali tal-provvisti mediċi. Il-problemi msemmija fil-punt 5.3 (tad-Direttiva 93/103/KE) huma ugwalment applikabbli hawn. ANALIżI ĠENERALI L-effetti ewlenin pożittivi taż-żewġ Direttivi Id-Direttiva 93/103/KE Ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri ġeneralment ma jinnotaw l-ebda effetti negattivi jew pożittivi ewlenin, f'xi każijiet minħabba regolamenti preċedenti ugwalment stretti. Id-deterjorazzjoni ġenerali fiċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi tas-sajjieda fl-aħħar snin għamlet diffiċli l-analiżi tas-sitwazzjoni. Instab li t-titjib kien riżultat indirett tal-miżuri li ttieħdu biex titjieb il-flotta aktar milli bħala riżultat ta' tentattivi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord. Madankollu, l-Istati Membri jsemmu dawn li ġejjin fost l-effetti pożittivi tad-Direttiva 93/103/KE: - livelli minimi ta' sigurtà uniformi fl-Istati Membri kollha; - kien introdott organu koerenti ta' regoli minimi ta' sigurtà u saħħa speċifiċi għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd fil-legiżlazzjoni nazzjonali u s-sidien ikollhom jikkonformaw miegħu bis-sħiħ; dan jagħmel is-sorveljanza eħfef għall-ispetturi; - aktar spezzjonijiet; - impenn akbar għall-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol; - sigurtà mtejba tal-bastimenti tas-sajd u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, b'mod partikulari fir-rigward ta' timijiet tax-xogħol, postijiet tax-xogħol, akkomodazzjoni abbord u metodi ta' kif tittratta l-merkanzija u l-kaxxi tal-ħut; - struttura u modus operandi aħjar tas-sistema tal-prevenzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol u, b'mod partikulari, it-taħriġ, l-informazzjoni u x-xogħol tal-ispezzjoni; - aktar taħriġ għall-ħaddiema u l-iskippers/il-kaptani; - xi titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord (minħabba wkoll it-titjib teknoloġiku); - ir-rekwiżiti fid-Direttiva kienu utli biex jitfasslu dispożizzjonijiet prattiċi dwar il-bini u t-tagħmir tal-bastimenti tas-sajd; - dibattitu professjonali intensifikat fis-settur. Id-Direttiva 92/29/KE Minkejja li l-Istati Membri ma nnutaw l-ebda effett negattiv jew pozittiv ewlieni tal-leġiżlazzjoni, xi wħud jippuntaw lejn ġeneralment kuxjenza aħjar tas-saħħa u s-sigurtà. Il-korsijiet ta' taħriġ mill-ġdid u l-inklużjoni ta' definizzjonijiet ġodda ssemmew bħala effetti pożittivi u l-ħtiġijiet minimi għall-kaxxi tal-mediċini u t-trattament mediku abbord ġabu xi bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri jsemmu aspetti pożittivi oħra, eż. - hu rikonoxxut il-bżonn ta' sorveljanza medika professjonali obbligatorju tal-baħħara; - titjib fit-trattament mediku abbord il-bastimenti; - provvisti mediċi qed jiżguraw kura medika abbord; - l-inklużjoni ta' drogi addizzjonali fil-provvisti mediċi (antidoti); - provvisti mediċi disponibbli għal użu aħjar mill-persuni responsabbli għall-kura u l-gwida medika; - iċċekkjar effettiv aħjar tal-fornituri mediċi, b'mod partikulari fir-rigward tad-drogi psikotropiċi; - taħriġ ta' aġġornament ta' millinqas kull ħames snin għall-kaptan u l-ħaddiema fdati bl-użu tal-provvisti mediċi li jwassal għal titjib fl-għarfien mediku ta' dawk il-persuni; - kampanji ta' informazzjoni (immirati lejn l-ekwipaġġ, is-sidien tal-vapuri u l-kumpaniji marittimi) wasslu għal kuxjenza aħjar. Il-problemi ewlenin tal-implimentazzjoni Id-Direttiva 93/103/KE L-Istati Membri jsemmu l-problemi li ġejjin: - l-imsieħba soċjali f'ħafna mill-Istati Membri qiesu l-attivitajiet ta' disseminazzjoni u informazzjoni li jkopru d-dispożizzjonijiet l-ġodda bħala insuffiċjenti; - kien hemm bżonn ta' aktar appoġġ in vista tal-kumplessità teknika tad-Direttiva; - kien diffiċli għall-bastimenti eżistenti ta' 18-il metru jew itwal[26] li jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-bidliet; - spiża għolja għat-tagħmir tas-sigurtà (għal dawk li jħaddmu); - sidien ta' bastimenti żgħar ma kellhomx ħerqa li jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju minħabba li jinvolvu l-ispejjeż; - il-valutazzjonijiet tar-riskju kienu ta' spiss kwistjoni ta' mili ta' formoli bl-ebda impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord; - nuqqas ta' kontroll integrat u pjan ta' żvilupp għall-politiki tal-prevenzjoni tar-riskji fl-ambjent marittimu; - l-ebda proċeduri formali għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti; - nuqqas ta' infurzar tad-dispożizzjonijiet li jevitaw il-mard fuq il-post tax-xogħol; - l-età tal-flotta f'xi każijiet hija ta' ostaklu għall-implimentazzjoni; - nuqqas ta' rappreżentazzjoni b'saħħitha tas-sajjieda huwa ostaklu għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; - persuni li ma jpejpux għadhom suġġetti għat-tipjip fil-mess; - nuqqas ta' assistenza diretta għal dawk involuti fil-kwistjonijiet ta' sigurtà fuq il-bastimenti. Il-każ speċifiku tal-bastimenti ż-żgħar: Id-Direttiva 93/103/KE Id-Direttiva 93/103/KE mhix applikabbli għall-bastimenti ta' anqas minn 15-il metru fit-tul, għalkemm id-Direttiva Qafas ma tapplikax għall-bastimenti li mhumiex koperti bid-Direttiva 93/103/KE. Kważi kull bastiment iqsar minn 15-il metru huwa proprjetà tal-iskipper/il-kaptan li ta' spiss jaħdem ma' membri oħra tal-familja. Għalhekk hemm persentaġġ kbir ta' SMEs f'dan is-settur: jiddependi mill-Istat Membru, bejn 60 % u 90 % tal-flotot huma magħmula minn bastimenti li huma iqsar minn 12-il metru. Skont ir-rapport tal-esperti indipendenti, il-bastimenti ż-żgħar għandhom diffikultajiet biex jikkonformaw mal-ħtiġijiet tas-saħħa u s-sigurtà u l-ispiża kbira tat-tagħmir tas-sigurtà tiskoraġġixxi sidien żgħar tal-vapuri milli jixtruh. L-aċċess għall-informazzjoni tas-sigurtà hu aktar diffiċli għall-iskippers/il-kaptani u l-membri tal-ekwipaġġ tad-dgħajjes ż-żghar, speċjalment meta l-awtoritajiet pubbliċi tal-informazzjoni jużaw teknoloġiji ġodda bħalma huwa l-Internet. In-negozji tal-familji ta' spiss joperaw b'bastimenti qodma u l-ħaddiema tagħhom bilkemm ikollhom kwalifiki. Il-gwida prattika għal bastimenti żgħar imsemmija fil-punt 4.2 għandha tindirizza problemi f'bastimenti tal-injam, eż. r-rotot tal-emerġenza u l-ħruġ. Id-Direttiva 92/29/KE Ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri jsemmu l-problemi fl-implimentazzjoni prattika li ġejjin: - biex isibu post ideali għall-kaxxa tal-mediċini[27]; - l-ispiża tax-xiri u ż-żamma tal-provvisti mediċi ġodda; - diffikultà biex ikunu żgurati provvisti ta' ċerti mediċini, partikularment drogi ta' kontra l-malarja (li jridu jkunu impurtati)[28]; - l-iżbilanċ bejn id-daqs tal-bastiment u l-provvisti mediċi obbligati li jinġarru; - li jkollok drogi abbord li tabib kwalifikat biss jista' jamministra; - fl-industrija tas-sajd, il-kaxxa tal-mediċina hija użata l-aktar għal problemi żgħar bħalma huwa uġigħ ta' ras; - it-twaqqif ta' ċentri mediċi tar-radju kienet sfida minħabba li t-tobba ma kinux familjari mal-ambjent marittimu, nuqqas ta' esperjenza fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni bir-radju u n-nuqqas ta' frekwenza ta' dan it-tip ta' sejħa ta' emerġenza; - f'xi setturi, it-tobba jistgħu jinbidlu abbord minn paramediċi b'taħriġ speċjali; kien suġġerit li d-deċiżjoni titħalla f'idejn l-Istati Membri. Il-każ speċifiku tal-SMEs: Id-Direttiva 92/29/KE Ġeneralment kien jinħass li d-Direttiva tfasslet għal bastimenti akbar u mhux għall-flotta Komunitarja sħiħa, u l-implimentazzjoni tagħha mill-SMEs tikkawża ħafna mill-problemi. Il-mediċini li jridu jinġarru abbord skont id-Direttiva huma kkunsidrati xierqa għall-bastimenti l-kbar iżda ta' toqol kbir għal dawk ta' daqs medju. Il-klawsoli li jirrigwardaw id-distanza mill-kosta ħolqu diffikultajiet partikulari għal xi setturi tal-industrija. SUġġERIMENTI GħAL TITJIB Id-Direttiva 93/103/KE Ħafna Stati Membri ma jħossux il-bżonn li jemendaw id-Direttiva, iżda li ċerti diffikultajiet identifikati matul l-implimentazzjoni jistgħu jkunu solvuti b'mezzi barra mill-azzjoni leġiżlattiva, i.e. bl-ispezzjonijiet li jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u informazzjoni addizzjonali. Madankollu, xi Stati Membri jqisu li d-Direttiva għandha tkopri wkoll bastimenti iqsar minn 15-il metru peress li l-biċċa l-kbira tal-flotot tal-Istati Membri jaqgħu f'dik il-firxa u l-istatistika turi li numru sinifikattiv ta' inċidenti li jseħħu huma fuq il-bastimenti ż-żgħar. Ir-rapporti nazzjonali juru li l-isfida ewlenija hija li titjieb il-kultura tas-sigurtà fost is-sajjieda li titlob informazzjoni u taħriġ. L-Istati Membri jqisu li l-informazzjoni tista' tkun ippjanata aktar sistematikament u li l-ħtiġijiet tat-taħriġ tas-sigurtà għandhom ikunu addattati għaċ-ċirkostanzi tas-sajjieda f'termini ta' livell ta' edukazzjoni, disponibilità, tradizzjonijiet u kultura eċċ. u għandhom jinkludu eżerċizzji aktar prattiċi. Hemm bżonn ukoll ta' aktar kooperazzjoni fuq il-livell tal-UE f'termini ta' studju u ċirkulazzjoni tal-aħjar prattika u l-għan strateġiku li x-xogħol fis-settur tas-sajd ikun umanizzat għandu bżonn li jkun inkorporat fil-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), eż. permezz ta' djalogu soċjali. Id-Direttiva 92/29/KE L-Istati Membri għamlu diversi proposti dwar l-Annessi tad-Direttiva, i.e. li l-provvisti mediċi meħtieġa skont l-Anness II ikunu riveduti, skont ir-reġjun u l-kategorija tal-bastiment, biex ikun żgurat li l-lista tirrifletti l-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet li japplikaw abbord. L-Annessi għandhom bżonn ikunu addattati għall-iżviluppi teknoloġiċi u mediċi fil-provvisti mediċi. Proposti oħra kkonċernaw l-informazzjoni u t-taħriġ[29] u s-sistema tal-ispezzjoni. Kien suġġerit ukoll li l-Kummissjoni għandha trawwem komprensjoni aħjar tad-Direttivi bi gwidi li jkopru l-operazzjonijiet varji, id-daqsijiet tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-flotot tal-UE. L-EFFETTIVITÀ Id-Direttiva 93/103/KE L-effetti fuq l-inċidenti fix-xogħol u fuq il-mard ikkaġunat mix-xogħol Inċidenti fuq ix-xogħol Hemm problema bażika fl-eżami tal-impatt tal-miżuri nazzjonali tal-implimentazzjoni peress li huwa diffiċli li tattribwixxi effetti lil kawża partikulari. Qabel id-Direttiva, diġà kien hemm dispożizzjonijiet nazzjonali. L-iżvilupp teknoloġiku huwa wkoll fattur fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol[30]. Minkejja li l-Eurostat tipproduċi statistika fuq il-livell tal-UE[31] m'hemm l-ebda dejta attendibbli disponibbli speċifikament għas-settur marittimu. Mdankollu, tista' ssir referenza għall-istħarriġ ad hox l-aktar reċenti tal-UE tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol disponibbli għall-UE-15, jiġifieri l-Istħarriġ tal-Ħaddiema tal-1999[32], li jindika li s-settur tas-sajd kellu l-ogħla inċidenza ta' inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol, b'2,43 darba għall-medja tal-UE. F'ħafna Stati Membri hemm ukoll nuqqas ta' dejta attendibbli dwar l-effett tal-leġiżlazzjoni l-ġdida anke jekk l-istatistika dwar l-inċidenti li tinvolvi l-baħħara hija normalment sorveljata fuq il-livell nazzjonali. Madankollu, ħafna Stati Membri rrapurtaw li n-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol naqas, possibilment b'riżultat tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda, it-taħriġ u l-kampanji ta' informazzjoni. B'xi eċċezzjonijiet, in-numru ta' inċidenti f'ħafna Stati Membri jidher li naqas aktar malajr min-numru ta' sajjieda, li jimplika li rati ta' inċidenza bdew jinżlu qabel id-dati tat-traspożizzjoni. Fl-avvenimenti kollha, l-istatistika tal-inċidenti hija fqira f'ħafna Stati Membri. Spjegazzjoni waħda hija li qtugħ, brix, ġrieħi, grif u tbenġil ġeneralment mhumiex ikkunsidrati bħala inċidenti iżda sempliċiment bħala parti mix-xogħol. Filwaqt li hemm mnejn li l-inċidenti naqsu fin-numru, is-serjetà tagħhom għandha mnejn kibret, partikularment minħabba t-tul ta' żmien imqatta' abbord, iċ-ċokon tad-daqs tal-ekwipaġġi u ż-żmien skars disponibbli għal taħriġ fuq l-art. F'ħafna każijiet, il-kundizzjonijiet tas-sigurtà abbord tidher li tjiebet qabel id-data tat-traspożizzjoni u dan jista' jispjega għaliex ir-rata tal-inċidenza niżlet aktar b'saħħitha min-numru tal-ħaddiema. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li d-Direttiva 93/103/KE tapplika biss għall-bastimenti li huma persentaġġ żgħir mill-flotta tas-sajd tal-UE[33]. Peress li hemm differenza kbira fir-riskji abbord bastimenti żgħar meta mqabbla ma' bastimenti kbar, huwa loġiku li r-rapporti nazzjonali jeżaminaw l-impatt dirett tal-ħtiġijiet il-ġodda tad-Direttiva fuq iċ-ċifri tal-inċidenti bħala baxx. Mard fuq il-post tax-xogħol Peress li s-sistemi nazzjonali li jieħdu nota tal-mard fuq il-post tax-xogħol juru nuqqasijiet akbar minn dawk għall-inċidenti, l-istabbiliment ta' konnessjoni bejn id-dispożizzjonijiet il-ġodda u l-iżvilupp tal-mard fuq il-post tax-xogħol fis-settur hija aktar diffiċli. Madankollu, dejta indiretta turi li l-mard huwa fattur importanti li jġiegħel lis-sajjieda jitilqu s-sengħa. Il-fattur tax-xjuħija hu aggravat bil-fatt li anqas ħaddiema qed jidħlu għal dan ix-xogħol prinċipalment minħabba l-kundizzjonijiet iebsa. Dan jaffettwa l-kapaċità tal-popolazzjoni li taħdem li tassumi t-toqol kbir tax-xogħol f'ambjent tax-xogħol li jgħajjik. L-aktar fatturi importanti ta' riskju u taħbit fis-sajd ġejjin mit-temp, ix-xogħol tqil tal-idejn, il-problemi psikoloġiċi u soċjali minħabba iżolazzjoni fit-tul, il-pressjoni ta' xogħol mgħaġġel u s-sigħat twal ta' xogħol imqassmin bl-addoċċ bejn perjodi ta' attività intensiva u stennija monotona, kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn ir-riskji. Kompetizzjoni eqlel, minħabba pereżempju qabdiet iżgħar, qiegħda xxekkel il-kundizzjonijiet għall-miżuri ta' prevenzjoni. B'mod partikulari, is-sistema tal-'paga maqsuma' fuq ħafna mill-bastimenti ż-żgħar tista' twassal għal sigħat ta' xogħol itwal, aktar ħin abbord u għejja akbar. Miżuri ta' prevenzjoni effettivi probabbilment mhumiex prijorità taħt tali kundizzjonijiet u dan in-nuqqas jista' jwassal għal aktar mard u disturbi fuq il-post tax-xogħol. Problemi muskolari jidhru li huma l-għajn ewlieni tal-mard fost is-sajjieda, proabbilment bħala konsegwenza tax-xjuħija u l-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' taħbit. L-impatt fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività B'mod ġenerali, l-Istati Membri ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività. Id-Direttiva 92/29/KE L-effetti fuq l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u fuq il-mard ikkaġunat mix-xogħol Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva, li kkoinċidiet mat-tnaqqis fil-flotot tas-sajd u għalhekk tnaqqis fin-numru tal-ħaddiema u r-rati tal-inċidenti, xi Stati Membri diġà kellhom dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu ħtiġijiet ekwivalenti jew eħrex. Għalhekk, bħad-Direttiva 93/103/KE, il-kejl tal-impatt tad-Direttiva 92/29/KEE f'termini kwantitattivi hija estremament diffiċli. L-Istati Membri għandhom diffikultà jispjegaw it-tnaqqis tal-inċidenti u l-każijiet tal-mard ikkaġunat mix-xogħol u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom tad-Direttiva 92/29/KEE huma, f'xi każijiet, kontradittorji u f'oħrajn, ftit biss pożittivi. B'mod ġenerali, l-impatt tad-Direttiva jidher li kien żgħir anke jekk il-linji ta' gwida dwar il-kura medika, il-kaxex tal-mediċini u t-taħriġ kellhom itejbu l-aċċess tal-ekwipaġġ għall-kura medika. L-impatt fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività L-Istati Membri ġeneralment ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività. KONKLUżJONIJIET Id-Direttiva 93/103/KE Minkejja li l-livell tar-riskju fis-sajd jidher li naqas aktar drastikament min-numru tal-ħaddiema f'ħafna Stati Membri, is-sajd jibqa' wieħed mill-aktar xogħlijiet perikolużi fl-UE, bi 80 % tal-inċidenti fuq il-bastimenti kkawżati mill-iżball uman. Il-fehmiet tal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali u r-riżultati tal-valutazzjoni indipendenti ħolqu s-suġġerimenti li ġejjin. Għarfien aħjar Aktar informazzjoni dwar l-inċidenti u l-każijiet ta' mard fis-sajd hija vitali. Filwaqt li huwa importanti li tiddetermina r-riskji ewlenin, ir-reġistrazzjoni ta' inċidenti anqas serji permezz tal-komunikazzjoni elettronika mtejba u t-tfassil tal-lista indikattiva tal-mard frekwenti u l-kawżi tagħhom, tista' tkun utli. Din tista' tkun diskussa fi djalogu soċjali tas-settur jew fil-Kumitat Konsultattiv. L-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1338/08 tal-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tista' ttejjeb ir-rappurtar tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-każijiet ta' mard in ġenerali. Komunikazzjoni, informazzjoni u taħriġ aħjar L-istruttura frammentata tas-settur tas-sajd, ir-rappreżentazzjoni trejdjunjonistika dgħajfa u l-atitudni fatalista, i.e. aċċettazzjoni tal-ħarsa tradizzjonali lejn il-baħar bħala post perikoluż u imprevedibbli u tar-riskju bħala parti mix-xogħol, jagħmlu l-forniment effettiv tal-informazzjoni diffiċli. Id-distanza sal-post tax-xogħol u l-ftit ħin li ħafna sajjieda jqattgħu fuq l-art huma wkoll ostakli reali għall-parteċipazzjoni. Il-kampanji, is-seminars, il-pubblikazzjonijiet u l-webpages u affarijiet simili huma ftit li xejn effettivi f'dan is-settur. Dan hu kkonfermat mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali f'ħafna pajjiżi, speċjalment fir-rigward tal-intrapriżi żgħar. L-iżvilupp ta' sistemi ġodda u aħjar għall-komunikazzjoni man-nies fis-settur huwa indispensabbli. Huwa wkoll kruċjali li jkunu involuti l-imsieħba soċjali fuq il-livell tal-UE, fuq il-livell nazzjonali u fl-għeruq u jsir tentattiv biex il-bidla fil-kultura tibqa'. F'dan il-qasam ukoll, id-djalogu fis-settur u l-Kumitat Konsultattiv jistgħu jkollhom sehem importanti. Hemm bżonn ukoll sforzi akbar f'termini ta' taħriġ, l-iffukar fuq l-adattament tal-kontenut u l-korsijiet tat-taħriġ għall-profil u l-possibilitajiet tas-sajjieda u mhux biss kif wieħed isalva f'eventwalità ta' diżastri marittimi. Ir-Renju Unit issottolinea li l-attendenza għall-korsijiet tidher li tiddependi fuq il-korsijiet li jkunu obbligatorji (jew waslu biex ikunu) u mingħajr ħlas u li tingħata l-kunsiderazzjoni li jkun żgurat li l-kors inftiehem. Spezzjonijiet aħjar L-Istati Membri huma obbligati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol tidħol fis-seħħ kompletament, b'mod partikulari li jkunu żgurati kontrolli u superviżjoni adegwati. L-infurzar effettiv fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 93/103/KE u direttivi oħra tal-UE f'dan il-qasam huwa essenzjali biex tittejjeb il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE li effettivament tikkontribwixxi biex tnaqqas in-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd. Xi Stati Membri jridu jħeġġu aktar rappreżentazzjoni tal-ħaddiema u jistabbilixxu sistemi ta' rappreżentazzjonijiet f'kull baċir bil-ħsieb li jkunu inklużi bastimenti iżghar u jitħeġġeġ in-negozjar kollettiv fis-settur bħala mod kif jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-trejdjunjons u l-ħaddiema mhux membri ta' trejdjunjon għandhom ikunu involuti. Fuq il-livell tal-UE, għandhom jinstabu modi prattiċi u realistiċi biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ispezzjonijiet, li jidhru insodisfaċenti. Dan jista' jinvolvi r-riċerka ta' x'qed jagħmlu l-Istati Membri f'termini ta' spezzjonijiet, konsultazzjoni u taħriġ bil-ħsieb li tinqasam l-aħjar prattika, bl-involviment tal-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC)[34] u jitħeġġu l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol biex jiffokaw fuq is-settur u jikkunsidraw forom ta' kooperazzjoni ma' spettorati oħra, b'mod partikulari spettorati tekniċi u tas-saħħa, fejn hu applikabbli. Finanzjament Ħafna mid-diffikultajiet imsemmija, speċjalment mis-sidien tal-bastimenti ż-żgħar, jikkonċernaw l-ispiża biex jittejjeb it-tagħmir abbord il-bastimenti. L-esperjenza f'diversi Stati Membri uriet li l-miżuri ta' appoġġ biex jiffinanzjaw it-titjib huma effettivi. Għalhekk l-Istati Membri huma mistiedna li jiskambjaw il-prattika t-tajba f'dan il-qasam. L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tista' tippromwovi dawn l-iskambji ta' esperjenza. Ir-Renju Unit issuġġerixxa li jkun żgurat li, jekk ir-riżorsi biex itejbu t-tagħmir tal-bastimenti jiġu minn organu li ma għandux responsabbiltà għas-sigurtà, l-organu tas-sigurtà għandu l-ewwel japprova dawn il-bidliet. Il-Politika Komuni tas-Sajd Stokkijiet b'saħħithom ta' ħut u sajd ambjentalment sostenibbli huma prekundizzjoni għas-sostenibilità ekonomika fit-tul. Attività tas-sajd profitabbli hija l-aqwa garanzija ta' standards għolja fis-sigurtà tal-bastiment u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Ir-revizjoni preżenti tas-CFP[35] toffri opportunità biex ikun integrat aħjar l-għan li jittejbu l-istandards tas-sigurtà u l-għajxien abbord għas-sajjieda mal-għan ġenerali ta' prattika ta' sajd sostenibbli min-naħa ambjentali, soċjali u ekonomika. L-ambitu tad-Direttiva 93/103/KE Il-bastimenti iqsar minn 15-il metru huma l-maġġoranza tal-flotta u għandhom rati ogħla ta' inċidenti. Rigward l-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva 93/103/KE biex tkopri dawn il-bastimenti ż-żgħar sabiex numru akbar ta' bastimenti u sajjieda jiġu inklużi, id-Direttiva Qafas u d-Direttivi relevanti individwali japplikaw bis-sħiħ lill-bastimenti kollha, inklużi dawk li huma iqsar minn 15-il metru. L-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas u d-Direttivi individwali għalhekk għandha tittejjeb. Pressjoni ekonomika akbar fuq l-industrija tas-sajd li ġejja minn pereżempju, stokkijiet li qed jiċkienu, kwoti aktar stretti u prezzijiet tal-fjuwil ogħla, iġġib il-bżonn li jkunu żviluppati strumenti li jistgħu jgħinu bastimenti żgħar biex jimplimentaw il-miżuri eżistenti tas-sigurtà u s-saħħa b'mod effettiv bi spiża addizzjonali żgħira. Mod kif tittejjeb l-implimentazzjoni ta' dawn id-Direttivi huwa li titfassal gwida prattika li ma torbotx għall-bastimenti iqsar minn 15-il metru fuq il-livell tal-UE sabiex jiġu kkjarifikati ċerti kunċetti ewlenin u jgħinu lill-parteċipanti kollha jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva Qafas u d-Direttivi individwali. B'mod parallel, jitwaqqaf grupp ta' ħidma tal-Kumitat Konsultattiv biex jipprovdi pariri dwar jekk jiġux ikkunsidrati miżuri oħra barra dawk li jtejbu l-applikazzjoni tad-Direttivi eżistenti bil-ħsieb li jtebu l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-bastimenti ż-żgħar tas-sajd, u b'mod partikulari l-emenda tad-Direttiva 93/103/KE sabiex ikun estiż l-ambitu biex ikopri wkoll bastimenti iqsar minn 15-il metru. Fil-qosor, hemm bżonn tal-miżuri li ġejjin fuq il-livell nazzjonali u/jew il-livell tal-UE: - strumenti li ma jorbtux (linji ta' gwida) għal bastimenti żgħar tas-sajd għandhom ikunu fformulati mill-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat Konsultattiv; - għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma tal-Kunmitat Konsultattiv biex jagħti l-pariri dwar jekk jiġux ikkunsidrati miżuri oħra biex itejbu l-protezzjoni fuq il-bastimenti ż-żgħar tas-sajd u b'mod partikulari emenda tad-Direttiva 93/103/KE; - il-grupp ta' ħidma jista' jistudja wkoll modi biex tittejjeb il-komunikazzjoni mas-sajjieda fir-rigward ta' informazzjoni u taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol; - is-SLIC jista' jikkunsidra li jvara kampanja ta' spezzjoni tal-UE dwar is-sajd u t-trattament mediku abbord il-bastimenti fis-27 Stat Membru kollha u skambji tal-aħjar prattika bejn l-ispetturi; il-kampanja tista' tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni mtejba bejn l-ispettorati tekniċi u tax-xogħol; - l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha tikkunsidra miżuri li jqajmu l-kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-inċidenti u l-mard fis-settur tas-sajd, b'konċentrazzjoni fuq il-bastimenti ż-żgħar tas-sajd; - L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw inizjattivi ta' informazzjoni speċifiċi għall-ħaddiema self-employed fis-settur tas-sajd bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Id-Direttiva 92/29/KE Il-valutazzjoni wriet biċ-ċar li t-teknoloġiji elettroniċi l-ġodda jistgħu jkunu applikati għall-konsultazzjoni b'distanza f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib tal-prevenzjoni tal-inċidenti u l-mard u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema. Bil-ħsieb tal-adattament tekniku strett tal-Annessi tad-Direttivi fid-dawl tal-progress tekniku, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/29/KEE, il-Kummissjoni se tippreżenta abbozz tal-miżuri proposti li jaqblu mas-suġġerimenti tal-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali tagħhom, lil kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Fil-qosor, l-azzjoni segwenti jeħtieġ li tittieħed jew f'livell nazzjonali jew f'dak tal-UE: - l-iżvilupp tat-teknoloġija elettronika fuq bażi volontarja; - it-tlaqqigħ tal-Kumitat tal-Progress Tekniku bil-ħsieb li jkunu adattati l-Annessi tad-Direttiva 92/29/KEE.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic] [1] Fil-Komunikazzjoni " Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq fix-xogħol" , COM(2007) 62 finali tal-21.2.2007. [2] ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1. [3] ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19. [4] Eż. il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS), il-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd. Ir-rapport lanqas ma jkopri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) fuq il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30). [5] Mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 13(3) u 9(3) taż-żewġ Direttivi (wara mħassra bid-Direttiva 2007/30/KE). [6] Franza, Spanja, il-Finlandja, l-Olanda, il-Ġermanja u l-Irlanda. [7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.) [8] http://osha.europa.eu/en/good_practice/sector/fisheries/risk_assesment.php. [9] Kif intwera permezz tal-istudju każistiku Franċiż. L-istudju każistiku Spanjol jinnota reżistenza għal titjib minn barra, inklużi kampanji ta' kuxjenżizzazzjoni mill-awtoritajiet. [10] Bħalma huma l-Belġju u l-Finlandja [11] Il-Belġju, il-Finlandja u Franza. [12] Inbdew disa' proċeduri għal nuqqas ta' komunikazzjoni li jirrigwardaw id-Direttiva 92/29/KEE, waħda minnhom irriżultat f'sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Każ C-410/97 il-Kummissjoni v il-Lussemburgu [1998] ECR I-6813), u disgħa li jirrigwardaw id-Direttiva 93/103/KE, li tnejn minnhom irriżultaw f'sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja (il-Każ C-364/97 il-Kummissjoni v l-Irlanda [1998] ECR I-6593 u l-Każ C-362/98 il-Kummissjoni v l-Italja [1999] ECR I-6299). [13] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1). [14] Skont ir-rapport tal-Parlament Ewropew Is-Sajd : Sigurtà u kawżi ta' inċidenti (12 ta' Marzu 2001), id-Direttiva hija stmata li tkopri 8 % tal-bastimenti li joperaw. [15] Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni tal-miżuri bl-għan li jippromvowu t-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1). [16] L-istudju każistiku Franċiż jiddeskrivi kif id-daqs tal-ekwipaġġ ċkien minn disa' għal ħames ħaddiema fuq bastimenti li huma madwar 24 m twal. [17] Penosidad y Riesgo en las actividades pesquera. Las condiciones de trabajo y de salud de los trabajadores de la pesca en Cantabria ( Harshness and Risk in fishing activities. Work and health conditions in fisheries workers in Cantabria ), Labour Asociados, 2003. Il-kawżi tal-għejja msemmija huma l-isforz fiżiku, sigħat twal ta' xogħol u l-bżonn ta' addottar ta' spiss ta' pożizzjonijiet mhux komdi. . [18] Deskritt fl-istudju każistiku Brittaniku. [19] Organu pubbliku ġdid responsabbli għas-sigurtà tas-sajjieda twaqqaf biss fl-Irlanda, filwaqt li ma sar l-ebda bdil sinifikattiv fl-istituzzjonijiet eżistenti ta' Stati Membri oħra. Ir-rapport tal-esperti indipendenti jistqarr li ħafna partijiet, mhux biss trejdjunjons, iqisu s-sistemi tal-ispezzjoni tax-xogħol bħala mhux adegwati u bil-kemm ikkwalifikati li jissorveljaw is-saħħa u s-sigurtà tas-sajjieda. [20] Il-metodu ta' spezzjoni l-aktar komuni huwa l-preparazzjoni tal-listi tal-kontroll tal-aspetti tekniċi tal-bastiment aktar milli jekk hux tajjeb bħala post tax-xogħol. [21] Is-sistema tradizzjonali ta' ħlas fl-industrija tas-sajd hija l-qsim tal-qabda jew il-qsim tad-dħul nieqes l-ispejjeż; jew sistema ta' sehem flimkien mal-paga (sors: ILO Fishermen’s conditions of work and life, Geneva, Doc. CFI/4/1988/1). Sabiex jimmassimizzaw is-sehem tagħhom tad-dħul, is-sajjieda joperaw bl-anqas membri tal-ekwipaġġ possibbli. [22] L-ispezzjonijiet jidhru xejn anqas stretti meta bastiment hu viċin id-data tal-iskrappjar tiegħu, anke jekk l-iskippers/il-kaptani huma rrapurtati li jkun anqas lesti li jinvestu fis-sigurtà f'tali każijiet. [23] L-ispezzjonijiet fuq il-baħar jitwettqu biss fuq il-vapuri itwal minn 24 m, billi bastimenti iżgħar rarament jinnotifkaw l-intenzjoni tagħhom li ħerġin fuq il-baħar. [24] L-istudju każistiku Spanjol jinnota li l-kiri ta' intrapriża barranija naqqas milli jagħmel is-sajjieda aktar konxji mir-responsabbiltà tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom infushom u ta' persuni oħra. [25] L-istudju każistiku Spanjol isemmi li s-sajjieda ma rċevew l-ebda taħriġ speċifiku, lanqas mit-trejdunjon tagħhom. [26] Franza semmiet id-diffikultajiet biex tissodisfa ċerti ħtiġijiet fid-Direttivi 2002/44/KE (vibrazzjonijiet) u d-Direttiva 2003/10/KE (storbju) fuq il-bastimenti tas-sajd. [27] Id-Danimarka solviet il-problema billi fasslet basktijiet ta' fuq id-dar għal kaxex tal-mediċini iżgħar. [28] Id-Danimarka rrapurtat li barra l-Ewropa jista' jkun estramament diffiċli li tinxtara l-mediċina minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva. [29] Pereżempju, il-Kummissjoni għandha tipproponi għanijiet dettaljati għat-taħriġ ta' persuni li jipprovdu t-trattament mediku. [30] Madankollu tqum problema meta titjib teknoloġiku ma jkunx segwit bit-taħriġ relevanti tal-ħaddiem. [31] ESAW-European statistics on accidents at work, and EODS-European occupational disease statistics. Id-dejta ma kinitx kompletament komparabbli minħabba li l-kriterji tal-ġbir tad-dejta mhux kompletament komparabbli. L-ambitu attwali tal-problema jibqa' sottovalutat fis-sistemi volontarji għar-reġistru tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 304, 31.12.2008, p. 70) għandu jtejjeb l-armonizzazzjoni tar-rappurtar. [32] Il-Labour Force Survey tal-2007 ma jkoprix l-inċidenti u l-problemi tas-saħħa fis-settur tas-sajd peress li l-kriterji ta' attendibilità mhuxm iex sodisfatti. [33] Pereżempju, bastimenti ta' aktar minn 12-il metru jagħmlu aktar minn kwart tal-flotta fi kwalunkwe Stat Membru. [34] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/319/KE tat-12 ta' Lulju 1995 li stabbiliet Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (ĠU L 188, 9.8.1995, p. 11). [35] Ir-reviżjoni tas-CFP biex tagħmilha aktar effiċjenti fl-iżgurar tal-vijabilità ekonomika tal-flotot Ewropej, il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, l-integrazzjoni mal-Politika Marittima u jkun pprovdut ikel ta' kwalità tajba lill-konsumaturi kienet varata fl-2008, ara http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/review_en.htm.